|
26.10.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 379/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/1868
tal-15 ta’ Ottubru 2021
dwar linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 148(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),
Wara li kkonsulta lill-Kumitat tar-Reġjuni,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi (3),
Billi:
|
(1) |
L-Istati Membri u l-Unjoni jridu jaħdmu biex tiġi żviluppata strateġija kkoordinata għall-impjiegi u b'mod partikolari biex tiġi promossa forza tax-xogħol b'ħiliet, imħarrġa u adattabbli, kif ukoll swieq tax-xogħol li jkunu orjentati lejn il-ġejjieni u jwieġbu għat-tibdil ekonomiku, bil-ħsieb li jinkisbu l-objettivi ta' livell massimu ta' impjiegi u progress soċjali, tkabbir ibbilanċjat, livell għoli ta' protezzjoni u titjib tal-kwalità tal-ambjent stabbiliti fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). L-Istati Membri jridu jikkunsidraw il-promozzjoni tal-impjiegi bħala kwistjoni ta' interess komuni u jridu jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom f'dak ir-rigward fi ħdan il-Kunsill, filwaqt li jqisu l-prattiki nazzjonali marbutin mar-responsabbiltajiet ta' min imexxi u tal-ħaddiema. |
|
(2) |
L-Unjoni trid tiġġieled kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni, u tippromwovi l-ġustizzja u l-protezzjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal kif stabbilit fl-Artikolu 3 TUE. Meta tiddefinixxi u timplimenta l-politiki u l-attivitajiet tagħha, l-Unjoni trid tqis ir-rekwiżiti marbuta mal-promozzjoni ta' livell għoli ta' impjiegi, il-garanzija ta' protezzjoni soċjali adegwata, il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, livell għoli ta' edukazzjoni u taħriġ u l-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem kif stabbilit fl-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). |
|
(3) |
F'konformità mat-TFUE, l-Unjoni żviluppat u implimentat strumenti ta' koordinazzjoni tal-politika għall-politiki ekonomiċi u tal-impjiegi. Bħala parti minn dawk l-istrumenti, il-Linji Gwida għall-Politiki dwar l-Impjiegi tal-Istati Membri ("il-Linji Gwida") stabbiliti fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1512 (4), flimkien mal-Linji Gwida Ġenerali għall-Politiki Ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1184 (5), jiffurmaw il-Linji Gwida Integrati. Dawn għandhom jiggwidaw l-implimentazzjoni tal-politika fl-Istati Membri u fl-Unjoni, li tirrifletti l-interdipendenza bejn l-Istati Membri. Is-sett li jirriżulta ta' politiki u riformi kkoordinati Ewropej u nazzjonali jikkostitwixxi taħlita sostenibbli u ġenerali xierqa ta' politiki ekonomiċi u tal-impjiegi li jenħtieġ li tikseb effetti kollaterali pożittivi. |
|
(4) |
Il-Linji Gwida huma konsistenti mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, mal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni u ma' inizjattivi varji tal-Unjoni, inkluż ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2014 (6) , 15 ta' Frar 2016 (7) , 19 ta' Diċembru 2016 (8), 15 ta' Marzu 2018 (9) , 22 ta' Mejju 2018 (10), 22 ta' Mejju 2019 (11) , 8 ta' Novembru 2019 (12), 30 ta' Ottubru 2020 (13) u 24 ta' Novembru 2020 (14) , ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/402 (15) u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1004 (16). |
|
(5) |
Is-Semestru Ewropew jiġbor flimkien strumenti differenti f'qafas ġenerali għall-koordinazzjoni u s-sorveljanza ta' politiki ekonomiċi u tal-impjiegi multilaterali integrati. Filwaqt li jsegwi s-sostenibbiltà ambjentali, il-produttività, il-ġustizzja u l-istabbiltà, is-Semestru Ewropew jintegra l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u tal-għodda ta' monitoraġġ tiegħu, it-Tabella ta' Valutazzjoni Soċjali, u jipprovdi għall-impenn qawwi mas-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati oħra. Jappoġġa t-twettiq tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli. Jenħtieġ li l-politiki dwar l-impjiegi u dawk ekonomiċi tal-Unjoni u tal-Istati Membri jimxu id f'id mat-tranżizzjoni tal-Ewropa lejn ekonomija b'impatt newtrali fuq il-klima, ambjentalment sostenibbli u diġitali, filwaqt li jtejbu l-kompetittività, jiżguraw kundizzjonijiet xierqa tax-xogħol, irawmu l-innovazzjoni, jippromwovu l-ġustizzja soċjali u l-opportunitajiet indaqs, kif ukoll jindirizzaw l-inugwaljanzi u d-disparitajiet reġjonali. |
|
(6) |
It-tibdil fil-klima u l-isfidi relatati mal-ambjent, il-globalizzazzjoni, id-diġitalizzazzjoni, l-intelliġenza artifiċjali, it-telexogħol, l-ekonomija tal-pjattaformi u l-bidla demografika se jittrasformaw l-ekonomiji u s-soċjetajiet Ewropej. L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom jaħdmu flimkien biex jindirizzaw b'mod effettiv dawk il-fatturi strutturali u jadattaw is-sistemi eżistenti kif meħtieġ, filwaqt li jirrikonoxxu l-interdipendenza mill-qrib tal-ekonomiji u s-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri u l-politiki relatati. Dak jirrikjedi azzjoni ta' politika kkoordinata, ambizzjuża u effettiva kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll fil-livell nazzjonali, f'konformità mat-TFUE u d-dispożizzjonijiet tal-Unjoni dwar il-governanza ekonomika, u b'kunsiderazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Jenħtieġ li azzjoni ta' politika bħal din tinkludi spinta għall-investiment sostenibbli, impenn imġedded għal riformi b'sekwenza xierqa li jtejbu t-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità, il-produttività, il-kundizzjonijiet xierqa tax-xogħol, il-koeżjoni soċjali u territorjali, il-konverġenza 'l fuq, ir-reżiljenza u l-eżerċizzju ta' responsabbiltà fiskali. Jenħtieġ li tikkombina miżuri min-naħa tal-provvista u min-naħa tad-domanda, filwaqt li tqis l-impatti tagħhom mil-lat ambjentali, soċjali u tal-impjiegi. |
|
(7) |
Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni pproklamaw il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (17). Huwa jistabbilixxi għoxrin prinċipju u dritt biex jappoġġaw swieq tax-xogħol u sistemi ta' protezzjoni soċjali ġusti u li jiffunzjonaw tajjeb, strutturati fuq il-bażi ta' tliet kategoriji: opportunitajiet indaqs u aċċess għas-suq tax-xogħol, kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u protezzjoni u inklużjoni soċjali. Il-prinċipji u d-drittijiet jagħtu direzzjoni lill-istrateġija tal-Unjoni, filwaqt li jiżguraw li t-tranżizzjonijiet għan-newtralità klimatika u s-sostenibbiltà ambjentali, id-diġitalizzazzjoni u l-bidla demografika jkunu soċjalment ekwi u ġusti. Il- Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, flimkien mat-Tabella ta' Valutazzjoni Soċjali li takkumpanjah, jikkostitwixxi qafas ta' referenza għall-monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-impjiegi u soċjali tal-Istati Membri, biex imexxi r-riformi fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali u biex jirrikonċilja s-suq "soċjali" u s-"suq" fl-ekonomija moderna tal-lum, inkluż permezz tal-promozzjoni tal-ekonomija soċjali. Fl-4 ta' Marzu 2021, il-Kummissjoni ressqet Pjan ta' Azzjoni għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali ("il-Pjan ta’ Azzjoni"), inkluż miri ewlenin ambizzjużi iżda realistiċi u submiri komplementari għall-2030, fl-oqsma tal-impjiegi, tal-ħiliet, tal-edukazzjoni u protezzjoni soċjali. |
|
(8) |
Fit-8 ta' Mejju 2021, fis-Summit Soċjali ta' Porto, il-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern irrikonoxxew il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali bħala element fundamentali tal-irkupru, filwaqt li nnutaw li l-implimentazzjoni tiegħu se ssaħħaħ l-isforz tal-Unjoni lejn tranżizzjoni diġitali, ekoloġika u ġusta u tikkontribwixxi għall-kisba ta' konverġenza ekonomika u soċjali 'l fuq u għall-indirizzar ta' sfidi demografiċi. Enfasizzaw li d-dimensjoni soċjali, id-djalogu soċjali u l-involviment attiv tas-sħab soċjali huma fil-qalba ta' ekonomija soċjali ta' suq kompetittiva ħafna. Huma sabu li l-Pjan ta' Azzjoni jipprovdi gwida utli għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, inkluż fl-oqsma tal-impjiegi, tal-ħiliet, tas-saħħa u tal-protezzjoni soċjali. Kienu sodisfatti bil-miri ewlenin il-ġodda tal-Unjoni għall-2030 dwar l-impjiegi (78 % tal-popolazzjoni ta' età ta' bejn 20 u 64 sena jenħtieġ li jkollhom impjieg), il-ħiliet (60 % tal-adulti kollha jenħtieġ li jipparteċipaw f'taħriġ kull sena) u t-tnaqqis tal-faqar (b'mill-inqas 15-il miljun persuna, inkluż ħames miljun tifel u tifla), kif ukoll it-Tabella ta' Valutazzjoni Soċjali riveduta bil-ħsieb li jiġi mmonitorjat il-progress lejn l-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali bħala parti mill-qafas ta' koordinazzjoni tal-politika fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. Barra minn hekk, innotaw li, issa li l-Ewropa qed tibda tirkupra gradwalment mill-pandemija tal-COVID-19, il-prijorità se tkun li nimxu mill-protezzjoni għall-ħolqien tal-impjiegi u t-titjib tal-kwalità tal-impjiegi, u enfasizzaw li l-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali se tkun essenzjali biex jiġi żgurat il-ħolqien ta' aktar impjiegi u impjiegi aħjar għal kulħadd fil-qafas ta' rkupru inklużiv. Enfasizzaw l-impenn tagħhom għall-għaqda u s-solidarjetà, li jfisser ukoll li jiġu żgurati opportunitajiet indaqs għal kulħadd u li ħadd ma jitħalla lura. Affermaw id-determinazzjoni tagħhom, kif stabbilit mill-Aġenda Strateġika 2019-2024 tal-Kunsill Ewropew , li jkomplu japprofondixxu l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fil-livelli tal-Unjoni u dak nazzjonali, bil-konsiderazzjoni dovuta għall-kompetenzi rispettivi u l-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. Fl-aħħar nett, huma enfasizzaw l-importanza li jiġi segwit mill-qrib, inkluż fl-ogħla livell, il-progress miksub lejn l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-miri ewlenin tal-Unjoni għall-2030. |
|
(9) |
Ir-riformi fis-suq tax-xogħol, inkluż il-mekkaniżmi nazzjonali għall-iffissar tal-pagi, jenħtieġ li jsegwu l-prattiki nazzjonali tad-djalogu soċjali, bil-ħsieb li jiġu pprovduti pagi ġusti li jippermettu livell ta' għajxien deċenti u tkabbir sostenibbli. Jenħtieġ li jippermettu għall-opportunità meħtieġa għal kunsiderazzjoni wiesgħa tal-kwistjonijiet soċjoekonomiċi, inkluż titjib fis-sostenibbiltà, fil-kompetittività, fl-innovazzjoni, fil-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità, fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, fil-faqar fost dawk li jaħdmu, fl-edukazzjoni u l-ħiliet, fis-saħħa pubblika u l-inklużjoni, u fid-dħul reali. L-Istati Membri u l-Unjoni jenħtieġ li jiżguraw li l-impatt soċjali, tal-impjiegi u ekonomiku tal-pandemija tal-COVID-19 jittaffa u li t-tranżizzjonijiet ikunu soċjalment ġusti u xierqa. Jenħtieġ li jitkompla t-tisħiħ tal-irkupru u tal-isforz biex tiġi stabbilita soċjetà inklużiva u reżiljenti li fiha n-nies ikunu protetti u jkollhom is-setgħa biex jantiċipaw u jiġġestixxu l-bidla, u li fiha jistgħu jipparteċipaw attivament fis-soċjetà u fl-ekonomija. Hemm bżonn ta' sett koerenti ta' politiki attivi tas-suq tax-xogħol, li jikkonsistu f'inċentivi temporanji ta' reklutaġġ u ta' tranżizzjoni, politiki dwar il-ħiliet u servizzi tal-impjiegi imtejba, biex jiġu appoġġati t-tranżizzjonijiet tas-suq tax-xogħol, kif enfasizzat fir-Rakkomandazzjoni (UE) 2021/402. |
|
(10) |
Jenħtieġ li tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni fil-forom kollha tagħha, tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u jiġu appoġġati l-impjiegi taż-żgħażagħ. Jenħtieġ li jiġu żgurati l-aċċess u l-opportunitajiet għal kulħadd u jenħtieġ li jitnaqqsu l-faqar u l-esklużjoni soċjali, inkluż fejn jidħlu t-tfal, b'mod partikolari billi jiġu żgurati funzjonament effettiv tas-swieq tax-xogħol u sistemi tal-protezzjoni soċjali xierqa u inklużivi, u billi jitneħħew l-ostakli għall-edukazzjoni, it-taħriġ u l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, inkluż permezz ta' investimenti fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, u fil-ħiliet diġitali. L-aċċess f'waqtu u ugwali għal servizzi tal-kura fit-tul u tal-kura tas-saħħa bi prezz li jintlaħaq, inkluż il-prevenzjoni u l-promozzjoni tal-kura tas-saħħa, huwa partikolarment rilevanti fid-dawl tal- pandemija tal-COVID-19 u f'kuntest ta' soċjetajiet li qed jixjieħu. Jenħtieġ li l-persuni b'diżabbiltà li jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku u għall-iżvilupp soċjali jkomplu jilħqu l-potenzjal tagħhom. Mas-seħħ ta' mudelli ekonomiċi u kummerċjali ġodda fil-postijiet tax-xogħol tal-Unjoni, ir-relazzjonijiet tax-xogħol qed jinbidlu wkoll. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li r-relazzjonijiet tax-xogħol li jirriżultaw minn forom ġodda ta' xogħol iżommu u jsaħħu l-mudell soċjali tal-Ewropa. |
|
(11) |
Jenħtieġ li l-Linji Gwida Integrati jsawru l-bażi għal rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi li l-Kunsill jista' jindirizza lill-Istati Membri. B'segwitu għat-tnedija tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza permezz tar-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18), il-Kummissjoni aġġustat iċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew tal-2021 u pproponiet biss rakkomandazzjonijiet dwar is-sitwazzjoni baġitarja tal-Istati Membri fl-2021 kif previst skont il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. |
|
(12) |
L-Istati Membri għandhom jagħmlu użu sħiħ mir-REACT-EU stabbilit permezz tar-Regolament (UE) 2020/2221 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19), li jirrinforza l-fondi tal-politika ta' koeżjoni sal-2023, mill-Fond Soċjali Ewropew Plus stabbilit permezz tar-Regolament (UE) 2021/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20), mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u fondi oħrajn tal-Unjoni, fosthom il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta stabbilit permezz tar-Regolament (UE) 2021/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21) u InvestEU stabbilit permezz tar-Regolament (UE) 2021/523 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22), biex irawmu l-impjiegi, l-investimenti soċjali, l-inklużjoni soċjali u l-aċċessibbiltà, u biex jippromwovu l-opportunitajiet għat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol, it-tagħlim tul il-ħajja u l-edukazzjoni u t-taħriġ ta' kwalità għolja għal kulħadd, inkluż il-litteriżmu u l-ħiliet diġitali. L-Istati Membri għandhom ukoll jagħmlu użu sħiħ mill-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati stabbilit permezz tar-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23) biex jappoġġaw lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja b'riżultat ta' avvenimenti ta' ristrutturar kbar, bħall- pandemija tal-COVID-19, trasformazzjonijiet soċjoekonomiċi li huma r-riżultat tal-globalizzazzjoni, u l-bidliet teknoloġiċi u ambjentali. Filwaqt li l-Linji Gwida Integrati huma indirizzati lill-Istati Membri u lill-Unjoni, jenħtieġ li jiġu implimentati fi sħubija mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali kollha, bl-involviment mill-qrib tal-parlamenti, kif ukoll tas-sħab soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili. |
|
(13) |
Il-Kumitat tal-Impjiegi u l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali għandhom jimmonitorjaw il-mod li bih il-politiki rilevanti jiġu implimentati fid-dawl tal-linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi, skont il-mandati rispettivi tagħhom ibbażati fuq it-Trattat. Dawk il-Kumitati u korpi preparatorji oħra tal-Kunsill involuti fil-koordinazzjoni ta' politiki ekonomiċi u soċjali għandhom jaħdmu flimkien mill-qrib. Jenħtieġ li jiġi sostnut id-djalogu ta' politika bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri. |
|
(14) |
Il-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali ġie kkonsultat, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri, kif stabbiliti fl-Anness għad-Deċiżjoni (UE) 2020/1512, jinżammu għall-2021 u għandhom jitqiesu mill-Istati Membri fil-politiki dwar l-impjiegi u fil-programmi ta' riforma tagħhom.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fil-Lussemburgu, il-15 ta’ Ottubru 2021.
Għall-Kunsill
Il-President
J. CIGLER KRALJ
(1) Opinjoni tas-16 ta’ Settembru 2021 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Opinjoni tat-23 ta’ Settembru 2021 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(3) Opinjoni tal-24 ta’ Ġunju 2021 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1512 tat-13 ta' Ottubru 2020 dwar il-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (ĠU L 344, 19.10.2020, p. 22).
(5) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1184 tal-14 ta' Lulju 2015 dwar linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 192, 18.7.2015, p. 27).
(6) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2014 dwar Qafas tal-Kwalità għat-Traineeships, (ĠU C 88, 27.3.2014, p. 1).
(7) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Frar 2016 dwar l-integrazzjoni tal-persuni li ilhom qiegħda fis-suq tax-xogħol (ĠU C 67, 20.2.2016, p. 1).
(8) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-19 ta' Diċembru 2016 dwar Perkorsi ta' titjib tal-ħiliet: Opportunitajiet Ġodda għall-Adulti (ĠU C 484, 24.12.2016, p. 1).
(9) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2018 dwar Qafas Ewropew għal Apprendistati ta' Kwalità u Effettivi (ĠU C 153, 2.5.2018, p. 1).
(10) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2018 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (ĠU C 189, 4.6.2018, p. 1).
(11) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2019 dwar Sistemi ta' Edukazzjoni u Kura Bikrija ta' Kwalità Għolja tat-Tfal (ĠU C 189, 5.6.2019, p. 4).
(12) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Novembru 2019 dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom (ĠU C 387, 15.11.2019, p. 1).
(13) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Ottubru 2020 dwar Pont għall-Impjiegi - It-tisħiħ tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u li tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ April 2013 dwar l-istabbiliment ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ (ĠU C 372, 4.11.2020, p. 1).
(14) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2020 dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza (ĠU C 417, 2.12.2020, p. 1).
(15) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/402 tal-4 ta' Marzu 2021 dwar appoġġ attiv effettiv għall-impjiegi wara l-kriżi tal-COVID-19 (EASE) (ĠU L 80, 8.3.2021, p. 1).
(16) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1004 tal-14 ta' Ġunju 2021 li tistabbilixxi Garanzija Ewropea għat-Tfal (ĠU L 223, 22.6.2021, p. 14).
(17) Proklamazzjoni Interistituzzjonali dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (ĠU C 428, 13.12.2017, p. 10).
(18) Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).
(19) Ir-Regolament (UE) 2020/2221 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Diċembru 2020 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fir-rigward ta' riżorsi addizzjonali u arranġamenti ta' implimentazzjoni biex jipprovdi assistenza għat-trawwim ta' miżuri li jsewwu d-dannu kkawżat mill-kriżi fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi soċjali tagħha u għat-tħejjija ta' rkupru ekoloġiku, diġitali u reżiljenti tal-ekonomija (REACT-EU) (ĠU L 437, 28.12.2020, p. 30).
(20) Ir-Regolament (UE) 2021/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 21).
(21) Ir-Regolament (UE) 2021/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 1).
(22) Ir-Regolament (UE) 2021/523 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi l-Programm InvestEU u li jemenda r-Regolament (UE) 2015/1017 (ĠU L 107, 26.3.2021, p. 30).
(23) Ir-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' April 2021 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 (ĠU L 153, 3.5.2021, p. 48)