KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

COLLINS

ippreżentati fl‑4 ta’ Ottubru 2024 ( 1 )

Kawża C‑583/23 [Delda] ( i )

AK

Proċeduri kriminali

vs

L-Uffiċju tal-Prosekutur

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Qorti tal-Kassazzjoni (Franza))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva 2014/41/UE – Ordni ta’ investigazzjoni Ewropea f’materji kriminali – Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae – Kunċett ta’ ‘miżura investigattiva’ – Notifika ta’ att ta’ akkuża li jinkludi wkoll ordni ta’ tqegħid taħt detenzjoni provviżorja u ordni ta’ ħlas ta’ pleġġ – Smigħ tal-imputat”

Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Qorti tal‑Kassazzjoni (Franza), tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 1 u 3 tad-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali ( 2 ). Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ appell fil-kassazzjoni ppreżentat minn ċittadina Spanjola, li kienet arrestata fi Franza, kontra sentenza tal-qorti istruttorja tal-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi (Franza) li ċaħdet it-talba tagħha għall-annullament tal-minuti tas-smigħ tagħha minn imħallef inkwirenti Franċiż biex jeżegwixxi ordni ta’ investigazzjoni Ewropea maħruġa mill-awtoritajiet ġudizzjarji Spanjoli.

2.

Din il-kawża ser tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti spjegazzjonijiet dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal‑ordni ta’ investigazzjoni Ewropea u, b’mod iktar partikolari, dwar il‑portata tal-kunċett ta’ “miżuri investigattivi”, fis-sens tad‑dispożizzjonijiet hawn fuq iċċitati tad-Direttiva 2014/41, li l‑eżekuzzjoni tagħhom tista’ tintalab fil-qafas ta’ tali ordni.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Il‑Konvenzjoni dwar l‑Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali bejn l‑Istati Membri tal‑Unjoni Ewropea

3.

Skont l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni dwar l-Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea ( 3 ) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni tad‑29 ta’ Mejju 2000”), intitolat “Konsenja u servizz ta’ dokumenti proċedurali”:

“1.   Kull Stat Membru għandu jibgħat dokumenti proċedurali ntiżi għal persuni li huma fit-territorju ta’ Stat Membru direttament bil-posta.

2.   Dokumenti proċedurali jistgħu jintbagħtu mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru li qed jintalab biss jekk

a)

l-indirizz tal-persuna li għalih id-dokumenti huma ntiżi mhux magħruf jew mhux ċert; jew,

b)

il-liġi proċedurali relevanti ta’ l-Istat Membru li qed jagħmel it‑talba titlob prova tat-tqassim tad-dokument lil min huwa indirizzat, minbarra provi ta’ tqassim li jistgħu jinkisbu bil-posta; jew

c)

ma kienx possibbli illi jqassmu d-dokument bil-posta; jew

d)

l-Istat Membru li qed jitlob raġunijiet biex jikkonsidra li l-konsenja bil-posta m’għandhiex tkun effettiva jew mhix xierqa.

3.   Fejn hemm raġuni biex jemmnu li l-persuna li kienet indirizzata ma tifhimx il-lingwa li biha d-dokument inkiteb, id-dokument, jew ta’ l-inqas siltiet importanti minnu, għandhom ikunu maqluba fil-lingwa (waħda mill-) ta’ l-Istat Membru fit-territorju li fih min huwa indirizzat qed joqgħod. Jekk l-awtorità li fiha d-dokument proċedurali nħareġ taf li min hu indirizzat jifhem biss xi lingwa oħra, id-dokument, jew ta’ l-inqas is‑siltiet importanti tiegħu, għandhom jinqalbu f’dik il-lingwa l-oħra.

4.   Id-dokumenti proċedurali għandhom ikunu akkompanjati minn rapport li jgħid li min huwa ndirizzat jista’ jikseb informazzjoni mill‑awtorità li minnha d-dokument inħareġ jew minn awtoritajiet oħra f’dak l-Istat Membru dwar id-drittijiet jew obbligi tiegħu jew tagħha dwar id-dokument. Paragrafu 3 għandu japplika wkoll għal dak ir-rapport.

[…]”

Id-Direttiva 2014/41

4.

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2014/41, intitolat “L-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew u l-obbligu li jiġi eżegwit”, jistipula, fil‑paragrafu 1 tiegħu:

“L-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew (OIE) huwa deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa jew validata minn awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru (‘l-Istat emittenti’) sabiex waħda jew aktar miżuri investigattivi speċifiċi jiġu eżegwiti fi Stat Membru ieħor (‘l-Istat ta’ eżekuzzjoni’) bil-ħsieb li jinkisbu provi f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

L-OIE jista’ jinħareġ ukoll biex jinkisbu provi li jkunu diġà fil-pussess tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni.”

5.

L-Artikolu 3 ta’ din id-Direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni tal-OIE”, huwa redatt kif ġej:

“L-OIE għandha tkopri kwalunkwe miżura investigattiva bl-eċċezzjoni tal-istabbiliment ta’ skwadra investigattiva konġunta u l-ġbir ta’ provi fi ħdan tali skwadra kif previst fl-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni [tad‑29 ta’ Mejju 2000] u fid-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/465/ĠAI [tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar l-iskwadri ta’ investigazzjoni konġunti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 15)], minbarra għall-finijiet tal-applikazzjoni, rispettivament, tal‑Artikolu 13(8) ta[’ din i]l-Konvenzjoni u tal-Artikolu 1(8) tad‑Deċiżjoni Kwadru.”

6.

L-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Rikonoxximent u eżekuzzjoni”, jistipula, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   L-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tirrikonoxxi OIE, mibgħut f’konformità ma’ din id-Direttiva, mingħajr il-ħtieġa ta’ kwalunkwe formalità ulterjuri, u tiżgura l-eżekuzzjoni tiegħu bl-istess mod u taħt l‑istess modalitajiet bħallikieku l-miżura investigattiva konċernata ġiet ordnata minn awtorità tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, sakemm dik l-awtorità ma tiddeċidix li tinvoka waħda mir-raġunijiet sabiex ma jingħatax ir‑rikonoxximent jew ma ssirx l-eżekuzzjoni jew waħda mir-raġunijiet għal posponiment previsti f’din id-Direttiva.

2.   L-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tikkonforma mal-formalitajiet u l-proċeduri espressament indikati mill-awtorità emittenti sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’din id-Direttiva u sakemm dawn il-formalitajiet u proċeduri ma jmorrux kontra l-prinċipji fundamentali ta’ dritt tal-Istat ta’ eżekuzzjoni.”

7.

L-Artikolu 10 tal-istess direttiva, intitolat “Rikors għal tip differenti ta’ miżura investigattiva”, jistipula:

“1.   L-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandu jkollha, fejn possibbli, rikors għal miżura investigattiva differenti minn dik prevista fl-OIE fejn:

a)

il-miżura investigattiva indikata fl-OIE ma tkunx teżisti taħt il-liġi tal-Istat ta’ eżekuzzjoni; jew

b)

il-miżura investigattiva indikata fl-OIE ma tkunx disponibbli f’każ domestiku simili.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 11, il-paragrafu 1 ma japplikax għall-miżuri investigattivi li ġejjin, li dejjem għandhom ikunu disponibbli taħt il-liġi tal-Istat ta’ eżekuzzjoni:

[…]

c)

is-smigħ ta’ xhud, espert, vittma, persuna suspettata jew akkużata jew parti terza fit-territorju tal-Istat ta’ eżekuzzjoni;

[…]”

8.

L-Artikolu 24 tad-Direttiva 2014/41, intitolat “Smigħ b’vidjokonferenza jew bi trażmissjoni awdjoviżiva oħra”, jistipula, fil‑paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn persuna tkun fit-territorju ta’ Stat ta’ eżekuzzjoni u jkun meħtieġ li din tinstema’ bħala xhieda jew esperta mill-awtoritajiet kompetenti tal‑Istat emittenti, l-awtorità emittenti tista’ toħroġ OIE biex ix-xhieda jew l-esperta tinstema’ b’vidjokonferenza jew bi trażmissjoni awdjoviżiva oħra f’konformità mal-paragrafi 5 sa 7.

L-awtorità emittenti tista’ wkoll toħroġ OIE għall-fini li persuna suspettata jew akkużata tinstema’ b’vidjokonferenza jew bi trażmissjoni awdjoviżiva oħra.”

9.

L-Artikolu 34 ta’ din id-direttiva, intitolat “Relazzjonijiet ma’ strumenti legali, ftehimiet u arranġamenti oħrajn”, jistipula, fil‑paragrafu 1 tiegħu:

“Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tagħhom bejn l-Istati Membri u Stati terzi u l-applikazzjoni temporanja tagħhom taħt l-Artikolu 35, din id-Direttiva tissostitwixxi, mill‑22 ta’ Mejju 2017, id-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-konvenzjonijiet li ġejjin li japplikaw fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri marbutin b’din id-Direttiva:

[…]

c) il-Konvenzjoni [tad‑29 ta’ Mejju 2000] u l-protokoll tagħha.”

Id‑dritt Franċiż

10.

L-Artikolu 694‑16 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali Franċiż ( 4 ) jistipula:

“Ordni ta’ investigazzjoni Ewropea hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru, imsejjaħ l-Istat emittenti, li titlob lil Stat Membru ieħor, imsejjaħ l-Istat ta’ eżekuzzjoni, bl-użu ta’ formoli komuni għall‑Istati kollha, sabiex fi żmien ċertu terminu iwettaq fit-territorju tiegħu investigazzjonijiet intiżi għall-kisba ta’ provi relatati ma’ reat kriminali jew għat-trażmissjoni ta’ provi diġà fil-pussess tiegħu.

L-ordni ta’ investigazzjoni jista’ jkollha wkoll bħala għan li timpedixxi b’mod provviżorju fit-territorju tal-Istat ta’ eżekuzzjoni kwalunkwe operazzjoni ta’ qerda, trasformazzjoni, ċaqliq, trasferiment jew rimi ta’ elementi li jistgħu jintużaw bħala provi.

Hija jista’ jkollha wkoll bħala għan it-trasferiment temporanju fl-Istat emittenti ta’ persuna miżmuma fl-Istat ta’ eżekuzzjoni, sabiex ikun possibbli t-twettiq fl-Istat emittenti ta’ atti proċedurali li jeħtieġu l‑preżenza ta’ dik il-persuna, jew it-trasferiment temporanju fl-Istat ta’ eżekuzzjoni ta’ persuna miżmuma fl-Istat emittenti sabiex tipparteċipa f’dan it-territorju fl-investigazzjonijiet mitluba.

Il-provi msemmija fl-ewwel żewġ paragrafi jistgħu wkoll ikunu relatati mal-ksur minn persuna ta’ obbligi li jirriżultaw minn kundanna kriminali, anki jekk dan il-ksur ma jikkostitwixxix reat.”

Il‑fatti li wasslu għall‑kawża, id‑domanda preliminari u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

11.

Fl‑1 ta’ Marzu 2021, l-awtoritajiet ġudizzjarji Spanjoli ħarġu lill‑awtoritajiet Franċiżi ordni ta’ investigazzjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“ordni ta’ investigazzjoni Ewropea inkwistjoni”) li talbet li AK, dak iż-żmien miżmuma fi Franza biex teżegwixxi piena, tiġi nnotifikata b’att ta’ akkuża maħruġ fit‑30 ta’ Settembru 2009 mill‑Juzgado Central de Instrucción no 4 de la Audiencia Nacional (il‑Qorti Istruttorja Ċentrali Nru 4 tal-Qorti Nazzjonali, Spanja) ( 5 ). Din l‑ordni kienet tinkludi wkoll ordni ta’ tqegħid taħt detenzjoni provviżorja u ordni ta’ ħlas ta’ pleġġ. Permezz tal-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea inkwistjoni, l‑awtoritajiet ġudizzjarji Spanjoli talbu wkoll li AK tkun tista’, fil‑preżenza tal-avukat tagħha, “tiddikjara l-pożizzjoni tagħha dwar il‑fatti kkonċernati”.

12.

Fid‑19 ta’ Lulju 2021, imħallef inkwirenti fit-tribunal judiciaire de Paris (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Pariġi, Franza), permezz ta’ proċess verbal, innotifika lil AK, fil-preżenza tal-avukat tagħha, b’dan l-att ta’ akkuża, u kkonsenja lilha kif ukoll lill-avukat tagħha, kopja bil-lingwa Spanjola u ġabar id‑dikjarazzjonijiet tagħha ( 6 ).

13.

L-għada, AK ippreżentat rikors għall-annullament ta’ din is-seduta quddiem il-qorti istruttorja tal-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi billi argumentat, essenzjalment, li n-notifika ta’ att ta’ akkuża, li kien jinkludi wkoll ordni ta’ tqegħid taħt detenzjoni provviżorja u ordni ta’ ħlas ta’ pleġġ, ma setgħetx tintalab fil‑qafas ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea.

14.

Permezz ta’ sentenza tal‑20 ta’ April 2022, il-qorti istruttorja tal‑Qorti tal-Appell ta’ Pariġi ċaħdet dan ir-rikors. Hija kkonstatat b’mod partikolari li l-awtoritajiet ġudizzjarji Spanjoli ma kinux talbu biss li l-att ta’ akkuża jiġi nnotifikat lil AK, iżda wkoll li din tal-aħħar tkun tista’ “tiddikjara l-pożizzjoni tagħha dwar il-fatti kkonċernati”. Hija rrilevat ukoll, minn naħa waħda, li fl-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea inkwistjoni kien spjegat ukoll li l-atti mitluba kienu jaqgħu “fil-kuntest tal-verifika tal-kummissjoni tal-fatti flimkien maċ-ċirkustanzi kollha li jistgħu jaffettwaw il-klassifikazzjoni tagħha u l-ħtija tad-delinkwenti” u, min‑naħa l-oħra, minkejja li dawn l-awtoritajiet ma mmarkawx il-kaxxa “smigħ ta’ persuna suspettata jew akkużata” fil-formola applikabbli, huma kienu talbu b’mod ċar lill-imħallef inkwirenti Franċiż jiġbor permezz ta’ proċess verbal id-dikjarazzjonijiet ta’ AK fuq il-fatti li kienet issusspettata li kkommettiet. Minn dan, il-qorti istruttorja tal-Qorti tal‑Appell ta’ Pariġi kkonkludiet li, billi talbet li AK tispjega, fil-preżenza tal-avukat tagħha u b’rispett tad-drittijiet tad-difiża, il-pożizzjoni tagħha dwar il-fatti, l-imsemmija awtoritajiet kienu talbu t-twettiq ta’ “investigazzjonijiet intiżi għall-ksib ta’ provi relatati ma’ reat kriminali” fis-sens tal-Artikolu 694‑16 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali Franċiż.

15.

AK ressqet appell fil-kassazzjoni kontra din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

16.

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li AK issostni li, permezz tas-sentenza tal‑20 ta’ April 2022, il-qorti istruttorja tal-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi kisret l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2014/41 u l-Artikolu 694‑16 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali Franċiż. Skont AK, il-ħruġ ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea ma jistax ikollu bħala għan “li jiġu magħrufa l‑akkużi maħruġa u tiġi nnotifikata kawża quddiem qorti”, peress li dawn il-miżuri jaqgħu taħt strumenti oħra ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja u, b’mod iktar partikolari, tal-Artikolu 696‑44 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali Franċiż ( 7 ).

17.

L-Avukat Ġenerali fil-qorti tar-rinviju jqis, min-naħa l-oħra, li peress li l-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea inkwistjoni kien jinkludi “miżuri investigattivi li jirrigwardaw b’mod inseparabbli n-notifika tal‑att ta’ akkuża ta’ [AK] u l-ġbir tal-osservazzjonijiet tagħha permezz ta’ maġistrat fil-preżenza ta’ avukat sabiex jiġu rrispettati d-drittijiet ta’ difiża”, hija tkopri t-twettiq ta’ investigazzjonijiet intiżi sabiex jinġabru provi relatati ma’ reat kriminali.

18.

Il-qorti tar-rinviju tesponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea u, b’mod iktar speċifiku, dwar jekk tinkludix jew le, in-notifika ta’ att ta’ akkuża, li jinkludi wkoll ordni ta’ arrest u ordni ta’ ħlas ta’ pleġġ. Hija tiddikjara li ma jidhirx li huwa possibbli li jiġi kkunsidrat li l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni hija tant ċara li ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il‑Qorti tal-Kassazzjoni (Franza) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikoli 1 u 3 tad-Direttiva 2014/41[…] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu lill-awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru tagħti jew tikkonvalida ordni ta’ investigazzjoni Ewropew li l-għan tagħha huwa, minn naħa, li l-imputat jiġi nnotifikat bl-att tal-akkuża, li jinkludi wkoll ordni ta’ arrest jew ħlas ta’ pleġġ, u, min-naħa l-oħra, li l-imputat jinstema’ sabiex huwa jkun jista’, fil-preżenza tal-avukat tiegħu, jagħmel kull osservazzjoni utli dwar il-fatti ddikjarati fl-imsemmi att?”

19.

AK, il-Gvern Franċiż u dak Olandiż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

20.

Bħala risposta għal talba għal informazzjoni mill-Qorti tal‑Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju indikat li AK ġiet ikkonsenjata lill‑awtoritajiet ġudizzjarji Spanjoli fid‑9 ta’ Settembru 2022, bl‑eżekuzzjoni ta’ tliet sentenzi mogħtija mill-qorti istruttorja tal-Qorti tal‑Appell ta’ Pariġi ( 8 ). Hija spjegat ukoll li l-proċess verbal tas-smigħ ta’ AK tad‑19 ta’ Lulju 2021 kien intbagħat lil dawn l-awtoritajiet.

Analiżi

21.

Il-kwistjoni li tqum f’dan il-każ hija dik dwar jekk l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru jistgħux, billi jużaw ordni ta’ investigazzjoni Ewropea, jitolbu lil awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor sabiex, minn naħa waħda, jinnotifikaw lill-persuna kkonċernata b’att ta’ akkuża li jinkludi wkoll ordni ta’ detenzjoni provviżorja u ordni ta’ ħlas ta’ pleġġ u, min-naħa l‑oħra, jipproċedu bis-smigħ ta’ din il-persuna sabiex jippermettulha, fil‑preżenza tal-avukat tagħha, li ssostni l-osservazzjonijiet kollha li hija tqis utli fuq il-fatti ddikjarati f’din l-ordni. Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, fl-ewwel lok, għandu jiġi stabbilit il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea u, fit-tieni lok, jiġi vverifikat jekk il-miżuri hawn fuq imsemmija jistgħux jaqgħu f’dan il-kamp ta’ applikazzjoni.

Fuq il‑kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal‑ordni ta’ investigazzjoni Ewropea

22.

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/41 jiddefinixxi l-“Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew” bħala deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa jew ivvalidata minn awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru sabiex waħda jew iktar “miżuri investigattivi” speċifiċi jiġu eżegwiti fi Stat Membru ieħor “bil-ħsieb li jinkisbu provi” f’konformità ma’ din id-Direttiva, inkluż dawk li jkunu diġà fil-pussess tal-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-aħħar Stat Membru.

23.

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2014/41, dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea, jipprevedi, b’mod ġenerali, li din “għandha tkopri kwalunkwe miżura investigattiva”. Dan l-artikolu jeskludi biss espliċitament minn dan il-kamp ta’ applikazzjoni l-istabbiliment ta’ skwadra ta’ investigazzjoni konġunta u l-ksib ta’ provi fi ħdan tali skwadra, peress li dawn il-miżuri huma s‑suġġett ta’ dispożizzjoni speċifika fl-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni tad‑29 ta’ Mejju 2000 u fid-Deċiżjoni Qafas 2002/465 ( 9 ).

24.

Għalhekk, kif jirriżulta mill-premessa 8 tad-Direttiva 2014/41, il‑leġiżlatur tal-Unjoni ried li l-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea tkun “orizzontali fl-ambitu” u għandha tapplika għall-“miżuri investigattivi kollha mmirati biex jiġbru l-provi”.

25.

Id-Direttiva 2014/41 ma tinkludix definizzjoni tal-kunċett ta’ “miżura investigattiva” u lanqas tipprevedi lista ta’ miżuri li l‑eżekuzzjoni tagħhom tista’ tintalab permezz tal-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea. Huwa veru li fl-Artikolu 10(2), u fl-Artikoli 24 sa 31 tagħha, hija tirreferi għal sensiela ta’ miżuri investigattivi. Madankollu, xejn ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li dawn ir-riferimenti jikkostitwixxu elenku eżawrjenti ta’ miżuri investigattivi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ tali deċiżjoni. L-ewwel waħda minn dawn id‑dispożizzjonijiet tistipula l-miżuri investigattivi li, bħala regola, dejjem jista’ jsir użu minnhom bis-saħħa tad-dritt tal-Istat ta’ eżekuzzjoni ( 10 ). Fir-rigward tal-Artikoli 24 sa 31 tad-Direttiva 2014/41, dawn jipprevedu dispożizzjonijiet partikolari għal ċerti miżuri investigattivi, li l-implimentazzjoni tagħhom tinkludi karatteristiċi speċifiċi, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-motivi ta’ rifjut ( 11 ).

26.

Nirrileva wkoll li l-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea hija strument ibbażat fuq il-prinċipji ta’ fiduċja u rikonoxximent reċiproċi ( 12 ), li jippermetti, bħala regola, lill-awtorità emittenti teżegwixxi fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor l-miżuri investigattivi li hija tqis neċessarji. Is‑sistema stabbilita permezz tad‑Direttiva 2014/41 hija bbażata b’mod partikolari fuq l-idea li din l-awtorità hija fl-aħjar pożizzjoni sabiex tiddeċiedi, skont il-konoxxenza tagħha tal-provi tal-inkjesta kkonċernata, dwar il-miżuri investigattivi li għandhom jintużaw, iżda suġġett għall‑possibbiltà li l-awtorità ta’ eżekuzzjoni tipproċedi b’tip ieħor ta’ miżura investigattiva meta l-miżura indikata fl-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea ma teżistix fid-dritt nazzjonali tagħha jew ma tkunx disponibbli fil-qafas ta’ proċedura nazzjonali simili ( 13 ).

27.

Fid-dawl tal-punti preċedenti, naqbel mal-perspettiva tal-Gvern Franċiż li l-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea hija strument li għandu kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae wiesa’ ferm, peress li l-kunċett ta’ “miżuri investigattivi” ikopri “firxa kbira ta’ atti”. Xorta jibqa’ l-fatt li, kif isostnu l-partijiet kollha f’din il-proċedura quddiem il-Qorti tal‑Ġustizzja, inkluż il-Gvern Franċiż, l-eżekuzzjoni ta’ miżuri investigattivi previsti minn ordni ta’ investigazzjoni Ewropea għandhom bħala għan uniku li jinkisbu provi ( 14 ) u, jekk il-kundizzjonijiet neċessarji għal dan il-għan huma ssodisfatti, li dawn il-provi jintbagħtu lill-awtorità emittenti ( 15 ).

28.

Din l-evalwazzjoni hija kkorroborata minn diversi elementi tad‑Direttiva 2014/41. B’hekk, id-definizzjoni stess tal-kunċett ta’ “ordni ta’ investigazzjoni Ewropea” li tinsab fl-Artikolu 1(1) tagħha, tenfasizza l-fatt li l-għan li għandu jintlaħaq huwa li jippermetti lill-Istat Membru emittenti li “jinkisbu provi”. Il-premessi 7 (“bil-ħsieb li jinġabru l‑provi”), 8 (“mmirati biex jiġbru l-provi”), 11 (“għall-ġbir ta’ dawn il-provi”), 24 (“għall-ksib ta’ provi”) u 38 (“biex jinkisbu provi”) tad-Direttiva, imorru fl-istess direzzjoni. Barra minn hekk, mill-Artikolu 13 ta’ din id-Direttiva jirriżulta li l-provi miksuba mill-awtoritajiet tal-Istat ta’ eżekuzzjoni wara l‑implimentazzjoni tal-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea għandhom jiġu trażmessi lill-Istat emittenti ( 16 ). Dan l-artikolu, fil‑paragrafu 4 tiegħu, jidentifika dawn il-provi bħala “oġġetti, […] dokumenti, jew […] data” ( 17 ). Għandu jiġi nnotat ukoll li l-miżuri investigattivi differenti msemmija fl‑Artikolu 10(2) u fl-Artikoli 24 sa 31 tad-Direttiva 2014/41 ( 18 ) huma intiżi kollha sabiex jiġbru provi intenzjonati sabiex jistabbilixxu, pereżempju, l-eżistenza ta’ fatt jew ta’ att, iċ-ċirkustanzi li fihom seħħ fatt jew twettaq att, u l-identità jew l-istatus tal-awtur tal-att.

29.

Biex inkompli mal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena ningħaqad mal-Gvern Franċiż u dak Olandiż meta josservaw li l‑premessa 34 tad‑Direttiva 2014/41 tistipula li “kwalunkwe oġġett, inklużi assi finanzjarji, jista’ jkun suġġett għal diversi miżuri interim matul il-proċedimenti kriminali, mhux biss bil-ħsieb tal-ġbir ta’ provi iżda wkoll bil-ħsieb ta’ konfiska”, iżda li huma biss il-miżuri intiżi li jilħqu l-ewwel minn dawn l-għanijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id‑Direttiva ( 19 ).

30.

Element ieħor konklużiv jista’ jinstab fl-Artikolu 22(1) u fl‑Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2014/41, minn fejn jirriżulta li ordni ta’ investigazzjoni Ewropea tista’ tinħareġ bil-għan tat-trasferiment temporanju ta’ persuna miżmuma lejn l-Istat emittenti jew lejn l-Istat ta’ eżekuzzjoni, rispettivament, iżda biss “għall-fini li tiġi eżegwita miżura investigattiva biex jinġabru provi li għalihom tkun meħtieġa l‑preżenza” ta’ din il-persuna fit-territorju tal-Istat li lejh qed jintalab it‑trasferiment tagħha. Il-premessa 25 ta’ din id-Direttiva tispjega, f’dan ir-rigward, li “fejn […] il-persuna [kkonċernata] għandha tiġi trasferita għal Stat Membru ieħor għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni, inkluż it-tressiq ta’ dik il-persuna għandha titressaq quddiem qorti biex tiġi proċessata, għandu jinħareġ Mandat ta’ Arrest Ewropew (EAW, European Arrest Warrant) f’konformità mad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI [tat‑13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45]”. Fis-sentenza tagħha Staatsanwaltschaft Wien (Ordnijiet ta’ trasferiment iffalsifikati) ( 20 ), il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk enfasizzat li l-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea għandha, fil‑kuntest ta’ proċeduri kriminali, għan distint mill-mandat ta’ arrest Ewropew fis-sens li dan tal-aħħar huwa intiż, b’mod konformi mal‑Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, għall-arrest u għall‑konsenja ta’ persuna mfittxija għall-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali jew għall-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura ta’ sigurtà li ċċaħħad il-libertà, u l-ewwel waħda hija intiża, skont l-Artikolu 1(1) tad‑Direttiva 2014/41, għall-eżekuzzjoni ta’ miżura investigattiva speċifika waħda jew iktar sabiex jinkisbu provi.

31.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li d‑Direttiva 2014/41 għandha l-għan li tissostitwixxi l-qafas frammentarju u kumpless eżistenti fil-qasam tal-ksib ta’ provi fil-kawżi kriminali li għandhom dimensjoni transkonfinali. Hija intiża, permezz tal-istabbiliment ta’ sistema ssimplifikata u iktar effikaċi bbażata fuq strument uniku msejjaħ “ordni ta’ investigazzjoni Ewropea”, li tiffaċilita u tħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja bil-għan li tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan mogħti lill-Unjoni li ssir spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja, billi sserraħ fuq il-grad ta’ fiduċja għoli li għandu jeżisti bejn l-Istati Membri ( 21 ). Fuq l-istess linji, inżid li, fil-Programm ta’ Stokkolma, adottat mill-Kunsill Ewropew fl‑10 u 11 ta’ Diċembru 2009, li għalih tirreferi l-premessa 6 tad-Direttiva 2014/41, huwa indikat li l‑“mudell ġdid” imfittex fil-qasam tal-ksib ta’ provi, li sar iktar tard l‑ordni ta’ investigazzjoni Ewropea, għandu jikkunsidra b’mod partikolari “il-flessibbiltà tas-sistema tradizzjonali ta’ assistenza legali reċiproka”, “jista’ jkollu ambitu aktar wiesa’” u “għandu jkopri l-akbar ammont possibbli ta’ tipi ta’ evidenza, b’kont meħud tal-miżuri kkonċernati” ( 22 ).

32.

Fl-aħħar nett, mill-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2014/41 jirriżulta li din id-Direttiva tissostitwixxi biss “dispożizzjonijiet korrispondenti” ta’ tliet Konvenzjonijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni, fosthom il‑Konvenzjoni tad‑29 ta’ Mejju 2000. Għalhekk huma koperti biss id‑dispożizzjonijiet ta’ dawn il-Konvenzjonijiet li jirregolaw l-istess oqsma bħal dawk li huma rregolati minn din id-Direttiva, li, kif isostni l‑Gvern Olandiż, juri li hija ma tkoprix it-talbiet kollha ta’ assistenza reċiproka possibbli. Id-dispożizzjonijiet l-oħra tal-imsemmija Konvenzjonijiet huma intiżi sabiex ikomplu japplikaw bejn l-Istati Membri.

Dwar il‑kwistjoni jekk miżuri bħal dawk inkwistjoni fil‑kawża prinċipali jistgħux jintalbu fil‑qafas ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea

33.

Fir-rigward tal-ewwel parti tal-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea inkwistjoni, jiena tal-opinjoni, bħal AK, il-Gvern Olandiż u l‑Kummissjoni, li n-notifika ta’ att ta’ akkuża ma għandhiex tintalab permezz ta’ tali deċiżjoni. Din il-miżura b’mod ċar ma għandhiex l-għan li tiġbor provi jew, sabiex nuża t-termini tal-Gvern Olandiż, li tikseb oġġett, dokument jew data sabiex tintuża fil-qafas ta’ proċedura kriminali. Hija tikkostitwixxi formalità proċedurali li sseħħ wara t-tmiem tal-proċedura istruttorja u li hija intiża sabiex tinforma b’mod uffiċjali lill-persuna akkużata li qed titqiegħed taħt att ta’ akkuża, bl-akkużi miġjuba kontra tagħha kif ukoll li qed titressaq quddiem qorti.

34.

In-notifika ta’ att ta’ akkuża fi Stat Membru ieħor għalhekk ma hijiex irregolata mid-Direttiva 2014/41, iżda taqa’ taħt strument ieħor fil‑qasam tal-assistenza reċiproka f’materji kriminali, f’dan il-każ il‑Konvenzjoni tad‑29 ta’ Mejju 2000 ( 23 ) u, b’mod iktar preċiż, l‑Artikolu 5 tagħha. Kif jirrileva l-Gvern Franċiż, mir-rapport spjegattiv relatat ma’ din il-Konvenzjoni ( 24 ) jirriżulta li t-termini “dokumenti proċedurali”, li l-imsemmija Konvenzjoni ma tiddefinixxix, għandhom jiġu interpretati “fis-sens wiesa’” u li jkopru, pereżempju, “iċ-ċitazzjonijiet u d‑deċiżjonijiet ġudizzjarji”. Fl-assenza, fid-Direttiva 2014/41, ta’ dispożizzjoni dwar in-notifika ta’ atti proċedurali li tikkorrispondi mal‑Artikolu 5 tal-Konvenzjoni tad‑29 ta’ Mejju 2000, dan l-aħħar artikolu jibqa’ applikabbli b’mod sħiħ skont l-Artikolu 34(1) ta’ din id‑Direttiva.

35.

Ċertament, jista’ jiġi aċċettat li, kif isostnu kemm AK kif ukoll il‑Gvern Franċiż, in-notifika ta’ att proċedurali titwettaq fil-qafas ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea f’każ meta tkun parti mill‑implimentazzjoni proċedurali tal-miżura investigattiva intiża sabiex tikseb provi koperti minn din l-ordni u hija indispensabbli għall‑eżekuzzjoni ta’ din il-miżura investigattiva. Tali soluzzjoni tissodisfa l-bżonn ta’ flessibbiltà rrakkomandata għas-sistema ta’ assistenza reċiproka u tippermetti li jiġi evitat li l-awtoritajiet kompetenti jkunu obbligati jibagħtu żewġ talbiet separati, waħda bbażata fuq id‑Direttiva 2014/41 u l-oħra fuq l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni tad‑29 ta’ Mejju 2000, li jmur kontra l-għan ta’ effikaċja li għandu jintlaħaq mid‑direttiva. Huwa għalhekk li, fil-konklużjonijiet tiegħu dwar l-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea, ippubblikati fis‑7 ta’ Diċembru 2018, in‑Network Ġudizzjarju Ewropew jirrileva li huwa “ġeneralment aċċettat” li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/41 ma jinkludix, b’mod partikolari, “in-notifika u t-trażmissjoni ta’ atti proċedurali (ħlief jekk huma parti mill-miżura investigattiva fil-qafas ta’ [ordni ta’ investigazzjoni Ewropea]”) ( 25 ). Bl-istess mod, minn rapport ta’ Eurojust tax-xahar ta’ Novembru 2020 dwar l-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea jirriżulta li n‑notifika u t-trażmissjoni ta’ att proċedurali għandhom ikunu s-suġġett ta’ ittra rogatorja separata, sakemm “il-konsenja ta’ dan id-dokument ma tikkostitwixxix l-istrument tal-miżura investigattiva mitluba fl-[ordni ta’ investigazzjoni Ewropea]” ( 26 ). Dejjem fl-istess sens, fin-nota konġunta tal-Eurojust u tan-Network Ġudizzjarju Ewropew iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet, huwa indikat li “[i]nterpretazzjoni komuni hija li d-[Direttiva 2014/41] ma tkoprix […] in-notifika u t-trasmissjoni ta’ dokumenti proċedurali, sakemm il-kunsinna ta’ dokument ma tkunx strumentali għall-miżura investigattiva li tkun is-suġġett tal-[ordni ta’ investigazzjoni Ewropea]”. Skont din l-aġenzija u dan in-netwerk, “f’dan il-każ, għandu jiġi segwit approċċ flessibbli għall-inklużjoni tiegħu fl-[ordni ta’ investigazzjoni Ewropea], f’konformità mal-Artikolu 9(2) tad-[Direttiva 2014/41]” ( 27 ).

36.

Madankollu, jiena tal-opinjoni, bħal AK, li l-każ deskritt fil‑punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet għandu jitqies bħala eċċezzjoni għall-prinċipju li n-notifika ta’ atti proċedurali ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea. Hija għalhekk għandha tiġi interpretata b’mod strett, sabiex tiġi permessa l‑koeżistenza ta’ strumenti differenti ta’ assistenza reċiproka Ewropea f’materji kriminali, mingħajr ma jkun hemm indħil fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ wieħed fuq l-ieħor kif ukoll fuq il-proċeduri, garanziji u kundizzjonijiet partikolari li huma previsti. Dan il-każ jista’ jkopri, pereżempju, il-każ li fih l-eżekuzzjoni ta’ att investigattiv, bħal tfittxija mwettqa fid-dar tal-persuna kkonċernata, ikollha bżonn deċiżjoni tal‑awtorità ġudizzjarja li tawtorizza dan l-att u li għandha tiġi nnotifikata minn qabel lil dik il-persuna kkonċernata.

37.

Minn naħa l-oħra, jidhirli li, kif issostni AK, dan il-każ ma jistax japplika fil-każ tan-notifika ta’ att ta’ akkuża. Dan l-att proċedurali kriminali, li jidħol fis-seħħ fit-tmiem tal-proċedura istruttorja ( 28 ), għandu l-għan li jesponi l-fatti li bihom hija akkużata l-persuna kkonċernata u l‑klassifikazzjoni legali tagħhom kif ukoll li jikkonstata li diġà hemm provi biżżejjed sabiex dik il-persuna titpoġġa taħt att ta’ akkuża u tintbagħat quddiem qorti ( 29 ). Kif korrettament jenfasizzaw AK u l-Gvern Olandiż, att ta’ akkuża jikkostitwixxi, bħala regola ġenerali, att awtonomu ta’ proċeduri penali, li jista’ jkollu konsegwenzi serji għall‑persuna kkonċernata. Ma narax kif in-notifika ta’ tali att proċedurali lil din tal-aħħar tista’ tikkostitwixxi l-istrument ta’ miżura investigattiva intiża għall-ksib ta’ provi jew li hija indispensabbli għal din il-miżura. Sabiex nieħu l-eżempju li huwa s-suġġett tad-domanda preliminari, jidhirli li, kif issostni AK, smigħ tal-imputat sabiex jinġabru provi, mingħajr preġudizzju dwar jekk dan kienx verament l-għan tat‑talba għal smigħ fil-kawża prinċipali ( 30 ), ma huwiex kundizzjonali fuq in‑notifika ta’ att ta’ akkuża.

38.

Fir-rigward tal-fatt li att ta’ akkuża jinkludi wkoll ordni ta’ ħlas ta’ pleġġ, dan xejn ma jibdel, fl-opinjoni tiegħi, il-konklużjoni li n-notifika ta’ tali ordni ma tistax tintalab fil-qafas ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea. Ovvjament, tali ordni, li qabelxejn hija ta’ natura purament anċillari, ma tikkostitwixxix miżura investigattiva bil-għan li tikseb provi fis-sens tad-Direttiva 2014/41 ( 31 ).

39.

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata bil-fatt li att ta’ akkuża jinkludi ordni ta’ detenzjoni provviżorja bħal dik inkwistjoni fil‑kawża prinċipali. Fil-fatt, minbarra fil-każ partikolari tat-trasferiment temporanju ta’ persuni diġà miżmuma għall-finijiet tat-twettiq ta’ miżura investigattiva, imsemmi fl-Artikoli 22 u 23 tad-Direttiva 2014/41, ordni ta’ investigazzjoni Ewropea ma għandhiex tinkludi talba li għandha bħala għan li persuna titpoġġa jew tinżamm f’detenzjoni ( 32 ). Il-każ ta’ trasferiment temporanju ma jkoprix sitwazzjoni bħal dik ta’ dan il-każ, fejn id-detenzjoni provviżorja tal-persuna kkonċernata ma għandha l-ebda għan probatorju iżda hija esklussivament mitluba sabiex tippermetti li din il-persuna tkun tista’ tidher, wara l-ħruġ tal-att tal-akkuża, quddiem il-qorti kompetenti tal-Istat emittenti.

40.

Fir-rigward tat-tieni parti tal-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea inkwistjoni, jiġifieri t-talba għal smigħ tal-imputat sabiex ikun jista’ jsostni l-osservazzjonijiet kollha utli dwar il-fatti ddikjarati fl-att ta’ akkuża li ġie nnotifikat lilu, diġà rrilevajt li d-Direttiva 2014/41 tipprevedi espressament, fl-Artikolu 10(2)(c) tagħha u fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 24(1) tagħha, fost il-miżuri investigattivi li jistgħu jintalbu fil-qafas ta’ tali ordni, is-smigħ ta’ persuna suspettata jew akkużata.

41.

Madankollu, kif korrettament tenfasizza l-Kummissjoni, tali talba għal smigħ ma tistax taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea ħlief jekk kellha effettivament bħala għan il‑ġbir ta’ provi. Dan ma huwiex il-każ jekk it-talba għal smigħ ma kinitx intiża, fir-realtà, ħlief sabiex tippermetti lill-imputata teżerċita d-drittijiet ta’ difiża tagħha billi ssostni l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-proċedura kriminali mressqa kontra tagħha. F’dan ir-rigward, nikkonstata li AK u l‑Gvern Franċiż jopponu l-għan tat-talba għal smigħ magħmula fil-qafas tal-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea inkwistjoni. Minkejja li dan il‑Gvern iqis li minn din id-deċiżjoni jirriżulta mingħajr kontestazzjoni li l-għan li għandu jintlaħaq minn din it-talba huwa li jinġabru provi, AK tiddikjara li s-smigħ kellu biss l-għan li jiżgura d-drittijiet tad-difiża tagħha fir-rigward tal-akkużi miġjuba kontriha ( 33 ).

42.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina l-għan eżatt tat-talba għal smigħ inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Jekk hija tikkonstata li din it-talba ma hijiex intiża għall-ksib ta’ provi, għandu jiġi konkluż li kemm l-imsemmija talba kif ukoll dik intiża għan-notifika tal-att ta’ akkuża ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea. Min-naħa l-oħra, jekk tikkonstata li t-talba għal smigħ għandha realment l-għan li tiġbor provi, hija tista’, fl-opinjoni tiegħi, tivvalida din il-parti tal-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea, suġġett għall-fatt, naturalment, li l-kundizzjonijiet fir-rigward tal-kontenut u tal-forma ta’ tali ordni previsti mid-Direttiva 2014/41, kif ukoll il-formalitajiet l-oħra mitluba minnha, ikunu ġew osservati ( 34 ). Jidhirli li rifjut globali ta’ eżekuzzjoni tal-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea, minħabba li hija ma għandhiex tkopri talba ta’ notifika ta’ att ta’ akkuża, ikun eċċessiv u jmur kontra l-għan ta’ effikaċja li għandu jintlaħaq minn din id-Direttiva.

Konklużjoni

43.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi bil-mod segwenti għat-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Qorti tal-Kassazzjoni (Franza):

L-Artikoli 1 u 3 tad-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

ma jippermettux lill-awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru li toħroġ jew tivvalida ordni ta’ investigazzjoni Ewropea li tkopri, minn naħa waħda, in-notifika tal‑imputat b’att ta’ akkuża, li jinkludi wkoll ordni ta’ arrest u ta’ ħlas ta’ pleġġ u, min-naħa l-oħra, is-smigħ tal-imputat sabiex ikun jista’, fil‑preżenza tal-avukat tiegħu, jagħmel l-osservazzjonijiet kollha utli dwar il-fatti stipulati f’din l-ordni jekk dan is-smigħ ma kellux realment l-għan li jinkisbu provi, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil‑proċedura.

( 2 ) ĠU 2014, L 130, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 143, p. 16.

( 3 ) Konvenzjoni stabbilita mill-Kunsill skont Artikolu 34 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar l-Assistenza reċiproka f’Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 172).

( 4 ) Il-qorti tar-rinviju tindika li d-Direttiva 2014/41 ġiet trasposta fid-dritt Franċiż permezz tal-Artikoli 694‑15 et seq. tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali Franċiż.

( 5 ) AK kienet akkużata b’atti ta’ terroriżmu.

( 6 ) Mill-proċess verbal tas-seduta tad‑19 ta’ Lulju 2021, mibgħuta mill-qorti tar-rinviju wara talba għal informazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li AK għamlet id‑dikjarazzjonijiet segwenti dwar il-fatti msemmija fl-att tal-akkuża: “Jiena niċħad dawn l-akkużi kollha. Dawn l-akkużi huma bbażati fuq dikjarazzjonijiet li ġejt imġiegħla nagħmel taħt tortura, għoxrin sena ilu. Ilni nirrepeti dan għal diversi snin u erġajt għidt dan fil-kuntest tal-proċedura tal-mandat ta’ [arrest] Ewropew. Ġew ippreżentati xi provi u l-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi rrifjutat teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew. Ma nistax nifhem kif intom stess tistgħu tinnotifikawni b’att ta’ akkuża fi kwistjoni li għaliha s-sistema ġudizzjarja Franċiża rrifjutat li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew.”

( 7 ) Dan l-Artikolu jipprovdi dan li ġej: “Fil-każ ta’ proċeduri kriminali mwettqa barra mill-pajjiż, meta Gvern barrani jqis li hija meħtieġa n-notifika ta’ att proċedurali jew ta’ sentenza lil individwu li jirrisjedi fit-territorju Franċiż, id-dokument jintbagħat skont il-metodi previsti fl-Artikoli 696‑8 u 696‑9, akkumpanjat, jekk ikun il-każ, minn traduzzjoni [fil-lingwa] Franċiża. In-notifika ssir lill-persuna, fuq talba tal-Uffiċju tal-Prosekutur. Id‑dokument oriġinali li jikkonstata n-notifika jintbagħat lura bl-istess mod lill-Gvern li jkun talab in-notifika.”

( 8 ) Jiġifieri żewġ sentenzi mogħtija fis‑26 ta’ Settembru 2018 u waħda mogħtija fid‑9 ta’ Ottubru 2019.

( 9 ) Ara wkoll premessa 9 tad-Direttiva 2014/41, li tistipula li “[d]in id-Direttiva ma tapplikax għal sorveljanza transkonfinali kif imsemmi fil-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen […]”.

( 10 ) Dan jinkludi l-ksib ta’ informazzjoni jew provi li jkunu diġà fil-pussess tal-awtorità ta’ eżekuzzjoni, il-ksib ta’ informazzjoni li tinsab fid-databases miżmuma mill‑pulizija jew l-awtoritajiet ġudizzjarji, is-smigħ ta’ xhud, espert, vittma, persuna suspettata jew akkużata jew terzi fit-territorju tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, kwalunkwe miżura investigattiva mhux intrusiva kif iddefinita taħt il-liġi tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, u l-identifikazzjoni ta’ persuni li jkollhom abbonament ta’ numru tat‑telefon speċifiku jew indirizz IP speċifiku.

( 11 ) Dan jinkludi s-smigħ b’vidjokonferenza jew bi trażmissjoni awdjoviżiva oħra ta’ xhud, espert, persuna suspettata jew akkużata, is-smigħ b’konferenza telefonika ta’ xhud jew espert, il-ksib ta’ informazzjoni bankarja jew finanzjarja, miżuri investigattivi li jinvolvu l-ksib ta’ provi fi żmien reali, kontinwament u matul ċertu perijodu ta’ żmien, bħall-monitoraġġ ta’ tranżazzjonijiet bankarji jew finanzjarji magħmula permezz ta’ kont speċifiku jew iktar jew konsenji kkontrollati fit-territorju tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, it-twettiq ta’ investigazzjonijiet sigrieti u l‑interċettazzjoni ta’ telekomunikazzjonijiet.

( 12 ) Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2014/41. Ara wkoll is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2020, Staatsanwaltschaft Wien (Ordnijiet ta’ trasferiment iffalsifikati) (C‑584/19, EU:C:2020:1002, punt 64).

( 13 ) Artikolu 10(1) u l-premessa 10 tad-Direttiva 2014/41. Skont l-Artikolu 10(3) ta’ din id-Direttiva, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni tista’ tuża wkoll miżura investigattiva oħra minflok dik indikata fl-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea jekk din tippermetti li jinkiseb l-istess riżultat permezz ta’ mezzi “inqas intrużivi”.

( 14 ) Jiena naqbel mal-osservazzjoni tal-Gvern Franċiż li “minkejja li l-kunċett ta’ ‘prova’ ma għandux definizzjoni ġenerali fid-dritt tal-Unjoni, huwa jirreferi, b’mod wiesa’, għall-mezzi li juru fatt jew att fil-forom permessi mil-liġi”.

( 15 ) Sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Finanzamt für Steuerstrafsachen und Steuerfahndung Münster (C‑66/20, EU:C:2021:670, punt 41).

( 16 ) L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2014/41 jistipula kif ġej: “L‑awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha, mingħajr dewmien żejjed, tittrasferixxi l-provi miksuba jew li jkunu diġà fil-pussess tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni bħala riżultat tal-eżekuzzjoni tal-OIE lill-Istat emittenti”.

( 17 ) Ara wkoll Artikolu 15(1)(b) tad-Direttiva 2014/41.

( 18 ) Ara n-noti ta’ qiegħ il-paġna 10 u 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 19 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[k]if tenfasizza l-premessa 34 ta[d‑D]irettiva [2014/41], din tipprevedi biss miżuri provviżorji bil-għan li jinkisbu provi” (sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2020, Staatsanwaltschaft Wien (Ordnijiet ta’ trasferiment iffalsifikati), C‑584/19, EU:C:2020:1002, punt 71).

( 20 ) Sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2020 (C‑584/19, EU:C:2020:1002, punt 72).

( 21 ) Sentenza tat‑30 ta’ April 2024, M.N. (EncroChat) (C‑670/22, EU:C:2024:372, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 22 ) Kunsill Ewropew, Il-programm ta’ Stokkolma – Ewropa miftuħa u sigura għas‑servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini (ĠU 2010, C 115, p. 1), punt 3.1.1.

( 23 ) Dan huwa dak li jirriżulta wkoll minn nota konġunta tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) u tan-Network Ġudizzjarju Ewropew dwar l-Applikazzjoni Prattika tal-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea tax‑xahar ta’ Ġunju 2019 (p. 6), iċċitata minn AK u disponibbli fl-indirizz segwenti: https://www.eurojust.europa.eu/sites/default/files/Publications/Reports/2019-06-Joint_Note_EJ-EJN_practical_application_EIO_MT.pdf

( 24 ) Rapport spjegattiv dwar il-Konvenzjoni tad‑29 ta’ Mejju 2000 dwar l-Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2000, C 379, p. 7).

( 25 ) Ara paġna 2 ta’ dan id-dokument, disponibbli fl-indirizz segwenti: https://www.ejn-crimjust.europa.eu/ejn/EJN_RegistryDoc/FR/3096/83/0

( 26 ) Ara paġna 20 ta’ dan id-dokument, disponibbli fl-indirizz segwenti: https://www.eurojust.europa.eu/publication/report-eurojust-casework-european-investigation-order.

( 27 ) Ara paġna 6 ta’ dan id-dokument.

( 28 ) Il-Gvern Franċiż jispjega għalhekk li “att ta’ akkuża […] normalment huwa xhieda tat-tmiem tal-investigazzjonijiet magħmula mis-servizzi ta’ investigazzjoni u mill-eventwali mħallef inkwirenti”.

( 29 ) F’dan il-każ, fl-att ta’ akkuża tat‑30 ta’ Settembru 2009, l-ewwel parti, tinkludi espożizzjoni tal-fatti li bihom hija akkużata AK, it-tieni parti, klassifikazzjoni kriminali ta’ dawn il-fatti, tindika l-provi miġbura kontra AK u tesponi l-motivi li għalihom hemm lok li jintalab ħlas ta’ pleġġ minn din tal-aħħar kif ukoll id-detenzjoni provviżorju tagħha, u it-tielet parti, li tikkostitwixxi d-dispożittiv ta’ dan l-att, tiddikjara l-att ta’ akkuża ta’ AK u tordna d-detenzjoni provviżorja kif ukoll il-ħlas ta’ pleġġ ta’ ammont ta’ EUR 30000.

( 30 ) Ara punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 31 ) F’dan il-każ, mill-att ta’ akkuża tat‑30 ta’ Settembru 2009 jirriżulta li l-ħlas ta’ pleġġ huwa intiż sabiex jiżgura “ir-responsabbilitajiet finanzjarji li [AK tista’] tiffaċċja fil‑futur” jekk, minbarra li tiġi ddikjarata kriminalment responsabbli, hija tiġi ddikjarata wkoll ċivilment responsabbli.

( 32 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2020, Staatsanwaltschaft Wien (Ordnijiet ta’ trasferiment iffalsifikati)(C‑584/19, EU:C:2020:1002, punt 73).

( 33 ) AK tosserva, f’dan il-kuntest, li d-dritt tal-persuna akkużata li tagħmel sottomissjonijiet dwar din l-akkuża fil-preżenza tal-avukat tagħha huwa previst fil‑Kodiċi tal-Proċedura Kriminali Spanjol, fil-kuntest tal-proċedura ta’ notifika tal‑att ta’ akkuża.

( 34 ) Ara, b’mod partikolari, Artikoli 5 sa 7 u 9 tad-Direttiva 2014/41.