IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 15.7.2020
COM(2020) 317 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar il-konformità tal-Awtorita Bankarja Ewropea mar-rekwiżiti rigward il-post tas-sede tagħha
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 15.7.2020
COM(2020) 317 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar il-konformità tal-Awtorita Bankarja Ewropea mar-rekwiżiti rigward il-post tas-sede tagħha
1 Introduzzjoni
Fil-kuntest tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, is-27 Stat Membru l-ieħor, li ltaqgħu fil-marġini tal-Kunsill, għażlu lil Pariġi, Franza bħala s-sede l-ġdida tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA - European Banking Authority) 1 .
Il-post tas-sede tal-EBA huwa stabbilit fl-Artikolu 7 tar-Regolament ta’ twaqqif tal-EBA 2 (ir-Regolament EBA), li għalhekk kellu jiġi emendat 3 biex is-sede tiġi rilokata minn Londra għal Pariġi. Minbarra t-tibdil tal-post tas-sede, l-emenda għar-regolament EBA introduċiet ukoll ċerti rekwiżiti ġodda fir-rigward tal-konsegwenzi tal-post tas-sede kif ukoll obbligu għall-Kummissjoni li tippubblika rapport sat-30 ta’ Marzu 2019 u kull 12-il xahar wara dan dwar il-konformità tal-EBA ma’ dawn ir-rekwiżiti.
Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament EBA: “Il-post tas-sede tal-Awtorità ma għandux jaffettwa l-eżekuzzjoni tal-kompiti u tas-setgħat tal-Awtorità, l-organizzazzjoni tal-istruttura ta’ governanza tagħha, l-operat tal-organizzazzjoni prinċipali tagħha, jew il-finanzjament prinċipali tal-attivitajiet tagħha, filwaqt li jippermetti, fejn ikun applikabbli, il-kondiviżjoni ma’ aġenziji tal-Unjoni ta’ servizzi ta’ appoġġ amministrattiv u ta’ ġestjoni tal-faċilitajiet li ma jkunux relatati mal-attivitajiet ewlenin tal-Awtorità”.
L-EBA pprovdiet il-kontribut meħtieġ biex tissodisfa dawn ir-rekwiżiti ta’ rapportar. L-ewwel rapport ġie ppubblikat fl-2019 4 . Dan hu t-tieni rapport skont l-obbligu l-ġdid ta’ rappurtar.
2 Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali tal-EBA
Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali (minn hawn’ il quddiem, HQA - Headquarters Agreement) mal-Gvern Franċiż ġie ffirmat f’Pariġi fis-6 ta’ Marzu 2019. L-EBA qed tistenna konferma tat-tlestija tal-proċeduri meħtieġa mil-liġi Franċiża biex l-HQA jidħol fis-seħħ – dan jinkludi ratifika mill-Parlament Franċiż. L-iffirmar tal-HQA ma affettwax l-operazzjonijiet u l-governanza tal-EBA.
Minbarra li jirrifletti r-rekwiżiti tal-Protokoll Nru 7 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea 5 , l-HQA jistabbilixxi l-privileġġ għall-persunal li jiġi rilokat minn Londra għal Pariġi li jixtri karozza ħielsa mit-taxxa fi żmien tnax-il xahar mir-rilokazzjoni, privileġġ li ġie estiż għall-persunal b’nazzjonalità Franċiża. Sat-13 ta’ Marzu 2020, mill-175 membru tal-persunal intitolat li jagħmel użu minn dan il-privileġġ, 10 rreġistraw il-vetturi tagħhom taħt dan il-privileġġ u erba’ oħra qed jistennew il-finalizzazzjoni tal-proċedura.
L-HQA jorbot ukoll lill-gvern Franċiż biex jinvolvi ruħu fi proċess biex jistabbilixxi Skola Ewropea fir-Reġjun ta’ Pariġi. Skola Ewropea tat-tip II infetħet f’Courbevoie f’Settembru 2019 u attwalment għaddejja mill-proċess ta’ akkreditazzjoni tagħha. Ġie stabbilit ċiklu sħiħ tan-nursery u l-edukazzjoni primarja fis-sezzjoni Ingliża tal-iskola; madankollu, ċiklu sħiħ tal-edukazzjoni sekondarja fis-sezzjoni Ingliża għadu mhux disponibbli peress li l-klassijiet huma stabbiliti gradwalment. L-iskola għandha l-għan li jkollha ċiklu komplut tal-edukazzjoni sekondarja sa Settembru 2021. Is-sezzjoni Franċiża nfetħet għal klassijiet tan-nursery u parzjalment għaċ-ċiklu tal-edukazzjoni primarja. Iċ-ċiklu tal-edukazzjoni sekondarja se jinfetaħ f’Settembru 2021.
L-EBA impenjat ruħha wkoll mal-Uffiċċju tal-Protokoll tal-Ministeru Franċiż tal-Ewropa u l-Affarijiet Barranin u mal-awtoritajiet doganali Franċiżi biex tiżgura proċess bla xkiel fir-rigward tal-wasla tal-persunal u l-familji tagħhom fi Franza, il-provvediment ta’ permessi ta’ residenza speċjali, u l-applikazzjoni tal-privileġġi tat-taxxa għall-EBA. Fil-15 ta’ Mejju 2020, 139 membru tal-persunal u 67 membru tal-familja rċevew permessi ta’ residenza speċjali.
Il-Protokoll Nru 7 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jagħti lill-EBA eżenzjoni mill-VAT fuq ix-xiri ta’ oġġetti u servizzi meħtieġa għall-operat tal-Awtorità. L-EBA ppreżentat talbiet għal rimborż lill-gvern Franċiż għall-VAT imħallsa fuq oġġetti u servizzi pprovduti minn entitajiet Franċiżi fuq xiri bl-internet, u r-rimborż tat-talbiet preċedenti ġie rċevut.
3 Governanza, Operazzjonijiet u Eżekuzzjoni tal-Kompiti tal-EBA
Il-kompiti u s-setgħat tal-EBA, l-organizzazzjoni tal-istruttura ta’ governanza tagħha, l-operat tal-organizzazzjoni prinċipali tagħha, u l-finanzjament prinċipali tagħha ma kinux affettwati mir-rilokazzjoni tas-sede tal-EBA. L-EBA ilha kompletament operattiva fl-uffiċċji l-ġodda tagħha f’Pariġi mill-bidu ta’ Ġunju 2019.
L-EBA u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA - European Securities and Markets Authority) jikkoordinaw mill-qrib dwar il-proċeduri ta’ akkwist. L-EBA qed tipparteċipa f’żewġ kuntratti qafas li jirriżultaw minn proċeduri mmexxija mill-ESMA: għal servizzi ta’ konsulenza dwar it-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT - information and communications technology) u għal servizzi ta’ konsulenza dwar il-ġestjoni tal-faċilitajiet. L-ESMA stiednet ukoll lill-EBA biex tipparteċipa fil-proċedura ta’ akkwist li jmiss għal servizzi ta’ persunal interim, li magħha se tingħaqad l-EBA. L-ESMA ngħaqdet mal-proċedura ta’ akkwist tal-EBA għat-taħriġ tal-lingwi, li għalih ġew iffirmati kuntratti qafas f’Jannar 2020. L-EBA stiednet lill-ESMA (u lill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) biex tingħaqad mal-proċedura li ġejja tagħha biex takkwista servizzi ta’ qari tal-provi u editjar ta’ dokumenti, li għalihom huwa mistenni li jiġi ffirmat kuntratt qafas fl-2020. Iż-żewġ aġenziji attwalment qed jiddiskutu l-akkwist konġunt għal proċedura imminenti ta’ servizzi mediċi u għadd ta’ proċeduri oħra fil-qasam amministrattiv futuri.
Fit-8 ta’ Lulju 2019, il-Kummissjoni Ewropea approvat it-talba tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE) għar-regoli finanzjarji tagħhom biex jitbiegħdu minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Delegat (UE) 2019/715 6 sabiex ikunu jistgħu jingħaqdu fil-proċeduri ta’ akkwist immexxija mill-Bank Ċentrali Ewropew u l-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Akkwisti tal-Eurosistema (EPCO - Eurosystem Procurement Coordination Office). L-EBA taġixxi bħala punt ta’ kuntatt bejn l-EPCO u ż-żewġ ASE l-oħra u tikkoordina d-diskussjonijiet biex tidentifika u tingħaqad fil-proċeduri ta’ akkwist immexxija mill-EPCO. L-EIOPA taġixxi bħala punt ta’ kuntatt mal-BĊE.
L-EBA u l-ESMA jipparteċipaw ukoll f’network ta’ uffiċjali tal-akkwist ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali bbażati f’Pariġi. Bl-inizjattiva tal-ESMA, l-organizzazzjonijiet internazzjonali qed iqisu wkoll li jistabbilixxu laqgħat regolari fost il-kapijiet tal-amministrazzjoni.
4 Konklużjonijiet
Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, l-eżekuzzjoni min-naħa tal-EBA tal-kompiti u s-setgħat tagħha, l-istruttura ta’ governanza tagħha, l-organizzazzjoni ewlenija tagħha, u l-finanzjament tal-attivitajiet tagħha ma ġewx affettwati mir-rilokazzjoni tas-sede tal-EBA lejn Pariġi u mill-ftehimiet ta’ kooperazzjoni amministrattiva mal-ESMA u l-EIOPA deskritti hawn fuq, li mhumiex relatati mal-attivitajiet ewlenin tal-EBA.
Il-Kunsill Affarijiet Ġenerali (Art. 50), l-20 ta’ Novembru 2017: https://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2017/11/20/european-banking-authority-to-be-relocated-to-city-country/
Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea)(ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).
Ir-Regolament (UE) 2018/1717 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 fir-rigward tal-post tas-sede tal-Awtorità Bankarja Ewropea (ĠU L 291, 16.11.2018, p. 1).
COM(2019) 451 final.
ĠU C 202, 7.6.2016, p. 266-272.
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 tat-18 ta’ Diċembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju qafas għall-korpi mwaqqfin skont it-TFUE u t-Trattat Euratom u msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 122, 10.5.2019, p. 1)