6.9.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 342/22


P9_TA(2022)0024

Fażola tas-sojja ġenetikament modifikata GMB151 (BCS-GM151-6)

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Frar 2022 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn fażola tas-sojja ġenetikament modifikata GMB151 (BCS-GM151-6), skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (D075506/01 – 2021/2947(RSP))

(2022/C 342/03)

Il-Parlament Ewropew,

—

wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn fażola tas-sojja ġenetikament modifikata GMB151 (BCS-GM151-6) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (D075506/01,

—

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 7(3) u 19(3) tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-votazzjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali msemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 ft-4 ta’ Frar 2022, li fiha ma ngħatat l-ebda opinjoni,

—

wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (2),

—

wara li kkunsidra l-opinjoni adottata mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“EFSA”) fis-27 ta' Jannar 2021, u ppubblikata fid-19 ta' April 2021 (3),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu li joġġezzjonaw għall-awtorizzazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati (“OĠM”) (4) ,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 112(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

A.

billi, fid-9 ta' Ottubru 2018, BASF SE, ibbażata fil-Ġermanja, issottomettiet, f'isem BASF Agricultural Solutions Seed US LLC, ibbażata fl-Istati Uniti (“l-applikant”), applikazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' ikel, ingredjenti tal-ikel u ikel li fih, li jikkonsisti minn jew li huwa prodott minn fażola tas-sojja ġenetikament modifikata GMB151 (il-“fażola tas-sojja ĠM”), f'konformità mal-Artikoli 5 u 17 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003; billi l-applikazzjoni kopriet ukoll it-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom jew jikkonsistu minn fażola tas-sojja ĠM għal użi oħrajn għajr l-ikel u l-għalf, bl-eċċezzjoni tal-kultivazzjoni;

B.

billi, fis-27 ta' Jannar 2021, l-EFSA adottat opinjoni favorevoli, li ġiet ippubblikata fid-19 ta' April 2021;

C.

billi l-fażola tas-sojja ĠM ġiet żviluppata biex tagħti tolleranza lil grupp ta' erbiċidi magħrufa bħala inibituri tal-HPPD, bħal isoxaflutole, mesotrione u tembotrionine, u tipproduċi proteina insettiċidali (tossina Bt), Cry14Ab-1.b (5), li hija tossika għan-nematodi (dud tond);

Nuqqas ta' valutazzjoni tar-residwi tal-erbiċidi, tal-metaboliti u tal-effetti cocktail

D.

billi għadd ta' studji wrew li l-kultivazzjoni ta' għelejjel ĠM tolleranti għall-erbiċidi twassal għal użu akbar ta' erbiċidi “komplementari”, fil-biċċa l-kbira minħabba t-tfaċċar ta' ħaxix ħażin tolleranti għall-erbiċidi (6); billi, b'konsegwenza, għandu jkun mistenni li l-qamħirrum ĠM ikun espost għal dożi kemm ogħla kif ukoll ripetuti tal-erbiċidi komplementari li potenzjalment iwassal għal kwantità ogħla ta' residwi fil-ħsad;

E.

billi l-isoxaflutole, skont il-klassifikazzjoni armonizzata u l-ittikkettar approvat mill-Unjoni, huwa tossiku ħafna għall-ħajja akkwatika u suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija li tkun għadha ma twelditx (7);

F.

billi l-isoxaflutole biss intuża fuq il-fażola tas-sojja ĠM ġenetikament modifikata għall-finijiet tal-valutazzjoni tar-riskju; billi, madankollu, l-erbiċidi li jinibixxu l-HPPD jinkludu firxa ta' erbiċidi, inkluż il-mesotrione, li jistgħu jintużaw ukoll fi kwantitajiet kbar fuq din il-fażola tas-sojja ĠM;

G.

billi, skont l-EFSA, il-mesotrione “jista' jitqies li għandu proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali”, filwaqt li l-potenzjal ġenotossiku tal-AMBA, prodott ta' dekompożizzjoni tal-mesotrione, “ma jistax jiġi eskluż” (8);

H.

billi l-valutazzjoni tar-residwi ta' erbiċidi u tal-prodotti ta' diżintegrazzjoni tagħhom (“metaboliti”), misjuba fi pjanti ĠM titqies li ma taqax taħt il-kompetenza tal-Bord tal-EFSA dwar Organiżmi Ġenetikament Modifikati (“il-Bord tal-EFSA dwar l-OĠM”) u għalhekk ma ssirx bħala parti mill-proċess ta' awtorizzazzjoni għall-OĠM; billi dan huwa problematiku peress li l-mod kif l-erbiċidi komplementari jiġu diżintegrati mill-pjanta ĠM ikkonċernata, u l-kompożizzjoni u għalhekk it-tossiċità tal-metaboliti, jistgħu jiġu influwenzati mill-modifika ġenetika nnifisha;

I.

billi, minħabba prattiki agrikoli speċifiċi fil-kultivazzjoni ta' pjanti ĠM tolleranti għall-erbiċidi, hemm xejriet speċifiċi ta' applikazzjoni, ta' esponiment, ta' okkorrenzi ta' metaboliti speċifiċi u tfaċċar ta' effetti kombinatorji li jirrikjedu attenzjoni speċjali; billi dawn ix-xejriet ma ġewx ikkunsidrati mill-EFSA;

J.

billi għalhekk ma jistax jiġi konkluż li l-konsum ta' fażola tas-sojja ĠM huwa sikur għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali;

Mistoqsijiet pendenti dwar it-tossini Bt

K.

billi ntużaw proteini Cry14Ab-1 iżolati miksuba minn sistemi mikrobiċi rikombinanti għall-istudji dwar is-sikurezza (9); billi ftit li xejn jista' jiġi attribwit għal testijiet tossikoloġiċi mwettqa bil-proteini waħedhom, minħabba l-fatt li t-tossini Bt fl-għelejjel ĠM, bħall-qamħirrun, il-qoton u l-fażola tas-sojja, huma intrinsikament aktar tossiċi minn tossini Bt iżolati; billi dan huwa minħabba li l-inibituri tal-proteażi (PI), preżenti fit-tessut tal-pjanti, jistgħu jżidu t-tossiċità tat-tossini Bt billi jdewmu d-degradazzjoni tagħhom; billi dan il-fenomenu ntwera f'għadd ta' studji xjentifiċi, inkluż wieħed imwettaq għal Monsanto tletin sena ilu li wera li anke l-preżenza ta' livelli estremament baxxi ta' PI saħħet it-tossiċità tat-tossini Bt sa 20 darba (10);

L.

billi din it-tossiċità akbar qatt ma tqieset fil-valutazzjonijiet tar-riskju tal-EFSA, minkejja li hija rilevanti għall-pjanti Bt kollha approvati għall-importazzjoni jew għall-kultivazzjoni fl-Unjoni; billi r-riskji għall-bnedmin u għall-annimali li jikkonsmaw ikel u għalf li fih tossini Bt li jirriżultaw minn din it-tossiċità akbar minħabba l-interazzjoni bejn it-tossini PI u Bt ma jistgħux, għalhekk, jiġu esklużi;

M.

billi għadd ta' studji juru li ġew osservati effetti kollaterali li jistgħu jaffettwaw is-sistema immunitarja wara esponiment għal tossini Bt u li xi tossini Bt jista' jkollhom karatteristiċi aġġuvanti (11), li jfisser li dawn jistgħu jżidu l-allerġeniċità ta' proteini oħra li jiġu f'kuntatt magħhom;

N.

billi studju xjentifiku sab li t-tossiċità tat-tossini Bt tista' tissaħħaħ ukoll permezz ta' interazzjoni mar-residwi mill-bexx bl-erbiċidi u li huma meħtieġa aktar studji dwar l-effetti kombinatorji ta' events ta' trasformazzjoni multiplu (għelejjel ĠM li ġew immodifikati biex ikunu tolleranti għall-erbiċidi u jipproduċu insettiċidi fil-forma ta' tossini Bt) (12); billi, madankollu, il-valutazzjoni tal-interazzjoni potenzjali ta' residwi tal-erbiċidi u l-metaboliti tagħhom mat-tossini Bt titqies li ma taqax taħt il-kompetenza tal-Bord tal-EFSA dwar l-OĠM u għalhekk ma ssirx bħala parti mill-valutazzjoni tar-riskju;

Kummenti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri

O.

billi l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri bagħtu kummenti lill-EFSA matul il-perjodu ta' konsultazzjoni ta' tliet xhur (13); billi l-kummenti kritiċi kienu jinkludu li kellha tiġi pprovduta data biex jiġi vvalutat jekk akkumulazzjoni ta' residwi u ta' metaboliti tal-erbiċidi sseħħx fil-fażola tas-sojja ĠM, jekk il-livelli inaċċettabbli ta' residwi u ta' metaboliti bħal dawn jistgħux ikunu inklużi fil-fażola tas-sojja ĠM importata fl-Unjoni u l-konsegwenzi fir-rigward tat-tossiċità subkronika, tal-iżvilupp u riproduttiva, li l-bażi għall-valutazzjoni tar-riskju ambjentali hija assoċjata ma' għadd ta' nuqqasijiet u għalhekk jibqgħu inċertezzi fir-rigward tar-riskju ambjentali assoċjat mal-fażola tas-sojja ĠM, li l-istudji attwali mhumiex biżżejjed biex jiġi konkluż li l-esponiment tal-ambjent u, b'hekk, l-effetti fuq organiżmi mhux fil-mira se jkunu negliġibbli, li għandu jitqies l-impatt tal-kultivazzjoni tal-fażola tas-sojja ĠM fil-pajjiżi produtturi, u li “abbażi tal-evidenza ppreżentata fil-fajl, mhuwiex possibbli li wieħed jikkonkludi dwar il-valutazzjoni komparattiva tal-fażola tas-sojja GMB151, jew dwar is-sikurezza tagħha”;

Proċess deċiżjonali mhux demokratiku

P.

billi l-Kummissjoni tirrikonoxxi li huwa problematiku li d-deċiżjonijiet dwar l-awtorizzazzjoni tal-OĠM għadhom jiġu adottati mill-Kummissjoni mingħajr maġġoranza kwalifikata tal-Istati Membri favur, li huwa verament l-eċċezzjoni għall-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti b'mod ġenerali iżda sar in-norma għat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-awtorizzazzjonijiet ta' ikel u għalf ĠM;

Q.

billi, fit-tmien leġiżlatura tiegħu, il-Parlament adotta total ta' 36 riżoluzzjoni li joġġezzjonaw għat-tqegħid fis-suq tal-OĠM għall-ikel u għall-għalf (33 riżoluzzjoni) u għall-kultivazzjoni tal-OĠM fl-Unjoni (tliet riżoluzzjonijiet); billi, fid-disa' leġiżlatura tiegħu, il-Parlament diġà adotta 21 oġġezzjoni għat-tqegħid fis-suq tal-OĠM; billi ma kienx hemm maġġoranza kwalifikata ta' Stati Membri favur l-awtorizzazzjoni ta' kwalunkwe wieħed minn dawk l-OĠM; billi r-raġunijiet li minħabba fihom l-Istati Membri ma jappoġġjawx l-għoti ta' awtorizzazzjonijiet jinkludu tħassib xjentifiku fir-rigward tal-valutazzjoni tar-riskju;

R.

billi minkejja r-rikonoxximent tagħha stess tan-nuqqasijiet demokratiċi, tan-nuqqas ta' appoġġ mill-Istati Membri u tal-oġġezzjonijiet tal-Parlament, il-Kummissjoni qiegħda tkompli tawtorizza l-OĠM;

S.

billi mhija meħtieġa l-ebda bidla fil-liġi biex il-Kummissjoni tkun tista' ma tawtorizzax OĠM meta ma jkunx hemm maġġoranza kwalifikata ta' Stati Membri favur fil-Kumitat ta' Appell (14);

Il-ħarsien tal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni

T.

billi f'rapport tal-2017 tar-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti (“NU”) dwar id-dritt għall-ikel instab li, b'mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, il-pestiċidi perikolużi għandhom impatti katastrofiċi fuq is-saħħa (15); billi l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (“SDG”) 3.9 tan-NU għandu l-għan, li sal-2030, inaqqas b'mod sostanzjali l-għadd ta' mwiet u mard minn sustanzi kimiċi perikolużi u tniġġis u kontaminazzjoni tal-arja, tal-ilma u tal-ħamrija (16); billi l-awtorizzazzjoni tal-importazzjoni tal-fażola tas-sojja ĠM iżżid id-domanda għal din l-għalla li ġiet immodifikata biex tiġi ttrattata b'erbiċidi li jinibixxu l-HPPD bħall-isoxaflutole u l-mesotrione, u b'hekk iżżid l-esponiment tal-ħaddiema f'pajjiżi terzi; billi r-riskju ta' żieda fl-esponiment tal-ħaddiema u tal-ambjent huwa ta' tħassib partikolari fir-rigward ta' għelejjel ĠM tolleranti għall-erbiċidi, meta jitqiesu l-volumi akbar ta' erbiċidi użati;

U.

billi d-deforestazzjoni hija kawża ewlenija tat-tnaqqis tal-bijodiversità; billi l-emissjonijiet mill-użu tal-art u mit-tibdil fl-użu tal-art, l-aktar minħabba d-deforestazzjoni, huma t-tieni l-akbar kawża tat-tibdil fil-klima wara l-ħruq tal-fjuwils fossili (17); billi l-SDG 15 tan-NU jinkludi l-mira li sal-2020 titwaqqaf id-deforestazzjoni (18); billi l-foresti għandhom rwol multifunzjonali li jappoġġjaw l-ilħuq tal-biċċa l-kbira tal-SDGs tan-NU (19);

V.

billi l-produzzjoni tas-sojja hija xprunatur ewlieni tad-deforestazzjoni tal-foresti fl-Amażonja, f'Cerrado u fi Gran Chaco fl-Amerka t'Isfel; billi 97 % u 100 % tas-sojja kkultivata fil-Brażil u fl-Arġentina rispettivament, hija sojja ĠM (20); billi l-maġġoranza l-kbira tal-fażola tas-sojja ĠM awtorizzata għall-kultivazzjoni fil-Brażil u fl-Arġentina hija awtorizzata wkoll għall-importazzjoni fl-Unjoni;

W.

billi l-Unjoni hija parti għall-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika (“KDB tan-NU”), li tagħmilha ċara li kemm il-pajjiżi li jesportaw kif ukoll dawk li jimportaw għandhom responsabbiltajiet internazzjonali fir-rigward tad-diversità bijoloġika;

X.

billi r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 jipprovdi li ikel jew għalf ĠM ma jridx ikollu effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent, u jirrikjedi li l-Kummissjoni tqis kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti tad-dritt tal-Unjoni u fatturi leġittimi oħra li jkunu rilevanti għall-kwistjoni li tkun qiegħda titqies fl-abbozzar tad-deċiżjoni tagħha; billi dawn il-fatturi leġittimi għandhom jinkludu l-obbligi tal-Unjoni fl-ambitu tal-SDGs tan-NU, il-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima u l-KDB tan-NU;

1.

Iqis li dan l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jisboq is-setgħat ta' implimentazzjoni pprovduti fir-Regolament (KE) Nru 1829/2003;

2.

Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni mhuwiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni, billi mhuwiex kompatibbli mal-għan tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 li, f'konformità mal-prinċipji ġenerali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21), li jipprovdi l-bażi għall-iżgurar ta' livell għoli ta' ħarsien tal-ħajja u s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa u l-benessri tal-annimali, u l-interessi ambjentali u tal-konsumatur, fir-rigward tal-ikel u l-għalf ĠM, filwaqt li jiżgura l-funzjonament effettiv tas-suq intern;

3.

Jistieden lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha;

4.

Itenni l-appelli tiegħu lill-Kummissjoni biex ma tawtorizzax għelejjel ĠM tolleranti għall-erbiċidi sakemm ir-riskji għas-saħħa assoċjati mar-residwi jkunu ġew investigati b'mod komprensiv fuq bażi ta' każ b'każ, li jirrikjedi valutazzjoni sħiħa tar-residwi mill-bexx ta' dawn l-għelejjel ĠM b'erbiċidi komplementari, valutazzjoni tal-prodotti ta' dekompożizzjoni tal-erbiċidi u kwalunkwe effett kombinatorju, inkluż mal-pjanta ĠM innifisha;

5.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni, f'ittra tal-11 ta' Settembru 2020 lill-Membri, finalment irrikonoxxiet il-ħtieġa li titqies is-sostenibbiltà f'dak li għandu x'jaqsam mad-deċiżjonijiet ta' awtorizzazzjoni dwar l-OĠM (22); jesprimi, madankollu, id-diżappunt kbir tiegħu li, minn dakinhar il-Kummissjoni kompliet tawtorizza l-OĠM għall-importazzjoni fl-Unjoni, minkejja l-oġġezzjonijiet kontinwi mill-Parlament u l-vot kontra tali awtorizzazzjonijiet mill-maġġoranza tal-Istati Membri;

6.

Jistieden lill-EFSA titlob data dwar l-impatt tal-konsum tal-ikel u l-għalf derivati minn pjanti ĠM fuq il-mikrobijoma intestinali;

7.

Jistieden lill-EFSA twessa' l-valutazzjoni tar-riskju tagħha sabiex tqis b'mod sħiħ l-interazzjonijiet u l-effetti kombinatorji kollha bejn it-tossini Bt, il-pjanti ĠM u l-kostitwenti tagħhom kif ukoll ir-residwi mill-bexx bl-erbiċidi komplementari u biex jiġi vvalutat l-impatt relatat fuq l-ambjent u s-saħħa u s-sikurezza alimentari;

8.

Jistieden lill-Kummissjoni tissospendi minnufih l-importazzjoni ta' fażola tas-sojja ĠM ikkultivata fil-Brażil u fl-Arġentina bl-użu tal-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 jekk meħtieġ, sakemm jiġu stabbiliti mekkaniżmi legalment vinkolanti effettivi biex jipprevjenu t-tqegħid ta' prodotti fis-suq tal-Unjoni assoċjati mad-deforestazzjoni u ksur relatat tad-drittijiet tal-bniedem;

9.

Itenni l-appell tiegħu għall-implimentazzjoni ta' strateġija Ewropea għall-produzzjoni u għall-provvista ta' proteini veġetali (23), li tippermetti lill-Unjoni ssir anqas dipendenti mill-importazzjonijiet tal-fażola tas-sojja ĠM u biex jinħolqu katini tal-ikel iqsar u swieq reġjonali;

10.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, għal darb'oħra, tqis l-obbligi tal-Unjoni skont ftehimiet internazzjonali, bħall-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima, il-KDB tan-NU u l-SDGs tan-NU; itenni s-sejħa tiegħu għal abbozzi ta' atti ta' implimentazzjoni li għandhom ikunu akkumpanjati minn memorandum ta' spjegazzjoni li jispjega kif huma jirrispettaw il-prinċipju ta' “la tagħmilx ħsara” (24);

11.

Jenfasizza li l-emendi adottati mill-Parlament Ewropew fis-17 ta' Diċembru 2020 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011 (25), li ġew adottati fil-Parlament bħala bażi għal negozjati mal-Kunsill, jiddikjaraw li l-Kummissjoni ma għandhiex tawtorizza OĠM meta ma jkunx hemm maġġoranza kwalifikata tal-Istati Membri favur; jinsisti li l-Kummissjoni tirrispetta din il-pożizzjoni u jistieden lill-Kunsill jipproċedi bil-ħidma tiegħu u jadotta approċċ ġenerali dwar dan il-fajl bħala kwistjoni ta' urġenza;

12.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1.

(2)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

(3)  Opinjoni Xjentifika tal-Bord tal-EFSA dwar l-Organiżmi Ġenetikament Modifikati dwar il-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata GMB 151 għall-użi ta' ikel u għalf, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 (l-applikazzjoni EFSA-GMO-NL-2018.153), EFSA Journal 2021; 19(4):6424, https://doi.org/10.2903/j.efsa.2021.6424.

(4)  Fit-tmien leġiżlatura tiegħu, il-Parlament adotta 36 riżoluzzjoni li joġġezzjonaw għall-awtorizzazzjoni tal-OĠM. Barra minn hekk, fid-disa' leġiżlatura tiegħu, il-Parlament adotta r-riżoluzzjonijiet li ġejjin:

—

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ottubru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn qamħirrum ġenetikament modifikat MZHG0JG (SYN-ØØØJG-2), skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2019)0028).

—

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ottubru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn fażola tas-sojja ġenetikament modifikata A2704-12 (ACS-GMØØ5-3) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2019)0029).

—

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ottubru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 89034 × 1507 × MON 88017 × 59122 × DAS-40278-9, u qamħirrum ġenetikament modifikat li jikkombina żewġ, tlieta jew erba' mill-eventi uniċi MON 89034, 1507, MON 88017, 59122 u DAS-40278-9 skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2019)0030).

—

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Novembru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn qoton ġenetikament modifikat LLCotton25 (ACS-GHØØ1-3) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2019)0054).

—

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Novembru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 89788 (MON-89788-1), li jikkonsistu minn tali fażola tas-sojja jew li huma prodotti minnha skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2019)0055).

—

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Novembru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom qamħirrum ġenetikament modifikat MON 89034 × 1507 × NK603 × DAS-40278-9 u s-subkombinazzjonijiet MON 89034 × NK603 × DAS-40278-9, 1507 × NK603 × DAS-40278-9 u NK603 × DAS-40278-9, li jikkonsistu minn tali qamħirrum jew li huma prodotti minnu, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2019)0056).

—

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Novembru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × MIR162 × MIR604 × 1507 × 5307 × GA21, li jikkonsistu minn tali qamħirrum jew li huma prodotti minnu u qamħirrum ġenetikament modifikat li jikkombina tnejn, tlieta, erbgħa jew ħamsa mill-eventi uniċi Bt11, MIR162, MIR604, 1507, 5307 u GA21 skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2019)0057).

—

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Mejju 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 87708 × MON 89788 × A5547-127, li jikkonsistu minnha jew li huma prodotti minnha, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2020)0069).

—

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Novembru 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 87427 × MON 89034 × MIR162 × NK603, u qamħirrum ġenetikament modifikat li jikkombina tnejn jew tlieta mill-eventi uniċi MON 87427, MON 89034, MIR162 u NK603, u li tħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1111, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2020)0291).

—

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Novembru 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn fażola tas-sojja ġenetikament modifikata SYHT0H2 (SYN-ØØØH2-5), skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2020)0292).

—

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Novembru 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 87427 × MON 87460 × MON 89034 x MIR162 x NK603, ikunu jikkonsistu minnu jew li jkunu magħmulin minnu, u l-qamħirrum ġenetikament modifikat li jgħaqqad tnejn, tlieta jew erbgħa mill-avvenimenti MON 87427, MON 87460, MON 89034, MIR162 u NK603, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2020)0293).

—

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 87751 × MON 87701 × MON 87708 × MON 89788, li jikkonsistu minnha jew li huma prodotti minnha, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2020)0365).

—

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 87427 × MON 89034 × MIR162 × MON 87411 u l-qamħirrum ġenetikament modifikat li jikkombina tnejn jew tlieta mill-eventi uniċi MON 87427, MON 89034, MIR162 u MON 87411, li jikkonsistu minnhom jew li huma prodotti minnhom, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2020)0366).

—

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat MIR604 (SYN-IR6Ø4-5) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2020)0367).

—

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li ġġedded l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 88017 (MON-88Ø17-3), li jikkonsistu minnu jew li huma prodotti minnu, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2020)0368).

—

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li ġġedded l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 89034 (MON-89Ø34-3), li jikkonsistu minnu jew li huma prodotti minnu skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2020)0369).

—

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2021 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn qoton ġenetikament modifikat GHB614 × T304-40 × GHB119 skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2021)0080).

—

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2021 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat MZIR098 (SYN-ØØØ98-3), li jikkonsistu minnu jew li jkunu prodotti minnu, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2021)0081).

—

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2021 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn fażola tas-sojja ġenetikament modifikata DAS-81419-2 × DAS–44406–6, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2021)0334).

—

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2021 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, li jikkonsistu minn jew li jkunu prodotti minn qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 × MIR162 × MON810 × NK603 u qamħirrum ġenetikament modifikat li jikkombina tnejn jew tlieta mill-eventi uniċi 1507, MIR162, MON810 u NK603, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2021)0335).

—

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2021 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li ġġedded l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt 11 (SYN-BTØ11-1), li jikkonsistu minnu jew li huma prodotti minnu skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2021)0336).

(5)  Opinjoni tal-EFSA, p. 6 u 7.

(6)  Ara, pereżempju, Bonny, S., “Genetically Modified Herbicide-Tolerant Crops, Weeds, and Herbicides: Overview and Impact” (Għelejjel, Ħaxix Ħażin, u Erbiċidi Ġenetikament Modifikati Tolleranti għall-Erbiċidi), Environmental Management, Jannar 2016; 57(1), pp. 31-48, https://www.ncbi.nlm.nih.gov/pubmed/26296738 u Benbrook, C.M., “Impacts of genetically engineered crops on pesticide use in the U.S. – the first sixteen years” (L-impatti ta' għelejjel modifikati ġenetikament fuq l-użu tal-pestiċidi fl-Istati Uniti – l-ewwel sittax-il sena), Environmental Sciences Europe; it-28 ta' Settembru 2012, Vol 24(1), https://enveurope.springeropen.com/articles/10.1186/2190-4715-24-24.

(7)  https://echa.europa.eu/substance-information/-/substanceinfo/100.114.433

(8)  Konklużjoni tal-EFSA dwar ir-rieżami bejn il-pari tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi tas-sustanza attiva mesotrione, EFSA Journal 2016; 14(3):4419, p. 3, https://doi.org/10.2903/j.efsa.2016.4419.

(9)  Opinjoni tal-EFSA, p. 16.

(10)  MacIntosh, S.C., Kishore, G.M., Perlak, F.J., Marrone, P.G., Stone, T.B., Sims, S.R., Fuchs, R.L., “Potentiation of Bacillus thuringiensis insecticidal activity by serine protease inhibitors” (Il-potenzjalità tal-attività insettiċida Bacillus thuringiensis minn inibituri tas-serine protease), Journal of Agricultural and Food Chemistry 1990, 38, pp. 1145-1152, https://pubs.acs.org/doi/abs/10.1021/jf00094a051

(11)  Għal rieżami, ara Rubio-Infante, N., Moreno-Fierros, L., “An overview of the safety and biological effects of Bacillus thuringiensis Cry toxins in mammals” (Ħarsa ġenerali lejn l-effetti tas-sikurezza u dawk bijoloġiċi tal-Bacillus thuringiensis tat-tossini Cry fil-mammiferi), Journal of Applied Toxicology, Mejju 2016, 36(5), pp. 630, 648,https://onlinelibrary.wiley.com/doi/full/10.1002/jat.3252

(12)  https://www.sciencedirect.com/science/article/pii/S0278691516300722?via%3Dihub

(13)  Il-kummenti tal-Istati Membri dwar il-fażola tas-sojja ĠM jistgħu jiġu aċċessati mir-reġistru tal-mistoqsijiet tal-EFSA: https://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/5946

(14)  Il-Kummissjoni “tista'”, u mhux “għandha”, tkompli bl-awtorizzazzjoni jekk ma jkun hemm l-ebda maġġoranza kwalifikata ta' Stati Membri favur il-Kumitat tal-Appell, skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 (l-Artikolu 6(3)).

(15)  https://www.ohchr.org/EN/Issues/Food/Pages/Pesticides.aspx

(16)  https://www.un.org/sustainabledevelopment/health/

(17)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Lulju 2019 bit-titolu “It-Tisħiħ tal-Azzjoni tal-UE għall-Protezzjoni u għar-Restawr tal-Foresti tad-Dinja” (COM(2019)0352), p. 1.

(18)  Ara l-mira 15.2: https://www.un.org/sustainabledevelopment/biodiversity/.

(19)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Lulju 2019 bit-titolu “It-Tisħiħ tal-Azzjoni tal-UE għall-Protezzjoni u għar-Restawr tal-Foresti tad-Dinja” (COM(2019)0352), p. 2.

(20)  Servizz Internazzjonali għall-Akkwist ta' Applikazzjonijiet Agrobijoteknoloġiċi, “Global status of commercialized biotech/GM crops in 2017: Biotech Crop Adoption Surges as Economic Benefits Accumulate in 22 Years” (Status globali ta' għelejjel bijoteknoloġiċi/ĠM kummerċjalizzati fl-2017: L-Adozzjoni tal-Għelejjel Bijoteknoloġiċi Tiżdied hekk kif il-Benefiċċji Ekonomiċi Jakkumulaw fi 22 sena), ISAAA Nota Nru 53 (2017), pp. 16 u 21, https://www.isaaa.org/resources/publications/briefs/53/download/isaaa-brief-53-2017.pdf.

(21)  Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).

(22)  https://tillymetz.lu/wp-content/uploads/2020/09/Co-signed-letter-MEP-Metz.pdf

(23)  Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (ĠU C 270, 7.7.2021, p. 2), il-paragrafu 64.

(24)  Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (ĠU C 270, 7.7.2021, p. 2), il-paragrafu 102.

(25)  Testi adottati, P9_TA(2020)0364.