European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/3195

20.12.2024

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/3195

tat-18 ta’ Diċembru 2024

li tistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-post taċ-Ċentru ta’ GOVSATCOM

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm Spazjali tal-Unjoni u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 912/2010, (UE) Nru 1285/2013 u, (UE) Nru 377/2014 u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 67(2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 67(1) tar-Regolament (UE) 2021/696 jipprevedi li s-segment ta’ fuq l-art tal-komponent tal-Komunikazzjoni Governattiva bis-Satellita tal-Unjoni Ewropea (GOVSATCOM, Government Satellite Communication) tal-Programm Spazjali tal-Unjoni għandu jinkludi l-infrastruttura meħtieġa biex tippermetti l-forniment tas-servizzi (2) lill-utenti ta’ GOVSATCOM, b’mod partikolari ċ-Ċentru ta’ GOVSATCOM.

(2)

Iċ-Ċentru ta’ GOVSATCOM għandu jkun l-element ewlieni tas-segment ta’ fuq l-art; għandu jinkorpora l-funzjonijiet ċentrali kollha għall-organizzazzjoni u l-ġestjoni tad-domanda u l-provvista. Iċ-Ċentru għandu jikkonnettja, b’mod sigur, lill-utenti ta’ GOVSATCOM mal-fornituri tal-kapaċità u tas-servizzi ta’ GOVSATCOM. Sabiex jittaffew ir-riskji għall-kontinwità tas-servizz, jenħtieġ li jiġi implimentat Ċentru ta’ GOVSATCOM f’diversi postijiet fiżiċi.

(3)

Sabiex jiġu attirati l-aħjar offerti possibbli, l-għażla tal-post għaċ-Ċentru ta’ GOVSATCOM kienet soġġetta għal proċess miftuħ u trasparenti. Għal dak l-għan, il-Kummissjoni bagħtet sejħa għal espressjoni ta’ interess lill-Istati Membri kollha biex jospitaw iċ-ċentru. Fid-dawl tal-proċeduri stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju tal-Unjoni (3), kumitat magħmul minn rappreżentanti tal-Kummissjoni u tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali (“il-kumitat”) evalwa dawk il-proposti abbażi ta’ kriterji operazzjonali u finanzjarji relatati mar-rekwiżiti tekniċi taċ-Ċentri ta’ GOVSATCOM, is-sigurtà (inklużi r-rekwiżiti ġenerali tas-sigurtà msemmija fl-Artikolu 34(2) tar-Regolament (UE) 2021/696 u stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2023)3204), ir-riskji, l-iskeda għall-implimentazzjoni, u l-kostijiet. Din l-evalwazzjoni kienet intiża sabiex jintlaħaq l-aktar proporzjon vantaġġuż bejn il-prezz u l-kwalità.

(4)

Il-Ġermanja, il-Greċja u l-Italja pproponew li ċ-Ċentru ta’ GOVSATCOM jiġi bbażat, rispettivament, f’Cologne, Agios Ioannis u Fucino. Wara l-evalwazzjoni tal-proposti u l-irtirar tal-proposta Taljana, il-kumitat irrakkomanda li s-siti f’Agios Ioannis u Cologne jenħtieġ li jospitaw iċ-ċentri.

(5)

Id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni jenħtieġ li jkun l-għada tal-pubblikazzjoni sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni bla xkiel tal-Programm; L-Istati Membri jeħtieġ li jiġu nnotifikati malajr kemm jista’ jkun biex jiżguraw l-implimentazjoni f’waqtha u operazzjonali tal-infrastruttura għaċ-Ċentru ta’ GOVSATCOM sabiex din tibda topera fil-ħin għall-kapaċità operazzjonali finali ta’ GOVSATCOM.

(6)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Programm stabbilit bl-Artikolu 107 tar-Regolament (UE) 2021/696, fil-konfigurazzjoni ta’ GOVSATCOM,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Iċ-Ċentri ta’ GOVSATCOM għandhom ikunu jinsabu f’Agios Ioannis (il-Greċja) u f’Cologne (il-Ġermanja), dment li l-Kummissjoni u kull wieħed mill-Istati Membri kkonċernati li jospitaw Ċentru ta’ GOVSATCOM ikunu kkonkludew ftehim ta’ ospitar fil-forma ta’ ftehim amministrattiv.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Diċembru 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 170, 12.5.2021, p. 69, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/696/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1054 tistabbilixxi l-portafoll tas-servizzi ta’ GOVSATCOM.

(3)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L, 2024/2509, 26.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2509/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/3195/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)