European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/6242

17.11.2025

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ppubblikata skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-Każ AT.40823 – servizzi ta’ appoġġ tas-suq sekondarju tal-ERP ta’ SAP

(C/2025/6242)

1.   Introduzzjoni

(1)

Skont l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (1), il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi – f’dawk il-każijiet fejn ikollha l-intenzjoni li tadotta deċiżjoni li tobbliga li ksur jinġieb fi tmiemu u l-partijiet ikkonċernati joffru li jidħlu għal irbit li jkun jissodisfa t-tħassib indikat lilhom mill-Kummissjoni fl-evalwazzjoni preliminari tagħha – li dak l-irbit isir vinkolanti fuq l-impriżi. Deċiżjoni bħal din tista’ tiġi adottata għal perjodu speċifiku u għandha tikkonkludi li ma hemmx aktar raġuni għall-azzjoni mil-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 27(4) tal-istess Regolament, il-Kummissjoni għandha tippubblika sommarju konċiż tal-każ u l-kontenut prinċipali tal-irbit. Il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw il-kummenti tagħhom sal-limitu taż-żmien għal dan stabbilit mill-Kummissjoni.

2.   Sommarju tal-Każ

(2)

Fil-25 ta’ Settembru 2025, il-Kummissjoni bdiet proċedimenti skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta’ April 2004 kontra SAP SE (“SAP”) u adottat valutazzjoni preliminari skont it-tifsira tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (“valutazzjoni preliminari”) dwar allegat ksur tal-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) u l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE. L-allegat ksur jikkonċerna s-suq sekondarju tas-servizzi ta’ manutenzjoni u ta’ appoġġ għas-software tal-Ippjanar tar-Riżorsi għall-Intrapriżi (“ERP”) ta’ SAP fiż-Żona Ekonomika Ewropea (“ŻEE”).

(3)

Il-valutazzjoni preliminari tistabbilixxi t-tħassib tal-Kummissjoni li SAP setgħet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha billi:

(a)

imponiet fuq il-klijenti politika ta’ “Kollox jew Xejn”, li tirrikjedi li l-klijenti jiksbu manutenzjoni u appoġġ minn SAP għas-software kollu tal-ERP ta’ fuq il-post ta’ SAP fl-istess livell ta’ appoġġ;

(b)

ippreveniet lill-klijenti milli jtemmu s-servizzi ta’ manutenzjoni u ta’ appoġġ għal liċenzji tas-software mhux użati (“shelfware”);

(c)

estendiet id-durata tat-terminu inizjali tal-liċenzji tal-ERP ta’ fuq il-post, li matulu t-terminazzjoni tal-manutenzjoni u tal-appoġġ ma tkunx possibbli;

(d)

imponiet tariffi ta’ rikostituzzjoni u ta’ manutenzjoni b’lura lill-klijenti li jissottoskrivu għall-manutenzjoni u l-appoġġ ta’ SAP wara perjodu ta’ assenza.

(4)

Skont il-valutazzjoni preliminari, SAP hija dominanti fis-suq sekondarju taż-ŻEE għas-servizzi ta’ manutenzjoni u ta’ appoġġ tas-software tal-ERP ta’ fuq il-post ta’ SAP. F’dan is-suq sekondarju, SAP tikkompeti ma’ fornituri terzi ta’ servizzi ta’ manutenzjoni u appoġġ għall-ERP ta’ fuq il-post ta’ SAP.

3.   Il-Kontenut Prinċipali tal-Irbit Offrut

(5)

Filwaqt li ma qablitx mal-valutazzjoni preliminari tal-Kummissjoni, SAP ipproponiet irbit skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 biex tissodisfa t-tħassib tal-Kummissjoni dwar il-kompetizzjoni.

(6)

L-elementi ewlenin tal-irbit jinkludu:

(a)

Il-politika ta’ Kollox jew Xejn: Il-klijenti SAP jistgħu jitolbu li jaqsmu x-xenarji tagħhom, li jintegraw il-prodotti u l-liċenzji kollha tas-software tal-ERP ta’ fuq il-post ta’ SAP, f’installazzjonijiet kummerċjali separati. Għal kull installazzjoni kummerċjali, il-klijenti jkunu jistgħu jagħżlu fornituri differenti ta’ manutenzjoni u ta’ appoġġ u/jew livelli differenti ta’ appoġġ minn SAP jew li jħallu l-installazzjonijiet kummerċjali mingħajr appoġġ.

(b)

Shelfware: SAP tintrabat li toffri trasparenza akbar u aċċess usa’ għal kuntratti metriċi uniċi, li taħthom it-tariffi tal-liċenzja – inklużi t-tariffi ta’ manutenzjoni u ta’ appoġġ, jiġu kkalkulati abbażi ta’ metrika miftiehma, eż. dħul. Barra minn hekk, il-klijenti jkunu jistgħu wkoll jistabbilixxu installazzjonijiet kummerċjali separati li jinkludu shelfware u jtemmu l-manutenzjoni u l-appoġġ għal tali installazzjoni kummerċjali.

(c)

Estensjoni tat-terminu inizjali: SAP tintrabat li tiċċara d-dispożizzjonijiet kuntrattwali tagħha rigward l-estensjoni tat-terminu inizjali u toqgħod lura milli terġa’ tibdiha ma’ kull xirja ta’ liċenzja addizzjonali.

(d)

Tariffi ta’ manutenzjoni b’lura u ta’ rikostituzzjoni: SAP tintrabat li tabolixxi t-tariffi ta’ rikostituzzjoni u tnaqqas it-tariffi ta’ manutenzjoni b’lura għal 50 % tal-ammont ta’ tariffi ta’ manutenzjoni u ta’ appoġġ li klijent kien iħallas li kieku jkun telaq mill-appoġġ, b’limitu massimu ta’ sitt (6) xhur. SAP tintrabat wkoll li tirrinunzja kompletament it-tariffi ta’ manutenzjoni b’lura għal lista ta’ prodotti li ma għadhomx appoġġati minn SAP u li mhumiex koperti minn liċenzja ta’ bejn prodotti differenti.

(e)

Sabiex timplimenta dawn l-Impenji, SAP tintrabat li (i) taġġorna l-politiki u l-kuntratti rilevanti, (ii) tikkomunika l-bidliet lill-klijenti u lill-partijiet ikkonċernati rilevanti u (iii) tħarreġ lill-impjegati tagħha.

(f)

SAP tintrabat li taħtar Fiduċjarju tal-Monitoraġġ li jimmonitorja u jirrapporta lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-irbit għal perjodu ta’ għaxar (10) snin.

(g)

SAP tintrabat li ma tevadix jew ma tipprovax tevadi dan l-Irbit direttament jew indirettament permezz ta’ kwalunkwe azzjoni jew ommissjoni.

(h)

L-irbit għandu jibqa’ fis-seħħ għal perjodu ta’ għaxar (10) snin li jibda mid-Data Effettiva u għandu japplika għall-klijenti kollha madwar id-dinja.

(7)

L-irbit huwa ppubblikat b’mod komplut bl-Ingliż fis-sit tad-Direttorat-Ġenerali għall-Kompetizzjoni fuq https://ec.europa.eu/competition-policy/index_en.

4.   Stedina għall-Kummenti

(8)

Soġġett għall-ittestjar tas-suq, il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 li fiha tiddikjara l-irbit imniżżel f’sommarju hawn fuq u ppubblikat fis-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni, bħala vinkolanti.

(9)

Skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni tistieden lil partijiet terzi interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar l-irbit propost. Dawn il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn xahar wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Il-partijiet terzi interessati jistgħu jissottomettu verżjoni mhux kunfidenzjali tat-tweġiba tagħhom, li fiha kwalunkwe informazzjoni li jqisu sigrieti kummerċjali u informazzjoni kunfidenzjali oħra għandha titħassar u tiġi sostitwita b’sommarju mhux kunfidenzjali.

(10)

It-tweġibiet u l-kummenti għandhom preferibbilment ikunu motivati u għandhom jippreżentaw b’mod ċar il-fatti rilevanti. Jekk inti tidentifika problema fi kwalunkwe parti tal-irbit propost, il-Kummissjoni tistiednek ukoll biex tissuġġerixxi xi soluzzjoni possibbli.

(11)

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni, bin-numru ta’ referenza AT.40823 – SAP ERP aftermarket support services jew bil-posta elettronika (COMP-GREFFE-ANTITRUST@ec.europa.eu) inkella bil-posta fl-indirizz li ġej:

Il-Kummissjoni Ewropea/European Commission

Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni/Directorate-General for Competition

Ir-Reġistru tal-Antitrust/Antitrust Registry

B-1049 Brussell/Bruxelles


(1)   ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1. B’effett mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE saru l-Artikoli 101 u 102, rispettivament, tat-TFUE. Iż-żewġ settijiet ta’ dispożizzjonijiet huma identiċi fis-sustanza. Għall-finijiet ta’ din in-notifika, ir-referenzi għall-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE meta applikabbli.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/6242/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)