European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/824

11.3.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/824

tat-8 ta’ Marzu 2024

dwar l-awtorizzazzjoni tat-tintura tal-ġenzjana mill-Gentiana lutea L. bħala addittiv tal-għalf għal ċerti ispeċijiet ta’ annimali

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) u l-Artikolu 10(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprevedi l-awtorizzazzjoni ta’ addittivi għall-użu fin-nutrizzjoni tal-annimali u r-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti ta’ din l-awtorizzazzjoni. L-Artikolu 10(2) ta’ dak ir-Regolament jipprevedi l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-addittivi awtorizzati skont id-Direttiva tal-Kunsill 70/524/KEE (2).

(2)

Is-sustanza tintura tal-ġenzjana mill-Gentiana lutea L. kienet ġiet awtorizzata mingħajr limitu ta’ żmien, f’konformità mad-Direttiva 70/524/KEE, bħala addittiv tal-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali. Dik is-sustanza wara ġiet inkluża fir-Reġistru tal-Addittivi tal-Għalf bħala prodott eżistenti, f’konformità mal-Artikolu 10(1), il-punt (b), tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(3)

F’konformità mal-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, flimkien mal-Artikolu 7 tiegħu, tressqet applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tat-tintura tal-ġenzjana mill-Gentiana lutea L. bħala addittiv tal-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali. L-applikant talab li l-addittiv jiġi kklassifikat fil-kategorija tal-addittivi “addittivi sensorji” u fil-grupp funzjonali “komposti tat-togħma”. L-applikazzjoni kienet akkumpanjata mid-dettalji u d-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(4)

L-applikant talab li l-addittiv jiġi awtorizzat biex jintuża wkoll fl-ilma tax-xorb. Madankollu, ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 ma jippermettix l-awtorizzazzjoni ta’ “komposti tat-togħma” għall-użu fl-ilma tax-xorb. Għalhekk, l-użu tal-addittiv fl-ilma tax-xorb jenħtieġ li ma jiġix permess.

(5)

Fl-opinjonijiet tagħha tat-18 ta’ Marzu 2021 (3) u tal-1 ta’ Frar 2023 (4), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ikkonkludiet li, skont il-kundizzjonijiet tal-użu proposti, it-tintura tal-ġenzjana mill-Gentiana lutea L. hija sikura għall-annimali li jgħixu għal żmien qasir, jiġifieri għall-ispeċijiet tal-annimali għat-tismin, għall-konsumaturi u għall-ambjent. Hija ddikjarat li fin-nuqqas tad-data dwar il-ġenotossiċità in vivo tal-ksantini (ġentisina u isoġentisina) u tal-ġenentiopikrosid, ma setgħet tinsilet l-ebda konklużjoni għall-annimali li jgħixu fit-tul u għall-annimali riproduttivi. Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ data, l-Awtorità ma setgħetx tislet konklużjoni dwar il-potenzjal tal-addittiv li jkun irritant tal-ġilda/tal-għajnejn jew sensitizzatur tal-ġilda. Hija nnotat ukoll li, meta t-tintura tiġi mmaniġġjata, ma jistax jiġi eskluż l-esponiment tal-utenti mhux protetti għall-ksantini (ġentisina u isogentisina) u għall-ġenentiopikroside potenzjalment ġenotossiċi, u li għalhekk, biex jitnaqqas ir-riskju, l-esponiment tal-utenti jenħtieġ li jiġi minimizzat. Minbarra dan, l-Awtorità kkonkludiet li minħabba li tintura tal-ġenzjana mill-Gentiana lutea L. hija rikonoxxuta li tagħti t-togħma lill-ikel u billi l-funzjoni tagħha fl-għalf tkun essenzjalment l-istess bħal dik fl-ikel, ma hemmx bżonn li jkun hemm aktar provi tal-effikaċja tagħha. Ivverifikat ukoll ir-rapport dwar il-metodu ta’ analiżi tal-addittivi tal-għalf fl-għalf imressaq mil-Laboratorju ta’ Referenza stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(6)

Sussegwentement, l-applikant irtira l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tat-tintura tal-ġenzjana mill-Gentiana Lutea L. għall-ispeċijiet u l-kategoriji tal-annimali kollha ħlief: speċijiet ta’ annimali għat-tismin (għajr ekwidi) u salmonidi u speċijiet minuri ta’ ħut bil-pinen għajr stokk ta’ ħut riproduttur.

(7)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li t-tintura ġenzjana mill-Gentiana lutea L. tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, fir-rigward tal-ispeċijiet tal-annimali għat-tismin (ħlief l-ekwidi), is-salmonidi u l-ħut bil-pinen għajr l-istokk tal-ħut riproduttur, u dment li b’mod partikolari l-addittiv ma jintużax flimkien ma’ addittivi oħra li fihom il-ġentisina, l-isogentisina u l-ġentiopikrosid. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-użu ta’ dik is-sustanza jiġi awtorizzat. Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li jenħtieġ li jittieħdu miżuri protettivi xierqa sabiex jiġu evitati effetti avversi fuq is-saħħa tal-utenti tal-addittiv.

(8)

L-Artikolu 10(5) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jimponi obbligu fuq il-Kummissjoni biex tadotta Regolament li jirtira mis-suq addittivi tal-għalf li għalihom ma tressqet l-ebda applikazzjoni kif meħtieġ mill-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 qabel l-iskadenza prevista f’dik id-dispożizzjoni. Bl-istess mod, jenħtieġ li jiġi adottat Regolament dwar l-addittivi tal-għalf li għalihom tressqet applikazzjoni iżda li sussegwentement ġiet irtirata.

(9)

Fil-każ ta’ addittivi tal-għalf li għalihom tkun ġiet irtirata applikazzjoni għal ċerti speċijiet jew kategoriji ta’ annimali biss, l-irtirar mis-suq jenħtieġ li jikkonċerna biss dawk l-ispeċijiet jew kategoriji ta’ annimali.

(10)

Għalhekk, jenħtieġ li t-tintura tal-ġenzjana mill-Gentiana lutea L. tiġi rtirata mis-suq fir-rigward tal-ispeċijiet u l-kategoriji tal-annimali li mhumiex is-suġġett tal-awtorizzazzjoni mogħtija b’dan ir-Regolament.

(11)

Sa fejn dan ir-Regolament jawtorizza t-tintura tal-ġenzjana mill-Gentiana lutea L. bħala addittiv tal-għalf, ir-raġunijiet ta’ sikurezza ma jeħtiġux l-applikazzjoni immedjata tal-modifiki fil-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni ta’ dik is-sustanza fir-rigward tal-ispeċijiet u l-kategoriji tal-annimali li huma koperti mill-awtorizzazzjoni mogħtija b’dan ir-Regolament. Għalhekk, huwa xieraq li jiġi previst perjodu ta’ tranżizzjoni għall-partijiet interessati biex iħejju ruħhom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda li jirriżultaw mill-awtorizzazzjoni.

(12)

Barra minn hekk, sa fejn l-addittiv tal-għalf jiġi rtirat mis-suq, huwa xieraq ukoll li jiġi permess perjodu ta’ tranżizzjoni li fih il-ħażniet eżistenti tal-addittiv, tat-taħlitiet lesti minn qabel, tal-materjali tal-għalf u tal-għalf kompost li ġew prodotti b’dak l-addittiv, jistgħu jintużaw ukoll fir-rigward tal-ispeċijiet tal-annimali u l-kategoriji tal-annimali li mhumiex koperti mill-awtorizzazzjoni mogħtija b’dan ir-Regolament, sabiex il-partijiet interessati jkunu jistgħu jadattaw ruħhom għall-obbligu li jirtiraw dawk il-prodotti mis-suq.

(13)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Awtorizzazzjoni

Is-sustanza speċifikata fl-Anness, li tifforma parti mill-kategorija ta’ addittivi “addittivi sensorji” u mill-grupp funzjonali “komposti tat-togħma”, hija awtorizzata bħala addittiv fin-nutrizzjoni tal-annimali, soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati f’dak l-Anness.

Artikolu 2

Irtirar mis-suq

L-addittiv tal-għalf tintura tal-ġenzjana mill-Gentiana lutea L., kif awtorizzat skont id-Direttiva 70/524/KEE, għandu jiġi rtirat mis-suq fir-rigward tal-ispeċijiet u l-kategoriji tal-annimali għajr dawk imsemmija fl-Anness.

Artikolu 3

Miżuri tranżizzjonali relatati mal-awtorizzazzjoni

1.   L-addittiv tal-għalf imsemmi fl-Artikolu 2 u t-taħlitiet lesti minn qabel li fihom dawk l-addittiv, li jiġu prodotti u ttikkettati qabel it-30 ta’ Settembru 2024 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel il-31 ta’ Marzu 2024 jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq u jintużaw fir-rigward tal-ispeċijiet u tal-kategoriji tal-annimali msemmija fl-Anness sakemm jispiċċaw l-istokkijiet eżistenti.

2.   L-għalf kompost u l-materjali tal-għalf li jkun fihom l-addittiv imsemmi fl-Artikolu 2, li jiġu prodotti u ttikkettati qabel il-31 ta’ Marzu 2025 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel il-31 ta’ Marzu 2024 jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq u jintużaw fir-rigward tal-ispeċijiet u tal-kategoriji tal-annimali msemmija fl-Anness sakemm jispiċċaw l-istokkijiet eżistenti.

Artikolu 4

Miżuri tranżizzjonali relatati mal-irtirar mis-suq

1.   Il-ħażniet eżistenti tal-addittiv tal-għalf imsemmi fl-Artikolu 2 jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq u jintużaw fir-rigward tal-ispeċijiet u l-kategoriji tal-annimali għajr dawk imsemmija fl-Anness sal-31 ta’ Marzu 2025.

2.   It-taħlitiet lesti minn qabel prodotti bl-addittiv tal-għalf imsemmi fil-paragrafu 1 jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq u jintużaw fir-rigward tal-ispeċijiet u l-kategoriji tal-annimali għajr dawk imsemmija fl-Anness sat-30 ta’ Ġunju 2025.

3.   L-għalf kompost u l-materjali tal-għalf prodotti bl-addittiv tal-għalf imsemmi fil-paragrafu 1 jew bit-taħlitiet lesti minn qabel imsemmija fil-paragrafu 2 jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq u jintużaw fir-rigward tal-ispeċijiet u l-kategoriji tal-annimali għajr dawk imsemmija fl-Anness sail-31 ta’ Marzu 2026.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Marzu 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/1831/oj.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 70/524/KEE tat-23 ta’ Novembru 1970 li tirrigwarda addittivi f’għalf għall-bhejjem (ĠU L 270, 14.12.1970, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1970/524/oj).

(3)   EFSA Journal 2021;19(4):6547.

(4)   EFSA Journal 2023;21(2):7869.


ANNESS

Numru ta’ identifikazzjoni tal-addittiv tal-għalf

Addittiv

Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku.

Speċi jew kategorija tal-annimal

Età massima

Kontenut minimu

Kontenut massimu

Dispożizzjonijiet oħrajn

Tmiem il-perjodu tal-awtorizzazzjoni

 

mg tas-sustanza attiva/kg ta’ għalf komplet b’kontenut ta’ ndewwa ta’ 12 %

Kategorija: addittivi sensorji. Grupp funzjonali: komposti tat-togħma

2b2506-t

Tintura tal-ġenzjana

Kompożizzjoni tal-addittiv

Tintura mill-għeruq tal-Gentiana lutea L.

Għamla likwida

Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva

Tintura miksuba mill-għeruq tal- Gentiana lutea L. permezz ta’ estrazzjoni estiża b’taħlita ta’ ilma/etanol kif definit mill-Kunsill tal-Ewropa (1).

Numru FEMA: 2506

Speċifikazzjonijiet

Materja niexfa: 3,5–5 %

Polifenoli totali: 0,05–0,11 %

Flavonojdi totali: 0,03–0,06 %

Ksantini: massimu ta’ 0,004 %

—

Ġentisina

—

Isoġentisina

Ġentiopikrosid: massimu ta’ 0,006 %

Metodu analitiku  (2)

Għall-identifikazzjoni u l-karatterizzazzjoni tal-addittiv tal-għalf:

—

Il-metodu gravimetriku għad-determinazzjoni tal-kontenut ta’ materja niexfa u rmied.

—

Spettrofotometrija għad-determinazzjoni tal-kontenut ta’ polifenoli totali; kif ukoll

—

Kromatografija fuq saff irqiq ta’ prestazzjoni għolja (HPTLC) għad-determinazzjoni tal-kontenut ta’ flavonojdi, ta’ ksantini (ġentisina u isoġentisina) u ta’ ġentiopikrosid totali.

Ħnieżer għat-tismin u speċijiet minuri ta’ ħnieżer għat-tismin ta’ Suidae

Frat għat-tismin, nagħaġ għat-tismin, speċijiet minuri ta’ ruminanti għat-tismin u għoġġiela għat-tismin

Tiġieġ għat-tismin, dundjani għat-tismin u speċijiet minuri ta’ pollam għat-tismin

Salmonidi u speċijiet minuti ta’ ħut bil-pinen għajr l-istokk tal-ħut riproduttur

Speċijiet minuri oħra għat-tismin għajr l-ekwidi

—

—

50

1.

L-addittiv għandu jkun inkorporat fl-għalf fil-forma ta’ taħlita lesta minn qabel.

2.

Fl-istruzzjonijiet għall-użu tal-addittiv u tat-taħlitiet lesti minn qabel, għandhom jiġu indikati l-kundizzjonijiet tal-ħżin u l-istabbiltà għat-trattament bis-sħana.

3.

Dan l-addittiv ma għandux jintuża flimkien ma’ addittivi oħra li fihom il-ġentisina, l-isogentisina u l-ġentiopikrosid.

4.

Għall-utenti tal-addittiv u tat-taħlitiet lesti minn qabel, l-operaturi tan-negozji tal-għalf għandhom jistabbilixxu proċeduri operazzjonali u miżuri ta’ organizzazzjoni biex jindirizzaw ir-riskji potenzjali li jirriżultaw mill-użu tagħhom. Meta dawn ir-riskji ma jkunux jistgħu jiġu eliminati bi proċeduri u b’miżuri ta’ dan it-tip, l-addittiv u t-taħlitiet lesti minn qabel għandhom jintużaw b’tagħmir ta’ protezzjoni personali għan-nifs, għall-għajnejn u għall-ġilda.

Il-31 ta’ Marzu 2034


(1)  Natural sources of flavourings - Report No. 2 (2007).

(2)  Id-dettalji tal-metodi analitiċi huma disponibbli fl-indirizz tal-Laboratorju ta’ Referenza li ġej: https://ec.europa.eu/jrc/en/eurl/feed-additives/evaluation-reports.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/824/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)