IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 29.2.2024
COM(2024) 30 final
2024/0049(BUD)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati wara applikazzjoni mill-Ġermanja – EGF/2023/003 DE/Vallourec
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
KUNTEST TAL-PROPOSTA
1.Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) huma stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013.
2.Fil-15 ta’ Novembru 2023, il-Ġermanja ppreżentat applikazzjoni EGF/2023/003 DE/Vallourec għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara sensji f’Vallourec (Vallourec Deutschland GmbH (VAD)) fil-Ġermanja.
3.Wara l-valutazzjoni li għamlet ta’ din l-applikazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li, f’konformità mad-dispożizzjonijiet kollha applikabbli tar-Regolament (UE) 2021/691, il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG ġew issodisfati.
SOMMARJU TAL-APPLIKAZZJONI
|
Applikazzjoni tal-FEG
|
EGF/2023/003 DE/Vallourec
|
|
Stat Membru
|
Il-Ġermanja
|
|
Reġjun(i) ikkonċernat(i) (il-livell NUTS 2)
|
DEA1 (Düsseldorf)
|
|
Data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni
|
15 ta’ Novembru 2023
|
|
Data tal-konferma tal-irċevuta tal-applikazzjoni
|
15 ta’ Novembru 2023
|
|
Data tat-talba għal informazzjoni addizzjonali
|
29 ta’ Novembru 2023
|
|
Skadenza għall-għoti tal-informazzjoni addizzjonali
|
20 ta’ Diċembru 2023
|
|
Skadenza għat-tlestija tal-valutazzjoni
|
8 ta’ Marzu 2024
|
|
Kriterju ta’ intervent
|
L-Artikolu 4(2), il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2021/691
|
Intrapriża primarja
|
Vallourec (Vallourec Deutschland GmbH (VAD))
|
Għadd ta’ intrapriżi kkonċernati
|
1
|
|
Settur(i) ta’ attività ekonomika
(Id-Diviżjoni NACE Reviżjoni 2)
|
Id-Diviżjoni 24 (Manifattura ta’ metalli bażiċi)
|
|
Perjodu ta’ referenza (4 xhur):
|
26 ta’ April 2023 – 26 ta’ Awwissu 2023
|
|
Għadd ta’ sensji matul il-perjodu ta’ referenza
|
1 518
|
|
Għadd totali ta’ benefiċjarji eliġibbli
|
1 518
|
|
Għadd totali ta’ benefiċjarji fil-mira
|
835
|
|
Baġit għal servizzi personalizzati (EUR)
|
4 783 057
|
|
Baġit għall-implimentazzjoni tal-FEG (EUR)
|
191 322
|
|
Baġit totali (EUR)
|
4 974 379
|
|
Kontribuzzjoni tal-FEG (60 %) (EUR)
|
2 984 627
|
VALUTAZZJONI TAL-APPLIKAZZJONI
Proċedura
4.Il-Ġermanja ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2023/003 DE/Vallourec fi żmien 12-il ġimgħa mid-data li fiha ġew issodisfati l-kriterji ta’ intervent stabbiliti fl-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament (UE) 2021/691, fil-15 ta’ Novembru 2023. Il-Kummissjoni kkonfermat il-wasla tal-applikazzjoni fl-istess data u talbet informazzjoni addizzjonali mill-Ġermanja fid-29 ta’ Novembru 2023. Din l-informazzjoni addizzjonali ngħatat fi żmien 15-il jum tax-xogħol. L-iskadenza ta’ 50 jum tax-xogħol mill-wasla tal-applikazzjoni mimlija li fiha l-Kummissjoni għandha tiffinalizza l-valutazzjoni tagħha tal-konformità tal-applikazzjoni mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja tintemm fit-8 ta’ Marzu 2024.
Eliġibbiltà tal-applikazzjoni
Intrapriżi u benefiċjarji kkonċernati
5.L-applikazzjoni tirrigwarda 1 518-il ħaddiem issensjat li l-attività tagħhom waqfet f’Vallourec (Vallourec Deutschland GmbH (VAD)). Din l-intrapriża topera fis-settur ekonomiku kklassifikat skont id-Diviżjoni 24 tan-NACE Reviżjoni 2 (Manifattura ta’ metalli bażiċi). Is-sensji mogħtija mill-intrapriża jinsabu fir-reġjun NUTS 2 ta’ Düsseldorf (DEA1).
Kriterji ta’ intervent
6.Il-Ġermanja ppreżentat l-applikazzjoni fl-ambitu tal-kriterji ta’ intervent tal-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament (UE) 2021/691, li jirrikjedi l-waqfien tal-attività ta’ mill-anqas 200 ħaddiem issensjat fuq perjodu ta’ referenza ta’]4 xhur f’intrapriża fi Stat Membru, inklużi ħaddiema ssensjati f’fornituri u fi produtturi downstream u/jew persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tkun waqfet.
7.Il-perjodu ta’ referenza ta’ 4 xhur għall-applikazzjoni jibda mis-26 ta’ April 2023 sas-26 ta’ Awwissu 2023. Matul il-perjodu ta’ referenza, kien hemm 1 518-il ħaddiem issensjat f’Valourec.
Kalkolu tas-sensji u tal-waqfien tal-attività
8.Skont l-Artikolu 6, l-ewwel paragrafu, il-punt (a), flimkien mal-Artikolu 5, l-ewwel paragrafu, il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2021/691, il-waqfien tal-attivitajiet tal-1 518-il ħaddiem issensjat matul il-perjodu ta’ referenza ġie kkalkolat mid-data li fiha l-impjegatur, f’konformità mal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE, innotifika bil-miktub lill-awtorità pubblika kompetenti dwar is-sensji kollettivi pproġettati. Il-Ġermanja kkonfermat qabel id-data tat-tlestija tal-valutazzjoni mill-Kummissjoni li dawn l-1 518-il sensja saru tabilħaqq.
Benefiċjarji eliġibbli
9.L-għadd totali ta’ benefiċjarji eliġibbli huwa ta’ 1 518.
Deskrizzjoni tal-eventi li wasslu għas-sensji u għall-waqfien tal-attività
10.L-eventi li wasslu għal dawn is-sensji huma l-għeluq tal-faċilitajiet ta’ produzzjoni tal-intrapriża minħabba l-globalizzazzjoni.
11.L-intrapriża, Vallourec Deutschland GmbH (VAD), hija s-sussidjarja Ġermaniża ta’ Vallourec S.A, Franza. L-intrapriża kienet timmanifattura tubi tal-azzar illaminati bis-sħana mingħajr weldjatura fiż-żewġ fabbriki tal-azzar tagħha fil-Ġermanja, jiġifieri fil-bliet ġirien ta’ Düsseldorf u Mülheim an der Ruhr. Il-fabbriki tal-azzar, li qabel kienu magħrufa bħala Mannesmannröhren-Werke AG, ġew stabbiliti fl-1899 u fl-1966, rispettivament.
12.L-intrapriża kienet ilha tirrapporta telf mill-2014, u, bħala konsegwenza, u għalhekk ħadet diversi miżuri ta’ ristrutturar u ta’ tnaqqis fin-numru tal-impjegati. Fl-2018, tnieda l-Pjan ta’ Rkupru ta’ VAD, bil-għan li dan iwassal għal iffrankar sostanzjali sal-2020. Minkejja xi suċċess, is-sitwazzjoni ekonomika wara l-pandemija tal-Covid-19 irriżultat f’aktar diffikultajiet għall-fabbriki tat-tubi Ġermaniżi. Mill-2015, kienu diġà ntilfu aktar minn 1 400 impjieg minħabba r-ristrutturar.
13.Fis-17 ta’ Novembru 2021, il-bord superviżorju ta’ Vallourec S.A. iddeċieda li jbigħ il-fabbriki tat-tubi Ġermaniżi, u li jiddelokalizza l-produzzjoni lill-Brażil.
14.Għalkemm Vallourec S.A. irċeviet offerti minn xerrejja potenzjali, l-ebda waħda mill-offerti ma kienet vijabbli. Fit-18 ta’ Mejju 2022, il-bord superviżorju ddikjara li t-tentattivi kollha għall-bejgħ tas-siti ta’ produzzjoni kienu fallew. Dan kien ifisser l-għeluq definittiv tas-siti, peress li ma seta’ jinstab l-ebda suċċessur biex jopera l-faċilitajiet.
15.Il-produzzjoni se tkompli sakemm jitlesta l-proċess ta’ delokalizzazzjoni. Għalhekk, ġie deċiż li s-siti jingħalqu fi tliet fażijiet. L-ewwel mewġa ta’ ħaddiema telqu mill-kumpanija sal-1 ta’ Jannar 2024, it-tieni mewġa se jitilqu sal-1 ta’ Lulju 2024, u t-tielet sal-1 ta’ Jannar 2025.
16.L-intrapriża se tkompli bl-attivitajiet fil-Ġermanja, iżda biss bħala kumpanija tal-bejgħ.
Impatt mistenni tas-sensji fir-rigward tal-ekonomija lokali, reġjonali jew nazzjonali u tal-impjiegi
17.Is-sensji huma mistennija li jkollhom effett negattiv sinifikanti fuq l-ekonomija lokali. Ir-reġjun metropolitan tar-Rhein-Ruhr huwa l-aktar reġjun metropolitan b’popolazzjoni għolja fil-Ġermanja, li jinkludi kemm iż-żona tar-Ruhr, reġjun tradizzjonali tal-estrazzjoni tal-faħam u tal-produzzjoni tal-azzar, kif ukoll il-bliet tul ir-Rhein. Is-swieq tax-xogħol lokali fir-reġjun ivarjaw ħafna.
18.Il-belt ta’ Mülheim an der Ruhr tifforma parti miż-żona tar-Ruhr, reġjun industrijali li ilu jiffaċċja bidliet strutturali mis-snin sittin. Fil-belt, l-impjiegi fil-manifattura qed jonqsu. Is-settur tal-manifattura tal-metall esperjenza telf ta’ aktar minn 21 % tal-impjiegi matul l-aħħar 5 snin. Ir-rata tal-qgħad ta’ 8,0 % (Diċembru 2023) hija għolja, anki meta mqabbla ma’ bliet oħra taż-żona tar-Ruhr. Madwar 74 % tal-persuni qiegħda ma għandhom l-ebda kwalifika professjonali, u aktar minn 50 % tal-persuni qiegħda ilhom mingħajr impjieg għal aktar minn sena.
19.Il-belt ġara ta’ Düsseldorf hija kkaratterizzata minn livell għoli ħafna ta’ impjiegi fis-settur terzjarju, bi 88 % tal-impjiegi globali. 11 % biss tal-forza tax-xogħol taħdem fis-settur sekondarju. Dawn l-impjiegi fil-produzzjoni qed jonqsu, speċjalment fil-manifattura tal-metall. Il-qgħad f’Düsseldorf jikkonċerna l-aktar persuni mingħajr kwalifiki professjonali formali. Madwar 60 % tal-persuni qiegħda jaqgħu f’din il-kategorija. Aktar minn terz tal-persuni qiegħda kienu mingħajr impjieg għal aktar minn sena.
20.Skont il-projezzjonijiet tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi, ibbażati fuq iċ-ċifri tal-qgħad ta’ Settembru 2023, is-sensji fil-VAD iwasslu biex ir-rata tal-qgħad f’Mülheim tiżdied bi 11,6 %, u fil-belt ferm akbar ta’ Düsseldorf, b’5,6 %. Il-profili tal-ħaddiema ssensjati ma jaqblux mal-ħiliet imfittxija fis-suq tax-xogħol. Il-biċċa l-kbira tal-ħaddiema kkonċernati jinsabu fi stadju avvanzat tal-karrieri professjonali tagħhom, wara li ħadmu għal Vallourec għal żmien twil, b’livelli baxxi ta’ kwalifiki formali u b’mod ġenerali kwalifiki u ħiliet pjuttost obsoleti. Għalhekk, it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema f’konformità mad-domanda tas-suq tax-xogħol għal impjiegi kwalifikati se jkunu ta’ sfida, b’mod partikolari meta wieħed iqis in-numru kbir ta’ persuni ssensjati fl-istess ħin.
Applikazzjoni tal-Qafas tal-Kwalità tal-UE għall-antiċipazzjoni tal-bidla u r-ristrutturar (QFR)
21.Il-Ġermanja ddeskriviet kif tqiesu r-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fil-Qafas tal-Kwalità tal-UE għall-antiċipazzjoni tal-bidla u r-ristrutturar: direttament wara d-deċiżjoni li jingħalqu l-fabbriki tat-tubi, il-maniġment tal-intrapriża u r-rappreżentanti tal-impjegati bdew negozjati ta’ pjan soċjali, u b’mod partikolari l-ħolqien ta’ kumpanija ta’ trasferiment.
22.Skont l-awtoritajiet Ġermaniżi, ma hemm l-ebda obbligu min-naħa tal-intrapriża li tat is-sensji li toħloq jew tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ kumpanija ta’ trasferiment. Mingħajr il-parteċipazzjoni tal-intrapriża li tat is-sensji, ma tiġi stabbilita l-ebda kumpanija ta’ trasferiment. Jekk l-intrapriża li tat is-sensji toffri li tipparteċipa, u jekk is-sħab soċjali jaqblu mal-ħolqien ta’ kumpanija ta’ trasferiment, il-liġi soċjali Ġermaniża tistabbilixxi l-qafas legali (§§ 110 u 111, SGB III).
23.Il-partijiet fin-negozjati qablu dwar l-istabbiliment ta’ kumpanija ta’ trasferiment għal kull mewġa ta’ sensji. Aġenzija ta’ trasferiment ġiet ikkummissjonata bl-istabbiliment ta’ dawn il-kumpaniji ta’ trasferiment. L-aġenzija ta’ trasferiment bdiet ix-xogħlijiet tagħha fis-17 ta’ April 2023. Bi tħejjija għat-trasferiment tal-ħaddiema għall-kumpaniji ta’ trasferiment, l-aġenzija ta’ trasferiment bdiet bil-miżuri inizjali ta’ tfassil tal-profili fl-4 ta’ Ottubru 2023.
24.Fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa biex tassisti lill-ħaddiema ssensjati, il-Ġermanja rrapportat li l-intrapriża offriet ukoll pjan ta’ rtirar kmieni għall-impjegati li twieldu fl-1966 jew qabel, kif ukoll pjanijiet ta’ terminazzjoni volontarja għall-persuni li jista’ ma jkollhomx bżonn assistenza itwal biex isibu impjieg ġdid.
Komplementarjetà mal-azzjonijiet iffinanzjati minn fondi nazzjonali jew tal-Unjoni
25.Il-Ġermanja kkonfermat li l-miżuri deskritti hawn taħt li jirċievu kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mhux se jirċievu wkoll kontribuzzjonijiet finanzjarji minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni.
26.Il-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati jikkomplementa azzjonijiet iffinanzjati minn fondi nazzjonali u privati oħra, jiġifieri dawk offruti mill-kumpanija ta’ trasferiment.
Proċeduri għall-konsultazzjoni tal-benefiċjarji fil-mira jew tar-rappreżentanti tagħhom jew tas-sħab soċjali kif ukoll tal-awtoritajiet lokali u reġjonali
27.Il-Ġermanja indikat li l-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati tfassal b’konsultazzjoni mas-sħab soċjali, f’konformità mal-Artikolu 7(4) tar-Regolament (UE) 2021/691. Il-kuntrattur terz ikkummissjonat bl-istabbiliment tal-kumpanija ta’ trasferiment u l-awtoritajiet Ġermaniżi malajr iddiskutew modi biex jintensifikaw u jkabbru s-serje ta’ miżuri bl-għajnuna tal-FEG.
28.Minn Novembru 2022, l-Awtorità Ġermaniża ta’ Ġestjoni tal-FEG daħlet f’diskussjonijiet mal-intrapriża li tat is-sensji, il-kuntrattur terz ikkummissjonat bl-istabbiliment tal-kumpanija ta’ trasferiment, is-Servizz Pubbliku tal-Impjiegi, kif ukoll l-awtoritajiet rispettivi tal-Istat Federali ta’ Nordrhein-Westfalen dwar applikazzjoni possibbli tal-FEG. Fit-13 ta’ Frar 2023, intlaħaq qbil dwar pjan ta’ azzjoni komuni waqt diskussjoni madwar mejda bil-parteċipazzjoni tal-kuntrattur terz, l-Awtorità ta’ Ġestjoni tal-FEG, is-Servizz Pubbliku tal-Impjiegi, l-intrapriża li tat is-sensji kif ukoll rappreżentanti tal-impjegati. Ir-rappreżentanti tat-trade unions ġew ikkonsultati u mistiedna għad-diskussjoni madwar mejda, iżda ma setgħux jipparteċipaw minħabba impenji oħra.
Benefiċjarji fil-mira u miżuri proposti
Benefiċjarji fil-mira
29.L-għadd stmat ta’ ħaddiema ssensjati li huma mistennija jipparteċipaw fil-miżuri huwa ta’ 835. Skont l-Artikolu 8(7), il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2021/691, id-diżaggregazzjoni pprovduta ta’ dawn il-ħaddiema skont il-ġeneru, il-grupp ta’ età u l-livell ta’ edukazzjoni hija kif ġej:
|
Kategorija
|
Għadd ta’
benefiċjarji mistennija
|
|
Ġeneru:
|
Irġiel:
|
798
|
(95,6 %)
|
|
|
Nisa:
|
37
|
(4,4 %)
|
|
|
Mhux binarji
|
0
|
(0 %)
|
|
Grupp ta’ età:
|
Taħt it-30 sena:
|
53
|
(6,4 %)
|
|
|
Bejn it-30 u l-54 sena:
|
614
|
(73,5 %)
|
|
|
Iktar minn 54 sena:
|
168
|
(20,1 %)
|
|
Livell ta’ edukazzjoni
|
Edukazzjoni sekondarja tal-ewwel livell jew inqas
|
77
|
(9,2 %)
|
|
|
Edukazzjoni sekondarja tat-tieni livell jew postsekondarja
|
667
|
(79,9 %)
|
|
|
Edukazzjoni terzjarja
|
91
|
(10,9 %)
|
Miżuri proposti
30.Skont l-Artikolu 8(7), il-punt (h), tar-Regolament (UE) 2021/691, il-pakkett ikkoordinat personalizzat li għandu jiġi pprovdut lill-ħaddiema ssensjati jikkonsisti mill-miżuri li ġejjin:
–Miżuri għat-Titjib tal-Ħiliet: Dawn jiġu offruti wara intervisti ta’ tfassil tal-profili u ta’ gwida vokazzjonali, f’konformità mal-interessi tal-karriera personali u d-domanda tas-suq tax-xogħol. Il-korsijiet jistgħu jiġu pprovduti individwalment jew fi gruppi. Meta wieħed iqis li 30 % tal-ħaddiema ssensjati ġejjin minn kuntest migratorju, se jiġu offruti korsijiet tal-Ġermaniż lill-parteċipanti b’għarfien dgħajjef tal-Ġermaniż. Għall-parteċipanti b’livell baxx ta’ ħiliet diġitali, se jiġu offruti korsijiet speċjalizzati fil-ħiliet diġitali bażiċi. Dawk il-parteċipanti li jibdew jaħdmu xorta jistgħu jipparteċipaw f’dawn il-miżuri.
–Gwida u orjentazzjoni vokazzjonali / miżuri ta’ attivazzjoni: Abbażi tal-intervisti inizjali ta’ tfassil tal-profili, l-ispeċjalist fil-qasam tal-gwida vokazzjonali se jinfurmaw dwar l-iżviluppi fis-suq tax-xogħol u l-karrieri possibbli, u jipprovdu lill-applikanti b’għajnuna u appoġġ motivazzjonali u ta’ ispirazzjoni. Il-ħaddiema għandhom jiġu mħeġġa jtejbu l-ħiliet tagħhom jew jitgħallmu ħiliet ġodda, u jipparteċipaw f’miżuri ta’ edukazzjoni u taħriġ immirati biex isibu impjieg ġdid. Dan huwa appoġġat mill-użu ta’ testijiet tal-aptitudni u tal-personalità. Se jkun hemm ukoll fora ta’ gruppi fil-forma ta’ gruppi ta’ pari u workshops, assistiti minn faċilitatur, li jgħinu lill-parteċipanti jiskambjaw ideat u jirriflettu dwar l-esperjenzi tagħhom. Xi gruppi ta’ pari jiffokaw fuq parteċipanti bi sfond komuni: ommijiet waħedhom jew parteċipanti akbar fl-età. Dawn l-offerti se jkunu akkumpanjati minn pakkett diġitali speċifikat ta’ miżuri ta’ assistenza fil-forma ta’ applikazzjoni għall-ismartphone. Fokus ieħor se jkun fuq miżuri li għandhom l-għan li jistabbilizzaw u jtejbu s-saħħa fiżika u mentali tal-parteċipanti.
–Servizzi ta’ konsulenza għall-bidu ta’ negozju: Dan se jinkludi pakkett ta’ servizzi ta’ konsulenza għal dawk interessati li jibdew in-negozji tagħhom stess. Dawn is-servizzi se jinkludu miżuri ta’ taħriġ individwalizzat imfassla apposta, kif ukoll sessjonijiet ta’ taħriġ fi gruppi.
–Għotjiet għall-bidu ta’ negozju: Dawn l-għotjiet se jiġu offruti lil dawk li jiddeċiedu li jibdew in-negozju tagħhom stess. L-għotjiet jistgħu jintużaw għal investimenti f’tagħmir, iżda wkoll għall-kiri ta’ bini tan-negozju jew għal aktar taħriġ matul il-fażi tal-bidu.
–Għajnuna għat-tiftix ta’ impjieg: Job scouts professjonali se jgħinu biex jinstabu postijiet tax-xogħol vakanti potenzjali li jkunu għadhom ma ġewx ippubblikati, u li jistgħu jkunu adattati għal ħaddiema eliġibbli. Barra minn hekk, se jiġu organizzati varjetà ta’ avvenimenti tat-tiftix ta’ impjieg, bħal fieri tax-xogħol.
–Inċentivi għat-titjib tal-ħiliet: Dawn l-inċentivi jistgħu jitħallsu mal-parteċipazzjoni b’suċċess f’ċerti miżuri. Jekk hux se jintużaw inċentivi, u liema ammonti se jitħallsu, se jiddependu fuq it-tip, il-livell u d-durata ta’ miżura.
–Aktar inċentivi: Dawn l-inċentivi se jiffokaw primarjament fuq l-integrazzjoni tal-parteċipanti fis-suq tax-xogħol, u jistgħu jitħallsu bħala bonus għall-bidu ta’ impjieg matul id-durata tal-kumpanija ta’ trasferiment jew jitħallsu fil-forma ta’ żidiet fis-salarju. Tali żidiet għandhom l-għan li joffru inċentiv biex jiġi aċċettat impjieg ġdid, anke jekk is-salarju tal-impjieg il-ġdid ikun aktar baxx milli fl-impjieg preċedenti.
–Allowance għat-taħriġ: Il-ħlas jibda mid-data li fiha l-ħaddiem jidħol fil-kumpanija ta’ trasferiment u jintemm malli l-persuna titlaq mill-kumpanija ta’ trasferiment. Il-parteċipazzjoni f’miżuri attivi tas-suq tax-xogħol hija prerekwiżit biex wieħed jirċievi allowance.
31.Ħiliet bażiċi diġitali (Digitale Grundqualifizierung): Din il-miżura taħseb għad-disseminazzjoni tal-ħiliet meħtieġa fl-era industrijali diġitali, kif meħtieġ mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) 2021/691. Din il-miżura hija mmirata b’mod partikolari lejn dawk il-parteċipanti mingħajr ħiliet diġitali jew bi ftit li xejn ħiliet diġitali. Il-parteċipanti se jingħataw laptops sabiex ikunu jistgħu jsegwu l-kors u jipprattikaw id-dar. Se tingħata attenzjoni speċjali lill-ħiliet applikati li jgħinu lill-parteċipanti jużaw l-għodod tal-internet għat-tiftix ta’ impjieg.
32.Fir-rigward tad-disseminazzjoni tal-ħiliet meħtieġa f’ekonomija effiċjenti fir-riżorsi, meħtieġa wkoll mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) 2021/691, il-Ġermanja tiddikjara li l-fornitur estern ta’ servizzi kkummissjonat bil-ġestjoni tal-kumpaniji ta’ trasferiment huwa obbligat bi ftehim kuntrattwali li jiżgura d-disseminazzjoni ta’ tali ħiliet bħala prinċipju orizzontali fis-sett kollu ta’ miżuri offruti. Se tingħata aktar attenzjoni lill-promozzjoni ta’ impjiegi li jgħinu biex tiġi katalizzata d-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija, bħall-inġiniera tal-lokomottivi.
33.L-azzjonijiet proposti deskritti hawnhekk jikkostitwixxu miżuri ta’ politika attivi tas-suq tax-xogħol fl-ambitu tal-azzjonijiet eliġibbli, stipulati fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2021/691. Dawn l-azzjonijiet ma jissostitwux miżuri passivi ta’ protezzjoni soċjali.
34.Il-Ġermanja infurmat dwar l-attivitajiet li diġà twettqu għall-assistenza tal-ħaddiema ssensjati. L-ewwel mewġa ta’ ħaddiema effettivament tilfu l-impjieg tagħhom fil-31 ta’ Diċembru 2023. Filwaqt li l-ewwel miżuri ta’ skrinjar ġew offruti qabel is-sensja, il-ħaddiema ssensjati setgħu jibbenefikaw mis-sett kollu ta’ miżuri offruti mill-kumpanija ta’ trasferiment mill-1 ta’ Jannar 2024.
35.Il-Ġermanja pprovdiet l-informazzjoni meħtieġa dwar il-miżuri li huma obbligatorji għall-intrapriża kkonċernata bis-saħħa tal-liġi nazzjonali jew skont ftehimiet kollettivi. F’konformità mal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2021/691, il-Ġermanja kkonfermat li dawn il-miżuri ma humiex se jiġu ssostitwiti b’kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG.
Baġit stmat
36.Il-kostijiet totali stmati huma ta’ EUR 4 974 379, li jinkludu nefqa ta’ EUR 4 783 057 għal servizzi personalizzati u nefqa ta’ EUR 191 322 għal attivitajiet ta’ tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar.
37.Il-kontribuzzjoni finanzjarja totali mitluba mill-FEG hija ta’ EUR 2 984 627 (60 % tal-kostijiet totali).
38.Skont l-Artikolu 8(7)(m) tar-Regolament (UE) 2021/691, il-Ġermanja speċifikat li l-prefinanzjament u l-kofinanzjament nazzjonali huma pprovduti mill-baġit Federali kif ukoll mill-Bundesagentur für Arbeit (Servizz Pubbliku tal-Impjiegi).
|
Miżuri
|
Għadd stmat ta’ parteċipanti
|
Kost stmat għal kull parteċipant
(EUR)
|
Kostijiet totali stmati
(EUR)
|
|
Servizzi personalizzati (miżuri skont l-Artikolu 7(2), it-tieni subparagrafu, il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2021/691)
|
|
Miżuri għat-titjib tal-ħiliet (Qualifizierungsmaßnahmen)
|
425
|
3 681
|
1 564 456
|
|
Gwida u orjentazzjoni vokazzjonali / miżuri ta’ attivazzjoni (Berufsorientierung und -beratung / Aktivierungsmaßnahmen)
|
835
|
793
|
662 617
|
|
Servizzi ta’ konsulenza għall-bidu ta’ negozju (Existenzgründungsberatung)
|
18
|
2 187
|
39 369
|
|
Għotjiet għall-bidu ta’ negozju (Existenzgründungsförderung)
|
18
|
21 871
|
393 685
|
|
Għajnuna għat-tiftix ta’ impjieg (Beratung und Stellenakquise)
|
835
|
538
|
449 649
|
|
Subtotal (a):
Perċentwal tal-pakkett ta’ servizzi personalizzati
|
–
|
3 109 776
|
|
|
|
(65,02 %)
|
|
Allowances u inċentivi (miżuri skont l-Artikolu 7(2), it-tieni subparagrafu, il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/691)
|
|
Inċentivi għat-titjib tal-ħiliet (Weiterbildungsprämien)
|
250
|
787
|
196 843
|
|
Aktar inċentivi (Weitere Prämien)
|
120
|
3 280
|
393 685
|
|
Allowance għat-taħriġ (Transferkurzarbeitergeld)
|
835
|
1 296
|
1 082 753
|
|
Subtotal (b):
Perċentwal tal-pakkett ta’ servizzi personalizzati:
|
–
|
1 673 281
|
|
|
|
(34,98 %)
|
|
Attivitajiet skont l-Artikolu 7(5) tar-Regolament (UE) 2021/691
|
|
1. Attivitajiet ta’ tħejjija
|
–
|
28 698
|
|
2. Ġestjoni
|
–
|
95 661
|
|
3. Informazzjoni u pubbliċità
|
–
|
9 566
|
|
4. Kontroll u rapportar
|
–
|
57 397
|
|
Subtotal (c):
Perċentwal tal-kostijiet totali:
|
–
|
191 322
|
|
|
|
(3,85 %)
|
|
Kostijiet totali (a + b + c):
|
–
|
4 974 379
|
|
Kontribuzzjoni mill-FEG (60 % tal-kostijiet totali)
|
–
|
2 984 627
|
39.Il-kostijiet tal-miżuri identifikati fit-tabella ta’ hawn fuq bħala miżuri skont l-Artikolu 7(2), it-tieni subparagrafu, il-punt (b) tar-Regolament (UE) 2021/691 ma jaqbżux il-35 % tal-kostijiet totali tal-pakkett koordinat ta’ servizzi personalizzati. Il-Ġermanja kkonfermat li dawn il-miżuri huma kondizzjonali fuq il-parteċipazzjoni attiva tal-benefiċjarji fil-mira f’attivitajiet ta’ tiftix ta’ impjieg jew ta’ taħriġ.
40.F’konformità mal-Artikolu 7(2), ir-raba’ subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/691, il-Ġermanja kkonfermat li l-kostijiet tal-investimenti għall-impjieg indipendenti, għan-negozji ġodda u għall-akkwiżizzjoni maġġoritarja mill-impjegati mhux se jaqbżu EUR 22 000 għal kull benefiċjarju.
Perjodu ta’ eliġibbiltà tan-nefqa
41.Il-Ġermanja bdiet tipprovdi s-servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira fl-1 ta’ Diċembru 2023. In-nefqa fuq il-miżuri għalhekk se tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mill-1 ta’ Diċembru 2023 sa 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni ta’ Finanzjament.
42.Il-Ġermanja bdiet iġġarrab in-nefqa amministrattiva biex timplimenta l-FEG fl-1 ta’ Jannar 2023. In-nefqa għall-attivitajiet ta’ tħejjija, ta’ ġestjoni, ta’ informazzjoni u pubbliċità, u ta’ kontroll u rapportar għandha għalhekk tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mill-1 ta’ Jannar 2023 sa 31 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni ta’ Finanzjament.
Sistemi ta’ ġestjoni u kontroll
43.L-applikazzjoni fiha deskrizzjoni tas-sistema ta’ ġestjoni u kontroll meħtieġa skont l-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2021/691, li tispeċifika r-responsabbiltajiet tal-korpi involuti. Il-Ġermanja nnotifikat lill-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni finanzjarja se tiġi ġestita mill-istess korpi fi ħdan il-Ministeru Federali għax-Xogħol u l-Affarijiet Soċjali (Bundesministerium für Arbeit und Soziales) li jimmaniġġaw il-Fond Soċjali Ewropew (FSE). Filwaqt li l-“Gruppe Europäische Fonds für Beschäftigung” jaġixxi bħala l-awtorità ta’ ġestjoni, l-“Organisationseinheit Prüfbehörde” indipendenti mil-lat organizzattiv hija l-awtorità ta’ kontroll għal dawn il-fondi. Dawn il-korpi mmaniġġaw ukoll il-kontribuzzjonijiet preċedenti mill-FEG lill-Ġermanja. Xi wħud mill-kompiti tal-awtorità ta’ ġestjoni tal-FEG huma ddelegati b’mod permanenti lill-PES bi ftehim amministrattiv.
Impenji pprovduti mill-Istat Membru kkonċernat
44.Il-Ġermanja pprovdiet l-assigurazzjonijiet kollha meħtieġa fir-rigward ta’ dan li ġej:
–il-prinċipji tat-trattament ugwali u tan-nondiskriminazzjoni se jiġu rispettati fl-aċċess għall-miżuri proposti u għall-implimentazzjoni tagħhom,
–ir-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE dwar is-sensji kollettivi jkunu ġew issodisfati,
–Vallourec, li ssoktat bl-attivitajiet tagħha wara s-sensji, ikkonformat mal-obbligi legali tagħha u pprovdiet għall-ħaddiema tagħha kif xieraq,
–kwalunkwe finanzjament doppju se jiġi prevenut,
–il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se tikkonforma mar-regoli proċedurali u materjali tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.
IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA
Proposta baġitarja
45.L-FEG ma għandux jaqbeż ammont annwali massimu ta’ EUR 186 miljun (il-prezzijiet tal-2018), kif stabbilit fl-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027.
46.Wara li eżaminat l-applikazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 13(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2021/691, u wara li qieset l-għadd ta’ benefiċjarji fil-mira, il-miżuri proposti u l-kostijiet stmati, il-Kummissjoni tipproponi li jiġi mmobilizzat l-FEG għall-ammont ta’ EUR 2 984 627, li jirrappreżenta 60 % tal-kostijiet totali tal-miżuri proposti, sabiex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni.
47.Id-deċiżjoni proposta għall-mobilizzazzjoni tal-FEG se tittieħed b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill skont l-Artikolu 15(1), l-ewwel subparagrafu, it-tieni sentenza, tar-Regolament (UE) 2021/691, u kif stabbilit fil-punt 9 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda.
Atti relatati
48.Fl-istess waqt li tippreżenta din il-proposta għal deċiżjoni biex jiġi mmobilizzat l-FEG, il-Kummissjoni se tippreżenta proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għal trasferiment tal-ammont ta’ EUR 2 984 627 għal-linja baġitarja rilevanti.
49.Fl-istess waqt li adottat din il-proposta għal deċiżjoni biex jiġi mmobilizzat l-FEG, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni dwar kontribuzzjoni finanzjarja li tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ finanzjament skont it-tifsira tal-Artikolu 110 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046. Dik id-deċiżjoni ta’ finanzjament se tidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-Kummissjoni tiġi nnotifikata bl-approvazzjoni tat-trasferiment baġitarju mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill skont l-Artikolu 15(2), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/691.
2024/0049 (BUD)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati wara applikazzjoni mill-Ġermanja – EGF/2023/003 DE/Vallourec
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013, u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1), l-ewwel subparagrafu, tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda, u b’mod partikolari l-punt 9 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) għandu l-għan li juri solidarjetà u li jippromwovi impjiegi diċenti u sostenibbli fl-Unjoni billi jipprovdi appoġġ għall-ħaddiema ssensjati u għal persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tkun waqfet fil-każ ta’ eventi ta’ ristrutturar kbar u billi jassistihom jirritornaw għal impjieg diċenti u sostenibbli mill-aktar fis possibbli.
(2)L-FEG ma jistax jaqbeż l-ammont annwali massimu ta’ EUR 186 miljun (fi prezzijiet tal-2018), kif stabbilit fl-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 u l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2021/691.
(3)Fil-15 ta’ Novembru 2023, il-Ġermanja ppreżentat applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG f’konformità mal-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) 2021/691, fir-rigward tas-sensji tal-ħaddiema f’Vallourec (Vallourec Deutschland GmbH (VAD)) fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt il-Klassifikazzjoni statistika tal-attivitajiet ekonomiċi fil-Komunità Ewropea (“NACE”) Reviżjoni 2 diviżjoni 24 (Manifattura ta’ metalli bażiċi) fir-reġjun tal-livell 2 tal-Klassifikazzjoni Komuni ta’ Unitajiet Territorjali għall-Istatistika (“NUTS”) ta’ Düsseldorf (DEA1) fil-Ġermanja. Din ġiet issupplimentata b’informazzjoni addizzjonali pprovduta f’konformità mal-Artikolu 8(5) tar-Regolament (UE) 2021/691. Dik l-applikazzjoni titqies li tikkonforma mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2021/691, abbażi tal-valutazzjoni li saret mill-Kummissjoni fil-Proposta għal deċiżjoni ta’ mobilizzazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(4)Għalhekk, jenħtieġ, li l-FEG jiġi mmobilizzat sabiex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja ta’ EUR 2 984 627 fir-rigward tal-applikazzjoni ppreżentata mill-Ġermanja.
(5)Sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun iż-żmien li jittieħed għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, jenħtieġ li din id-deċiżjoni tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha,
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2024, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati għandu jiġi mmobilizzat sabiex jingħata l-ammont ta’ EUR 2 984 627 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandha tapplika minn [id-data tal-adozzjoni tagħha].
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President