|
25.3.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 79/42 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-20 ta’ Marzu 2009
li tikkonċerna l-abbozz ta’ Regolamenti mill-Irlanda dwar l-ittikkettjar tal-pajjiż tal-oriġini ta’ laħam tat-tjur, laħam tal-majjal u laħam tal-mogħoż
(notifikata taħt id-dokument numru C(2009) 1931)
(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2009/291/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Marzu 2000 dwar l-approssimazzjoni ta’ liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti tal-ikel (1), kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2003/89/KE (2), u b’mod partikolari l-Artikoli 19 u 20 tagħha,
Billi:
|
(1) |
Skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 19(2), tad-Direttiva 2000/13/KE, l-awtoritajiet Irlandiżi nnotifikaw lill-Kummissjoni fil-25 ta’ Ġunju 2008 b’abbozz ta’ Regolamenti dwar is-Saħħa li jikkonċernaw l-ittikkettjar obbligatorju tal-pajjiż tal-oriġini ta’ laħam tat-tjur, laħam tal-majjal u laħam tal-mogħoż. |
|
(2) |
L-abbozz ta’ Regolamenti jeħtieġ li l-laħam kollu tat-tjur, tal-majjal u tal-mogħoż, u l-ikel kollu li fih mill-inqas 70 % f’piż minn dawn il-laħmijiet, ikun jindika l-pajjiż tal-oriġini tagħhom b’tipa ċara li tinqara bl-ilsien Irlandiż u/jew Ingliż. L-“oriġini” hija definita bħala l-pajjiż li fih l-annimal ikun trabba għall-biċċa l-kbira ta’ ħajtu u, f’każ li jkun differenti, il-pajjiż fejn ikun inqatel. |
|
(3) |
Id-Direttiva 2000/13/KE tarmonizza r-regoli li jirregolaw l-ittikkettjar tal-prodotti tal-ikel billi tipprevedi, minn naħa, l-armonizzazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet nazzjonali u, mill-oħra, l-arranġamenti għal dispożizzjonijiet nazzjonali mhux armonizzati. L-ambitu tal-armonizzazzjoni huwa mfisser fl-Artikolu 3(1), li jelenka l-partikularitajiet li huma obbligatorji fuq l-ittikkettjar tal-prodotti tal-ikel, “skont l-Artikoli 4 sa 17 u soġġetti għall-eċċezzjonijiet li jinsabu fihom”. Barra minn hekk, l-Artikolu 4(2) jistipula li xi partikularitajiet oħra flimkien ma’ dawk elenkati fl-Artikolu 3(1) jistgħu jkunu meħtieġa, fil-każ ta’ prodotti tal-ikel speċifikati, minn dispożizzjonijiet Komunitarji jew, fin-nuqqas tagħhom, minn miżuri nazzjonali. |
|
(4) |
L-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 2000/13/KE jippermetti l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali mhux armonizzati jekk ikunu ġġustifikati skont waħda mir-raġunijiet elenkati fih, inklużi inter alia l-prevenzjoni ta’ frodi u l-ħarsien tas-saħħa pubblika, u sakemm ma jkunux ta’ natura tali li jwaqqfu l-applikazzjoni tad-definizzjonijiet u r-regoli stabbiliti mid-Direttiva 2000/13/KE; għaldaqstant meta fi Stat Membru jkun ġie propost abbozz ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali tal-ittikkettjar, jinħtieġ li tiġi eżaminata l-kompatibilità tagħhom mar-rekwiżiti msemmija hawn fuq u mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. |
|
(5) |
Skont l-Artikolu 3(1), il-punt 8, tad-Direttiva 2000/13/KE, l-indikazzjoni tal-post ta’ oriġini jew provenjenza hija obbligatorja “fejn in-nuqqas ta’ dawn il-partikularitajiet jista’ jqarraq lill-konsumatur sa ċertu grad materjali rigward l-oriġini jew il-provenjenza awtentika tal-prodott tal-ikel”. Din id-dispożizzjoni, billi tipprovdi obbligu biex tiġi indikata l-oriġini jew il-provenjenza ta’ prodott tal-ikel fejn indikazzjonijiet oħra fuq it-tikketta ta’ prodott partikolari jistgħu jimplikaw li dan il-prodott ġej minn oriġini differenti, tipprovdi mekkaniżmu xieraq biex wieħed jilqa’ għar-riskju li l-konsumaturi jiġu żgwidati. |
|
(6) |
Fil-każ ta’ laħam tat-tjur, laħam tal-majjal u laħam tal-mogħoż, ir-raġunijiet ippreżentati mill-awtoritajiet Irlandiżi ma jippermettux li jiġi konkluż li l-konsumaturi Irlandiżi jistgħu, bħala regola ġenerali, jaħsbu b’mod żbaljat li l-prodotti kkonċernati ġejjin minn ċertu post. |
|
(7) |
L-Irlanda ma pprovdiet l-ebda evidenza li l-abbozzi ta’ Regolamenti huma neċessarji biex jintlaħaq wieħed mill-objettivi tal-Artikolu 18 imsemmi hawn fuq jew li l-ostaklu hekk maħluq huwa proporzjonat. Din issemmi biss l-għan li l-konsumaturi jkunu mgħarrfa dwar l-oriġini tal-prodotti kkonċernati. Din ir-raġuni waħidha mhijiex biżżejjed biex tiġġustifika l-abbozz ta’ Regolamenti. |
|
(8) |
Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet, il-Kummissjoni ressqet opinjoni negattiva skont l-Artikolu 19, it-tielet paragrafu tad-Direttiva 2000/13/KE. |
|
(9) |
L-awtoritajiet Irlandiżi għandhom, għaldaqstant, jintalbu li ma jadottawx l-abbozzi ta’ Regolamenti kkonċernati. |
|
(10) |
Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu Uniku
L-Irlanda ma għandhiex tadotta l-abbozz ta’ Regolamenti dwar is-Saħħa (Il-Pajjiż tal-Oriġini ta’ Laħam tat-Tjur, Laħam tal-Majjal u Laħam tal-Mogħoż).
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Irlanda
Magħmula fi Brussell, 20 ta’ Marzu 2009.
Għall-Kummissjoni
Androulla VASSILIOU
Membru tal-Kummissjoni