23.4.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 111/5


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 358/2008

tat-22 ta' April 2008

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 622/2003 li jistabbilixxi l-miżuri sabiex jiġu implimentati l-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà fl-avjazzjoni

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 2320/2002 tas-16 ta’ Diċembru 2002 li jistabbilixxi regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà fl-avjazzjoni ċivili (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz ta’ l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 2320/2002, il-Kummissjoni hija mitluba, meta meħtieġ, tadotta miżuri għall-implimentazzjoni ta’ l-istandards bażiċi komuni tas-sigurtà fl-avjazzjoni fil-Komunità kollha. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 622/2003 ta’ l-4 ta’ April 2003 li jistabbilixxi l-miżuri sabiex jiġu implimentati l-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà fl-avjazzjoni (2) kien l-ewwel att li jistabbilixxi miżuri bħal dawn.

(2)

Il-miżuri pprovduti bir-Regolament (KE) Nru 622/2003 għandhom jiġu riveduti fid-dawl ta’ żviluppi tekniċi ġodda, implikazzjonijiet fuq l-operat fl-ajruporti u l-impatt fuq il-passiġġieri. Aktar riċerka wriet li l-benefiċċji tat-twaqqif ta' regola dwar id-daqs tal-bagalja fil-kabina mhumiex akbar mill-implikazzjonijiet fuq l-operat fl-ajruporti u mill-impatt fuq il-passiġġieri. Din ir-regola, li tapplika mis-6 ta’ Mejju 2008, għandha għalhekk titħassar.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 622/2003 għandu jiġi emendat skond dan.

(4)

Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sigurtà ta’ l-Avjazzjoni Ċivili,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness għar-Regolament (KE) Nru 622/2003 huwa emendat kif stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-5 ta' Mejju 2008.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 22 ta’ April 2008.

Għall-Kummissjoni

Jacques BARROT

Viċi President


(1)   ĠU L 355, 30.12.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 849/2004 (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 1).

(2)   ĠU L 89, 5.4.2003, p. 9. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 23/2008 (ĠU L 9, 12.1.2008, p. 12).


ANNESS

Il-punt 4.1.1.1g) ta' l-Anness għar-Regolament (KE) Nru 622/2003 jitħassar.