|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/3179 |
20.12.2024 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/3179
tad-19 ta’ Diċembru 2024
li temenda d-Deċiżjonijiet (UE) 2017/175, (UE) 2018/1702 u (UE) 2019/70 fir-rigward tal-perjodu ta’ validità tal-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE u tar-rekwiżiti ta’ valutazzjoni u ta’ verifika relatati
(notifikata bid-dokument C(2024) 8921)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar skema ta’ Ekotikketta tal-UE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(2) tiegħu,
Wara li kkonsultat il-Bord tal-Ekotikkettar tal-Unjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 jipprevedi li l-Ekotikketta tal-UE tista’ tingħata lill-prodotti b’impatt ambjentali mnaqqas tul iċ-ċiklu kollu ta’ ħajjithom. Għandhom jiġu stabbiliti kriterji speċifiċi tal-Ekotikketta tal-UE għal kull grupp ta’ prodotti. |
|
(2) |
Bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/175 (2), il-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE ġew stabbiliti għall-grupp ta’ prodotti “akkomodazzjoni turistika”. Il-validità ta’ dawk il-kriterji u tar-rekwiżiti ta’ valutazzjoni u ta’ verifika relatati se tiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2025. |
|
(3) |
Bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1702 (3), il-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE ġew stabbiliti għall-grupp ta’ prodotti “lubrikanti”. Il-validità ta’ dawk il-kriterji u tar-rekwiżiti ta’ valutazzjoni u ta’ verifika relatati se tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2024. |
|
(4) |
Bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/70 (4), il-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE ġew stabbiliti għall-gruppi ta’ prodotti “karta grafika” u “karta tixju u prodotti tat-tixju”. Il-validità ta’ dawk il-kriterji u tar-rekwiżiti ta’ valutazzjoni u ta’ verifika relatati se tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2024. |
|
(5) |
F’konformità mas-sejbiet tal-Kontroll tal-Idoneità tal-Ekotikketta tal-UE (REFIT) tat-30 ta’ Ġunju 2017 (5), il-Kummissjoni, flimkien mal-Bord tal-Ekotikkettar tal-UE, ivvalutat u kkonfermat ir-rilevanza tal-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għall-gruppi ta’ prodotti msemmija hawn fuq għall-iskema tal-Ekotikketta tal-UE, filwaqt li implimentat soluzzjonijiet biex jittejbu s-sinerġiji bejn il-gruppi ta’ prodotti u biex jiżdied l-użu tal-Ekotikketta tal-UE. |
|
(6) |
Il-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq żvelaw li, għall-gruppi ta’ prodotti tal-lubrikanti, tal-karta grafika, tal-karta tixju u tal-prodotti tat-tixju, il-kriterji tqiesu li kienu għadhom aġġornati u li x’aktarx se jibqgħu hekk fil-futur qrib. Konsegwentement, jenħtieġ li r-reviżjonijiet għall-kriterji msemmija hawn fuq jiġu differiti biex il-leġiżlazzjoni settorjali li qed tevolvi tkun tista’ tiġi integrata u biex żgur ikun hemm allinjament u koerenza ma’ politiki oħra għall-prodotti li qed twettaq l-UE bħalissa. Għall-grupp ta’ prodotti tal-akkomodazzjoni turistika, se tkun meħtieġa reviżjoni sabiex jiġu aġġornati l-kriterji u tiġi żgurata l-koerenza mal-inizjattivi tal-UE li ġejjin dwar it-turiżmu sostenibbli. Sadattant, jenħtieġ li l-kriterji jibqgħu validi. |
|
(7) |
Sabiex tiġi ffaċilitata l-koordinazzjoni tal-Kummissjoni tal-proċess ta’ reviżjoni flimkien mal-inizjattivi leġiżlattivi li ġejjin, u biex jiġu kkonsolidati l-isforzi kull meta jkun fattibbli, huwa rrakkomandat li tiġi estiża l-validità tal-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE deskritti fid-Deċiżjonijiet (UE) 2017/175, (UE) 2018/1702, u (UE) 2019/70. |
|
(8) |
Sabiex ikun hemm biżżejjed żmien biex jiġu ffinalizzati l-proċessi ta’ reviżjoni u biex tiġi żgurata l-kontinwità tas-suq għad-detenturi tal-liċenzji bejn il-verżjonijiet attwali u l-verżjonijiet riveduti tal-kriterji, jenħtieġ li l-perjodu ta’ validità tal-kriterji attwali u tar-rekwiżiti ta’ valutazzjoni u ta’ verifika relatati jiġi estiż sal-31 ta’ Diċembru 2027 għall-grupp ta’ prodotti tal-akkomodazzjoni turistika, u sal-31 ta’ Diċembru 2028 għall-gruppi ta’ prodotti tal-lubrikanti, tal-karta grafika, tal-karta tixju u tal-prodotti tat-tixju. |
|
(9) |
Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjonijiet (UE) 2017/175, (UE) 2018/1702 u (UE) 2019/70 jiġu emendati kif xieraq. |
|
(10) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 66/2010, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Emenda tad-Deċiżjoni (UE) 2017/175
L-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni (UE) 2017/175 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 6
Il-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għall-grupp ta’ prodotti “akkomodazzjoni turistika” u r-rekwiżiti ta’ valutazzjoni u ta’ verifika relatati għandhom ikunu validi sal-31 ta’ Diċembru 2027.”.
Artikolu 2
Emenda tad-Deċiżjoni (UE) 2018/1702
L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni (UE) 2018/1702 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 4
Il-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għall-grupp ta’ prodotti “lubrikanti” u r-rekwiżiti ta’ valutazzjoni u ta’ verifika relatati għandhom ikunu validi sal-31 ta’ Diċembru 2028.”.
Artikolu 3
Emenda tad-Deċiżjoni (UE) 2019/70
L-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni (UE) 2019/70 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 5
Il-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għall-gruppi ta’ prodotti “karta grafika” u “karta tixju u prodotti tat-tixju” u r-rekwiżiti ta’ valutazzjoni u ta’ verifika relatati għal kull grupp ta’ prodotti għandhom ikunu validi sal-31 ta’ Diċembru 2028.”.
Artikolu 4
Destinatarji
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2024.
Għall-Kummissjoni
Jessika ROSWALL
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 27, 30.1.2010, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/66/oj.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/175 tal-25 ta’ Jannar 2017 dwar l-istabbiliment ta’ kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għall-akkomodazzjoni turistika (ĠU L 28, 2.2.2017, p. 9, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/175/oj).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1702 tat-8 ta’ Novembru 2018 li tistabbilixxi l-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għal-lubrikanti (ĠU L 285, 13.11.2018, p. 82, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2018/1702/oj).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/70 tal-11 ta’ Jannar 2019 li tistabbilixxi l-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għall-karta grafika u l-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għall-karta tixju u l-prodotti tat-tixju (ĠU L 15, 17.1.2019, p. 27, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/70/oj).
(5) Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-rieżami tal-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-parteċipazzjoni volontarja ta’ organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja ta’ ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS) u tar-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar skema ta’ Ekotikketta tal-UE [COM(2017) 355].
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/3179/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)