Trattat li jistabbilixxi l-Komunita' Ewropea (Verżjoni konsolidata) - It-Tielet parti - Politika tal-Komunita' - TITOLU VII - Politika Ekonomika u Monetarja - Kapitolu 4 - Disposizzjonijiet Transitorji . - Artikolu 123
Official Journal C 321 E , 29/12/2006 P. 0100 - 0101
Official Journal C 325 , 24/12/2002 P. 0087 - Consolidated version
Official Journal C 340 , 10/11/1997 P. 0233 - Consolidated version
Official Journal C 224 , 31/08/1992 P. 0043 - Consolidated version
Artikolu 123 1. Immedjatament wara li tkun ittieħdet deċiżjoni għall-bidu tat-tielet stadju bi qbil ma' l-Artikolu 121(3), jew, skond il-każ, immedjatament wara l- 1 Lulju 1998: - Il-Kunsill għandu jadotta d-disposizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 107(6); - il-gvernijiet ta' l-Istati Membri mingħajr deroga għandhom jaħtru, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 50 ta' l-Istatut tas-SEBĊ, il-President, il-Viċi-President u l-membri l-oħra tal-Bord Eżekuttiv ta'-BĊE. Jekk ikun hemm Stati Membri b'deroga, in-numru tal-membri tal-Bord Eżekuttiv jista' jkun iżgħar minn dak provdut fl-Artikolu 11.1 ta' l-Istatut tas-SEBĊ, iżda taħt l-ebda ċirkostanza ma għandu jkun inqas minn erbgħa. Malli jinħatar il-Bord Eżekuttiv, għandhom jiġu stabbiliti is-SEBĊ u l-BĊE u dawn għandhom iħejju biex jidħlu joperaw għal kollox kif deskritt f'dan it-Trattat u fl-Istatut tas-SEBĊ. L-eżerċizzju totali tal-poteri tagħhom għandu jibda mill-ewwel jum tat-tielet stadju. 2. Hekk kif jiġi stabbilit il-BĊE, għandu, jekk ikun meħtieġ, jassumi x-xogħol ta' l-IME. L-IME għandu jidħol f'likwidazzjoni hekk kif jiġi stabbilit il-BĊE; il-modalitajiet tal-likwidazzjoni huma stabbiliti fl-Istatut ta' l-IME. 3. Jekk u sakemm ikun hemm Stati Membri b'deroga, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 107(3) ta' dan it-Trattat, il-Kunsill Ġenerali tal-BĊE riferit fl-Artikolu 45 ta' l-Istatut tas-SEBĊ għandu jiġi stabbilit bħala t-tielet korp deċiżjonali tal-BĊE. 4. Fid-data tal-bidu fis-seħħ tat-tielet fażi, il-Kunsill għandu, waqt li jaġixxi bl-unanimità ta’ l-Istati Membri mingħajr deroga, fuq proposta tal-Kummissjoni u wara li jkun ikkonsulta l-BĊE, jadotta r-rati tal-kambju li fihom il-valuta tagħhom tiġi iffissata irrevokabilment u b’liema rata irrevokabilment iffissata l-ECU għandha tidħol flok dawn il-valuti u l-ECU għandha ssir valuta hi stess. Din il-miżura minnha nfisha m’għandhiex timmodifika l-valur estern ta' l-ECU. Il-Kunsill waqt li jkun jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata ta’ l-Istati Membri msemmija, fuq proposta tal-Kummissjoni u wara li jikkonsulta l-BĊE, għandu jieħu l-miżuri l-oħra kollha meħtieġa għall-introduzzjoni rapida ta' l-ECU bħala valuta waħda ta’ dawk l-Istati Membri. It-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 122(5) għandha tapplika. 5. Jekk jiġi deċiż, skond il-proċedura dikjarata fl-Artikolu 122(2), li tiġi abrogata deroga, il-Kunsill, waqt li jaġixxi bl-unanimità ta' l-Istati Membri mingħajr deroga u l-Istat Membru interessat, fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta mal-BĊE, għandu jadotta r-rata li biha l-ECU għandu jissostitwixxi l-munita korrenti ta' l-Istat Membru interessat, u jieħu l-miżuri l-oħra meħtieġa għad-dħul ta' l-ECU bħala l-munita kurrenti unika fl-Istat Membru interessat. --------------------------------------------------