Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BIONDI

ippreżentati fid‑19 ta’ Novembru 2026 (1)

Kawża C‑592/25

Bundeswettbewerbsbehörde

vs

Aroma Obst GmbH

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija), bħala l-qorti kompetenti fil-qasam tal-akkordji)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura – Prattiki kummerċjali inġusti fir-relazzjonijiet bejn in-negozji fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari – Direttiva (UE) 2019/633 – Punt 2 tal-Artikolu 2 – Kunċett ta’ ‘xerrej’ – Kuntratt ta’ kummissjoni – Riżerva ta’ proprjetà – Servizzi mogħtija mix-xerrej lill-fornitur – Artikolu 3(1)(a)(i) – Ammont pagabbli ffissat mix-xerrej – Bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-ħlas – Prezz iddeterminat wara l-kunsinna – Kunsinni fuq bażi regolari”






I.      Introduzzjoni

1.        Id-Direttiva (UE) 2019/633 (2) tipprojbixxi ċerti prattiki kummerċjali li x-xerrejja ta’ prodotti agrikoli u alimentari, meta jkunu f’pożizzjoni ta’ saħħa, jimponu fuq il-fornituri tagħhom. Fost dawn hemm il-ħlasijiet tardivi: għall-prodotti li ma jitħassrux, ix-xerrej għandu jħallas fi żmien sittin jum, ikkalkolati normalment mill-kunsinna jew mill-mument li fih jiġi ffissat l-ammont pagabbli.

2.        Id-domanda preliminari ineżami saret fil-kuntest ta’ proċedura intiża biex timponi multi fuq Aroma Obst GmbH (iktar ’il quddiem “Aroma Obst”), impriża Awstrijaka li tirċievi t-tuffieħ mingħand il-produtturi meta jinħasad, taħżnu, tagħżlu u tbigħu fis-settur alimentari tal-bejgħ bl-imnut. Matul l-istaġun, Aroma Obst tagħmel pagamenti akkont lill-produtturi, iżda tħallas il-bilanċ biss wara li tkun biegħet it-tuffieħ kollu ta’ varjetà partikolari, fuq il-bażi tal-prezz medju miksub u wara li jitnaqqsu l-ispejjeż tagħha. L-awtorità Awstrijaka tal-kompetizzjoni takkużaha li ħallset żewġ produtturi b’dan il-mod, għal kunsinni tal‑2022, wara t-terminu ta’ sittin jum. Aroma Obst issostni, min-naħa l-oħra, li hija ma xtratx it-tuffieħ, iżda li biegħetu għan-nom tal-produtturi bis-saħħa ta’ kuntratt ta’ kummissjoni, li l-projbizzjonijiet ma japplikawx għalih.

3.        Sa fejn naf jien, il-Qorti tal-Ġustizzja għad ma kellhiex l-opportunità li tagħti deċiżjoni dwar iż-żewġ domandi magħmula. L-ewwel waħda hija jekk operatur li jaġixxi b’dan il-mod huwiex “xerrej” fis-sens tad-Direttiva 2019/633, anki meta l-partijiet jikklassifikaw ir-relazzjoni tagħhom bħala kummissjoni. It-tieni waħda hija minn liema mument it-terminu għall-ħlas jibda jiddekorri meta l-ammont dovut lill-produtturi jkun magħruf biss wara li l-operatur ikun biegħ it-tuffieħ.

4.        Fil-fehma tiegħi, hija s-sustanza tar-relazzjoni, u mhux il-klassifikazzjoni formali tagħha, li hija rilevanti. Ix-xerrej huwa l-operatur li, wara li jirċievi l-prodotti, jiddeċiedi dwar il-bejgħ tagħhom minflok il-produttur u jkun obbligat iħallsu l-prezz. Meta mbagħad l-ammont dovut jiddependi fuq tranżazzjonijiet li x-xerrej biss iwettaq, it-terminu għall-ħlas jibda jiddekorri mill-kunsinna jew, fil-każ ta’ kunsinni regolari, mit-tmiem tal-perijodu ta’ kunsinna miftiehem.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

5.        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2019/633 huwa fformulat kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

2)      ‘xerrej’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, irrispettivament mill-post tal-istabbiliment ta’ dik il-persuna, jew kwalunkwe awtorità pubblika fl-Unjoni, li tixtri prodotti agrikoli u alimentari; it-terminu ‘xerrej’ jista’ jinkludi grupp ta’ tali persuni fiżiċi u ġuridiċi;

[...]

4)      ‘fornitur’ tfisser kwalunkwe produttur agrikolu jew kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, irrispettivament mill-post tal-istabbiliment tagħhom, li tbigħ prodotti agrikoli u alimentari; it-terminu ‘fornitur’ jista’ jinkludi grupp ta’ tali produtturi agrikoli jew grupp ta’ tali persuni fiżiċi u ġuridiċi, bħal organizzazzjonijiet ta’ produtturi, organizzazzjonijiet ta’ fornituri u assoċjazzjonijiet ta’ tali organizzazzjonijiet;

[...]”.

6.        L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2019/633 jipprevedi kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tal-anqas jiġu pprojbiti l-prattiki kummerċjali inġusti kollha li ġejjin:

a)       ix-xerrej iħallas lill-fornitur,

(i)      fejn il-ftehim ta’ forniment jipprevedi l-konsenja ta’ prodotti fuq bażi regolari:

[...]

— għal prodotti agrikoli u alimentari oħra, aktar tard minn 60 jum wara tmiem perijodu maqbul għall-konsenja li fih il-konsenji jkunu saru jew aktar tard minn 60 jum wara d-data meta l-ammont pagabbli għal dak il-perijodu ta’ konsenja jiġi ffissat, skont liema waħda minn dawk iż-żewġ dati tiġi wara;

għall-finijiet tal-perijodi ta’ pagament f’dan il-punt, il-perijodi maqbula għall-konsenja għandhom fi kwalunkwe każ jitqiesu li ma jeċċedux xahar;

fejn il-ftehim ta’ forniment ma jipprevedix il-konsenja ta’ prodotti fuq bażi regolari:

[...]

— għal prodotti agrikoli u alimentari oħra, aktar tard minn 60 jum wara d-data ta’ konsenja jew aktar tard minn 60 jum wara d-data meta l-ammont pagabbli jiġi ffissat, skont liema waħda minn dawk iż-żewġ dati tiġi wara;

Minkejja s-subpunti (i) u (ii) ta’ dan il-punt, fejn ix-xerrej jiffissa l-ammont pagabbli:

— il-perijodi ta’ pagament imsemmija fil-punt (i) għandhom jibdew jgħoddu minn tmiem il-perijodu maqbul għall-konsenja li fih il-konsenji jkunu saru; u

— il-perijodi ta’ pagament imsemmija fil-punt (ii) għandhom jibdew jgħoddu mid-data ta’ konsenja;

[...]

Il-projbizzjoni msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu għandha tkun mingħajr preġudizzju:

[...]

— għall-opzjoni ta’ xerrej u ta’ fornitur li jiftiehmu dwar klawżola ta’ kondiviżjoni tal-valur fis-sens tal-Artikolu 172a tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

Il-projbizzjoni msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu ma għandhiex tapplika għal pagamenti:

[...]

— skont ftehimiet ta’ forniment bejn fornituri tal-għeneb jew il-most għall-produzzjoni tal-inbid u x-xerrejja diretti tagħhom, dment li:

(i) it-termini speċifiċi ta’ pagament għat-transazzjonijiet ta’ bejgħ ikunu inklużi f’kuntratti standard li l-Istat Membru jkun għamel vinkolanti skont l-Artikolu 164 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 qabel l‑1 ta’ Jannar 2019, u li din l-estensjoni tal-kuntratti standard tiġġedded mill-Istati Membri minn dik id-data mingħajr ebda bidliet sinifikanti għat-termini tal-pagament għall-iżvantaġġ tal-fornituri tal-għeneb jew il-most; u

(ii) il-ftehimiet ta’ forniment bejn fornituri tal-għeneb jew il-most għall-produzzjoni tal-inbid u x-xerrejja diretti tagħhom ikunu pluriennali jew isiru pluriennali (3).”

7.        Skont l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2019/633, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-projbizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 jikkostitwixxu “dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti li jkunu applikabbli għal kwalunkwe sitwazzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawk il-projbizzjonijiet, irrispettivament mid-dritt li altrimenti jkun applikabbli għall-ftehim ta’ forniment bejn il-partijiet”.

B.      Id-dritt Awstrijak

8.        Id-Direttiva 2019/633 ġiet trasposta fil-Faire Wettbewerbsbedingungen Gesetz (il-Liġi dwar Kundizzjonijiet Ugwali ta’ Kompetizzjoni; iktar ’il quddiem il-“FWBG”), fil-verżjoni li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2022 (4). Skont il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 5c tal-FWBG, meta jinqara flimkien mal-punt 1 tal-Anness I, jirriproduċi bil-kliem eżatt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(1)(a)(i) tad-Direttiva 2019/633, u d-definizzjonijiet ta’ “xerrej” u ta’ “fornitur” fil-punti 2 u 3 tal-Artikolu 5b tal-FWBG huma identiċi għal dawk fid-Direttiva. Il-punt 1 tal-Anness I jelenka, madankollu, il-possibbiltajiet b’mod differenti: l-ittra a) tikkonċerna l-kunsinni fuq bażi regolari u l-ittra b) tirregola dwak mhux regolari, kull waħda b’punt i) għal prodotti li jitħassru u punt ii) għal prodotti oħra. Skont l-Artikolu 6(2) tal-FWBG, il-Kartellgericht (il-Qorti tal-Kompetizzjoni, l-Awstrija) tista’, fuq talba tal-awtorità inkarigata bl-investigazzjoni, timponi fuq ix-xerrej li jikser l-Artikolu 5c multa sa EUR 500 000.

III. Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9.        Aroma Obst hija distributriċi tat-tuffieħ, li tinsab bejn il-produtturi u l-kummerċ bl-imnut. Hija tbigħ it-tuffieħ tal-grupp tagħha stess, li jappartjeni lil Obstbau Zinner GmbH, proprjetarja ta’ 90 % tal-kapital tagħha, u dak ta’ madwar tnax-il produttur, fosthom iż-żewġ persuni kkonċernati fil-kawża prinċipali. Id-dħul mill-bejgħ tal-grupp kien ftit ogħla minn EUR 10 miljun matul is-sena finanzjarja 2021/2022.

10.      Id-deċiżjoni tar-rinviju tiddeskrivi qabelxejn il-mod kif Aroma Obst normalment taħdem mal-produtturi. Dawn jiġbru t-tuffieħ f’kaxxi kbar ipprovduti minn Aroma Obst, li tittrasportah f’imħażen imkessħa fejn jistgħu jibqgħu sa tnax-il xahar. Hija Aroma Obst li tagħżel il-maħżen u tikri ċ-ċelel, u ssostni l-ispiża tal-ispazju rriżervat li jibqa’ ma jintużax. It-tuffieħ jinħażen skont il-varjetà u l-kwalità, irrispettivament mill-produttur li jkun ikkunsinnah.

11.      Iċ-ċelel jinfetħu biss meta klijent jordna t-tuffieħ u l-prezz ikun diġà ġie ffissat f’dak il-punt. It-tuffieħ imbagħad jintgħażel fl-impjant ta’ Aroma Obst; kull lott fih it-tuffieħ ta’ produttur wieħed, sabiex tkun tista’ tiġi ppruvata l-oriġini tiegħu. Aroma Obst tistieden lill-produttur jipparteċipa fl-għażla, iżda huwa rari ħafna li l-produtturi jilqgħu din l-istedina; madankollu, l-operazzjonijiet huma ddokumentati u d-dokumentazzjoni tista’ tiġi kkonsultata fuq talba. It-tuffieħ skartat jitnaqqas mill-piż ikkunsinnat u jidher bħala “telf” fir-rendikont.

12.      It-tuffieħ imbagħad jiġi ppakkjat u mibjugħ lill-bejjiegħa bl-imnut biss fuq il-bażi tal-varjetà u tal-kwalità tiegħu, irrispettivament mill-produttur, ħafna drabi permezz ta’ ftehimiet konklużi oralment, bit-telefon. Fl-Awstrija, il-kummerċ bl-imnut alimentari huwa ddominat minn erba’ ktajjen kbar, li jistabbilixxu b’mod determinanti l-prezz u l-mument tal-bejgħ. Il-produtturi ma jipparteċipawx fin-negozjati u ma għandhom ebda influwenza fuq il-prezz. It-tuffieħ li jkun baqa’ jiġi offrut lil distributuri oħra jew barra mill-pajjiż; jekk ma jinbigħx, jiġi ttrasferit bi prezz ħafna iktar baxx, pereżempju sabiex isir purée jew meraq.

13.      Ir-relazzjonijiet mal-produtturi huma bbażati fuq formola stabbilita minn Aroma Obst, li l-produtturi jiffirmaw waqt il-ħsad u li d-deċiżjoni tar-rinviju tirriproduċi, bħala mudell, kopja tagħha relatata mal-ħsad tal‑2021. Il-formola hija intitolata “kuntratt tal-bejgħ”: il-produttur jidher hemmhekk bħala “bejjiegħ” u “jbigħ” it-tuffieħ lil “Obstbau Zinner & Aroma Obst”, u hija prevista l-firma tax-“xerrej”. Madankollu, il-formola tispeċifika li r-rendikont tal-kwantitajiet totali ssir “fuq bażi ta’ KUMMISSJONI” u li r-rendikont finali jsir wara l-bejgħ ta’ kull varjetà. L-aspetti l-oħra kollha, inklużi l-prezzijiet, jiġu miftiehma oralment.

14.      Ir-rendikont isir wara l-bejgħ tat-tuffieħ kollu ta’ varjetà, fuq il-bażi tal-prezz medju miksub matul l-istaġun, li japplika għall-produtturi kollha ta’ din il-varjetà. Minn dan il-prezz jitnaqqsu l-ewwel l-ispejjeż ta’ ppakkjar u ta’ trasport, imbagħad l-ispejjeż interni ta’ Aroma Obst għas-servizzi pprovduti, madwar EUR 25 sa 27 ċenteżmi ta’ euro għal kull kilogramma, ammont normali fis-settur, u xi spejjeż interni oħra. Il-bqija jaqa’ fuq il-produtturi, li huma konxji tal-metodu tal-kalkolu u jistgħu jikkonsultaw id-dokumentazzjoni tal-ispejjeż. Huma jirċievu ħlasijiet akkont matul l-istaġun. Ma hemm l-ebda ftehimiet speċifiċi dwar it-tqassim tar-riskji.

15.      Fir-rigward tal-provvisti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-deċiżjoni tar-rinviju ssemmi t-teżi tal-Bundeswettbewerbsbehörde (l-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni, l-Awstrija) (iktar ’il quddiem il-“BWB”). Skont din tal-aħħar, fl‑2022, iż-żewġ produtturi, li d-dħul mill-bejgħ tagħhom qatt ma qabeż EUR 600 000, ikkunsinnaw it-tuffieħ lil Aroma Obst, li kienet ħallset dawn il-kunsinni b’mod sħiħ iktar minn sittin jum wara t-tmiem tal-perijodu għall-kunsinna jew wara l-kunsinna. Id-deċiżjoni tar-rinviju ma tippreċiżax jekk il-formola kuntrattwali bil-miktub użata minn Aroma Obst kinitx ġiet iffirmata miż-żewġ produtturi kkonċernati. Skont BWB, ma kien ġie konkluż ebda ftehim bil-miktub maż-żewġ produtturi u wieħed minnhom, li nstema’ bħala xhud, iddikjara li ma kienx hemm ftehim ta’ kummissjoni (5).

16.      Il-BWB talbet lill-qorti tar-rinviju timponi fuq Aroma Obst multa għal kull wieħed miż-żewġ istanzi ta’ ksur tal-Artikolu 5c(1) moqri flimkien mal-punt 1(a)(ii) tal-Anness I tal-FWBG, jiġifieri tad-dispożizzjoni dwar il-kunsinni fuq bażi regolari ta’ prodotti li ma jitħassrux. Skont il-BWB, hija Aroma Obst li tiffissa l-ammont pagabbli, peress li hija tagħmel l-għażla. Il-FWBG tippermetti li l-kunsinni rikorrenti jinġabru flimkien f’perijodu wieħed ta’ kunsinna, li ma jistax jeċċedi xahar u li minnu jiddekorru s-sittin jum. Fi tnax mill-erbatax-il każ ikkontestat, il-kunsinni ġew miġbura hekk skont il-varjetà, skont il-perijodu tal-ħsad ta’ kull waħda minnhom.

17.      Aroma Obst issostni li kkonkludiet kuntratt ta’ kummissjoni mal-produtturi: hija kellha tbigħ it-tuffieħ f’isimha stess, iżda għan-nom tal-produtturi, li jibqgħu s-sidien tiegħu sal-bejgħ u l-kunsinna, li lilhom jiġi rritornat it-tuffieħ mhux mibjugħ. Ir-riskju ta’ deterjorament tal-kwalità ma huwiex responsabbiltà tagħhom. Aroma Obst ma għandhiex il-mezzi sabiex issostni r-riskju tal-prezz u d-distributuri kollha tal-Ewropa Ċentrali joperaw bl-istess mod. Peress li t-tuffieħ mibjugħ ma joriġinax b’mod ugwali mill-produtturi kollha, iżda jiddependi mill-maħżen li fih jinħażen, ir-rendikont jista’ jsir biss wara l-bejgħ u l-kunsinna tat-tuffieħ kollu ta’ varjetà partikolari, fuq il-bażi tal-prezz medju.

18.      F’dan il-kuntest, l-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija) issospendiet il-proċeduri quddiemha u għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)       Il-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/633 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ April 2019 dwar prattiki kummerċjali inġusti fir-relazzjonijiet bejn in-negozji fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konvenuta li, skont il-fatti fil-kawża prinċipali, topera fil-kummerċ tat-tuffieħ bħala distributur fil-katina tal-provvista bejn il-produtturi tat-tuffieħ u l-bejjiegħa bl-imnut ta’ prodotti tal-ikel, għandha titqies bħala ‘xerrej’?

2)       Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

L-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2019/633, li jipprevedi li ‘[m]inkejja s-subpunti (i) u (ii) ta’ dan il-punt, fejn ix-xerrej jiffissa l-ammont pagabbli:

–        il-perijodi ta’ pagament imsemmija fil-punt (i) għandhom jibdew jgħoddu minn tmiem il-perijodu maqbul għall-konsenja li fih il-konsenji jkunu saru; u

–        il-perijodi ta’ pagament imsemmija fil-punt (ii) għandhom jibdew jgħoddu mid-data ta’ konsenja’

għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta, fil-każ ta’ bejgħ ta’ tuffieħ maħżun mill-konvenuta lil bejjiegħ bl-imnut ta’ prodotti tal-ikel, l-ammont pagabbli jiġi miftiehem bejn il-konvenuta u l-bejjiegħ bl-imnut ta’ prodotti tal-ikel akkwirent, mingħajr l-involviment tal-produttur tat-tuffieħ ‘ix-xerrej jiffissa l-ammont pagabbli’ fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u, konsegwentement, it-terminu għall-ħlas jibda jiddekorri ‘minn tmiem il-perijodu maqbul għall-konsenja’ jew ‘mid-data ta’ konsenja’?”

19.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-BWB, mill-Gvern Estonjan u dak Awstrijak kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Mill-proċess mibgħut jirriżulta li Aroma Obst ma ppreżentatx osservazzjonijiet bil-miktub.

IV.    Analiżi

A.      Kummenti preliminari

20.      It-tuffieħ jaqa’ taħt il-Kapitolu 8 tal-Anness I tat-TFUE (“Frott tajjeb għall-ikel, ġews (nuts); qxur tal-bettiegħ jew frott taċ-ċitru”) u għalhekk huwa prodott agrikolu u alimentari fis-sens tal-punt (1) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2019/633. Il-qorti tar-rinviju u l-osservazzjonijiet ippreżentati jitilqu mill-premessa li dan huwa prodott li ma jitħassarx, suġġett għat-terminu ta’ sittin jum, u Aroma Obst issostni hija stess li, bis-saħħa tat-tekniki moderni ta’ ħażna, it-tuffieħ ma għadux prodott li jitħassar. Jiena nibbaża ruħi fuq din il-premessa, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika.

21.      Hija wkoll il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li kull aġir ikkontestat jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-projbizzjoni u tas-setgħa ta’ sanzjoni (6).

B.      L-ewwel domanda preliminari

22.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk distributur li jopera bħal Aroma Obst huwiex “xerrej” fis-sens tal-punt (2) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2019/633. Il-kwistjoni hija deċiżiva, peress li l-projbizzjonijiet tad-direttiva japplikaw biss għax-xerrej: jekk Aroma Obst ma tkunx xerrej, it-terminu għall-ħlas previst mid-direttiva ma jkunx applikabbli għaliha. Iktar ’il quddiem ser nirreferi għal “produttur”, li, fil-kawża ineżami, huwa l-“fornitur” fis-sens tal-punt (4) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2019/633.

23.      Il-punt (2) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2019/633 jiddefinixxi x-xerrej bħala dak li “jixtri” prodotti agrikoli u alimentari, mingħajr ma jirreferi għad-dritt tal-Istati Membri. Skont ġurisprudenza stabbilita, tali kunċett għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu u uniformi fl-Unjoni Ewropea kollha, billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-formulazzjoni tad-dispożizzjoni, il-kuntest tagħha u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (7).

24.      Dan huwa dovut għall-funzjoni stess tal-kunċett, li jiddetermina għal min japplikaw il-projbizzjonijiet. Fil-fatt, id-Direttiva 2019/633 tistabbilixxi livell minimu ta’ protezzjoni, li l-Istati Membri jistgħu jgħollu iżda mhux inaqqsu (Artikolu 9 tad-Direttiva 2019/633), u l-projbizzjonijiet tagħha japplikaw irrispettivament mil-liġi li tirregola l-kuntratt (Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2019/633). Jekk il-kunċett ta’ xerrej ikun jiddependi mid-drittijiet nazzjonali, il-protezzjoni tkun tvarja minn Stat Membru għal ieħor u l-portata tagħha tkun, fil-prattika, tiddependi fuq il-parti li tfassal il-kuntratt.

25.      Il-Gvern Awstrijak jirreferi għall-premessa 24 tad-Direttiva 2019/633 (8), li skontha d-Direttiva ma tarmonizzax id-definizzjoni ta’ ftehimiet ta’ provvista. Madankollu, din il-premessa tikkonċerna l-kuntratt, u mhux ix-xerrej, li huwa ddefinit mid-Direttiva nnifisha. Għaldaqstant, huwa d-dritt nazzjonali li għandu jiddetermina liema obbligi assumew il-partijiet u huwa d-dritt tal-Unjoni li għandu jiddetermina jekk, fid-dawl ta’ dawn l-obbligi, l-operatur huwiex xerrej. Fis-sentenza Bundeswettbewerbsbehörde l-Qorti tal-Ġustizzja ċertament fakkret ir-riferimenti tad-direttiva għad-dritt tal-Istati Membri (9). Madankollu dawn huma riferimenti espressi, dwar punti preċiżi, mentri għall-kunċett ta’ xerrej ma hemm l-ebda wieħed.

26.      Għalhekk, għandu jiġi ċċarat xi tfisser “jixtri”. Skont il-Gvern Awstrijak, mal-kunsinna x-xerrej jakkwista s-setgħa li jiddisponi mill-merkanzija u l-possibbiltà li jikseb il-profitt minnha, jiġifieri għall-produttur il-konsenja tfisser it-tmiem, essenzjalment, ta’ kwalunkwe attività ta’ bejgħ (10). Il-BWB tinsisti, f’termini simili, fuq il-kunsinna definittiva tal-prodotti (11), filwaqt li l-Kummissjoni tqis bħala xerrej min jirċievi l-prodotti mingħand terz bi ħlas u tipproponi evalwazzjoni kumplessiva tar-relazzjoni (12). Nikkondividi l-punt ta’ tluq tal-Gvern Awstrijak u tal-BWB, li jidhirli li jkopri t-tifsira tal-verb “jixtri”.

27.      Fil-fehma tiegħi, jixtri l-prodotti dak l-operatur li, meta jirċevihom, jiddisponi minnhom minflok il-produttur: huwa dan, u mhux il-produttur, li jiddeċiedi lil min ibiegħhom, meta, f’liema kwantità u b’liema prezz. Hija l-awtonomija fir-rigward tal-produttur li hija rilevanti, u mhux il-libertà fir-rigward tas-suq. Fil-fatt, anki l-operatur li għandu jaċċetta l-kundizzjonijiet ta’ bejjiegħ bl-imnut kbir jibqa’ dak li jiddeċiedi dwar il-bejgħ.

28.      Inżid ukoll tieni element: ix-xerrej huwa obbligat iħallas il-prezz tal-prodotti lill-produttur. L-Artikolu 3(1)(a)(i) tad-Direttiva 2019/633 jippreżupponi dan meta jipprojbixxi lix-xerrej milli jħallas tard lill-“fornitur [il-korrispettiv dovut lilu]”. Dan il-prezz jista’ jiġi kkalkolat wara l-kunsinna, anki skont dak li x-xerrej jaqla’ mill-bejgħ mill-ġdid, iżda jibqa’ dejn tax-xerrej.

29.      Il-pożizzjoni tal-aġent, li jbigħ il-prodotti għan-nom tal-produttur u jsegwi l-istruzzjonijiet tiegħu, pereżempju dwar il-prezz minimu jew il-mument tal-bejgħ, hija differenti. Huwa jagħti rendikont lill-produttur dwar kwalunkwe bejgħ u jikkunsinnalu dak li jkun qala’, filwaqt li jżomm kumpens (13). Permezz tal-aġent, għalhekk, huwa l-produttur li jibqa’ fil-kontroll tal-prodotti: l-aġent ma jixtrix, iżda jagħti servizz.

30.      Sabiex issir distinzjoni bejn iż-żewġ figuri hija s-setgħa tal-produttur li jagħti istruzzjonijiet, iktar milli l-eżerċizzju tagħha, li hija rilevanti. Id-dritt li jiġi ffissat prezz minimu, anki jekk ma jiġix eżerċitat, jindika li l-operatur jaġixxi għan-nom tal-produttur. Però ma hijiex suffiċjenti klawżola li tirrikonoxxi dan id-dritt fuq il-karta biss, jekk il-produttur ma jistax jeżerċitah: inkella, l-istess bħal fil-każ tar-riżerva ta’ proprjetà (ara l-punt 36 infra), tkun biżżejjed klawżola biex jiġu evitati l-projbizzjonijiet.

31.      Min-naħa l-oħra, il-mod li bih il-prezz huwa kkalkolat ma huwiex rilevanti, peress li l-prezz dovut minn xerrej jista’ jiddependi mix-xejra tas-suq. Il-fatt li l-prezz jiġi ffissat wara l-kunsinna, jew fuq il-bażi tal-prezz tal-bejgħ mill-ġdid, ma jeskludix għalhekk li l-operatur ikun xerrej.

32.      Fuq żewġ punti, min-naħa l-oħra, ma naqbilx mal-osservazzjonijiet tal-Gvern Awstrijak. L-ewwel wieħed huwa relatat mar-riskju, li dan il-gvern iqis bħala deċiżiv (14). It-tqassim tar-riskji huwa indizju, iżda ma jistax ikun il-kriterju, peress li l-premessa 1 tad-Direttiva 2019/633 tindika preċiżament fost il-prattiki żleali dawk li “jimponu trasferiment inġustifikat u sproporzjonat tar-riskju ekonomiku minn fuq sieħeb kummerċjali għal fuq ieħor”. Jekk ir-riskju sostnut mill-produttur jeskludi l-kwalità ta’ xerrej, jirriżulta eżitu paradossali: operatur ikun jista’ jaħrab mid-direttiva iktar faċilment iktar ma jirnexxielu jittrasferixxi r-riskji fuq il-produttur.

33.      It-tieni punt jikkonċerna l-proposta tal-Gvern Awstrijak li l-kriterju jinsilet mill-ġurisprudenza dwar l-aġenti kummerċjali, żviluppata għall-finijiet tal-Artikolu 101 TFUE (15). Madankollu, din il-ġurisprudenza għandha funzjoni differenti: hija sservi sabiex jiġi ddeterminat jekk l-aġent u l-prinċipal tiegħu jikkostitwixxux unità ekonomika, f’liema każ il-projbizzjoni tal-akkordji ma tapplikax għall- ftehimiet tagħhom. Min-naħa l-oħra, id-Direttiva 2019/633 għandha bażi ġuridika oħra, jiġifieri l-Artikolu 43(2) TFUE, u, kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, “[g]ħaldaqstant, dawn ma humiex id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-trattat li jirrigwardaw ir-regoli tal-kompetizzjoni” (16). Din il-ġurisprudenza tista’ għalhekk tipprovdi elementi ta’ paragun utli, iżda mhux il-kriterju.

34.      L-evalwazzjoni għandha għalhekk tkun globali, peress li ebda element ma huwa fih innifsu deċiżiv. Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-operatur għandux kontroll tal-prodotti minflok il-produttur u għandux l-obbligu li jħallsu l-prezz, huma rilevanti b’mod partikolari:

– is-setgħa fuq il-prodotti: min jorganizza l-ħażna, l-għażla u l-ippakkjar tagħhom; min jagħżel il-mument tal-bejgħ; jekk il-prodotti ta’ kull produttur jibqgħux jintgħarfu; jekk il-produttur ikunx jista’ jirtirahom;

– is-setgħa kummerċjali: min jagħżel il-klijenti u jmexxi n-negozjati; jekk il-produttur jistax jagħti istruzzjonijiet jew jiffissa prezzijiet minimi jew massimi;

– it-tqassim tar-riskji: deterjorament, tnaqqis fil-piż, prodott mhux mibjugħ, insolvenza tal-klijenti, bidliet fil-prezzijiet;

– ir-remunerazzjoni tal-operatur: kumpens għal servizz, jew id-differenza bejn dak li jaqla’ u dak li jħallas, jew it-tnaqqis tal-ispejjeż iddeterminati minnu stess;

– l-obbligu tal-operatur: jekk dan huwiex obbligat iħallas il-prezz tal-prodotti, jew huwiex obbligat jagħti rendikont dwar il-bejgħ individwali u jikkunsinna r-rikavat; lil min jappartjeni l-kreditu fir-rigward tal-klijenti.

35.      Ċerti ċirkustanzi invokati minn Aroma Obst ma jeskludux, fihom infushom, il-kwalità ta’ xerrej. L-ewwel waħda hija l-isem tal-kuntratt u, magħha, il-fatt li l-produttur jibqa’ l-proprjetarju tal-prodotti. Hija importanti fil-fatt is-sustanza tal-attività, mhux l-isem (17). Dwar il-proprjetà, id-direttiva stess tiddistingwi x-xiri mit-trasferiment tal-proprjetà. Il-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2019/633 jgħid “tixtri”, mhux “tixtri l-proprjetà” u l-Artikolu 3(1)(e)(i) tad-Direttiva 2019/633 jipprojbixxi li l-fornitur iħallas għad-deterjorament jew għat-telf tal-prodotti li jseħħu “fil-post tax-xerrej jew wara li s-sjieda tkun ġiet trasferita lix-xerrej”. Din id-dispożizzjoni tippreżupponi għalhekk xerrej li għandu l-prodotti għandu stess qabel ma jsir proprjetarju tagħhom.

36.      Dan huwa prekluż, fuq kollox, mill-għan tad-Direttiva. Kieku kellha tkun il-proprjetà li tgħodd, ikun biżżejjed, sabiex jiġu evitati l-projbizzjonijiet, li l-kuntratt jissejjaħ “kummissjoni” u li jiġi previst li l-produttur jibqa’ l-proprjetarju sal-bejgħ. Dan ma huwiex kompatibbli mal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2019/633, li jipprevedi li l-projbizzjonijiet japplikaw “irrispettivament mid-dritt li altrimenti jkun applikabbli għall-ftehim ta’ forniment bejn il-partijiet”. Barra minn hekk, skont il-BWB, Aroma Obst stess tagħmel użu mir-riżerva ta’ proprjetà fil-kuntratti ta’ bejgħ konklużi mal-bejjiegħa bl-imnut (18). Fi kwalunkwe każ, il-proprjetà tibqa’ waħda mill-elementi tal-evalwazzjoni globali.

37.      It-tieni ċirkustanza hija dik tas-servizzi li l-operatur jipprovdi lill-produttur. L-Artikolu 3(2)(b) u (e) tad-Direttiva 2019/633 jippermetti lix-xerrej jikseb mingħand il-fornitur il-ħlas għall-ħażna, it-tqegħid għall-bejgħ u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti, bil-kundizzjoni li dan ikun ġie miftiehem iktar kmieni “f’termini ċari u mhux ambigwi”. Għaldaqstant, xerrej jista’ jipprovdi dawn is-servizzi (19) u l-fatt li Aroma Obst iżżomm, tagħżel, tippakkja u tbigħ it-tuffieħ ma jeskludix li hija tkun xerrejja.

38.      It-tielet ċirkustanza hija l-interess komuni tal-partijiet li jiksbu l-ogħla prezz possibbli, enfasizzat mill-qorti tar-rinviju. Lanqas dan l-interess ma jeskludi l-applikazzjoni tad-Direttiva, li tapplika anki għall-kunsinni tal-azzjonisti lill-organizzazzjoni ta’ produtturi li huma jappartjenu lilha: l-Artikolu 3(1)(f) tad-Direttiva 2019/633 jeżenta dawn il-kunsinni biss mill-obbligu ta’ konferma bil-miktub (20).

39.      Ir-raba’ ċirkustanza hija r-restituzzjoni tal-prodott mhux mibjugħ. L-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2019/633 jippermetti lix-xerrej jirritorna l-prodotti mhux mibjugħa lill-fornitur jekk dan ikun ġie miftiehem qabel. Għaldaqstant, ir-restituzzjoni tal-prodott mhux mibjugħ, sostnuta minn Aroma Obst, ma hijiex biżżejjed sabiex teskludi x-xiri, għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiċċara din iċ-ċirkustanza (ara l-punt 43 infra).

40.      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tapplika dawn il-kriterji. Madankollu, jirriżultaw mid-deċiżjoni tar-rinviju ċerti elementi li jistgħu jkunu utli għaliha, u wħud minnhom imorru fid-direzzjoni tal-akkwist. Aroma Obst tagħżel l-imħażen, tiftaħ iċ-ċelel meta jkollha ordni u tbigħ it-tuffieħ skont il-varjetà u l-kwalità biss, filwaqt li l-produtturi ma jipparteċipawx fin-negozjati u ma għandhom ebda influwenza fuq il-prezz (ara l-punti 10 sa 12 supra). Huwa minnu li l-kaxex il-kbar jibqgħu traċċabbli għall-produtturi individwali; madankollu, din is-separazzjoni tidher li sservi bħala prova tal-oriġini tat-tuffieħ u bħala kalkolu tal-piż u tal-iskart ta’ kull waħda, minflok ma tirriżerva deċiżjoni dwar il-bejgħ għall-produttur. Barra minn hekk, Aroma Obst tnaqqas l-ispejjeż interni tagħha skont tariffa li hija tapplika.

41.      Barra minn hekk, il-produttur ma jirċevix ir-rikavat tal-bejgħ tat-tuffieħ tiegħu, iżda parti mir-riżultat tal-bejgħ kollu tal-varjetà, ikkalkolata minn Aroma Obst. L-istess Aroma Obst tispjega li t-tuffieħ tal-produtturi individwali ma jinbiegħx f’partijiet ugwali, iżda skont il-maħżen li fih jiġi maħżun (ara l-punt 17 supra). Ammont iddeterminat b’dan il-mod ma jikkorrispondix mar-rendikont tal-bejgħ individwali li jikkaratterizza l-kummissjoni (ara l-punt 29 supra). Fil-fehma tiegħi, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, dan huwa indizju sinjifikattiv fis-sens tax-xiri.

42.      Hemm ukoll elementi kuntrarji. Ir-riskju tal-prezz jaqa’ fuq il-produtturi u r-remunerazzjoni ta’ Aroma Obst tikkonsisti fi spejjeż interni ddokumentati, skont tariffa normali fis-settur, u dan ifakkar fir-remunerazzjoni ta’ aġent. Madankollu dan ma huwiex element deċiżiv: anki aġent jaqla’ profitt mill-attività tiegħu u bejjiegħ mill-ġdid jista’ jopera b’marġni stabbiliti minn qabel.

43.      Fl-aħħar nett, għandhom jiġu ċċarati żewġ punti. L-ewwel wieħed jikkonċerna l-prodotti mhux mibjugħa: Aroma Obst issostni li t-tuffieħ mhux mibjugħ huwa rrestitwit lill-produtturi, iżda tipprova li tbigħ il-kwantitajiet residwi lil distributuri oħra jew tittrasferixxihom biex isiru purée jew meraq (ara l-punti 12 u 17 supra). Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina x’jiġri lit-tuffieħ li ma jirnexxilux jinbiegħ u jekk il-produttur għandux realment id-dritt li jieħdu lura. It-tieni wieħed jikkonċerna d-deterjorament: l-iskart tal-lott jitnaqqas mill-piż ikkunsinnat (ara l-punt 11 supra), filwaqt li Aroma Obst issostni li r-riskju ta’ deterjorament ma huwiex ir-responsabbiltà tal-produttur (ara l-punt 17 supra). Għandu jiġi aċċertat jekk l-iskart jiddependix minn difetti diġà preżenti fil-kunsinna jew minn danni li jseħħu matul il-ħażna, u min għandu jbati l-konsegwenzi.

44.      Il-klassifikazzjoni tar-relazzjoni għandha ssir mill-qorti tar-rinviju, li għandha l-elementi fattwali kollha; hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tipprovdilha l-kriterji sabiex tagħmel dan, li jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej. Jekk, wara l-kunsinna, huwa l-operatur li jiddeċiedi lil min, meta u b’liema prezz ibigħ il-prodotti u jekk għandux l-obbligu jħallas lill-produttur il-prezz ta’ dawn il-prodotti, anki jekk ikkalkolat wara l-bejgħ, l-operatur ikun xerrej. La l-isem mogħti lill-kuntratt, la riżerva ta’ proprjetà u lanqas is-servizzi pprovduti lill-produttur ma jbiddlu din il-konklużjoni. Min-naħa l-oħra, jekk il-produttur iżomm is-setgħa effettiva, anki jekk ma tiġix eżerċitata, li jagħti istruzzjonijiet dwar dawn id-deċiżjonijiet, u l-operatur ikollu jagħtih rendikont dwar kull bejgħ u jagħtih dak li jkun irrikava minnu, l-operatur ma jkunx xerrej. Fis-sitwazzjonijiet intermedjarji, il-qorti tar-rinviju għandha tevalwa l-indizji kollha msemmija fil-punt 34 supra.

C.      Fuq it-tieni domanda preliminari

45.      It-tieni domanda hija magħmula fil-każ li Aroma Obst tkun xerrej, u huwa fuq din il-bażi li ser neżaminaha. Madankollu, l-ewwel nett, għandha tingħata risposta lill-Gvern Awstrijak, li jsostni li l-projbizzjoni ta’ ħlasijiet tardivi bl-ebda mod ma tapplika għar-relazzjonijiet bejn id-distributuri u l-produtturi tat-tuffieħ. Fil-fatt, id-Direttiva 2019/633 teskludi mill-projbizzjoni ċerti kuntratti li jirrigwardaw l-għeneb u l-most intiżi għall-produzzjoni tal-inbid (ara l-punt 6 supra), u l-premessa 19 tagħha tispjega r-raġuni għal dan: “l-għeneb jinqata’ biss waqt perijodu limitat ħafna tas-sena, iżda jintużaw fil-produzzjoni tal-inbid li f’xi każijiet jinbiegħ biss bosta snin wara.” Skont il-Gvern Awstrijak, l-istess raġunijiet japplikaw għat-tuffieħ, li jinħażen u jinbiegħ sa sena wara l-ħsad fil-kuntest ta’ rapporti multiannwali, li fihom il-ħlasijiet akkont jiżguraw lill-produtturi dħul kontinwu (21).

46.      Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat, għal tliet raġunijiet. Fl-ewwel lok, l-esklużjoni ma tirrigwardax il-kuntratti kollha relatati mal-għeneb u l-most, iżda biss dawk li jissodisfaw żewġ kundizzjonijiet preċiżi: il-kundizzjonijiet tal-ħlas iridu jiġu stabbiliti f’kuntratti standard li jkunu ġew magħmula vinkolanti mill-Istat Membru qabel l‑1 ta’ Jannar 2019, u l-kuntratti għandhom ikunu multiannwali. Din hija eċċezzjoni, li għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv. Jekk din tiġi estiża għat-tuffieħ, dan ikun ifisser li din tinfetaħ, mingħajr ebda waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, għal kwalunkwe prodott li jinġabar fi staġun u li jinbiegħ matul is-sena.

47.      Fit-tieni lok, il-leġiżlatur kien jaf bl-istaġjonalità tal-prodotti agrikoli, li l-premessa 6 tad-Direttiva 2019/633 tikklassifika bħala “xi ftit jew wisq suxxettibbli għat-tħassir u staġjonali”, iżda ma siltitx esklużjoni ġenerali minn dan (22). Fit-tielet lok, ir-raġuni għall-esklużjoni hija nieqsa fil-kawża ineżami: hija tipproteġi kundizzjonijiet ta’ ħlas iddefiniti b’mod kollettiv u magħmula vinkolanti mill-Istat, filwaqt li, fil-kawża ineżami, il-kundizzjonijiet huma stabbiliti ma’ kull produttur, fuq il-bażi ta’ formola ta’ Aroma Obst jew ta’ ftehimiet konklużi oralment.

48.      Fir-rigward tal-mertu tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ix-xerrej jiffissax l-ammont li għandu jitħallas meta l-prezz jiġi miftiehem biss bejnu u l-bejjiegħ bl-imnut, mingħajr ma jinvolvi lill-produttur. Madankollu, għandha ssir distinzjoni bejn żewġ relazzjonijiet. Id-Direttiva 2019/633 tirregola l-ħlas li x-xerrej għandu jħallas lill-produttur, u mhux il-prezz li l-bejjiegħ bl-imnut iħallas lix-xerrej; dan tal-aħħar huwa rilevanti biss sa fejn huwa jidħol fil-kalkolu ta’ dak li huwa dovut lill-produttur. Għalhekk, il-mistoqsija hija b’liema mod, u minn min, jiġi ddeterminat dan l-ammont.

49.      Bħala regola, l-Artikolu 3(1)(a)(i) tad-Direttiva 2019/633 jipprevedi żewġ dati possibbli tal-bidu tat-terminu: il-kunsinna, jew it-tmiem tal-perijodu tal-kunsinna, u l-jum li fih jiġi ffissat l-ammont pagabbli. Titqies l-iktar waħda tard mit-tnejn, filwaqt li t-tieni waħda tieħu inkunsiderazzjoni l-każijiet li fihom l-ammont jiġi ddeterminat biss wara l-kunsinna. Il-premessa 17 tad-Direttiva 2019/633 tippreċiża f’dan ir-rigward li, skont id-Direttiva 2011/7/UE (23), din id-data tista’ tkun id-data tal-ħruġ jew tar-riċezzjoni tal-fattura.

50.      Madankollu, din ir-regola tippreżenta riskju meta l-ammont ikun jista’ jiġi ddeterminat biss permezz ta’ tranżazzjonijiet tax-xerrej. Il-fornitur ma jistax imbagħad jiddetermina huwa stess l-ammont definittiv u jkollu jistenna li x-xerrej iwettaq dawn it-tranżazzjonijiet, b’tali mod li l-jum li fih jiġi ffissat l-ammont jiddeċidih id-debitur. Biex jiġi evitat dan, l-aħħar klawżola tal-ittra a) telimina f’dan il-każ it-tieni data: it-terminu jiddekorri mill-kunsinna jew, fil-każ ta’ kunsinni regolari, mit-tmiem tal-perijodu tal-kunsinna miftiehem (24).

51.      Fil-fehma tiegħi, għandu wieħed għandu jistaqsi jekk il-fornitur jistax jiddetermina huwa stess dak li huwa dovut lilu. Jekk, pereżempju, il-prezz ikun marbut ma’ kwotazzjoni tas-suq ippubblikata u l-merkanzija tkun intiżnet fil-preżenza tal-fornitur, dan tal-aħħar jista’ jagħmel il-kalkolu, anki jekk il-kwotazzjoni tkun magħrufa biss wara l-kunsinna, u tapplika r-regola ordinarja. Min-naħa l-oħra, jekk l-ammont jiddependi fuq tranżazzjonijiet li x-xerrej biss iwettaq, bħall-għażla tal-prodotti, il-bejgħ lill-klijenti tiegħu jew it-tnaqqis tal-ispejjeż tiegħu, il-fornitur jista’ biss jistenna r-rendikont. Huwa għalhekk ix-xerrej li jiffissa l-ammont, u t-terminu jibda jiddekorri mill-kunsinna jew mit-tmiem tal-perijodu ta’ kunsinna miftiehem.

52.      Għaldaqstant, ma huwiex rilevanti kemm għandu libertà x-xerrej fl-iffissar taċ-ċifra. Anki meta japplika kriterji miftiehma, huwa hu li jiffissa l-ammont jekk il-kalkolu jeħtieġ informazzjoni li huwa biss jippossjedi jew tranżazzjonijiet li huwa biss iwettaq; min-naħa l-oħra, ma huwiex biżżejjed li huwa materjalment iwettaq kalkolu li l-elementi kollha tiegħu huma diġà magħrufa mill-fornitur.

53.      Lanqas it-trasparenza tal-kalkoli ma tbiddel din il-konklużjoni, peress li l-kontroll ta’ kalkolu wara li jkun sar ma jfissirx li wieħed seta’ jagħmlu waħdu (ara l-punt 14 supra). Fir-rigward tal-għażla, li fuqha l-BWB tibbaża t-talba tagħha, din tiddetermina l-kwantità li għaliha l-produttur jitħallas u sseħħ meta Aroma Obst tbigħ. Il-produttur huwa mistieden jipparteċipa fih, iżda rarament jagħmel dan (ara l-punt 11 supra). Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk din il-parteċipazzjoni tirrendix l-għażla konstatazzjoni komuni bejn il-partijiet jew jekk tibqax operazzjoni ta’ Aroma Obst, li l-produttur jista’ biss jieħu nota tar-riżultat tagħha.

54.      Hija wkoll il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, fil-kawża ineżami, l-ammont dovut lill-produtturi kienx jiddependi mill-prezz medju tal-bejgħ ta’ Aroma Obst u mill-ispejjeż imnaqqsa minnha. F’dan il-każ, il-produtturi ma setgħux ikunu jafu bih qabel ir-rendikont, u l-ammont kien iffissat mix-xerrej.

55.      Tibqa’ oġġezzjoni, li tista’ tiġi fformulata fuq il-bażi ta’ osservazzjoni magħmula mill-Kummissjoni (25): id-dritt tal-Unjoni jirrikonoxxi li l-prezz finali ma jkunx magħruf fil-mument tal-kunsinna. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2019/633 fil-fatt hija mingħajr preġudizzju għall-klawżoli ta’ tqassim tal-valur previsti mill-Artikolu 172a tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 (26). L-Artikolu 168(4)(c)(i) ta’ dan ir-regolament jirrikonoxxi, min-naħa tiegħu, prezz “kkalkulat billi jiġu kkombinati diversi fatturi stabbiliti fil-kuntratt”, li jistgħu jinkludu “indiċijiet u metodi ta’ kalkolu tal-prezz finali” li jirriflettu “l-bidliet fil-kondizzjonijiet tas-suq” (27).

56.      L-oġġezzjoni hija bbażata fuq il-premessa, iżda mhux fuq il-konklużjoni. Id-Direttiva 2019/633 ma tiffissax meta l-prezz għandu jiġi stabbilit, iżda meta għandu jitħallas, u l-premessa 22 tagħha tikkonferma li l-partijiet “jkunu jistgħu jinnegozjaw b’mod liberu transazzjonijiet tal-bejgħ, inkluż il-prezzijiet”. Għalhekk, prezz varjabbli huwa kompatibbli mad-Direttiva. Madankollu, meta l-ammont jiġi ffissat mix-xerrej, il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ma jistax jiġi pospost sal-bejgħ tal-prodotti jew sar-rendikont finali, u l-ħlasijiet ma jistgħux jinqasmu fi skali b’tali mod li l-ammont jitħallas kollu biss wara l-iskadenza (28), ħlief fir-rigward ta’ dak li ser ngħid dwar il-klawżoli dwar it-tqassim tal-valur (ara l-punt 58 infra). Huwa x-xerrej li għandu jorganizza ruħu b’mod li jirrispetta t-terminu.

57.      Il-ħlasijiet akkont ma jbiddlux din il-konklużjoni. Anki d-Direttiva 2011/7, li tirrikonoxxi ħlasijiet bin-nifs, teżiġi li kull pagament parzjali jitħallas fil-ħin (29), u d-Direttiva 2019/633, li tistabbilixxi termini iktar stretti, ma tistax tiġi interpretata b’mod iktar favorevoli għax-xerrej. Il-ħlasijiet akkont huma pagamenti parzjali li ma jirrendux il-bilanċ imħallas tardivament bħala wieħed imħallas fil-ħin.

58.      Il-proċess ma jindikax li r-rapport fih klawżola ta’ tqassim tal-valur fis-sens tal-Artikolu 172a tar-Regolament Nru 1308/2013, u hija, eventwalment, il-qorti nazzjonali li għandha tivverifika dan. Nillimita ruħi sabiex infakkar li dawn huma klawżoli li l-partijiet jistgħu “jaqblu”, billi jiddeterminaw “kif kwalunkwe evoluzzjoni tal-prezzijiet rilevanti tas-suq [...] għandha tiġi allokata bejniethom”. Għaldaqstant, is-sempliċi denominazzjoni ma hijiex biżżejjed sabiex torbot formula ta’ kalkolu ma’ din id-dispożizzjoni.

59.      Għad irid jiġi ddeterminat jekk il-kunsinni sarux fuq bażi regolari, punt li fuqu, fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tiddeċiedi fil-każ konkret. Il-qorti tar-rinviju tindika li, jekk l-ammont huwa stabbilit minn Aroma Obst, il-ħlas kellu jsir fi żmien sittin jum mill-kunsinna, iżda tislet din il-konsegwenza, mingħajr ma klassifikat il-kunsinni. Fuq kollox, it-talba tal-BWB hija bbażata fuq id-dispożizzjoni tal-FWBG dwar il-kunsinni regolari (ara l-punti 8 u 16 supra) (30), u l-kalkolu kollu tagħha, li jiġbor il-kunsinni f’perijodi ta’ mhux iktar minn xahar, jippreżupponi tali klassifikazzjoni.

60.      Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tippreċiża t-tifsira ta’ dan il-kunċett. Fil-fehma tiegħi, ftehim ta’ provvista jinvolvi l-kunsinna tal-prodotti fuq bażi regolari meta jipprevedi kunsinni repetuti, skont frekwenza jew perijodu rikonoxxibbli, u la l-istaġjonalità u lanqas il-varjazzjonijiet tal-kwantità ma jeskluduh minnhom innifishom. L-għażla bejn iż-żewġ possibbiltajiet ma hijiex madankollu indifferenti, peress li tista’ tbiddel id-data li minnha jiddekorri t-terminu u, magħha, l-eżistenza stess ta’ dewmien fir-rigward ta’ kunsinna partikolari. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina liema possibbiltà teżisti u li tivverifika l-osservanza tat-terminu għal kull kunsinna.

D.      Punti finali

61.      Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, b’mod partikolari:

– jekk il-produtturi jżommux setgħa effettiva li jagħtu istruzzjonijiet dwar il-bejgħ, li jiffissaw prezz minimu jew li jirtiraw it-tuffieħ,

– jekk Aroma Obst hijiex obbligata tħallashom il-prezz tat-tuffieħ jew hijiex obbligata tikkunsinnalhom ir-rikavat tal-bejgħ;

– jekk il-produtturi setgħux jiddeterminaw huma stess l-ammont li kien dovut lilhom;

– jekk il-kunsinni kinux regolari;

– liema ammonti tħallsu mal-iskadenza tat-termini applikabbli.

V.      Konklużjoni

62.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija) kif ġej:

(1) Il-punt (2) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/633 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ April 2019 dwar prattiki kummerċjali inġusti fir-relazzjonijiet bejn in-negozji fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jikkostitwixxi “xerrej” l-operatur li lilu jiġu kkunsinnati prodotti agrikoli u alimentari u li, wara l-kunsinna, jiddeċiedi hu dwar il-bejgħ tagħhom minflok il-fornitur, b’mod partikolari lil min, meta u b’liema prezz jinbiegħu, u huwa debitur lejn il-fornitur għall-prezz tal-prodotti. Ma jikkostitwixxix xerrej l-operatur li jbigħ il-prodotti f’isem il-fornitur, meta dan tal-aħħar iżomm is-setgħa effettiva, anki jekk ma tiġix eżerċitata, li jagħtih istruzzjonijiet dwar dawn id-deċiżjonijiet, u meta l-operatur jagħtih rendikont tal-bejgħ individwali u jikkunsinnalu r-rikavat li jkun kiseb minnhom;

din il-kwalità ma hijiex eskluża mill-fatt li l-prezz jiġi ffissat wara l-kunsinna jew fuq il-bażi tal-prezz tal-bejgħ mill-ġdid, l-isem tal-kuntratt, klawżola li tirriżerva lill-fornitur il-proprjetà tal-prodotti, is-servizzi ta’ ħażna, ta’ għażla, ta’ ppakkjar jew ta’ bejgħ ipprovduti mill-operatur, ir-restituzzjoni tal-prodotti mhux mibjugħa, l-interess komuni tal-partijiet fil-prezz tal-bejgħ mill-ġdid, u lanqas il-fatt li r-riskju tal-prezz jibqa’ r-responsabbiltà tal-fornitur;

hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika dan fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ.

2) l-aħħar klawżola tal-punt a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2019/633

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

ix-xerrej jiffissa l-ammont pagabbli meta l-fornitur ma jkunx jista’ jiddetermina dan huwa stess, peress li dan l-ammont jiddependi fuq tranżazzjonijiet li x-xerrej biss iwettaq jew fuq informazzjoni li x-xerrej biss għandu. Dan huwa partikolarment il-każ meta l-ammont jiddependi fuq l-għażla tal-prodotti, il-prezz li x-xerrej jiftiehem waħdu mal-klijenti tiegħu jew it-tnaqqis tal-ispejjeż li huwa jistabbilixxi, anki jekk ix-xerrej japplika kriterji miftiehma u anki jekk il-fornitur jista’ sussegwentement jikkonsulta l-kalkoli. Min-naħa l-oħra, ix-xerrej ma jiffissax l-ammont meta dan jirriżulta minn formula miftiehma u minn informazzjoni li l-fornitur jista’ jkun jaf huwa stess, bħal kwotazzjoni tas-suq ippubblikata;

meta l-ammont jiġi ffissat mix-xerrej, il-perijodi ta’ ħlas jibdew jiddekorru mit-tmiem tal-perijodu ta’ kunsinna miftiehem li fih ikunu saru l-kunsinni, jekk il-ftehim ta’ provvista jinvolvi l-kunsinna tal-prodotti fuq bażi regolari, u mid-data tal-kunsinna fil-każijiet oħra, mingħajr ma jkun possibbli li d-dekorrenza tagħhom tiġi posposta sal-bejgħ tal-prodotti mix-xerrej jew sar-rendikont finali. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk il-ftehim ta’ provvista jinvolvix il-kunsinna tal-prodotti fuq bażi regolari;

din id-dispożizzjoni ma tipprekludix li l-prezz jiġi ffissat permezz ta’ formula miftiehma li tqis ix-xejriet fil-prezzijiet tas-suq, u lanqas li l-partijiet jaqblu dwar klawżola ta’ tqassim tal-valur skont it-tifsira tal-Artikolu 172a tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007.


1      Lingwa oriġinali: it-Taljan.


2      Direttiva (UE) 2019/633 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ April 2019 dwar prattiki kummerċjali inġusti fir-relazzjonijiet bejn in-negozji fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari (ĠU 2019, L 111, p. 59).


3      Fil-verżjoni Taljana, l-espressjoni “della presente la lettera” fiha żball tal-pinna, li ma jaffettwax is-sens tad-dispożizzjoni.


4      BGBl. 392/1977, kif emendat mill-BGBl. I 239/2021, ippubblikata fil‑31 ta’ Diċembru 2021. L-Artikolu 6(2) daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Mejju 2022, data li fiha l-ftehimiet ta’ provvista konklużi preċedentement kellhom jiġu magħmula konformi mal-leġiżlazzjoni l-ġdida (BGBl. I 239/2021, dispożizzjonijiet dwar id-dħul fis-seħħ; ara wkoll l-osservazzjonijiet tal-Bundeswettbewerbsbehörde, punt 1).


5      L-osservazzjonijiet tal-BWB, punt 14.


6      Skont l-Artikolu 1(3) u (4) tad-Direttiva 2019/633, din tapplika għall-ftehimiet ta’ provvista konklużi wara d-data ta’ applikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni, filwaqt li l-ftehimiet konklużi qabel il-pubblikazzjoni ta’ dawn il-miżuri kellhom jinġiebu f’konformità fi żmien tnax-il xahar minn din il-pubblikazzjoni. Fl-Awstrija, il-FWBG daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2022 u s-setgħa li jiġu imposti multi fl‑1 ta’ Mejju 2022, data li fiha l-ftehimiet preċedenti kellhom jiġu adattati. Il-proċess ma jindikax meta ġew konklużi l-ftehimiet applikabbli u lanqas id-dati eżatti tal-kunsinni u tal-ħlasijiet.


7      Ara s-sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 2020, RL (C‑199/19, EU:C:2020:548, punt 27), u tad‑29 ta’ Jannar 2026, Bundeswettbewerbsbehörde (C‑311/24, EU:C:2026:50, punt 35).


8      Riferiment magħmul mill-Gvern Awstrijak (osservazzjonijiet, punt 21).


9      Sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2026, Bundeswettbewerbsbehörde (C‑311/24, EU:C:2026:50, punt 38).


10      Osservazzjonijiet tal-Gvern Awstrijak, punti 20, 23 u 24.


11      Osservazzjonijiet tal-BWB, punti 8 u 27.


12      Osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, punti 16, 22 u 24.


13      L-osservazzjonijiet tal-BWB, il-punt 11; ara wkoll l-osservazzjonijiet tal-Gvern Awstrijak, punti 29 u 33.


14      Osservazzjonijiet tal-Gvern Awstrijak, punti 26, 28 u 29.


15      Osservazzjonijiet tal-Gvern Awstrijak, punt 26, u s-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2006, Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio (C‑217/05, EU:C:2006:784), hemm iċċitata.


16      Sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2026, Bundeswettbewerbsbehörde (C‑311/24, EU:C:2026:50, punt 42).


17      Osservazzjonijiet tal-Gvern Estonjan, punt 12; ara wkoll l-osservazzjonijiet tal-BWB, punt 9.


18      Osservazzjonijiet tal-BWB, punt 13.


19      Ara wkoll il-premessa 22 tad-Direttiva 2019/633. F’dan is-sens, il-BWB (osservazzjonijiet, punti 16 sa 19), il-Gvern Estonjan (osservazzjonijiet, punt 15) u l-Gvern Awstrijak innifsu (osservazzjonijiet, punti 22 u 23).


20      Fl-istess sens, il-BWB (osservazzjonijiet, punti 20 u 21) u l-Gvern Awstrijak (osservazzjonijiet, punt 17).


21      Osservazzjonijiet tal-Gvern Awstrijak, punti 35 sa 38.


22      Ara, f’dan is-sens, l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, punt 32.


23      Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali (ĠU 2011, L 48, p. 1).


24      Huwa f’dan is-sens li l-Kummissjoni hija tal-fehma li r-regola hija intiża sabiex tevita li x-xerrej idewwem il-ħlas billi jipposponi r-rendikont definittiv (osservazzjonijiet, punt 30).


25      Osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, punt 34.


26      Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU 2013, L 347, p. 671, rettifiki fil-ĠU 2014, L 189, p. 261, ĠU 2016, L 130, p. 8, ĠU 2020, L 1, p. 5, ĠU 2022, L 195, p. 106, ĠU 2023, L 200, p. 51 u fil-ĠU L, 2025/90810, kif emendat mir-Regolament (UE) 2021/2017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑2 ta’ Diċembru 2021 (ĠU 2021, L 435, p. 262, rettifika fil-ĠU 2023, L 192, p. 34, fil-ĠU 2023, L 200, p. 53 u fil-ĠU L, 2026/90908).


27      Fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament 2021/2117, applikabbli mis‑7 ta’ Diċembru 2021.


28      Osservazzjonijiet tal-BWB, punt 25; osservazzjonijiet tal-Gvern Estonjan, punt 25.


29      Il-premessa 22 tad-Direttiva 2011/7; ara wkoll is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, RL (C‑199/19, EU:C:2020:548, punti 43 u 44).


30      Osservazzjonijiet tal-BWB, punt 1.