24.8.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 299/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1398

tal-4 ta’ Ġunju 2021

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2017/654 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1628 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aċċettazzjoni tal-approvazzjonijiet mogħtija f’konformità mar-Regolamenti Nri 49 u 96 tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1628 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 dwar ir-rekwiżiti relatati mal-limiti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet u partikolati inkwinanti u l-approvazzjoni tat-tip għall-magni b’kombustjoni interna għall-makkinarju mobbli mhux tat-triq, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1024/2012 u (UE) Nru 167/2013, u li jemenda u jħassar id-Direttiva 97/68/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 24(11), il-punti (b) u (c) tal-Artikolu 25(4), il-punt (c) tal-Artikolu 34(9), u l-punt (a) tal-Artikolu 42(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Is-servizzi tekniċi ġew fdati b’funzjonijiet ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fil-każ ta’ nuqqas ta’ aċċettazzjoni tar-rappreżentattività tal-magna referenzjarja proposta ta’ familja ta’ magni li jaħdmu bil-gass naturali/bijometan (NG) jew bil-gass likwifikat miż-żejt (LPG), inkluż magni li jużaw żewġ tipi ta’ fjuwil. Madankollu, meta jitqies l-impatt kumplessiv ta’ dawk id-deċiżjonijiet fuq il-proċess tal-approvazzjoni tat-tip, jenħtieġ li r-responsabbiltà għall-ħruġ ta’ dawk id-deċiżjonijiet tkun tal-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip.

(2)

Il-punt 11.4.2.1.4 tal-Appendiċi 1 tal-Anness IV tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/654 (2) jirrikjedi li l-counter, ladarba jkun wieqaf, ikun jista’ jiġi ssettjat mill-ġdid għal żero biss meta ma tkun ġiet identifikata l-ebda malfunzjoni fil-kontroll tal-NOx matul l-aħħar 40 siegħa ta’ tħaddim tal-magna. Il-verżjoni rilevanti tar-Regolament tan-NU/KEE Nru 49 teħtieġ, madankollu, li ma tiġi identifikata l-ebda malfunzjoni fil-kontroll tal-NOx matul l-aħħar 36 siegħa, minflok matul l-aħħar 40 siegħa, ta’ tħaddim tal-magna. Dan in-nuqqas ta’ allinjament jipprevjeni l-aċċettazzjoni tal-ekwivalenza tal-approvazzjonijiet tat-tip mogħtija skont il-verżjoni rilevanti tar-Regolament tan-NU/KEE Nru 49. Għalhekk, rekwiżit inqas strett ta’ minimu ta’ 36 siegħa jenħtieġ li jitqies suffiċjenti għall-finijiet tal-għoti ta’ approvazzjoni tat-tip tal-UE skont ir-Regolament (UE) 2016/1628.

(3)

Skont il-ħames paragrafu tal-punt 1 tal-Anness V tar-Regolament Delegat (UE) 2017/654, is-servizzi tekniċi jistgħu jeskludu l-punti operattivi minn kwalunkwe żona ta’ kontroll tal-magna għat-twettiq taċ-ċiklu tat-test f’qagħda statika mhux tat-triq. Madankollu, meta jitqies l-impatt ġenerali ta’ tali deċiżjonijiet fuq il-proċess tal-approvazzjoni tat-tip, huwa xieraq li jkun meħtieġ li l-awtoritajiet tal-approvazzjoni jaqblu ma’ tali esklużjonijiet.

(4)

Il-limiti tal-emissjonijiet, ir-rekwiżiti ġenerali u tekniċi u l-metodi tal-ittestjar stabbiliti fis-serje ta’ emendi 06 għar-Regolament tan-NU/KEE Nru 49 u fis-serje ta’ emendi 05 għar-Regolament tan-NU/KEE Nru 96 huma konsistenti ma’ dawk tar-Regolament (UE) 2016/1628, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 19 ta’ dak ir-Regolament. Għalhekk, l-approvazzjonijiet tat-tip mogħtija f’konformità mas-serje ta’ emendi 06 għar-Regolament tan-NU/KEE Nru 49 u s-serje ta’ emendi 05 għar-Regolament tan-NU/KEE Nru 96 jenħtieġ li jiġu rikonoxxuti bħala ekwivalenti għall-approvazzjonijiet tat-tip tal-UE mogħtija u għall-marka statutorja meħtieġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/1628, sa fejn awtorità tal-approvazzjoni tiżgura li l-manifattur jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2016/1628.

(5)

Sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2016/1628, jenħtieġ li l-manifattur tal-magni approvati f’konformità mas-serje ta’ emendi 06 għar-Regolament tan-NU/KEE Nru 49 jew mas-serje ta’ emendi 05 għar-Regolament tan-NU/KEE Nru 96 jitlob lil awtorità tal-approvazzjoni waħda jew aktar tissorvelja l-konformità tagħha mal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2016/1628.

(6)

Il-limiti tal-emissjonijiet, ir-rekwiżiti ġenerali u tekniċi u l-metodi tal-ittestjar stabbiliti fis-serje ta’ emendi 00, 01, 02, 03 u 04 (3) għar-Regolament tan-NU/KEE Nru 96 huma konsistenti ma’ dawk għall-Istadji I, II, IIIA, IIIB u IV tal-limiti tal-emissjonijiet ta’ inkwinanti stabbiliti fid-Direttiva 97/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), u għall-magni bi skop speċjali (SPE) li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-paragrafi 5 u 6 tal-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) 2016/1628. Għalhekk, l-approvazzjonijiet tat-tip mogħtija f’konformità mas-serje ta’ emendi 00, 01, 02, 03 u 04 għar-Regolament tan-NU/KEE Nru 96 jenħtieġ li jiġu rikonoxxuti bħala ekwivalenti għall-approvazzjonijiet tat-tip tal-KE mogħtija u għall-marka statutorja meħtieġa għall-Istadji I, II, IIIA, IIIB u IV f’konformità mad-Direttiva 97/68/KE u għall-approvazzjonijiet tat-tip tal-UE (SPE) għal magni bi skop speċjali mogħtija f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/1628.

(7)

Sabiex tkun tista’ ssir identifikazzjoni ċara tal-magna u biex tiġi żgurata l-konformità mad-dispożizzjonijiet amministrattivi applikabbli, il-magni li jitqiegħdu fis-suq f’konformità mal-approvazzjonijiet tat-tip mogħtija f’konformità mas-serje ta’ emendi 00, 01, 02, 03 u 04 għar-Regolament tan-NU/KEE Nru 96 jenħtieġ li jkunu akkumpanjati mid-dikjarazzjoni tal-konformità u mill-marka supplimentari applikabbli, f’konformità mal-Artikoli 31 u 32 (2) tar-Regolament (UE) 2016/1628.

(8)

Minn perspettiva teknika, ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament huma irrilevanti fir-rigward tar-rendiment tal-emissjonijiet tal-magni. Għalhekk huwa xieraq li l-approvazzjonijiet tat-tip tal-UE ta’ tip ta’ magna jew familja ta’ magni approvati f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2017/654, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fit-23 ta’ Awwissu 2021, jibqgħu validi.

(9)

Għaldaqstant ir-Regolament Delegat (UE) 2017/654 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament Delegat (UE) 2017/654

Ir-Regolament Delegat (UE) 2017/654 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 20a jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

“3.   L-approvazzjonijiet tat-tip tal-UE ta’ tip ta’ magna jew familja ta’ magni approvati f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2017/654 qabel l-24 ta’ Awwissu 2021, għandhom jibqgħu validi.”;

(2)

l-Annessi I, IV, V u XIII tar-Regolament Delegat (UE) 2017/654 huma emendati f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 252, 16.9.2016, p. 53.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/654 tad-19 ta’ Diċembru 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1628 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tekniċi u ġenerali relatati mal-limiti tal-emissjonijiet u l-approvazzjoni tat-tip għall-magni b'kombustjoni interna ta' makkinarju mobbli mhux tat-triq (ĠU L 102, 13.4.2017, p. 1).

(3)  Ir-Regolament Nru 96 tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE) — Dispożizzjonijiet uniformi dwar l-approvazzjoni ta’ magni li jaqbdu bil-kompressjoni (C.I.) li għandhom jiġu installati fi tratturi agrikoli u forestali u f’makkinarju mobbli mhux tat-triq fir-rigward tal-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu li tarmi l-magna (ĠU L 88, 22.3.2014, p. 1).

(4)  Id-Direttiva 97/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1997 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-miżuri kontra l-emissjoni ta’ inkwinanti ta’ gass u partikolati minn magni tal-kombustjoni interna li għandhom jiġu installati f’makkinarju mobbli mhux tat-triq (ĠU L 59, 27.2.1998, p. 1).


ANNESS

L-Annessi I, IV, V u XIII huma emendati kif ġej:

(1)

fl-Anness I, il-punt 2.6.2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.6.2.

Meta l-awtorità tal-approvazzjoni tiddetermina li, fir-rigward tal-magna referenzjarja magħżula, l-applikazzjoni li tkun ġiet ippreżentata ma tirrappreżentax bis-sħiħ il-familja tal-magna definita fl-Anness IX tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/656, l-awtorità tal-approvazzjoni tista’ tagħżel u tittestja magna oħra bħala magna ta’ referenza alternattiva tat-test u, jekk meħtieġ, bħala magna ta’ referenza addizzjonali.”;

(2)

fl-Anness IV, l-Appendiċi 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt 11.4.2.1.4. huwa sostitwit b’dan li ġej:

“11.4.2.1.4.

Ladarba jitwaqqaf, il-counter għandu jiġi ssettjat mill-ġdid fuq żero meta l-moniters rilevanti għal dak il-counter ikunu kkompletaw iċ-ċiklu tagħhom ta’ monitoraġġ mill-inqas darba mingħajr ma jkunu identifikaw ħsara u ma tkun ġiet identifikata l-ebda ħsara rilevanti għal dak il-counter matul mill-inqas 36 siegħa ta’ tħaddim tal-magna minn mindu l-counter ikun ġie mwaqqaf l-aħħar (ara l-Figura 4.4).”;

(b)

Il-Figura 4.4 hija sostitwita b’dan li ġej:

Image 1
Figura 4.4. Attivazzjoni mill-ġdid u ssettjar mill-ġdid għal żero ta’ counter wara perjodu meta l-valur tiegħu kien wieqaf

Fejn “x” huwa mhux inqas minn 36 siegħa ta’ tħaddim”;

(c)

Il-Figura 4.6 hija sostitwita b’dan li ġej:

Image 2
Figura 4.6. Il-mili b’reaġent ta’ kwalità baxxa

Fejn “x” huwa mhux inqas minn 36 siegħa ta’ tħaddim”;

(d)

Il-Figura 4.7 hija sostitwita b’dan li ġej:

Image 3
Figura 4.7. Nuqqas operattiv tas-sistema ta’ dożaġġ tar-reaġent

Fejn “x” huwa mhux inqas minn 36 siegħa ta’ tħaddim”;

(3)

fl-Anness V, il-punt 1., il-ħames paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Il-manifattur jista’ jitlob li s-servizz tekniku jeskludi punti ta’ tħaddim minn kwalunkwe waħda miż-żoni ta’ kontroll stabbiliti fit-taqsima 2 waqt id-dimostrazzjoni stabbilita fit-taqsima 3. Is-servizz tekniku għandu jagħti din l-esklużjoni, bi qbil mal-awtorità tal-approvazzjoni, jekk il-manifattur juri li l-magna qatt ma tkun kapaċi taħdem f’tali punti meta tintuża fi kwalunkwe kombinament ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq.”

(4)

L-Anness XIII huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

is-subpunt (2) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(2)

approvazzjonijiet tat-tip f’konformità mas-serje ta’ emendi 06 għar-Regolament tan-NU/KEE Nru 49 (*), meta servizz tekniku jikkonferma li t-tip ta’ magna jissodisfa:

(a)

ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Appendiċi 2 tal-Anness IV, meta l-magna hija esklużivament maħsuba għall-użu fil-post tal-magni ta’ Stadju V tal-kategoriji IWP u IWA, skont l-Artikolu 4(1), il-punt (1)(b) tar-Regolament (UE) 2016/1628, jew

(b)

ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Appendiċi 1 tal-Anness IV għal magni mhux koperti bil-paragrafu (a),

u meta awtorità tal-approvazzjoni tikkonferma li l-manifattur jikkonforma mal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2016/1628.

(*)  Ir-Regolament Nru 49 tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE) — Dispoizzjonijiet uniformi dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu kontra l-emissjoni ta’ inkwinanti gassużi u partikoli minn magni li jaqbdu bil-kompressjoni u minn magni li jaqbdu bl-ispark plaggs għall-użu fil-vetturi (ĠU L 171, 24.6.2013 p. 1.).”;"

(ii)

jiżdied is-subpunt (3) li ġej:

“(3)

approvazzjonijiet tat-tip f’konformità mas-serje ta’ emendi 05 għar-Regolament tan-NU/KEE Nru 96 (**), ta’ familji ta’ magni jew tipi ta’ magni tal-kategorija NRE, kif stabbiliti fit-Tabella I-1 tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2016/1628, meta awtorità tal-approvazzjoni tikkonferma li l-manifattur jikkonforma mal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2016/1628.

(**)  Ir-Regolament Nru 96 tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE) — Dispożizzjonijiet uniformi dwar l-approvazzjoni ta’ magni li għandhom jiġu installati fi tratturi agrikoli u forestali u f’makkinarju mobbli mhux tat-triq fir-rigward tal-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu li tarmi l-magna (ĠU L 107, 17.4.2019, p. 1).”;"

(b)

jiżdiedu l-punti 2. sa 4.1. li ġejjin:

“2.

Għal familji ta’ magni jew tipi ta’ magni tal-kategorija NRG, NRSh, NRS, SMB u ATS, approvazzjonijiet tat-tip f’konformità mas-serje ta’ emendi 05 għar-Regolament tan-NU/KEE Nru 96, ta’ magni li jikkorrispondu għall-kategoriji ta’ magni stabbiliti fit-Tabelli I-2, I-3 u I-4 u fit-Tabelli I-9 sa I-10 tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2016/1628 u, fejn applikabbli, il-marka statutorja korrispondenti, għandhom jiġu rikonoxxuti bħala ekwivalenti għall-approvazzjonijiet tat-tip tal-UE mogħtija u għall-marka statutorja meħtieġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/1628, meta awtorità tal-approvazzjoni tikkonferma li l-manifattur jikkonforma mal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2016/1628.

3.

Għal magni bi skop speċjali (SPE) li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-paragrafi 5 u 6 tal-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) 2016/1628, tal-kategorija NRE b’potenza ta’ referenza ta’ mhux inqas minn 19-il kW u ta’ mhux aktar minn 560 kW, l-approvazzjonijiet tat-tip tal-Istadju IIIA f’konformità mas-serje ta’ emendi 02 (***), 03 (****) jew 04 (*****) għar-Regolament tan-NU/KEE Nru 96 ta’ familji ta’ magni jew tipi ta’ magni tal-kategorija NRE, kif stabbiliti fit-Tabella VI-1 tal-Anness VI tar-Regolament (UE) 2016/1628 u, fejn applikabbli, il-marka statutorja korrispondenti, għandhom jiġu rikonoxxuti bħala ekwivalenti għall-approvazzjonijiet tat-tip tal-UE mogħtija u għall-marka statutorja meħtieġa f’konformità ma’ dak ir-Regolament.

3.1.

Rekwiżiti addizzjonali:

Il-magni bbażati fuq approvazzjoni tat-tip li hija aċċettata bħala ekwivalenti għal approvazzjoni tat-tip tal-UE skont il-punt 3. għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Anness XII tar-Regolament Delegat (UE) 2017/654.

4.

Għall-istadji tal-emissjonijiet li ġejjin, l-approvazzjonijiet tat-tip abbażi tar-Regolamenti tan-NU/KEE ta’ familji ta’ magni jew tipi ta’ magni li jappartjenu għall-kategoriji elenkati hawn taħt u, fejn applikabbli, il-marka statutorja korrispondenti, għandhom jiġu rikonoxxuti bħala ekwivalenti għall-approvazzjonijiet tat-tip tal-UE mogħtija u għall-marka statutorja meħtieġa skont id-Direttiva 97/68/KE, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tranżitorji stabbiliti fl-Artikolu 58 tar-Regolament (UE) 2016/1628:

(1)

Stadju IV: approvazzjonijiet tat-tip ta’ magni li jappartjenu għall-kategoriji Q u R kif stabbilit fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 97/68/KE f’konformità mas-serje ta’ emendi 04 għar-Regolament tan-NU/KEE Nru 96;

(2)

Stadju IIIB: approvazzjonijiet tat-tip ta’ magni li jappartjenu għall-kategoriji L, M, N u P kif stabbilit fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 97/68/KE f’konformità mas-serje ta’ emendi 03 jew 04 għar-Regolament tan-NU/KEE Nru 96;

(3)

Stadju IIIA: approvazzjonijiet tat-tip ta’ magni li jappartjenu għall-kategoriji H, I, J u K kif stabbilit fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 97/68/KE f’konformità mas-serje ta’ emendi 02, 03 jew 04 għar-Regolament tan-NU/KEE Nru 96;

(4)

Stadju II: approvazzjonijiet tat-tip ta’ magni li jappartjenu għall-kategoriji D, E, F u G kif stabbilit fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 97/68/KE f’konformità mas-serje ta’ emendi 01 (******), 02, 03 jew 04 għar-Regolament tan-NU/KEE Nru 96;

(5)

Stadju I: approvazzjonijiet tat-tip ta’ magni li jappartjenu għall-kategoriji A, B u C kif stabbilit fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 97/68/KE f’konformità mas-serje ta’ emendi 00 (*******) għar-Regolament tan-NU/KEE Nru 96.

4.1.

Rekwiżiti addizzjonali

Il-magni bbażati fuq approvazzjoni tat-tip li hija aċċettata bħala ekwivalenti għall-approvazzjoni tat-tip tal-UE f’konformità mal-punt 4. għandhom ikunu akkumpanjati minn dikjarazzjoni ta’ konformità u mill-informazzjoni supplimentari fil-marka statutorja tagħhom kif meħtieġ mill-Artikoli 31 u 32(2) tar-Regolament (UE) 2016/1628 u kif stabbilit fl-Annessi II u III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/656.

(***)  Is-serje ta’ emendi 02 mhijiex ippubblikata fil-ĠU."

(****)  Is-serje ta’ emendi 03 mhijiex ippubblikata fil-ĠU."

(*****)  Ir-Regolament Nru 96 tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE) — Dispożizzjonijiet uniformi dwar l-approvazzjoni ta’ magni li jaqbdu bil-kompressjoni (C.I.) li għandhom jiġu installati fi tratturi agrikoli u forestali u f’makkinarju mobbli mhux tat-triq fir-rigward tal-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu li tarmi l-magna (ĠU L 88, 22.3.2014, p. 1)."

(******)  Is-serje ta’ emendi 01 mhijiex ippubblikata fil-ĠU."

(*******)  Is-serje ta’ emendi 00 mhijiex ippubblikata fil-ĠU.”."


(*)  Ir-Regolament Nru 49 tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE) — Dispoizzjonijiet uniformi dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu kontra l-emissjoni ta’ inkwinanti gassużi u partikoli minn magni li jaqbdu bil-kompressjoni u minn magni li jaqbdu bl-ispark plaggs għall-użu fil-vetturi (ĠU L 171, 24.6.2013 p. 1.).”;

(**)  Ir-Regolament Nru 96 tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE) — Dispożizzjonijiet uniformi dwar l-approvazzjoni ta’ magni li għandhom jiġu installati fi tratturi agrikoli u forestali u f’makkinarju mobbli mhux tat-triq fir-rigward tal-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu li tarmi l-magna (ĠU L 107, 17.4.2019, p. 1).”;

(***)  Is-serje ta’ emendi 02 mhijiex ippubblikata fil-ĠU.

(****)  Is-serje ta’ emendi 03 mhijiex ippubblikata fil-ĠU.

(*****)  Ir-Regolament Nru 96 tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE) — Dispożizzjonijiet uniformi dwar l-approvazzjoni ta’ magni li jaqbdu bil-kompressjoni (C.I.) li għandhom jiġu installati fi tratturi agrikoli u forestali u f’makkinarju mobbli mhux tat-triq fir-rigward tal-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu li tarmi l-magna (ĠU L 88, 22.3.2014, p. 1).

(******)  Is-serje ta’ emendi 01 mhijiex ippubblikata fil-ĠU.

(*******)  Is-serje ta’ emendi 00 mhijiex ippubblikata fil-ĠU.”.”