9.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 394/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1928

tal-31 ta’ Awwissu 2021

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2020/760 fir-rigward tal-ġestjoni u l-kwantitajiet ta’ ċerti kwoti tariffarji għall-Arġentina u li jikkoreġi dak ir-Regolament fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tiegħu

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 185, l-Artikolu 186, u l-Artikolu 223(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (2), u b’mod partikolari l-Artikoli 64(6) u 66(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/760 (3) li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-amministrazzjoni tal-kwoti tariffarji tal-importazzjoni u l-esportazzjoni soġġetti għal liċenzji u r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 fir-rigward tad-depożitu ta’ garanziji fl-amministrazzjoni tal-kwoti tariffarji.

(2)

L-iffirmar tal-Ftehim, fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Arġentina skont l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) tal-1994 relatat mal-modifika tal-konċessjonijiet fuq il-kwoti tariffarji kollha inklużi fl-Iskeda CLXXV tal-UE bħala konsegwenza tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea (“il-Ftehim”), konkluż bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1213 (4), jemenda s-sistema ta’ ġestjoni ta’ xi kwoti tariffarji.

(3)

Il-Ftehim jintroduċi bidla fil-ġestjoni tal-kwota tariffarja għat-tewm li joriġina mill-Arġentina minn sistema ta’ importaturi tradizzjonali u ġodda għall-metodu ta’ eżami simultanju, li għalih ma japplikax ir-rekwiżit tal-kwantità referenzjali. Bħala konsegwenza, jenħtieġ li jitħassar l-Artikolu 9(4) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/760.

(4)

Il-Ftehim jaqsam ukoll il-kwoti tariffarji bin-numri tal-ordni 09.4213 u 09.4412, li jikkonċernaw il-pollam, u jalloka parti mill-kwantitajiet tagħhom għal żewġ kwoti tariffarji maħluqa ġodda li joriġinaw mill-Arġentina: in-numri tal-ordni 09.4289 u 09.4290. Jenħtieġ li r-referenzi għal dawk il-kwoti tariffarji l-ġodda jiddaħħlu fl-Artikolu 9(6) u (7) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/760.

(5)

F’konformità mal-Artikolu 27(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/760, dak ir-Regolament japplika għall-perjodi tal-kwota tariffarja li jibdew mill-1 ta’ Jannar 2021 ’il quddiem. Id-dispożizzjoni tranżitorja fl-Artikolu 26, l-ewwel paragrafu, ta’ dak ir-Regolament tipprovdi li l-kwantità referenzjali msemmija fl-Artikolu 9 ta’ dak ir-Regolament tista’ tiġi stabbilita f’konformità mar-Regolamenti mħassrin bl-Artikolu 25 ta’ dak ir-Regolament fl-ewwel żewġ perjodi tal-kwota tariffarja “wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament”. Jenħtieġ li dak il-kliem jiġi allinjat mal-Artikolu 27(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/760 billi jirreferi għall-ewwel żewġ perjodi tal-kwota tariffarja “li għalihom japplika dan ir-Regolament”.

(6)

Trid issir korrezzjoni simili fl-Artikolu 26, it-tieni paragrafu, tar-Regolament Delegat (UE) 2020/760. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġi ċċarat f’dik id-dispożizzjoni li l-kwantità referenzjali tista’ tiġi stabbilita billi jintużaw perjodi sħaħ tal-kwota tariffarja minflok perjodi ta’ 12-il xahar.

(7)

Sabiex tiġi evitata kwalunkwe konfużjoni, huwa xieraq li l-premessa korrispondenti tiġi kkoreġuta wkoll.

(8)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2020/760 jiġi emendat u kkoreġut skont dan.

(9)

Jenħtieġ li għall-perjodu tal-kwota tariffarja attwali taħt in-numru tal-ordni 09.4104 jibqa’ japplika l-Artikolu 9(4) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/760, sakemm jibda l-ewwel perjodu tal-kwota tariffarja taħt in-numru tal-ordni 09.4288 f’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/761 (5).

(10)

Jenħtieġ li l-emenda fl-Artikolu 9(6) u (7) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/760 tapplika mill-bidu tal-ewwel perjodu tal-kwota tariffarja skont in-numri tal-ordni 09.4289 u 09.4290 li jibda wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi u korrezzjonijiet għar-Regolament Delegat (UE) 2020/760

Ir-Regolament Delegat (UE) 2020/760 huwa emendat u kkoreġut kif ġej:

(1)

il-premessa (18) hija sostitwita b’dan li ġej:

“(18)

Sabiex jiġi evitat tfixkil fil-flussi kummerċjali, jeħtieġ li tiġi prevista l-applikazzjoni kontinwa tal-atti mħassra għal-liċenzji tal-importazzjoni li nħarġu abbażi ta’ dawk l-atti qabel l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Għall-istess fini, huwa xieraq li l-awtoritajiet li joħorġu l-liċenzji jkunu jistgħu jistabbilixxu l-kwantità referenzjali f’konformità mal-atti mħassra matul l-ewwel żewġ perjodi tal-kwota tariffarja li jibdew mill-1 ta’ Jannar 2021 ’il quddiem li għalihom japplika dan ir-Regolament.”;

(2)

L-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 4 jitħassar;

(b)

il-paragrafi 6 u 7 jiġu sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“6.   B’deroga mill-paragrafu 2, il-kwantità referenzjali għandha tiġi kkalkolata billi jiġu akkumulati l-kwantitajiet ta’ prodotti rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni, li jaqgħu taħt kull wieħed mill-gruppi li ġejjin ta’ tliet jew erba’ numri tal-ordni tal-kwota stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/761:

 

09.4211, 09.4212, 09.4213 u 09.4290;

 

09.4214, 09.4215 u 09.4216;

 

09.4410, 09.4411, 09.4412 u 09.4289.

7.   B’deroga mill-paragrafu 3, għall-kwoti tariffarja bin-numri tal-ordni 09.4211, 09.4212, 09.4213 u 09.4290, il-kwantità totali tal-prodotti koperti bl-applikazzjonijiet għal-liċenzji ppreżentati fil-perjodu tal-kwota tariffarja għal dawk l-erba’ kwoti tariffarji m’għandhiex tkun aktar mill-kwantità referenzjali totali tal-applikant għal dawk l-erba’ kwoti tariffarji. L-applikant jista’ jagħżel kif jissuddividi l-kwantità referenzjali totali fost il-kwoti tariffarji li għalihom jitressqu l-applikazzjonijiet. Din ir-regola għandha tapplika wkoll għall-kwoti tariffarji bin-numri tal-ordni 09.4214, 09.4215 u 09.4216 u n-numri tal-ordni 09.4410, 09.4411, 09.4412 u 09.4289.”;

(3)

L-Artikolu 26 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 26

Dispożizzjonijiet tranżitorji

Fl-ewwel żewġ perjodi tal-kwota tariffarja li għalihom japplika dan ir-Regolament f’konformità mal-Artikolu 27(2), l-awtorità tal-ħruġ tal-liċenzji tista’ tistabbilixxi l-kwantità referenzjali msemmija fl-Artikolu 9 f’konformità mar-Regolamenti rilevanti mħassra elenkati fl-Artikolu 25.

Fejn f’wieħed jew fiż-żewġ perjodi tal-kwota tariffarja qabel l-ewwel perjodu tal-kwota tariffarja, li għalih japplika dan ir-Regolament f’konformità mal-Artikolu 27(2), kwota tariffarja li hija soġġetta għar-rekwiżit tal-kwantità referenzjali msemmi fl-Artikolu 9 ma tkunx intużat għalkollox, l-operaturi jistgħu jagħżlu li jistabbilixxu l-kwantità referenzjali tagħhom jew f’konformità mal-Artikolu 9(1) inkella billi jużaw l-aħħar żewġ perjodi ta’ kwota tariffarja preċedenti fejn il-kwota tariffarja ntużat kompletament.”.

Artikolu 2

Dispożizzjoni tranżitorja

L-Artikolu 9(4) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/760 għandu jibqa’ japplika għall-perjodu tal-kwota tariffarja attwali għall-kwota tariffarja skont in-numru tal-ordni 09.4104.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Madankollu, il-punt (2)(b) u tal-Artikolu 1 għandu japplika mill-bidu tal-ewwel perjodu tal-kwota tariffarja tal-kwoti tariffarji skont in-numri tal-ordni 09.4289 u 09.4290 li jibda wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Awwissu 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/760 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-amministrazzjoni tal-kwoti tariffarji tal-importazzjoni u l-esportazzjoni soġġetti għal liċenzji u li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-depożitu ta’ garanziji fl-amministrazzjoni tal-kwoti tariffarji (ĠU L 185, 12.6.2020, p. 1).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1213 tat-13 ta’ Lulju 2021 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Arġentina skont l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) tal-1994 relatat mal-modifika tal-konċessjonijiet fuq il-kwoti tariffarji kollha inklużi fl-Iskeda CLXXV tal-UE b’konsegwenza tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea (ĠU L 264, 26.7.2021, p. 1).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/761 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 1306/2013, (UE) Nru 1308/2013 u (UE) Nru 510/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema ta’ ġestjoni tal-kwoti tariffarji bil-liċenzji (ĠU L 185, 12.6.2020, p. 24).