European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/5997

9.10.2024

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Linji gwida interpretattivi dwar l-applikazzjoni tal-eżenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2023/2405 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iżgurar ta’ kondizzjonijiet ekwi għal trasport bl-ajru sostenibbli (ReFuelEU Aviation)

(C/2024/5997)

WERREJ

1.

Introduzzjoni 3

2.

Kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5 tal-RFEUA: obbligu ta’ riforniment għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru 4

2.1.

Min huwa soġġett għall-obbligu tal-Artikolu 5(1) tal-RFEUA u liema huma t-titjiriet fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu? 4

2.2.

X’jinvolvi l-obbligu legali fl-Artikolu 5(1) tal-RFEUA? 5

2.3.

Meta u fejn għandu jagħmel riforniment l-operatur tal-inġenji tal-ajru? 6

2.4.

L-operaturi tal-inġenji tal-ajru ta’ pajjiżi terzi huma obbligati jagħmlu riforniment skont l-Artikolu 5(1) tal-RFEUA? 6

2.5.

X’inhu r-rwol tal-korp ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti tal-Unjoni? 7

3.

Eżenzjonijiet mill-obbligu tar-riforniment 7

4.

L-Artikolu 5(2) tal-RFEUA: Nuqqas ta’ ssodisfar tar-rekwiżit ta’ ppumpjar ta’ 90 % tal-fjuwil fl-ajruport tat-tluq tal-Unjoni għal raġunijiet ta’ sikurezza 7

4.1.

Nuqqas ta’ ssodisfar ta l-obbligu tal-ippumpjar tal-fjuwil. Implikazzjonijiet fuq ir-rapportar annwali skont l-Artikolu 8 tal-RFEUA() 8

4.2.

Eżempji ta’ avvenimenti li jeħtieġu l-ippumpjar tal-fjuwil tal-avjazzjoni għall-konformità mar-regoli dwar is-sikurezza tal-fjuwil u ta’ dokumenti ta’ sostenn (ġustifikazzjonijiet) 9

4.3.

L-operatur tal-inġenji tal-ajru għal kemm żmien għandu jżomm id-dokumenti ta’ ġustifikazzjoni? 11

4.4.

Kunsiderazzjonijiet dwar l-għażla ta’ ajruport alternattiv u fjuwil diskrezzjonali 11

5.

L-Artikolu 5(3) tal-RFEUA: eżenzjonijiet temporanji għall-obbligu ta’ riforniment 12

5.1.

L-ewwel kundizzjoni: rekwiżit tad-distanza 12

5.2.

It-tieni kundizzjoni: ir-rekwiżiti fl-Artikolu 5(3)(a) u (b) 13

5.2.1.

L-Artikolu 5(3)(a) tal-RFEUA — diffikultajiet operazzjonali serji u rikorrenti u ħinijiet tat-turnaround mhux raġonevoli 13

5.2.2.

L-Artikolu 5(3), (b) — Diffikultajiet strutturali fil-provvista tal-fjuwil li jirriżultaw minn karatteristiċi ġeografiċi 15

6.

L-awtorità kompetenti għall-finijiet tal-Artikolu 5 tal-RFEUA 18

6.1.

Ir-rwol tal-awtoritajiet għall-finijiet tal-Artikolu 5(2) u (3) tal-RFEUA 18

6.2.

Min hija l-awtorità kompetenti għall-infurzar tal-obbligu ta’ riforniment u għall-impożizzjoni ta’ multi? 18

7.

Kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet 20

8.

Dwar il-proċess biex tintalab eżenzjoni skont l-Artikolu 5(3)(a) jew (b) tal-RFEUA u r-rwol tal-Kummissjoni 21

8.1.

Tul ta’ żmien u tiġdid tal-eżenzjoni 21

8.2.

Meta għandha tiġi ppreżentata t-talba lill-awtorità kompetenti? 21

8.3.

L-awtorità kompetenti tista’ titlob informazzjoni addizzjonali 21

8.4.

Id-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti (l-Artikolu 5(6) tal-RFEUA) 21

8.5.

Meta tibda tapplika d-deċiżjoni nazzjonali? 22

8.6.

Ir-rwol tal-Kummissjoni 22

8.6.1.

Pubblikazzjoni tal-lista ta’ eżenzjonijiet 22

8.6.2.

Dwar ilmenti li jikkonċernaw eżenzjonijiet mogħtija 22

1.   INTRODUZZJONI

Ir-Regolament (UE) 2023/2405 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ottubru 2023 dwar l-iżgurar ta’ kondizzjonijiet ekwi għal trasport bl-ajru sostenibbli (ir-“Regolament” jew “RFEUA”) (1) għandu l-għan li jiżgura li t-trasport bl-ajru tal-Unjoni Ewropea (UE) jissodisfa l-miri klimatiċi tal-Unjoni għall-2030 u l-2050 u jaqdi rwol ewlieni fit-twettiq tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima (2), filwaqt li jippreserva kundizzjonijiet ekwi fis-suq intern. Ir-Regolament jistabbilixxi regoli armonizzati dwar il-provvista u l-użu ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli (SAF, sustainable aviation fuels) fl-Unjoni. Il-fornituri tal-fjuwil tal-avjazzjoni jridu jfornu lis-suq tal-avjazzjoni b’ishma minimi dejjem akbar ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli u fjuwils tal-avjazzjoni sintetiċi. Il-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti għandhom l-obbligu li jiffaċilitaw l-aċċess għall-SAF. L-operaturi tal-inġenji tal-ajru li jitilqu minn ajruporti tal-Unjoni jeħtiġilhom jagħmlu riforniment tal-fjuwil tal-avjazzjoni meħtieġ għat-titjira kollha tagħhom, filwaqt li jevitaw l-emissjonijiet eċċessivi relatati mal-piż żejjed u jimminimizzaw ir-riskji ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju kkawżati minn prattiki ta’ tankering tal-fjuwil (3).

Ir-Regolament jistabbilixxi obbligi ta’ rapportar u ta’ ġbir ta’ data għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru u għall-fornituri tal-fjuwil, li jridu jiġu rrapportati lill-awtoritajiet kompetenti u lill-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (“EASA”). Huwa jipprovdi wkoll ir-regoli dwar il-ħatra tal-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, li se jimplimentaw u jinfurzaw ir-Regolament u rekwiżit li jipprevedu penali effettivi, proporzjonati u dissważivi f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità.

Kif spjegat fil-premessi 5 u 28 tar-Regolament, il-prattiki tat-tankering tal-fjuwil mhumiex sostenibbli u għandhom jiġu evitati peress li jipperikolaw l-isforzi tal-Unjoni biex tnaqqas l-impatt ambjentali mit-trasport. Dawk il-prattiki jmorru kontra l-objettivi tad-dekarbonizzazzjoni tal-avjazzjoni peress li ż-żieda fil-piż tal-inġenji tal-ajru żżid il-konsum tal-fjuwil u l-emissjonijiet relatati (kemm tas-CO2 kif ukoll mhux tas-CO2) fuq titjira partikolari. Għalhekk, l-Artikolu 5 tal-RFEUA jistabbilixxi obbligu ta’ riforniment għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru qabel it-tluq f’ajruport tal-Unjoni partikolari.

Il-prattiki tat-tankering tal-fjuwil jistgħu jpoġġu l-kundizzjonijiet ekwi f’riskju. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 5 tal-RFEUA japplika kemm għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru tal-UE kif ukoll għal dawk mhux tal-UE madwar l-UE. L-Artikolu 5 tal-RFEUA fl-aħħar mill-aħħar għandu l-għan li jevita l-frammentazzjoni tas-suq tat-trasport bl-ajru tal-UE, li jipprevjeni distorsjonijiet u prattiki inġusti ta’ evitar tal-kostijiet fir-rigward tar-riforniment tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru u li jippromwovi t-tranżizzjoni lil hinn mill-fjuwils fossili. Għalhekk, l-obbligu tar-riforniment fl-Artikolu 5 huwa komponent ewlieni tal-RFEUA.

Operatur tal-inġenji tal-ajru jista’, eċċezzjonalment u meta debitament ġustifikat, jaqa’ taħt il-limitu stabbilit fl-Artikolu 5(1) tal-RFEUA fejn dan ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ konformità mar-regoli applikabbli dwar is-sikurezza tal-fjuwil. Barra minn hekk, u meta jkun debitament ġustifikat, jista’ jitlob ukoll eżenzjoni temporanja mill-obbligu tar-riforniment mingħand l-awtorità (jew l-awtoritajiet) kompetenti. L-Artikolu 5(3) tal-RFEUA jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li jridu jiġu ssodisfati biex tintalab tali eżenzjoni.

L-Artikolu 5(11) tal-RFEUA jagħti mandat lill-Kummissjoni biex tadotta linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-eżenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5 tal-RFEUA. Dawn il-linji gwida għandhom jinkludu l-elementi li operatur tal-inġenji tal-ajru jeħtieġlu jipprovdi biex jiġġustifika dawk l-eżenzjonijiet.

Dawn il-linji gwida interpretattivi jipprovdu l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-eżenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(2) u (3) tal-RFEUA. Huma maħsuba biex jgħinu lill-awtoritajiet tal-Istati Membri jiddeċiedu jekk għandhomx jintlaqgħu talbiet għal eżenzjonijiet. Għandhom jgħinu wkoll biex jiġu żgurati applikazzjoni u infurzar aktar konsistenti tar-Regolament. Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti tal-eżenzjonijiet stabbiliti skont l-Artikolu 5 tal-RFEUA madwar l-UE, kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni u applikazzjoni tal-qafas legali rilevanti jistgħu jiġu diskussi fi ħdan il-grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni dwar l-avjazzjoni sostenibbli (E03118/2) (4), bl-appoġġ tal-EASA. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea biss hija kompetenti biex tinterpreta d-dritt tal-Unjoni b’mod awtorevoli.

2.   KAMP TA’ APPLIKAZZJONI TAL-ARTIKOLU 5 TAL-RFEUA: OBBLIGU TA’ RIFORNIMENT GĦALL-OPERATURI TAL-INĠENJI TAL-AJRU

L-Artikolu 5(1) tal-RFEUA jirrikjedi li l-operaturi tal-inġenji tal-ajru jagħmlu riforniment ta’ mill-inqas 90 % tal-fjuwil tal-avjazzjoni meħtieġ fis-sena f’kull ajruport tat-tluq tal-Unjoni minn fejn joperaw titjiriet tat-trasport kummerċjali bl-ajru.

L-objettiv ta’ din id-dispożizzjoni huwa li jiġi żgurat li l-ammont ta’ fjuwil tal-avjazzjoni ppumpjat qabel it-tluq minn ajruport partikolari tal-Unjoni jkun proporzjonat mal-ammont ta’ fjuwil tal-avjazzjoni meħtieġ biex jiġu operati t-titjiriet li jitilqu minn dak l-ajruport tal-Unjoni matul is-sena.

Sabiex jintlaħaq l-objettiv tal-Artikolu 5 fir-rigward tal-obbligu ta’ riforniment fl-ajruport tat-tluq tal-Unjoni, il-partijiet rilevanti fis-settur tal-avjazzjoni, jiġifieri l-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti tal-Unjoni, l-operaturi tal-inġenji tal-ajru, il-produtturi tal-fjuwil, il-fornituri tal-fjuwil tal-avjazzjoni u l-amministraturi tal-fjuwil, għandhom jaħdmu flimkien biex jiżguraw tranżizzjoni bla xkiel li tnaqqas id-diffikultajiet operazzjonali għall-minimu.

2.1.   Min huwa soġġett għall-obbligu tal-Artikolu 5(1) tal-RFEUA u liema huma t-titjiriet fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu?

L-operaturi kollha tal-inġenji tal-ajru fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-RFEUA huma legalment meħtieġa jikkonformaw mal-obbligu ta’ riforniment skont l-Artikolu 5(1) tal-RFEUA meta jitilqu minn ajruport tal-Unjoni. L-Artikolu 3(3) tal-RFEUA jiddefinixxi operatur tal-inġenji tal-ajru bħala “persuna li topera (5) tal-inqas 500 titjira tat-trasport kummerċjali bl-ajru għall-passiġġieri, jew 52 titjira tat-trasport kummerċjali bl-ajru tal-merkanzija kollha li jitilqu minn ajruporti tal-Unjoni fil-perjodu ta’ rapportar preċedenti jew, fejn ma jkunx possibbli li dik il-persuna tiġi identifikata, sid l-inġenju tal-ajru”.

Operatur tal-inġenji tal-ajru jiġi identifikat mis-sinjal tas-sejħa użat għall-finijiet tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru kif stabbilit fil-pjan operazzjonali tat-titjira (identifikazzjoni tal-inġenju tal-ajru). Is-sinjal tas-sejħa għandu jkun dan li ġej:

a)

meta l-pjan operazzjonali tat-titjira jkun fih id-deżinjatur ICAO għall-aġenzija operattiva tal-inġenji tal-ajru, l-operatur uniku tal-inġenji tal-ajru għandu jkun l-aġenzija operattiva tal-inġenji tal-ajru li tkun ġiet assenjata dak id-deżinjatur ICAO (6);

b)

meta l-pjan operazzjonali tat-titjira jkun fih in-nazzjonalità jew il-marka komuni, u l-marka tar-reġistrazzjoni tal-inġenju tal-ajru li tkun imniżżla b’mod espliċitu f’ċertifikat tal-operaturi tal-ajru (AOC, aircraft operator certificate), jew ekwivalenti, jew f’dokument maħruġ minn Stat u li jidentifika l-operatur tal-inġenju tal-ajru, l-operatur uniku tal-inġenju tal-ajru għandu jkun il-persuna ġuridika jew fiżika li jkollha l-AOC (jew ekwivalenti) jew li tkun iddikjarata fid-dokument;

c)

meta l-operatur tal-inġenju tal-ajru ma jkunx jista’ jiġi identifikat, is-sid tal-inġenju tal-ajru għandu jkun l-operatur tal-inġenju tal-ajru.

L-Artikolu 5(1) tal-RFEUA japplika għall-inġenji tal-ajru involuti fl-avjazzjoni ċivili u li jwettqu titjiriet tat-trasport kummerċjali bl-ajru, f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1). L-Artikolu 3(4) jiddefinixxi “titjira tat-trasport kummerċjali bl-ajru” bħala “titjira operata bl-għan li ġġorr passiġġieri, merkanzija jew posta, bi ħlas jew kiri, inkluż titjira tal-avjazzjoni għal skopijiet ta’ negozju operata għal finijiet kummerċjali”.

Skont il-ftehimiet tal-kiri bl-ekwipaġġ, inġenju tal-ajru jiġi operat mil-lokatur (sid l-inġenju tal-ajru), li essenzjalment jibqa’ responsabbli għall-istat u l-manutenzjoni tal-inġenju tal-ajru, għall-benefiċċju tal-lokatarju (l-entità li tikri inġenju tal-ajru), li jżomm kontroll effettiv tat-titjira. Għaldaqstant, il-preżunzjoni hija li l-lokatarju huwa l-operatur tal-inġenju tal-ajru ta’ dik it-titjira u li l-pjan tat-titjira jkun fih id-deżinjatur ICAO tal-lokatarju.

Skont ftehim ta’ kiri mingħajr ekwipaġġ, inġenju tal-ajru jitħaddem mil-lokatarju skont l-AOC tiegħu u l-kontroll tal-inġenju tal-ajru effettivament jgħaddi għand il-lokatarju. Il-preżunzjoni, għalhekk, hija li l-lokatarju huwa l-operatur tal-inġenju tal-ajru u d-deżinjatur ICAO tal-lokatarju għandu jidher fil-pjan tat-titjira.

Ir-Regolament ma japplikax għal inġenji tal-ajru militari u għal titjiriet użati biss għal operazzjonijiet bi skopijiet umanitarji, ta’ ripatrijazzjoni u ta’ ritorn (7), kemm jekk volontarji kif ukoll jekk infurzati, inklużi riammissjonijiet, titjiriet ta’ tiftix, ta’ salvataġġ, ta’ għajnuna f’każ ta’ diżastru jew għal finijiet mediċi, kif ukoll għal operazzjonijiet doganali, tal-pulizija u tat-tifi tan-nar. Titjiriet Statali li jittrasportaw Kapijiet ta’ Stat, Kapijiet ta’ Gvern u ministri tal-Gvern ta’ pajjiżi terzi huma esklużi wkoll. It-titjiriet ta’ taħriġ (meta tkun purament titjira mhux kummerċjali) u dawk ċirkolari (li jitilqu u jaslu fl-istess ajruport mingħajr waqfa intermedja) huma esklużi wkoll. Ir-raġuni għall-esklużjoni ta’ dawn it-titjiriet hija li dawn jiġu operati f’ċirkostanzi eċċezzjonali, li mhux dejjem jistgħu jiġu ppjanati bl-istess mod bħal titjiriet standard tat-trasport kummerċjali bl-ajru, u għalhekk, jista’ jkun li mhux dejjem ikunu jistgħu jissodisfaw l-obbligi skont din id-dispożizzjoni (ara l-premessa 17 tal-RFEUA). Fil-prattika, it-titjiriet esklużi jistgħu jiġu identifikati permezz tal-kodiċi ta’ eżenzjoni tal-Uffiċċju Ċentrali tal-Imposti tar-Rotot (CRCO, Central Route Charges Office) tal-EUROCONTROL u/jew il-qasam tal-identifikazzjoni tat-titjira fil-pjan operazzjonali tat-titjira.

It-titjiriet ta’ manutenzjoni, ta’ ripożizzjonar jew titjiriet mingħajr passiġġieri jew merkanzija abbord (ferry flights) huma inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) tal-RFEUA sakemm dawn jitqiesu bħala attivitajiet marbuta mal-attivitajiet kummerċjali tal-operatur tal-inġenji tal-ajru. Pereżempju, it-titjiriet ta’ pożizzjonament u t-titjiriet mingħajr passiġġieri jew merkanzija abbord relatati mat-tiftix u s-salvataġġ huma esklużi. It-titjiriet operati taħt Obbligu ta’ Servizz Pubbliku (“titjiriet OSP”) jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-RFEUA.

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi, l-RFEUA jkopri kemm jista’ jkun traffiku tal-ajru kummerċjali fis-suq tal-avjazzjoni tal-UE. L-operaturi kollha tal-inġenji tal-ajru li operaw mill-inqas 500 titjira tat-trasport kummerċjali bl-ajru għall-passiġġieri (jew 52 titjira tat-trasport kummerċjali bl-ajru ta’ merkanzija biss) huma għalhekk soġġetti għall-obbligu fl-Artikolu 5(1) tal-RFEUA. Madankollu, l-RFEUA jippermetti lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru jiksbu livell ogħla ta’ ambizzjoni billi jippermettilhom jipparteċipaw u jkunu koperti mill-obbligi tiegħu fl-Artikolu 2(3) tal-RFEUA li jistabbilixxi l-bażi ġuridika u l-proċedura għal dan l-għan. .

Il-Kummissjoni, bl-għajnuna tal-EUROCONTROL u f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, tħejji u tippubblika fuq is-sit web tagħha lista aġġornata kull sena tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-RFEUA, bl-attribuzzjoni rispettiva tagħhom lill-Istat Membru responsabbli (8) .

2.2.   X’jinvolvi l-obbligu legali fl-Artikolu 5(1) tal-RFEUA?

Il-limitu ta’ riforniment ta’ 90 % meħtieġ fl-Artikolu 5(1) tal-RFEUA japplika għall-“fjuwil tal-avjazzjoni meħtieġ fis-sena”. L-Artikolu 3(24) tal-RFEUA jiddefinixxih bħala l-ammont ta’ fjuwil tal-avjazzjoni msemmi bħala “il-fjuwil għall-vjaġġ” u “il-fjuwil gћas-sewqan tal-ajruplan” fl-Anness IV tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 (9). L-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jagħmel riforniment f’ajruport partikolari tal-Unjoni ta’ mill-inqas 90 % tal-fjuwil meħtieġ fis-sena (jiġifieri għall-vjaġġ u għat-taxiing għat-tluq) sabiex jopera t-titjiriet kollha li jitilqu koperti mill-RFEUA matul perjodu ta’ rapportar (jiġifieri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel is-sena ta’ rapportar) f’dak l-ajruport partikolari tal-Unjoni.

L-obbligi ta’ rapportar stabbiliti fl-Artikolu 8 fl-Anness II tal-RFEUA jikkonċernaw is-somma annwali tal-fjuwil ippjanata għat-titjiriet kollha li jitilqu minn ajruport partikolari tal-Unjoni u s-somma annwali ta’ fjuwil ippumpjat għal dawk it-titjiriet. Skont il-proċessi applikati mill-operatur tal-inġenji tal-ajru, il-fjuwil ippumpjat jista’ jiġi ppruvat bl-użu ta’ sorsi differenti (eż. (i) fatturi tal-fjuwil mill-fornitur tal-fjuwil, (ii) id-differenza bejn l-ammont ta’ fjuwil fil-ħin tal-wasla f’ajruport tal-Unjoni (block-on) u l-ammont ta’ fjuwil fil-ħin tat-tluq minn dak l-ajruport tal-Unjoni (block-off) u (iii) informazzjoni miksuba minn sorsi bħall-ġurnal tal-vjaġġ tal-inġenju tal-ajru, il-ġurnal tekniku u l-pjan operazzjonali tat-titjira).

L-obbligu ta’ riforniment fl-ajruport tat-tluq tal-Unjoni jirreferi għal “fjuwil tal-avjazzjoni”. L-Artikolu 3(6) tal-RFEUA jiddefinixxi l-fjuwil tal-avjazzjoni bħala fjuwil ta’ sostituzzjoni manifatturat għall-użu dirett mill-inġenji tal-ajru. Fi kliem ieħor, l-obbligu tar-riforniment jikkonċerna l-fjuwils kollha disponibbli għall-avjazzjoni, inklużi l-fjuwils tal-avjazzjoni konvenzjonali.

Operatur tal-inġenji tal-ajru li jonqos milli jiġġustifika kif xieraq in-nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżit ta’ riforniment ta’ mill-inqas 90 % tal-“fjuwil tal-avjazzjoni meħtieġ fis-sena” skont l-Artikoli 5(2) u (3) tal-RFEUA huwa soġġett għal multa. Din il-multa għandha tiġi imposta mill-awtoritajiet tal-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 12(2) tal-RFEUA. Tali operatur tal-inġenji tal-ajru jista’ madankollu jiġi eżentat mill-multa jekk ikun jista’ juri li n-nuqqas tiegħu li jikkonforma mal-obbligi tal-Artikolu 5 kien ikkawżat minn ċirkostanzi eċċezzjonali u imprevedibbli li kienu lil hinn mill-kontroll tiegħu u li l-effetti tagħhom ma setgħux jiġu evitati anki kieku ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha.

2.3.   Meta u fejn għandu jagħmel riforniment l-operatur tal-inġenji tal-ajru?

Operatur tal-inġenji tal-ajru fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-RFEUA se jkollu jippompja l-fjuwil meta jitlaq minn ajruport tal-Unjoni (jiġifieri l-ajruport tat-tluq tal-Unjoni).

L-Artikolu 3(1) tal-RFEUA jiddefinixxi “ajruport tal-Unjoni” bħala ajruport kif definit fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-imposti tal-ajruporti. Ajruport hemmhekk huwa definit bħala “kull medda ta’ art speċifikament adattata għall-inżul, it-tlugħ u l-manuvrar ta’ inġenji tal-ajru, inklużi l-installazzjonijiet anċillari li dawn l-operazzjonijiet jistgħu jinvolvu għar-rekwiżiti tat-traffiku u servizzi tal-inġenji tal-ajru inklużi l-installazzjonijiet meħtieġa għall-assistenza tas-servizzi kummerċjali tal-ajru”  (10).

L-ajruporti tal-Unjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-RFEUA huma dawk li għandhom traffiku tal-passiġġieri ogħla minn 800 000 passiġġier jew traffiku tal-merkanzija ogħla minn 100 000 tunnellata fil-perjodu ta’ rapportar preċedenti. Dan il-limitu ġie stabbilit biex jiġi evitat li jitqiegħed piż żejjed fuq l-operazzjonijiet tat-trasport bl-ajru f’ajruporti żgħar.

L-ajruporti li jinsabu f’reġjun ultraperiferiku, kif elenkati fl-Artikolu 349 tat-TFUE — jiġifieri Guadeloupe, il-Guyana Franċiża, Martinique, Mayotte, Réunion, Saint Martin, l-Azores, Madeira u l-Gżejjer Kanarji — jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5 tal-RFEUA.

L-Istati Membri jistgħu jkunu aktar ambizzjużi u jiddeċiedu li ajruport li jinsab fit-territorju tagħhom - u li ma jilħaqx il-limitu meħtieġ u jew li jinsab f’reġjun ultraperiferiku - xorta huwa kopert mill-RFEUA. Korp ta’ amministrazzjoni tal-ajruport jista’ jagħżel ukoll li jipparteċipa f’ajruport taħt il-ġestjoni tiegħu u li jiġi ttrattat bħala ajruport tal-Unjoni u jkun soġġett għall-RFEUA, billi jippreżenta talba lill-awtoritajiet kompetenti rispettivi. Fit-talba tiegħu, il-korp ta’ amministrazzjoni tal-ajruport jeħtieġlu jagħti prova li l-ajruport kandidat jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tal-RFEUA. Il-bażi ġuridika u l-proċedura għal dan l-għan jistgħu jinstabu fl-Artikolu 2(2) tal-RFEUA.

Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, tipprovdi lista ta’ ajruporti tal-Unjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-RFEUA. Din il-lista tiġi aġġornata fuq bażi annwali (11).

2.4.   L-operaturi tal-inġenji tal-ajru ta’ pajjiżi terzi huma obbligati jagħmlu riforniment skont l-Artikolu 5(1) tal-RFEUA?

Kif spjegat fit-Taqsima 2.3, l-obbligu ta’ riforniment ta’ mill-inqas 90 % tal-fjuwil tal-avjazzjoni meħtieġ fis-sena japplika fl-ajruport tat-tluq tal-Unjoni. Għalhekk, operatur tal-inġenji tal-ajru ta’ pajjiż terz huwa soġġett għall-obbligu stabbilit fl-Artikolu 5(1) tal-RFEUA meta jitlaq minn ajruport tal-Unjoni, jekk ikun opera 500 titjira tat-trasport kummerċjali bl-ajru għall-passiġġieri jew 52 titjira tat-trasport kummerċjali bl-ajru ta’ merkanzija biss minn ajruporti tal-Unjoni fil-perjodu ta’ rapportar preċedenti. Fil-prattika dan ifisser li operatur tal-inġenji tal-ajru ta’ pajjiż terz irid jagħmel riforniment ta’ 90 % tal-fjuwil tal-avjazzjoni meħtieġ fis-sena tiegħu għat-tluq minn ajruporti tal-Unjoni fl-ajruporti tal-Unjoni minn fejn jitlaq.

Operatur tal-inġenji tal-ajru ta’ pajjiż terz li jonqos milli jikkonforma mal-obbligi tal-Artikolu 5 huwa soġġett għal multa imposta minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru (ara l-Artikolu 12(2) tal-RFEUA), sakemm tali nuqqas ta’ konformità ma jkunx debitament iġġustifikat skont l-Artikolu 5(2) jew (3) tal-RFEUA jew ma jkunx ikkawżat minn ċirkostanzi eċċezzjonali u imprevedibbli skont it-tielet sentenza tal-Artikolu 12(2) tal-RFEUA.

2.5.   X’inhu r-rwol tal-korp ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti tal-Unjoni?

Il-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti tal-Unjoni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament għandhom rwol ewlieni fl-iffaċilitar tal-konformità tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru mal-obbligu ta’ riforniment. F’dan ir-rigward, il-korp ta’ amministrazzjoni tal-ajruport tal-Unjoni għandu jippjana r-riżorsi umani u infrastrutturali (eż. persunal suffiċjenti u kwalifikat, il-kapaċità tat-tankijiet u l-provvista tal-fjuwil, it-trakkijiet ta’ forniment tal-fjuwil, is-sistemi tal-idranti, eċċ.) meħtieġa biex tiġi ffaċilitata l-konformità tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru mal-obbligu tal-Artikolu 5(1) tal-RFEUA.

Madankollu, ta’ min jinnota li ċerti ajruporti (eż. dawk li jinsabu fuq gżejjer) jista’ ma jkollhomx l-infrastruttura meħtieġa u/jew il-forniment tal-fjuwil tal-avjazzjoni minħabba l-kundizzjoni ġeografika tagħhom u għalhekk hemm mnejn ma jkunux jistgħu jiffaċilitaw l-ippumpjar rikorrenti tal-fjuwil tal-avjazzjoni fl-ajruport bl-istess mod bħal ajruporti oħra b’aktar riżorsi. Għalhekk, l-operaturi tal-inġenji tal-ajru jistgħu jitolbu eżenzjonijiet temporanji mill-obbligi tar-riforniment tagħhom għal ċerti rotot li jikkonnettjaw ma’ ajruporti li jinsabu fi gżejjer mingħajr konnessjonijiet bil-ferrovija jew bit-triq ma’ ajruport tal-Unjoni, fiċ-ċirkostanzi speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 5(3) tal-RFEUA.

3.   EŻENZJONIJIET MILL-OBBLIGU TAR-RIFORNIMENT

L-Artikolu 5(2) tal-RFEUA jippermetti lill-operatur tal-inġenji tal-ajru jaqa’ taħt il-limitu meħtieġ mill-obbligu tar-riforniment meta jkun debitament ġustifikat għal raġunijiet ta’ konformità mar-regoli applikabbli dwar is-sikurezza tal-fjuwil, f’konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 (12). F’dan ir-rigward, id-deċiżjoni tal-kmandanti dwar l-aħħar ippumpjar tal-fjuwil qabel it-tluq minn ajruport tal-Unjoni trid tiġi rispettata mingħajr interferenza mill-operatur tal-inġenji tal-ajru (13) (ara d-dettalji fit-Taqsima 4). L-eżenzjonijiet ġustifikati skont l-Artikolu 5(2) tal-RFEUA jiġu rrapportati ex post fir-rapport annwali li għandu jiġi ppreżentat mill-operatur tal-inġenji tal-ajru kif stabbilit fl-Artikolu 8 tal-RFEUA.

Eżenzjonijiet oħra mill-obbligi tar-riforniment stabbiliti fl-Artikolu 5(1) tal-RFEUA huma limitati għal żewġ sitwazzjonijiet definiti fl-Artikolu 5(3)(a) u (b) tal-RFEUA u huma soġġetti għal talba ġustifikata u dettaljata minn qabel lill-awtorità kompetenti. Dawn l-eżenzjonijiet huma mitluba ex ante, ara d-dettalji fit-Taqsimiet 5 u 8. L-ewwel possibbiltà għal eżenzjoni mill-Artikolu 5(1) hija limitata għal rotot speċifiċi li jitilqu minn ajruporti tal-Unjoni u għal sitwazzjonijiet speċifiċi, jiġifieri, diffikultajiet operazzjonali serji u rikorrenti fir-riforniment tal-inġenji tal-ajru f’ajruport partikolari tal-Unjoni li jipprevjenu lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru milli jwettqu titjiriet b’turnaround fi żmien raġonevoli. It-tieni possibbiltà tikkonċerna diffikultajiet strutturali fil-provvista tal-fjuwil li jirriżultaw mill-karatteristiċi ġeografiċi ta’ ajruport partikolari tal-Unjoni, li jwasslu għal prezzijiet ogħla b’mod sinifikanti tal-fjuwils tal-avjazzjoni u jqiegħdu lill-operatur tal-inġenji tal-ajru kkonċernat fi żvantaġġ kompetittiv sinifikanti meta mqabbel mal-kundizzjonijiet tas-suq li jeżistu f’ajruporti oħra tal-Unjoni b’karatteristiċi kompetittivi simili.

4.   L-ARTIKOLU 5(2) TAL-RFEUA: NUQQAS TA’ SSODISFAR TAR-REKWIŻIT TA’ PPUMPJAR TA’ 90 % TAL-FJUWIL FL-AJRUPORT TAT-TLUQ TAL-UNJONI GĦAL RAĠUNIJIET TA’ SIKUREZZA

L-Artikolu 5(2) tal-RFEUA jipprevedi li operatur tal-inġenji tal-ajru jista’ jaqa’ taħt il-limitu ta’ 90 % “tal-fjuwil tal-avjazzjoni meħtieġ fis-sena” (jiġifieri l-fjuwil tal-vjaġġ u dak għas-sewqan tal-ajruplan għall-qtugħ mill-art) f’ajruport tat-tluq tal-Unjoni, jekk dan ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ konformità mar-regoli applikabbli dwar is-sikurezza tal-fjuwil. Din id-dispożizzjoni tqis il-ħtieġa li tiġi żgurata l-konformità, pereżempju, mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 (14) u, b’mod aktar speċifiku, mar-regoli tas-sikurezza fl-Anness IV tiegħu: il-punti CAT.OP.MPA.180, 181, 182 u 260, u meta xieraq, mal-punt CAT.OP.MPA.185 għall-ġestjoni u l-ippjanar tal-fjuwil matul it-titjira. Il-Mezzi Aċċettabbli ta’ Konformità (AMC, Acceptable Means of Compliance) u l-materjal ta’ gwida (GM, Guidance Material) tal-EASA għall-Anness IV Operazzjonijiet tat-trasport kummerċjali bl-ajru, il-Parti-CAT tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 dwar l-operazzjonijiet bl-ajru jipprovdu dettalji dwar dawk id-dispożizzjonijiet (15).

Aktar dettalji dwar il-ġustifikazzjonijiet possibbli għal riforniment taħt il-limitu tar-riforniment għal raġunijiet ta’ sikurezza (kif ukoll l-evidenza ta’ sostenn meħtieġa) jistgħu jinstabu fit-Taqsimiet 4.1 sa 4.4.

4.1.   Nuqqas ta’ ssodisfar ta l-obbligu tal-ippumpjar tal-fjuwil. Implikazzjonijiet fuq ir-rapportar annwali skont l-Artikolu 8 tal-RFEUA (16)

Il-każijiet meta operatur tal-inġenji tal-ajru jonqos milli jissodisfa l-obbligu ta’ ppumpjar ta’ 90 % tal-“fjuwil tal-avjazzjoni meħtieġ fis-sena” (vjaġġ u sewqan għall-ħruġ fuq ir-runway) f’ajruport tat-tluq tal-Unjoni jridu jiġu ġġustifikati kif xieraq lill-awtorità jew lill-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-ajruport tal-Unjoni kkonċernat meta l-operatur tal-inġenji tal-ajru ma jissodisfax il-limitu ta’ 90 % u lill-EASA.

B’mod speċifiku, l-operatur tal-inġenji tal-ajru jeħtieġlu jiġġustifika għaliex l-ammonti tal-fjuwil tal-avjazzjoni jaqgħu taħt il-limitu ta’ 90 % u mhux l-ammonti tal-fjuwil tal-avjazzjoni inklużi fil-buffer ta’ 10 % skont l-Artikolu 5(1) tal-RFEUA. Fi kliem ieħor, l-operatur tal-inġenji tal-ajru jeħtieġlu jirrapporta l-kwantitajiet ta’ fjuwil aggregati assoċjati li jiġu ppumpjati fit-tank (ippumpjati f’titjiriet preċedenti) għal raġunijiet ta’ konformità mar-regoli dwar is-sikurezza tal-fjuwil li qed jipprevjenu lill-operatur tal-inġenji tal-ajru milli jikkonforma mar-rekwiżit tal-ippumpjar ta’ 90 % f’ajruport partikolari tal-Unjoni. L-operatur tal-inġenji tal-ajru jeħtieġlu jindika liema rotot huma affettwati fir-rapportar tiegħu skont l-Artikolu 8 tal-RFEUA.

Din l-informazzjoni (inkluża l-ġustifikazzjoni) trid tiġi inkluża fir-rapport li l-operatur tal-inġenji tal-ajru jeħtieġlu jissottometti lill-awtoritajiet kompetenti u lill-EASA skont l-Artikolu 8 tal-RFEUA (jiġifieri r-rapport annwali), li jrid jiġi vverifikat minn qabel minn verifikatur indipendenti kif meħtieġ mill-Artikolu 8(3) tal-RFEUA (17).

L-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jinkludi dan li ġej bħala parti mill-ġustifikazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 5(2) tal-RFEUA:

—

ġustifikazzjoni li tispjega għaliex waqa’ taħt il-limitu annwali stabbilit fl-Artikolu 5(1) tal-RFEUA għal raġunijiet ta’ konformità mar-regoli applikabbli dwar is-sikurezza tal-fjuwil;

—

indikazzjoni tar-rotot affettwati (jiġifieri s-sekwenza tat-titjira/titjiriet tal-wasla u tat-tluq fl-ajruport tal-Unjoni), u l-kwantitajiet ta’ fjuwil assoċjati mal-fjuwil ippumpjat fit-tank għal raġunijiet ta’ sikurezza.

L-awtorità kompetenti tista’ taċċetta l-ġustifikazzjoni jekk ir-rekwiżiti applikabbli jiġu ssodisfati u jekk din tkun debitament ġustifikata. L-awtorità kompetenti tista’ tikkonsulta lill-EASA meta tivvaluta jekk ġustifikazzjoni tissodisfax ir-regoli applikabbli dwar is-sikurezza tal-fjuwil.

 

Eżempju 1: L-operatur tal-inġenji tal-ajru Y itir mill-ajruport A għall-ajruport tal-Unjoni B. L-operatur tal-inġenji tal-ajru Y huwa assenjat lid-direttorat ġenerali għall-avjazzjoni ċivili ddeżinjat tiegħu (A-DGCA). Fi tmiem is-sena ta’ rapportar, Y irid jissottometti lill-EASA u lil A-DGCA l-volumi tal-fjuwil ippumpjati kull sena, il-fjuwil tal-avjazzjoni meħtieġ fis-sena u l-volumi ta’ fjuwil mhux ippumpjati fis-sena (18). Y se jkollu jinnotifika wkoll, fi tmiem is-sena ta’ rapportar, il-kwantitajiet mhux ippumpjati fit-tank lill-awtorità jew lill-awtoritajiet tal-ajruport(i) tal-Unjoni jekk ma jilħaqx il-limitu tar-riforniment għal raġunijiet ta’ sikurezza.

F’dan l-eżempju, l-operatur tal-inġenji tal-ajru Y jaqa’ taħt il-limitu tal-“fjuwil tal-avjazzjoni meħtieġ fis-sena” fl-ajruport tal-Unjoni B, minħabba li xi titjiriet tar-rotta A–B ġew affettwati minn kundizzjonijiet tat-temp imbassra li kienu jeħtieġu l-ippumpjar ta’ aktar fjuwil għal raġunijiet ta’ sikurezza fl-ajruport A (l-eċċess tal-fjuwil dejjem jiġi ppumpjat fl-ajruport preċedenti). Madankollu, għall-kuntrarju tat-tbassir, it-temp ġeneralment tjieb matul it-titjiriet u l-inġenji tal-ajru diversi drabi spiċċaw jinżlu fl-ajruport tal-Unjoni B b’aktar fjuwil milli kien mistenni u għalhekk ma kinux kapaċi jippumpjaw il-fjuwil fl-ajruport tal-Unjoni B għat-titjira sussegwenti, minħabba li kellu biżżejjed fjuwil fit-tank. Filwaqt li Y ma ssodisfax ir-rekwiżit fl-Artikolu 5(1) tal-RFEUA għall-ajruport tal-Unjoni B, dan kien għaldaqstant iġġustifikat għall-konformità mar-raġunijiet ta’ sikurezza tal-fjuwil.

 

Eżempju 2: L-operatur tal-inġenji tal-ajru Y itir mill-ajruport C lejn l-ajruport D u lura għal C (ir-rotta C–D–C), li t-tnejn huma ajruporti tal-Unjoni. B’estensjoni mill-eżempju 1, l-operatur tal-inġenji tal-ajru Y huwa assenjat lill-awtorità kompetenti ta’ A-DGCA. Fi tmiem is-sena ta’ rapportar, Y irid jissottometti lill-EASA u lill-awtoritajiet kompetenti l-volumi ta’ fjuwil ippumpjati kull sena, il-fjuwil tal-avjazzjoni meħtieġ fis-sena u l-volumi ta’ fjuwil mhux ippumpjati fis-sena (19). Y se jkollu jinnotifika wkoll, fi tmiem is-sena ta’ rapportar, il-kwantitajiet mhux ippumpjati fit-tank lill-awtorità jew lill-awtoritajiet tal-ajruport(i) tal-Unjoni fejn ma jilħaqx il-limitu tar-riforniment għal raġunijiet ta’ sikurezza tal-fjuwil.

F’dan l-eżempju, l-operatur tal-inġenji tal-ajru Y jaqa’ taħt il-limitu tal-“fjuwil tal-avjazzjoni meħtieġ fis-sena” fl-ajruport D minħabba li, f’konformità mal-punt CAT.OP.MPA.181 l-ittra (c)(4)(I) tal-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 965/2012, it-titjiriet mir-rotta C–D jirrikjedu ajruport ta’ destinazzjoni alternattiv E li jinsab ’il bogħod mill-ajruport D. Fit-triq lura lejn C (rotta D–C), l-ajruport alternattiv tad-destinazzjoni F huwa qrib ħafna tal-ajruport C. Għalhekk, l-inġenju tal-ajru dejjem se jinżel b’aktar fjuwil milli meħtieġ f’D biex imur lura lejn C, li jipprevjenilu milli jippompja l-fjuwil fl-ajruport D għat-titjira sussegwenti tiegħu lura lejn C peress li Y kellu biżżejjed fjuwil fit-tank. Għalhekk, l-operatur tal-inġenji tal-ajru Y ma ssodisfax ir-rekwiżit fl-Artikolu 5(1) tal-RFEUA għall-ajruport D, għal raġunijiet relatati mas-sikurezza tal-fjuwil.

Għall-ajrudromi iżolati, l-istess jista’ jiġri fejn il-punt CAT.OP.MPA.181 l-ittra (c)(4)(ii) u AMC7 (20) CAT.OP.MPA.182 jirrikjedu ammont ta’ fjuwil addizzjonali li jservi għal madwar sagħtejn għall-operat f’ajrudromi iżolati bħal dawn. Dan jista’ jnaqqas b’mod sinifikanti l-ħtieġa ta’ riforniment għar-ritorn.

Fil-qosor, sabiex jikkonforma mar-rekwiżiti tal-Artikolu 5(2) tal-RFEUA (jiġifieri l-obbligu li jiġġustifika kif xieraq), l-operatur tal-inġenji tal-ajru jeħtieġlu jipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti u lill-EASA r-raġunijiet ta’ sikurezza għall-ippumpjar tal-fjuwil fit-tank f’titjiriet li jaslu fl-ajruport tal-Unjoni li jwasslu biex l-operatur tal-inġenji tal-ajru jonqos milli jissodisfa r-rekwiżit tal-ippumpjar tal-fjuwil fis-sena. L-ammonti ta’ fjuwil li għandhom jiġu ġġustifikati huma limitati għad-differenza bejn id-90 % tal-fjuwil tal-avjazzjoni meħtieġ fis-sena u l-ammont proprju ta’ fjuwil tal-avjazzjoni fis-sena ppumpjat għal kull ajruport tal-Unjoni, li fih l-operatur tal-inġenji tal-ajru ma jikkonformax mar-rekwiżit tal-ippumpjar.

L-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jindika b’mod ċar ir-relazzjoni bejn il-volum tal-fjuwil ippumpjat u r-raġunijiet ta’ sikurezza. Il-ġustifikazzjoni (id-dokument(i) ta’ sostenn) għandha tikkorrispondi mal-ammonti ppumpjati u mar-raġunijiet ipprovduti. L-inkapaċità li tingħata prova tal-korrispondenza bejn il-volumi ppumpjati u l-ġustifikazzjonijiet tista’ tirriżulta fi ksur tal-Artikolu 5(1) tal-RFEUA.

4.2.   Eżempji ta’ avvenimenti li jeħtieġu l-ippumpjar tal-fjuwil tal-avjazzjoni għall-konformità mar-regoli dwar is-sikurezza tal-fjuwil u ta’ dokumenti ta’ sostenn (ġustifikazzjonijiet)

Il-lista li ġejja ta’ eżempji li jirrikjedu l-ippumpjar tal-fjuwil tal-avjazzjoni għal raġunijiet ta’ sikurezza mhijiex eżawrjenti iżda tinkludi l-aktar avvenimenti komuni (21) li jiġġustifikaw il-ħtieġa li jiġi ppumpjat aktar fjuwil fl-ajruport tat-tluq għal raġunijiet ta’ sikurezza tal-fjuwil, u konsegwentement hemm ir-riskju li ma jintlaħaqx il-limitu tar-riforniment fl-ajruport ta’ destinazzjoni tal-Unjoni. L-eżempji huma akkumpanjati mid-dokumenti li l-operatur tal-inġenji tal-ajru jkollu jipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jiġġustifika t-twaqqigħ taħt il-limitu fl-Artikolu 5(1) tal-RFEUA.

F’kull każ, l-awtoritajiet kompetenti jeħtiġilhom, f’kooperazzjoni mal-EASA, jiżguraw li jintlaħaq il-bilanċ it-tajjeb bejn is-sikurezza u l-obbligi ta’ riforniment u ta’ rapportar tal-RFEUA. L-iżgurar tas-sikurezza huwa ta’ importanza kbira, u għalhekk l-awtoritajiet jeħtiġilhom jeżerċitaw ġudizzju tajjeb f’kull ħin rigward il-livell ta’ evidenza meħtieġa biex jiġi ssostanzjat it-tħassib dwar is-sikurezza. Il-ħtieġa ta’ fjuwil addizzjonali spiss tkun ibbażata fuq l-għarfien espert tal-persunal taċ-ċentru ta’ kontroll tal-operatur jew fuq l-esperjenza tal-bdoti.

—

Każijiet ta’ nuqqas ta’ fjuwil tal-avjazzjoni (inklużi ammonti minimi ta’ xiri imposti mill-fornitur tal-fjuwil fl-ajruporti tal-Unjoni b’kundizzjoni ġeografika bħal gżejjer) jew kontaminazzjoni tal-fjuwil tal-avjazzjoni fl-ajruport ta’ destinazzjoni, ġustifikati mill-avviż lill-avjaturi jew mill-avviż lill-missjonijiet bl-ajru (NOTAM) rispettiv u/jew minn komunikazzjoni mill-fornitur tal-fjuwil (jekk disponibbli), jew minn kwalunkwe rapport ieħor fis-sistema ta’ ġestjoni fil-punt ORO.GEN.200 “sistema ta’ ġestjoni”  (22) tal-Anness IV tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 (rapporti tal-bdot, rapporti ta’ operaturi oħra, rapporti tal-awtoritajiet, jew informazzjoni pprovduta minn assoċjazzjonijiet tal-linji tal-ajru).

—

Kundizzjonijiet avversi tat-temp (jew it-tbassir ta’ kundizzjonijiet avversi tat-temp), ta’ spiss (u b’mod partikolari matul operazzjonijiet fix-xitwa), jiġġustifikaw il-ħtieġa għal fjuwil addizzjonali (ara l-punti CAT.OP.MPA.181 l-ittra (b), CAT.OP.MPA.245, l-ittra (a)(1) kif ukoll CAT.OP.MPA.245 l-ittra (b)(c), u CAT.OP.MPA.255 l-ittra (b), CAT.OP.MPA.265 l-ittra (a) tal-Anness IV tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012) (23) . Dan japplika wkoll għal kundizzjonijiet tat-temp oħra (eż. sħana) li jistgħu jirrikjedu fjuwil żejjed għall-użu ta’ APU (24) b’riżultat ta’ kundizzjonijiet tat-temp eċċezzjonalment kesħin jew sħan, viżibbiltà limitata, eċċ. Il-ġustifikazzjoni trid tkun ibbażata fuq rapporti tat-temp konkreti (eż. METAR (25) u ATIS (26)), rapporti tat-tbassir tat-temp (eż. TAF (27), inkluż probabbiltajiet remoti ta’ temp avvers bħal PROB30% (28)), SIGMET (29), mapep tat-temp tul ir-rotta, kwalunkwe rapport ieħor dettaljat biżżejjed jew kwalunkwe kombinament tagħhom. Jistgħu jiġu ppreżentati wkoll sistemi mtejba ta’ informazzjoni dwar it-temp, bħall-EWINS (30) jew għodod simili. Dawn l-għodod jistgħu jindikaw l-affidabbiltà tat-tbassir tat-temp, u jħeġġu lill-operaturi jżidu t-teħid tal-fjuwil meta data storika tissuġġerixxi li x’aktarx ikun hemm temp avvers (eż. ċpar) fl-ajruport ta’ destinazzjoni, anki jekk it-tbassir uffiċjali ma jbassarx tali temp avvers.

—

Azzjonijiet soċjali (inklużi protesti jew strajkijiet fl-ajruport ta’ destinazzjoni) iġġustifikati minn, pereżempju, komunikazzjoni mill-ajruport u/jew NOTAM (ara l-punt CAT.OP.MPA.175 l-ittra (b)(4)(5) u EASA AMC1.CAT.OP.MPA.175 l-ittra (b) u l-punt CAT.OP.MPA.181 l-ittri (b) u (c)(7) tal-Anness IV tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012). Skont iċ-ċirkostanzi, it-theddida ta’ azzjonijiet soċjali jew strajkijiet tista’ tiġġustifika wkoll il-ħtieġa li jiżdied it-teħid tal-fjuwil.

—

Dewmien fil-kontroll tat-traffiku tal-ajru (ATC) fl-ajruport ta’ destinazzjoni, iġġustifikat minn NOTAM jew minn komunikazzjoni mill-fornitur tal-Maniġer tat-Traffiku tal-Ajru (ATM) qabel it-tluq (il-punti CAT.OP.MPA.181 l-ittra (b)(6) u l-ittra (c)(7) tal-Anness IV tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012). Rapporti jew data oħra, bħal data storika mill-operatur tal-inġenji tal-ajru (inklużi rapporti mill-bdot) jistgħu jindikaw ukoll dewmien potenzjali fl-ajruport ta’ destinazzjoni.

—

Il-probabbiltà ta’ riprogrammar tar-rotot tal-ATC, iġġustifikat minn NOTAM jew b’komunikazzjoni mill-fornitur tal-ATM, jew minn kwalunkwe rapport jew data rilevanti oħra (il-punt CAT.OP.MPA.181 l-ittra (b)(5)(6) u l-ittra (c)(7) tal-Anness IV tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012). Dan jinkludi data storika mill-operatur jew minn operaturi oħra, u rapporti tal-bdoti, li jindikaw riprogrammar potenzjali tul ir-rotta.

—

Tħassib dwar is-sigurtà, bħal dak relatat ma’ kunflitti tal-gwerra, iġġustifikat minn komunikazzjoni mill-ajruport, minn komunikazzjoni mill-fornitur tal-fjuwil, u/jew minn NOTAM.

—

Diżastri naturali (eż. terremoti, eruzzjonijiet ta’ vulkani u għargħar), ġustifikati minn komunikazzjoni tal-ajruport u/jew minn NOTAM, jew minn kwalunkwe rapport rilevanti ieħor (il-punt CAT.OP.MPA.181 l-ittra (b) u l-ittra (c)(7) tal-Anness IV tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012).

Minbarra d-dokumenti msemmija hawn fuq, l-operatur tal-inġenji tal-ajru jeħtieġlu jissottometti l-pjan operattiv tat-titjira ffirmat mill-kmandant, inkluża l-firma diġitali jew l-approvazzjoni diġitali tal-pjan tat-titjira. Dan id-dokument għandu jindika t-total tal-fjuwil meħtieġ għat-titjira ppumpjat (fit-titjira ta’ qabel) u l-komponenti individwali tiegħu.

Dokumenti oħra li l-operatur tal-inġenji tal-ajru jista’ jkun meħtieġ jipprovdi, fejn rilevanti, lill-awtorità kompetenti biex jiġġustifika li jaqa’ taħt il-limitu stabbilit fl-Artikolu 5(1) tal-RFEUA għal raġunijiet ta’ konformità mar-regoli dwar is-sikurezza tal-fjuwil jinkludu:

—

informazzjoni dwar il-ġurnal tal-vjaġġ;

—

METAR, TAF, SIGMET, mapep tat-temp tul ir-rotta, jew komunikazzjonijiet ANSP (31) dwar restrizzjonijiet tat-temp;

—

NOTAM;

—

komunikazzjonijiet ATM u ATC (fejn disponibbli);

—

pubblikazzjonijiet ta’ informazzjoni ajrunawtika (AIPs);

—

komunikazzjonijiet mill-fornitur tal-fjuwil, il-groundhandler jew il-korp ta’ amministrazzjoni tal-ajruport;

—

pjan operazzjonali tat-titjira;

—

kwalunkwe informazzjoni oħra li l-operatur tal-inġenji tal-ajru jista’ jqis rilevanti u utli biex jiġġustifika l-ammonti ta’ fjuwil irrapportati bħala ppumpjati għal raġunijiet ta’ sikurezza.

L-operaturi tal-inġenji tal-ajru jeħtiġilhom jipprovdu lill-verifikaturi indipendenti d-dokumenti ta’ sostenn rilevanti kollha biex jiffaċilitaw il-proċess ta’ verifika tar-rapport annwali kif meħtieġ mill-Artikolu 8 tal-RFEUA (u b’mod partikolari l-Artikolu 8(3)).

4.3.   L-operatur tal-inġenji tal-ajru għal kemm żmien għandu jżomm id-dokumenti ta’ ġustifikazzjoni?

Ir-Regolament jimponi fuq l-operaturi tal-inġenji tal-ajru l-oneru tal-provi biex jiġġustifikaw lill-awtoritajiet kompetenti u lill-EASA l-konformità tagħhom mar-rekwiżiti skont l-Artikolu 5(1) u (2) tal-RFEUA. L-operaturi tal-inġenji tal-ajru, għalhekk, iridu jivvalutaw għal kemm żmien huwa rakkomandabbli li jinżammu d-dokumenti ta’ ġustifikazzjoni rilevanti, filwaqt li jitqiesu aspetti bħall-possibbiltà ta’ proċeduri amministrattivi jew tal-qorti. Idealment l-operaturi tal-inġenji tal-ajru għandhom iżommu d-dokumenti ta’ ġustifikazzjoni għal minimu ta’ 4 snin (jiġifieri s-sena ta’ rapportar + 3 snin ta’ żamma tad-data). Dan il-perjodu jista’ jvarja bejn l-Istati Membri peress li r-regoli nazzjonali dwar l-infurzar applikabbli għas-settur jistgħu jippreskrivu skedi ta’ żmien differenti. L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw ir-rakkomandazzjoni dwar iż-żamma tad-data pprovduta f’din it-taqsima meta jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament stabbiliti mill-Artikolu 12(1) tal-RFEUA.

4.4.   Kunsiderazzjonijiet dwar l-għażla ta’ ajruport alternattiv u fjuwil diskrezzjonali

L-operaturi tal-inġenji tal-ajru għandhom il-libertà, fil-limiti stabbiliti fil-punt CAT.OP.MPA.192 tal-Anness IV tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 (32) li jagħżlu ajruport alternattiv. Spiss, għal raġunijiet ekonomiċi jista’ jkun aktar razzjonali li jintgħażel ajruport alternattiv aktar ’il bogħod minn alternattivi oħra possibbli u eqreb, bħal pereżempju meta operatur tal-inġenji tal-ajru jkollu kuntratt mal-amministraturi tal-ajruport għall-manutenzjoni tal-inġenji tal-ajru u/jew il-kundizzjonijiet biex jipprovdi servizz aħjar lill-passiġġieri fil-każ ta’ nżul fl-ajruport alternattiv (jiġifieri alternattiva kummerċjali). Madankollu, l-għażla ta’ ajruport alternattiv ma tistax tintuża bħala mezz biex jinħbew il-prattiki ekonomiċi tat-tankering tal-fjuwil.

Bl-istess mod, l-operatur tal-inġenji tal-ajru jeħtieġ li ma jagħtix struzzjonijiet lill-bdot biex jippompja aktar fjuwil tal-avjazzjoni f’ajruport speċifiku għal raġunijiet ekonomiċi u jgħabbih bħala fjuwil diskrezzjonali. Il-fjuwil diskrezzjonali għandu, kif jindikaw il-kliem, jiġi ppumpjat fid-diskrezzjoni unika tal-kmandant u mingħajr interferenza mill-operatur tal-inġenji tal-ajru (33).

L-istess prinċipju se japplika għal prattiki li jaħbu t-tankering tal-fjuwil f’kategoriji oħra ta’ fjuwils, pereżempju, meta tali kategoriji jitgħabbew fi kwantitajiet li huma b’mod ċar ogħla mill-kwantitajiet meħtieġa għall-objettivi ta’ kull wieħed minn dawk it-tipi ta’ fjuwil (eż. aktar fjuwil għas-sewqan tal-ajruplan, aktar fjuwil għall-vjaġġi billi jiġi ppjanat livell aktar baxx ta’ cruising mhux realistiku u massa waqt it-tlugħ mhux realistika).

Il-prattiki li jużaw fjuwil alternattiv, fjuwil diskrezzjonali, u kategoriji oħra ta’ fjuwil biex jaħbu t-tankering tal-fjuwil ekonomiku jirrappreżentaw ksur tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-RFEUA. Tali prattiki, meta jkunu bbażati fuq ġabra konkordanti ta’ evidenza li tissodisfa fattur kemm oġġettiv kif ukoll suġġettiv, jistgħu jiġu ssanzjonati mill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti (34).

5.   L-ARTIKOLU 5(3) TAL-RFEUA: EŻENZJONIJIET TEMPORANJI GĦALL-OBBLIGU TA’ RIFORNIMENT

L-Artikolu 5(3) tal-RFEUA jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-operatur tal-inġenji tal-ajru biex jitlob eżenzjoni temporanja minn qabel:

“B’mod eċċezzjonali, operatur tal-inġenji tal-ajru jista’, meta debitament ġustifikat, jitlob mill-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 11(6) eżenzjoni temporanja mill-obbligu stabbilit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għat-titjiriet fuq rotta speċifika eżistenti jew rotta ġdida ta’ inqas minn 850 kilometru, jew 1 200 kilometru għal rotot li jikkollegaw ma’ ajruporti li jinsabu fuq gżejjer mingħajr konnessjonijiet bil-ferrovija jew bit-triq, li jitilqu minn ajruport tal-Unjoni. Dik id-distanza għandha titkejjel bil-metodu tar-rotta ortodromika.

Tali talba għandha ssir mill-inqas tliet xhur qabel id-data prevista tal-applikazzjoni tal-eżenzjoni, sostnuta minn ġustifikazzjoni dettaljata u adegwata. Tali eżenzjoni għandha tkun limitata għas-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)

diffikultajiet operazzjonali serji u rikorrenti fir-riforniment tal-inġenji tal-ajru fl-ajruport partikolari tal-Unjoni li jżommu l-operaturi tal-inġenji tal-ajru milli jwettqu titjiriet bir-ritorn fi żmien raġonevoli; jew

(b)

diffikultajiet strutturali fil-provvista tal-fjuwil tal-avjazzjoni li jirriżultaw mill-karatteristiċi ġeografiċi ta’ ajruport partikolari tal-Unjoni, li jwasslu għal prezzijiet ogħla b’mod sinifikanti tal-fjuwils tal-avjazzjoni meta mqabbla mal-prezzijiet applikati bħala medja għal tipi simili ta’ fjuwils tal-avjazzjoni f’ajruporti oħra tal-Unjoni partikolarment minħabba restrizzjonijiet speċifiċi tat-trasport tal-fjuwil jew disponibbiltà limitata ta’ fjuwils f’dak l-ajruport tal-Unjoni u li jqiegħdu l-operaturi tal-inġenji tal-ajru kkonċernat fi żvantaġġ kompetittiv sinifikanti meta mqabbel mal-kundizzjonijiet tas-suq li jeżistu f’ajruporti oħra tal-Unjoni b’karatteristiċi kompetittivi simili”.

Fir-rigward ta’ rotot speċifiċi, operatur tal-inġenji tal-ajru jista’ jiġi eżentat temporanjament mill-obbligu ta’ riforniment fl-ajruport tat-tluq tal-Unjoni jekk ikun jista’ juri diffikultajiet operazzjonali serji u rikorrenti fir-riforniment tal-inġenji tal-ajru f’dak l-ajruport tal-Unjoni, li jżommuh milli jwettaq titjiriet b’turnaround fi żmien raġonevoli u li jista’ jkollhom impatt fuq il-konnettività, speċjalment tar-reġjuni periferiċi. Eżenzjoni tista’ tapplika wkoll f’każ ta’ diffikultajiet strutturali fil-provvista tal-fjuwil li jwasslu għal prezzijiet tal-fjuwil ogħla b’mod sinifikanti mill-prezzijiet applikati bħala medja għal tipi simili ta’ fjuwils f’ajruporti oħra tal-Unjoni. Madankollu, il-prezzijiet tal-fjuwil ogħla b’mod sinifikanti fl-ajruport tal-Unjoni inkwistjoni ma għandhomx ikunu primarjament ir-riżultat tal-użu ogħla ta’ SAF f’dak l-ajruport tal-Unjoni.

L-eżenzjoni tista’ tingħata biss mill-awtorità kompetenti jekk ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 5(3)(a) jew (b) jiġu ssodisfati u jekk it-talba tkun debitament ġustifikata.

5.1.   L-ewwel kundizzjoni: rekwiżit tad-distanza

Qabel ma jitlob eżenzjoni temporanja skont l-Artikolu 5(3) tal-RFEUA, l-operatur tal-inġenji tal-ajru jeħtieġlu jiżgura li r-rotta li għaliha tapplika eżenzjoni tissodisfa r-rekwiżiti tad-distanza previsti f’dak l-Artikolu. L-Artikolu 5(3) jipprovdi żewġ għażliet.

1.

L-operatur tal-inġenji tal-ajru jista’ jitlob eżenzjoni għal rotta eżistenti jew ġdida ta’ inqas minn 850 km li titlaq minn ajruport tal-Unjoni; jew

2.

L-operatur tal-inġenji tal-ajru jista’ jitlob eżenzjoni għal rotta eżistenti jew ġdida ta’ inqas minn 1 200 km meta din ir-rotta tikkollega ma’ ajruporti li jinsabu fuq gżejjer mingħajr konnessjonijiet bil-ferrovija jew bit-triq. Ir-rotta trid titlaq minn ajruport tal-Unjoni, u tista’ tikkonċerna jew rotot bejn il-kontinent u gżira, jew rotot bejn il-gżejjer mingħajr konnessjoni mal-kontinent.

Biex jissottometti t-talba tiegħu, l-operatur tal-inġenji tal-ajru jeħtieġlu jindika mill-inqas (i) il-kodiċijiet tal-ajruport tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) tar-rotta kkonċernata, (ii) l-ajruport tat-tluq tal-Unjoni, u (iii) id-distanza f’kilometri kkalkulata bl-użu tal-metodu ta’ Vincenty.

L-awtorità kompetenti tivverifika jekk l-ajruport tat-tluq huwiex ajruport tal-Unjoni skont it-tifsira tal-RFEUA u jekk ir-rotta mitluba taqax fi ħdan ir-rekwiżiti tad-distanza stabbiliti fl-Artikolu 5(3) tal-RFEUA. Il-kalkolu tad-distanza huwa bbażat fuq il-metodu ta’ Vincenty għall-kalkolu tad-distanza bejn żewġ punti fuq il-wiċċ ta’ forma sferojdali, bl-użu tas-Sistema Ġeodetika Dinjija (WGS84)  (35) . Id-Dokument 7910 tal-ICAO (Indikaturi tal-Post) għandu jintuża bħala l-bażi għal-latitudnijiet u l-lonġitudnijiet tal-ajrudrom (36).

5.2.   It-tieni kundizzjoni: ir-rekwiżiti fl-Artikolu 5(3)(a) u (b)

Jekk jiġi ssodisfat ir-rekwiżit tad-distanza fl-Artikolu 5(3) tal-RFEUA, it-tieni pass għall-operatur tal-inġenji tal-ajru jkun li jivvaluta jekk ir-rotta li għaliha l-operatur tal-inġenji tal-ajru jkun qed jitlob l-eżenzjoni tissodisfax it-tieni sett ta’ rekwiżiti skont l-Artikolu 5(3)(a) jew (b) tal-RFEUA.

Kwalunkwe talba għal eżenzjoni jeħtieġ li tiġi appoġġata minn ġustifikazzjoni dettaljata u adegwata u akkumpanjata mid-dokumenti rilevanti li jappoġġaw il-ġustifikazzjoni.

L-awtorità kompetenti tivvaluta kull talba wara analiżi każ b’każ. Se tqis ukoll bir-reqqa l-karatteristiċi speċifiċi tal-ajruport tal-Unjoni kkonċernat taħt il-ġuriżdizzjoni tagħha u fejn l-operatur tal-inġenji tal-ajru jitlob li jiġi eżentat mill-obbligu tal-ippumpjar tal-fjuwil. Matul il-valutazzjoni tat-talba, l-awtorità kompetenti tista’ tikkuntattja lill-ajruport tal-Unjoni kkonċernat biex titlob informazzjoni relatata mat-talba għal eżenzjoni sottomessa mill-operatur tal-inġenji tal-ajru. Pereżempju, l-awtorità kompetenti tista’ titlob lill-ajruport jipprovdi data storika dwar il-ħinijiet tat-turnaround u l-operazzjonijiet jew id-disponibbiltà tal-fjuwil fejn rilevanti, sabiex tinforma d-deċiżjoni tagħha dwar l-għoti/ir-rifjut tal-eżenzjoni mitluba.

5.2.1.    L-Artikolu 5(3)(a) tal-RFEUA — diffikultajiet operazzjonali serji u rikorrenti u ħinijiet tat-turnaround mhux raġonevoli

5.2.1.1.   X’inhuma d-diffikultajiet operazzjonali serji u rikorrenti?

L-ewwel nett, l-operatur tal-inġenji tal-ajru jeħtieġlu juri li l-ajruport tal-Unjoni li għalih qed jitlob eżenzjoni għar-riforniment qed iġarrab diffikultajiet operazzjonali serji u rikorrenti. Avveniment ta’ darba bħal strajk fl-ajruport ma jistax jitqies bħala diffikultà operazzjonali serja u rikorrenti li tiġġustifika l-għoti ta’ eżenzjoni għar-riforniment tal-fjuwil f’dak l-ajruport tal-Unjoni. L-impatt tal-istrajkijiet fuq l-ippumpjar tal-fjuwil għandu jiġi rrapportat skont l-Artikolu 5(2) tal-RFEUA, f’każ li jkunu jeħtieġu ppumpjar addizzjonali tal-fjuwil fl-ajruport tat-tluq għal raġunijiet ta’ sikurezza tal-fjuwil.

It-tieni nett, irid jintwera li d-diffikultà operazzjonali li sseħħ fl-ajruport tal-Unjoni kkonċernat għandha impatt negattiv fuq l-operatur tal-inġenji tal-ajru. Id-diffikultà operazzjonali, pereżempju, tista’ tħalli impatt negattiv fuq l-iskeda tat-titjir tal-inġenju tal-ajru kkonċernat fl-operazzjonijiet sussegwenti tiegħu b’mod sinifikanti u mhux negliġibbli. F’dan ir-rigward, l-operatur tal-inġenji tal-ajru jista’ jkun f’riskju li jiġi penalizzat mill-koordinatur/mill-faċilitatur tas-slots jew f’riskju ta’ operazzjonijiet ta’ titjir mhux preċiżi matul il-jum, li potenzjalment jista’ jkollu impatt fuq il-konnettività tal-UE.

Għalhekk, diffikultà operazzjonali trid tkun (i) avveniment ripetut, jew okkorrenza sistematika, marbuta mal-ajruport tal-Unjoni kkonċernat, (ii) tirriżulta f’ħin tat-turnaround mhux raġonevoli (spjegat fil-punt 5.2.1.2) (iii) ikollha impatt ekonomiku negattiv fuq l-operatur tal-inġenji tal-ajru.

L-okkorrenzi li ġejjin, li ma jikkostitwixxux lista eżawrjenti, jistgħu jitqiesu bħala diffikultajiet operazzjonali potenzjali li jistgħu jiġġustifikaw l-eżenzjoni jekk jintwera impatt negattiv fuq l-operatur tal-inġenji tal-ajru:

—

Spazju tar-rampa limitat u/jew spazju tar-rampa konġestjonat fl-ajruport jista’ jkollu impatt fuq il-ħinijiet tat-turnaround, b’mod partikolari f’ajruporti konġestjonati fl-eqqel tal-istaġun (eż. f’ajruporti tal-gżejjer jew ajruporti żgħar qrib ċentri tal-iskijjar).

—

Nuqqas ta’ persunal suffiċjenti fl-ajruport fejn ikunu qed isiru l-operazzjonijiet ta’ turnaround u/jew nuqqas ta’ tagħmir suffiċjenti, bħal sistemi ta’ idranti jew trakkijiet tal-fjuwil suffiċjenti. Tabilħaqq, in-nuqqas ta’ riżorsi/tagħmir suffiċjenti fl-ajruport jista’ jkollu impatt fuq il-ħinijiet ta’ stennija għar-riforniment tal-fjuwil, u għalhekk, il-ħin finali tat-turnaround tal-inġenju tal-ajru. Biex jiġġustifika din it-talba għal eżenzjoni, l-amministratur tal-fjuwil fl-ajruport jeħtieġlu jkun iddikjara li ma għandux biżżejjed riżorsi u/jew tagħmir biex jagħti servizz lill-inġenju tal-ajru mingħajr dewmien mhux raġonevoli.

—

Regoli lokali li jipprevjenu l-imbark u l-iżbark tal-passiġġieri waqt ir-riforniment tal-inġenju tal-ajru u/jew ir-regoli lokali dwar in-nirien li jirrikjedu l-preżenza ta’ trakk tat-tifi tan-nar biex l-inġenju tal-ajru jerġa’ jieħu l-fjuwil waqt li jkun qed jimbarka u jiżbarka lill-passiġġieri. Tali regoli lokali jista’ jkollhom impatt fuq l-operat tat-turnaround tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru f’ajruporti konġestjonati jew f’ajruporti bi staġjonalità għolja. L-operaturi tal-inġenji tal-ajru għandhom juru f’dawn il-każijiet li x-xenarji eżistenti għandhom impatt fuq il-ħinijiet tat-turnaround tal-inġenju tal-ajru b’mod sinifikanti u mhux negliġibbli, b’mod partikolari fejn jeżistu skedi stretti tat-titjiriet jew fejn id-disponibbiltà tat-trakkijiet tat-tifi tan-nar hija limitata.

5.2.1.2.   X’inhu ħin tat-turnaround mhux raġonevoli?

Ladarba tkun ġiet identifikata d-diffikultà operazzjonali, l-operatur tal-inġenji tal-ajru jrid jivvaluta jekk din id-diffikultà operazzjonali timpedix ir-riforniment tal-inġenji tal-ajru, filwaqt li jirrispetta ħin tat-turnaround raġonevoli. Il-ħin tat-turnaround huwa mifhum bħala l-intervall ta’ ħin bejn il-wasla ta’ inġenju tal-ajru f’ajruport (waqfien/pawżi sħaħ tal-inġenju tal-ajru) u t-tluq tiegħu għat-titjira li jmiss (il-bibien tal-inġenju tal-ajru jingħalqu għat-tluq). B’mod ġenerali, il-ħin meħtieġ għall-eżekuzzjoni tal-ippumpjar tal-fjuwil huwa kważi dejjem inqas mill-ħin meħtieġ għall-iżbark u l-ħatt, u wara għall-imbark, it-tagħbija u l-manutenzjoni tal-inġenju tal-ajru.

Il-qafas regolatorju tal-UE (jiġifieri r-rekwiżiti fil-punt CAT.OP.MPA.200 tal-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 965/2012 u l-AMC6 (37) li jakkumpanjaha) jippermettu li l-passiġġieri jiżbarkaw, iżda din il-prattika mhijiex komuni ħafna fost l-operaturi Ewropej, peress li ma kinitx permessa b’mod espliċitu qabel l-2022. Qabel dan, ir-riforniment kien disponibbli biss waqt it-tlugħ abbord. Għalhekk, il-ġustifikazzjonijiet ta’ ħin tat-turnaround insuffiċjenti bbażati biss fuq l-impossibbiltà tal-ippumpjar fit-tank waqt l-iżbark ma għandhomx jiġu aċċettati sakemm ma jiġux issodisfati r-rekwiżiti kollha fl-Artikolu 5(3)(a) tal-RFEUA.

Il-ħinijiet tat-turnaround ivarjaw għal titjira fuq distanzi twal tipikament ivarjaw minn 60 sa 150 minuta, filwaqt li l-ħinijiet tat-turnaround għal titjiriet fuq distanzi qosra jvarjaw minn 25 sa 80 minuta, jekk wieħed jassumi li l-operatur tal-inġenju tal-ajru jista’ jagħmel riforniment waqt li l-passiġġieri qed jitilgħu abbord, qegħdin abbord, jew qed jiżbarkaw (38) .

Minħabba dawn il-ħinijiet tat-turnaround tipiċi, jekk diffikultà operazzjonali serja u rikorrenti tipprevjeni r-riforniment fi żmien raġonevoli, operatur tal-inġenji tal-ajru jista’ jitlob eżenzjoni skont l-Artikolu 5(3)(a) tal-RFEUA. Madankollu, talba għal eżenzjoni li tiddikjara li l-ħin tat-turnaround żdied, pereżempju, minn 25 għal 30 minuta minħabba l-obbligu l-ġdid ta’ riforniment ma setgħetx tiġi aċċettata, sakemm ma tingħatax prova li d-dewmien huwa sinifikanti u sakemm ma jintweriex li l-impatt ekonomiku negattiv tiegħu fuq titjiriet sussegwenti tant ikun kbir li l-ħinijiet il-ġodda tat-turnaround ma setgħux jitqiesu raġonevoli. Fi kliem ieħor, it-talba għal eżenzjoni ma tistax tkun ibbażata biss fuq intenzjoni li jinżamm l-istess ħin tat-turnaround bħal ta’ qabel l-introduzzjoni tal-Artikolu 5(1) tal-RFEUA.

Il-lista li ġejja tista’ tintuża bħala referenza mill-awtorità kompetenti u l-operatur tal-inġenji tal-ajru biex jiddeterminaw jekk l-obbligu ta’ riforniment flimkien mad-diffikultà operazzjonali jirriżultax f’ħin tat-turnaround eċċessiv, li jvarja minn twaqqit raġonevoli, u għalhekk jista’ jkollu impatt negattiv sinifikanti fuq l-operazzjonijiet tal-operatur tal-inġenji tal-ajru. Il-lista li ġejja mhijiex eżawrjenti.

—

Informazzjoni mill-manwal tal-inġenju tal-ajru li tindika l-kapaċità massima tal-fjuwil.

—

Id-data storika rilevanti tal-ajruport dwar l-operazzjonijiet tat-turnaround u/jew il-meded tal-ħin tat-turnaround ppreżentati fit-Tabella 18.2 tal-Inputs Standard għall-Analiżi Ekonomika tal-EUROCONTROL, verżjoni 10.0.3, ippubblikata fit-18 ta’ April 2023  (39).

—

Id-data storika tal-operatur tal-inġenji tal-ajru rigward l-operazzjonijiet ta’ turnaround fl-ajruport ikkonċernat. Jekk l-operatur tal-inġenji tal-ajru għamel riforniment normali fil-passat, ma għandux ikun hemm impediment sakemm ma jkunx hemm bidla sostanzjali fiċ-ċirkostanzi.

—

Il-ħin tat-turnaround eċċessiv jirriskja li jkollu impatt fuq l-iskeda tas-slots fl-ajruport, bir-riżultat li l-operatur tal-inġenji tal-ajru jirriskja li jiġi penalizzat mill-koordinatur/faċilitatur fl-ajruport ikkonċernat.

—

Il-ħin tat-turnaround iħalli impatt fuq l-operazzjonijiet tal-operatur tal-inġenji tal-ajru fuq it-titjiriet sussegwenti, bir-riskju li dan jiġi ppenalizzat mill-koordinatur/faċilitatur tas-slots f’ajruporti sussegwenti.

Bħala konklużjoni, u f’konformità mal-eżempji pprovduti hawn fuq, l-operatur tal-inġenji tal-ajru jeħtieġlu jagħti prova fit-talba tiegħu għal eżenzjoni skont l-Artikolu 5(3)(a): (i) tal-eżistenza ta’ avveniment serju u rikorrenti li jwassal għad-diffikultà operazzjonali, (ii) li l-ħin tat-turnaround mhuwiex raġonevoli; (iii) u li hemm impatt negattiv serju u konsegwenti fuq il-konnettività, jew impatt ekonomiku fuq l-operatur tal-inġenji tal-ajru. Fin-nuqqas ta’ impatt negattiv fuq il-konnettività jew fuq l-operatur tal-inġenji tal-ajru, ma jkun hemm l-ebda raġuni biex tintalab eżenzjoni mill-obbligu ta’ riforniment tal-fjuwil fl-ajruport ikkonċernat.

5.2.2.    L-Artikolu 5(3), (b) — Diffikultajiet strutturali fil-provvista tal-fjuwil li jirriżultaw minn karatteristiċi ġeografiċi

It-talbiet għal eżenzjonijiet skont l-Artikolu 5(3)(b) jeħtieġ li jissodisfaw erba’ rekwiżiti kumulattivi biex l-awtorità kompetenti tkun tista’ tagħti eżenzjoni temporanja: (i) irid ikun hemm diffikultajiet strutturali fil-provvista tal-fjuwil fl-ajruport tal-Unjoni, (ii) iridu jkunu minħabba l-karatteristiċi ġeografiċi tal-ajruport tal-Unjoni, (iii) iridu jirriżultaw fi prezzijiet tal-fjuwil ogħla b’mod sinifikanti bħala medja milli f’ajruporti oħra tal-Unjoni: u (iv) iridu jwasslu għal żvantaġġ kompetittiv sinifikanti għall-operatur tal-inġenji tal-ajru (meta mqabbla mal-kundizzjonijiet tas-suq f’ajruporti oħra tal-Unjoni b’karatteristiċi kompetittivi simili).

5.2.2.1.   X’inhuma d-diffikultajiet strutturali fil-provvista tal-fjuwil f’ajruport tal-Unjoni minħabba l-kundizzjoni ġeografika tal-ajruport?

L-ewwel żewġ rekwiżiti jkopru l-ajruporti tal-Unjoni fejn il-provvista tal-fjuwil hija diffikultà strutturali minħabba l-karatteristiċi ġeografiċi tat-territorju, fejn jinsab l-ajruport tal-Unjoni. L-ajruporti tal-Unjoni f’żoni remoti bħall-gżejjer, l-Ewropa periferali remota jew ir-reġjuni muntanjużi ħafna drabi jistgħu jkunu soġġetti għal diffikultajiet strutturali bħal dawn fil-provvista tal-fjuwil. Dawn id-diffikultajiet fil-provvista jistgħu jiġu kkawżati minn fatturi bħal kapaċità limitata jew ineżistenti tal-produzzjoni tal-fjuwil fiż-żona kkonċernata; konnessjonijiet insuffiċjenti bit-triq jew bil-pipeline jew, (fil-każ tal-gżejjer), il-ħtieġa li l-fjuwil jiġi fornut bil-baħar.

Element ieħor li għandu jiġi kkunsidrat huwa l-kapaċità limitata ta’ ħżin tal-fjuwil fl-ajruport tal-Unjoni. Il-ħżin tal-fjuwil jista’ jkun limitat f’ajruporti tal-Unjoni li ma għandhomx provvista bil-pipelines, minħabba l-karatteristiċi ġeografiċi tagħhom.

Għalhekk, l-Artikolu 5(3)(b) tal-RFEUA jirrikonoxxi li l-karatteristiċi ġeografiċi ta’ ajruport tal-Unjoni jistgħu jirriżultaw f’diffikultajiet strutturali fil-provvista tal-fjuwil, inkluża d-disponibbiltà limitata tal-fjuwil tal-avjazzjoni f’ajruport tal-Unjoni.

5.2.2.2.   Il-provvista tal-fjuwil u l-kundizzjoni ġeografika kif jirriżultaw fi prezzijiet tal-fjuwil ogħla b’mod sinifikanti mill-prezzijiet medji tal-fjuwil f’ajruporti oħra tal-Unjoni?

Id-diffikultajiet strutturali fil-provvista tal-fjuwil li jirriżultaw mill-karatteristiċi ġeografiċi ta’ ajruport partikolari tal-Unjoni (kif spjegat fil-punt 5.2.2.1), jistgħu jirriżultaw, fit-tielet kundizzjoni, fi prezzijiet tal-fjuwil ogħla b’mod sinifikanti mill-prezzijiet applikati bħala medja għal tipi simili ta’ fjuwils f’ajruporti oħra tal-Unjoni.

Barra minn hekk, l-istaġjonalità għolja fl-ajruporti tal-Unjoni b’diffikultà fil-provvista tal-fjuwil flimkien ma’ kundizzjoni ġeografika jistgħu jżidu d-domanda għall-fjuwil tal-avjazzjoni, li jirriżulta fi prezzijiet ogħla b’mod sinifikanti mill-prezzijiet applikati bħala medja għal tipi simili ta’ fjuwils f’ajruporti oħra tal-Unjoni.

Ajruporti oħra tal-Unjoni jistgħu fil-biċċa l-kbira jiġu fornuti permezz ta’ pipeline, pereżempju, u b’hekk jiġu evitati kostijiet addizzjonali tat-trasport bħall-ispejjeż assoċjati mal-provvista tal-fjuwil lejn ajruport fuq gżira. F’ajruporti oħra tal-Unjoni, il-kostijiet tat-trasport jistgħu jitnaqqsu jekk ikun hemm aktar minn fornitur tal-fjuwil wieħed preżenti fl-ajruport tal-Unjoni jew jekk l-ajruport ikun qrib raffinerija tal-fjuwil. Dawn l-elementi jwasslu għal ipprezzar aktar kompetittiv tal-fjuwil tal-avjazzjoni milli fl-ajruporti tal-Unjoni b’kundizzjoni ġeografika kif deskritta fil-punt 5.2.2.1.

Fil-punt 5.2.2.4 huwa spjegat liema elementi jeħtieġ li tingħata prova tagħhom sabiex jintwerew prezzijiet ogħla b’mod sinifikanti għal fjuwils tal-avjazzjoni simili.

5.2.2.3.   X’inhuma l-iżvantaġġi kompetittivi sinifikanti għall-operatur tal-inġenji tal-ajru, meta mqabbla mal-kundizzjonijiet tas-suq eżistenti f’ajruporti oħra tal-Unjoni b’karatteristiċi simili?

Wara li l-ewwel juri li l-ajruport ibati minn diffikultajiet strutturali fil-provvista tal-fjuwil (...) minħabba l-post tal-ajruport, li jirriżultaw fi prezzijiet tal-fjuwil ogħla b’mod sinifikanti (...), l-operatur tal-inġenji tal-ajru jeħtieġlu juri r-raba’ rekwiżit, jiġifieri li r-riforniment f’dak l-ajruport tal-Unjoni jpoġġih fi żvantaġġ kompetittiv sinifikanti meta mqabbel mal-kundizzjonijiet tas-suq li jeżistu f’ajruporti oħra tal-Unjoni b’karatteristiċi kompetittivi simili.

Operatur tal-inġenji tal-ajru jiffaċċja żvantaġġ kompetittiv sinifikanti jekk ikun meħtieġ li jagħmel riforniment kif mitlub mill-Artikolu 5(1) tal-RFEUA fix-xenarji li ġejjin:

—

Il-prezzijiet tal-fjuwil tal-avjazzjoni fl-ajruport tal-Unjoni li għalih tintalab eżenzjoni huma ogħla b’mod sinifikanti minħabba l-karatteristiċi ġeografiċi tiegħu u d-diffikultajiet fil-provvista tal-fjuwil. Għalhekk, l-operatur tal-inġenji tal-ajru jsibha diffiċli li jikkompeti b’mod effettiv għan-negozju ma’ operaturi oħra tal-inġenji tal-ajru li jservu ajruporti oħra tal-Unjoni fl-istess żona ta’ kummerċ u li huma meqjusa bħala sostituti mill-perspettiva tad-domanda tal-passiġġieri. Dan jista’ jseħħ jekk pereżempju l-ajruport tal-Unjoni (u għalhekk l-operatur tal-inġenji tal-ajru li jagħmel it-talba) jaqdi t-traffiku turistiku/tal-vaganzi li jista’ jiġi ddevjat lejn ajruport ieħor tal-Unjoni li jaqdi domanda simili tal-konsumatur fl-istess żona ta’ kummerċ. Il-valutazzjoni jeħtieġ li titwettaq fuq bażi ta’ każ b’każ iżda tali sostitwibbiltà tista’ tkun mistennija bejn uħud mill-iżgħar gżejjer li jiddependu b’mod predominanti fuq it-traffiku turistiku u f’każijiet oħra għandhom ftit domanda kummerċjali oħra jew, pereżempju, bejn gżira u l-kosta fuq il-kontinent li jinsabu fl-istess żona ta’ kummerċ.

—

Żvantaġġ kompetittiv jeħtieġ li jkun aktar minn sempliċiment suffiċjenti; jeħtieġ li jkun sinifikanti. Ċerti varjazzjonijiet fil-prezzijiet u l-pożizzjonijiet kompetittivi tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru huma mistennija (inklużi varjazzjonijiet fil-kostijiet) iżda dan ma jiġġustifikax eżenzjoni b’mod awtomatiku. Żvantaġġ kompetittiv sinifikanti jeħtieġ aktar minn sempliċiment differenza żgħira fil-kundizzjonijiet kompetittivi. Kwalunkwe applikazzjoni tal-Artikolu 5(3)(b) fi kwalunkwe każ trid issir fuq bażi ta’ każ b’każ, filwaqt li jitqiesu r-rotta u jekk hemmx żewġ ajruporti tal-Unjoni li jinsabu fl-istess żona ta’ kummerċ.

Eżempju 3: l-operatur tal-inġenji tal-ajru Y jitlob eżenzjoni temporanja, skont l-Artikolu 5(3)(b) tal-RFEUA, mill-obbligu ta’ riforniment meta jitlaq mill-ajruport tal-Unjoni A (li jinsab fuq gżira) lejn l-ajruport tal-Unjoni B (li jinsab fuq l-art kontinentali). Ir-rotta hija B–A–B. L-ajruport A huwa fil-biċċa l-kbira destinazzjoni rikreattiva u għandu diffikultajiet strutturali fil-provvista tal-fjuwil, minħabba l-karatteristiċi ġeografiċi tiegħu, li jżidu b’mod sinifikanti l-prezzijiet tal-fjuwil. Y se jkollu bżonn juri fit-talba tiegħu għal eżenzjoni li l-kundizzjonijiet fl-ajruport A jpoġġuh fi żvantaġġ kompetittiv sinifikanti meta mqabbel mal-operaturi tal-inġenji tal-ajru li jtiru mill-istess ajruport kontinentali f’B lejn l-ajruport tal-Unjoni N. N f’dan l-eżempju jkun ajruport tal-Unjoni li jinsab fiż-żona ta’ kummerċ ta’ A u li joffri destinazzjoni ta’ divertiment simili għal A.

—

L-iżvantaġġ kompetittiv tal-operatur tal-inġenji tal-ajru fl-ajruport tal-Unjoni li għalih jitlob eżenzjoni jista’ jkun sinifikanti meta mqabbel ma’ ajruporti oħra tal-Unjoni b’karatteristiċi kompetittivi simili (eż. id-daqs, il-post fl-Istat Membru jew fl-Istat(i) Membru/i ġar/ġirien, il-mudell tan-negozju, u t-taħlita tat-traffiku). Dan l-iżvantaġġ jista’ jkun ibbażat fuq fatturi bħal spejjeż operatorji ogħla (inklużi tariffi tal-ajruport u tal-immaniġġjar), restrizzjonijiet tal-kapaċità (bħal kapaċità limitata tar-rampa u faċilitajiet infrastrutturali limitati), u/jew aċċessibbiltà inadegwata tal-ajruporti.

Eżempju 4: l-operatur tal-inġenji tal-ajru Y jitlob eżenzjoni skont l-Artikolu 5(3)(b) fl-ajruport A tal-Unjoni, li jinsab fi żvantaġġ kompetittiv sinifikanti meta mqabbel mal-ajruport B tal-Unjoni, minħabba prezzijiet ogħla b’mod sinifikanti tal-fjuwils tal-avjazzjoni, kostijiet operatorji ogħla, aċċessibbiltà inadegwata, u faċilitajiet tal-passiġġieri inqas attraenti. Il-fatt li l-linji tal-ajru u l-passiġġieri x’aktarx li jippreferu l-ajruport B tal-Unjoni se jkollu impatt fuq il-kapaċità tal-ajruport tal-Unjoni A li jattira u jżomm it-traffiku.

Fil-kuntest ta’ talba għal eżenzjoni skont l-Artikolu 5(3)(b), l-operatur tal-inġenji tal-ajru għalhekk se jkollu juri li l-prezz ogħla b’mod sinifikanti tal-fjuwil tal-avjazzjoni fl-ajruport tal-Unjoni, li huwa dovut għall-karatteristiċi ġeografiċi tal-ajruport u għal diffikultajiet relatati fil-provvista tal-fjuwil, ipoġġih fi żvantaġġ kompetittiv sinifikanti meta mqabbel ma’ operaturi oħra tal-inġenji tal-ajru li joperaw f’destinazzjonijiet tal-ajruporti tal-Unjoni li jistgħu jkunu sostituti. Fi kliem ieħor, l-operatur tal-inġenji tal-ajru li jagħmel it-talba jeħtieġlu juri li, mingħajr eżenzjoni mill-obbligu tal-Artikolu 5(1) tal-RFEUA, se jitlef traffiku sinifikanti tal-passiġġieri fil-konfront ta’ operatur tal-inġenji tal-ajru ieħor li jkun qed joffri destinazzjoni alternattiva simili.

Wieħed għandu jżomm f’moħħu li dawn l-eżempji juru ċirkostanzi li fihom tista’ potenzjalment tingħata eżenzjoni, madankollu, sabiex tiġi aċċettata eżenzjoni, iridu jiġu ssodisfati r-rekwiżiti kollha fl-Artikolu 5(3)(b). Dan ifisser li operatur tal-inġenji tal-ajru ma jistax jirċievi aċċettazzjoni għal talba għal eżenzjoni sempliċiment billi jiddikjara li jista’ jikseb prezz tal-fjuwil aktar kompetittiv fl-ajruport A, li huwa eqreb ta’ raffinerija, milli fl-ajruport B, li jinsab f’reġjun muntanjuż. Ir-rekwiżiti kollha fl-Artikolu 5(3)(b) għandhom jiġu ppruvati wieħed wieħed.

5.2.2.4.   Kif jista’ l-operatur tal-inġenji tal-ajru jiġġustifika t-talba tiegħu għal eżenzjoni?

L-ewwel nett, l-operatur tal-inġenji tal-ajru jrid jagħti prova li l-ajruport tal-Unjoni li għalih tintalab l-eżenzjoni jbati minn diffikultà strutturali fil-provvista tal-fjuwil tal-avjazzjoni.

It-tieni, l-operatur tal-inġenji tal-ajru jrid jagħti prova li d-diffikultà fil-provvista hija dovuta għall-karatteristiċi ġeografiċi tiegħu. Il-kundizzjoni ġeografika tista’ tkun evidenti minnha nnifisha għal xi gżejjer (eż. gżejjer żgħar mingħajr konnessjonijiet mal-kontinent bil-ferrovija jew bit-triq) iżda xorta jkun meħtieġ li tingħata prova li r-rekwiżiti li ġejjin huma ssodisfati: (i) diffikultà strutturali fil-provvista tal-fjuwil u (ii) il-kundizzjoni ġeografika. Talba għal eżenzjoni li tikkonċerna reġjuni remoti jew muntanjużi għandha tiġi spjegata fid-dettall (pereżempju, għaliex u kif il-karatteristiċi ġeografiċi tal-ajruport jikkawżaw ir-restrizzjonijiet fil-provvista tal-fjuwil). Deskrizzjoni tad-diffikultajiet eżatti fil-provvista tal-fjuwil għandha tiġi inkluża wkoll fit-talba għall-eżenzjoni. Fi kliem ieħor, is-sempliċi prova ta’ kundizzjoni ġeografika mhux se tkun biżżejjed sabiex it-talba għal eżenzjoni tiġi aċċettata. Id-diffikultà fil-provvista trid tintwera wkoll.

It-tielet, l-operatur tal-inġenji tal-ajru jrid jagħti prova tad-differenza medja sinifikanti fil-prezz tal-fjuwil għal tipi simili ta’ fjuwil tal-avjazzjoni bejn ajruporti oħra tal-Unjoni u l-ajruport tal-Unjoni li għalih qed jitlob eżenzjoni mill-obbligu ta’ riforniment. L-operatur tal-inġenji tal-ajru jrid jipprovdi lill-awtorità kompetenti kwalunkwe dokument rilevanti li jista’ jkollu fil-pussess tiegħu sabiex juri l-prezzijiet tal-fjuwil ogħla b’mod sinifikanti (eż. kwotazzjonijiet tal-prezzijiet mill-fornitur(i) tal-fjuwil fl-ajruporti differenti tal-Unjoni u l-prezzijiet medji pprovduti minn pjattaformi speċjalizzati). L-elementi li ġejjin jistgħu jintużaw biex jappoġġaw il-valutazzjoni:

—

It-tqabbil tal-prezzijiet bejn fjuwils tal-avjazzjoni simili. Dan ifisser, pereżempju, li t-tqabbil tal-prezzijiet tal-fjuwil tal-pitrolju u tal-SAF ma jkunx mod validu kif tingħata prova tad-differenza sinifikanti fil-prezzijiet. Il-prezzijiet tal-pitrolju jridu jitqabblu mal-prezzijiet tal-pitrolju u t-taħlitiet tal-SAF iridu jitqabblu mal-prezzijiet ta’ taħlitiet simili ta’ SAF.

—

It-tqabbil tal-prezzijiet bejn ajruporti simili, inkluż mingħajr limitazzjoni, f’termini tad-daqs, il-post (jiġifieri fl-Istat Membru jew fl-Istat(i) Membru/i ġar/ġirien), il-mudell tan-negozju u t-taħlita tat-traffiku tagħhom. L-ajruporti magħżula għat-tqabbil tal-prezzijiet se jipprovdu l-prezzijiet medji tas-suq tal-fjuwil tal-avjazzjoni disponibbli f’dawn l-ajruporti tal-Unjoni għall-finijiet ta’ tqabbil mal-prezzijiet ferm ogħla tal-ajruport tal-Unjoni fejn tintalab l-eżenzjoni.

—

It-tqabbil tad-differenza sinifikanti fil-prezz tal-fjuwil tal-avjazzjoni jista’ jiġi appoġġat mill-analiżi tal-kostijiet u/jew mill-analiżi tal-marġni tal-profitt tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru.

—

It-tqabbil tad-differenza sinifikanti fil-prezz tal-fjuwil tal-avjazzjoni jista’ jiġi appoġġat minn analiżi tal-provvista u d-domanda li tħalli impatt fuq il-prezzijiet (jiġifieri r-restrizzjonijiet tal-provvista u l-bidliet fid-domanda bħal bidliet staġjonali).

Ir-raba’, l-operatur tal-inġenji tal-ajru jrid jagħti prova tal-iżvantaġġ kompetittiv sinifikanti meta mqabbel ma’ operaturi oħra tal-inġenji tal-ajru li jtiru lejn ajruporti oħra tal-Unjoni b’karatteristiċi kompetittivi simili. Għalhekk, l-operatur tal-inġenji tal-ajru se jkollu jiġġustifika t-talba tiegħu billi jidentifika destinazzjoni(jiet) oħra ta’ ajruport tal-Unjoni f’kompetizzjoni, juri kif dak l-ajruport tal-Unjoni jikkompeti mal-ajruport tal-Unjoni li għalih tintalab l-eżenzjoni, u juri jew telf ta’ passiġġieri lejn dak l-ajruport l-ieħor tal-Unjoni, jew riskju prevedibbli u mhux ipotetiku ta’ tali telf ta’ passiġġieri (fiż-żewġ każijiet muri bħala “sinifikanti”).

Huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet li jivvalutaw it-talbiet tal-Artikolu 5(3)(b) tal-RFEUA għandhom jikkollaboraw mal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni tagħhom qabel ma jiddeċiedu jekk jagħtux jew jirrifjutawx talba. Din il-kooperazzjoni għandha tkopri speċifikament il-valutazzjoni tar-rekwiżiti dwar prezzijiet tal-fjuwil ogħla b’mod sinifikanti meta mqabbla mal-prezzijiet medji tal-fjuwil f’ajruporti oħra tal-Unjoni u żvantaġġ kompetittiv sinifikanti meta mqabbel mal-kundizzjonijiet tas-suq li jeżistu f’ajruporti oħra tal-Unjoni b’karatteristiċi kompetittivi simili.

6.   L-AWTORITÀ KOMPETENTI GĦALL-FINIJIET TAL-ARTIKOLU 5 TAL-RFEUA

6.1.   Ir-rwol tal-awtoritajiet għall-finijiet tal-Artikolu 5(2) u (3) tal-RFEUA

L-Artikolu 5(2) tal-RFEUA jippermetti li operatur tal-inġenji tal-ajru ma jissodisfax ir-rekwiżit tar-riforniment stabbilit fl-Artikolu 5(1) tal-RFEUA jekk dan ikun debitament ġustifikat għal raġunijiet ta’ konformità mar-regoli applikabbli dwar is-sikurezza tal-fjuwil. Tali ċirkostanzi jridu jkunu debitament ġustifikati lill-awtorità jew lill-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 11(6) tal-RFEUA u lill-EASA, flimkien ma’ indikazzjoni tar-rotot affettwati (40).

L-Artikolu 11(6) tal-RFEUA jiddikjara li “l-Istat Membru responsabbli, li l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti tiegħu, deżinjati f’konformità (mal-Artikolu 11(1) tal-RFEUA), huma responsabbli għal korp ta’ amministrazzjoni partikolari tal-Unjoni, għandu jiġi ddeterminat abbażi tal-ġuriżdizzjoni territorjali rispettiva tal-ajruport tal-Unjoni”.

Għall-finijiet tal-Artikolu 5(2) tal-RFEUA, l-operatur tal-inġenji tal-ajru għalhekk irid jinnotifika u jiġġustifika r-raġunijiet ta’ sikurezza tal-fjuwil li minħabba fihom ma jissodisfax l-obbligu ta’ riforniment stabbilit fl-Artikolu 5(1) (jiġifieri d-90 % “tal-fjuwil meħtieġ fis-sena” għall-vjaġġ u għas-sewqan għall-ħruġ fuq ir-runway) u jindika wkoll liema rotot huma affettwati lill-awtorità msemmija fl-Artikolu 11(6) tal-RFEUA. Din hija awtorità li hija responsabbli għal korp partikolari ta’ amministrazzjoni tal-ajruport tal-Unjoni, li min-naħa tiegħu jiġi ddeterminat abbażi tal-ġuriżdizzjoni territorjali rispettiva tal-ajruport.

L-Artikolu 5(3) tal-RFEUA jipprevedi li l-eżenzjonijiet mill-obbligu tar-riforniment stabbilit fl-Artikolu 5(1) jistgħu, f’ċerti ċirkostanzi, jintalbu minn qabel mingħand l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 11(6) tal-RFEUA. Għall-finijiet tal-Artikolu 5(3), l-operatur tal-inġenji tal-ajru għalhekk irid jitlob li jingħataw jew jiġu rrifjutati eżenzjonijiet possibbli (41) skont dik id-dispożizzjoni mill-awtorità responsabbli għal ajruport tal-Unjoni fejn l-operatur tal-inġenji tal-ajru jiddikjara li ma jkunx jista’ jagħmel riforniment.

Bħala konklużjoni, l-awtorità kompetenti li tirċievi l-ġustifikazzjonijiet retrospettivi dwar l-ammonti mhux rifornuti għal raġunijiet ta’ sikurezza u t-talbiet bil-quddiem għal eżenzjonijiet mill-obbligu tar-riforniment tal-fjuwil hija l-awtorità kompetenti tal-ajruport fejn iseħħ in-nuqqas ta’ riforniment tal-fjuwil. Din l-awtorità tista’ tkun differenti mill-awtorità kompetenti li timponi multi fuq l-operatur tal-inġenji tal-ajru.

6.2.   Min hija l-awtorità kompetenti għall-infurzar tal-obbligu ta’ riforniment u għall-impożizzjoni ta’ multi?

L-Artikolu 11(1) tal-RFEUA jiddikjara li “l-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-infurzar tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u għall-impożizzjoni ta’ multi fuq l-operaturi tal-inġenji tal-ajru, fuq il-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti tal-Unjoni, u fuq il-fornituri tal-fjuwil tal-avjazzjoni (...)”.

Sabiex tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti kif ukoll biex iżżid it-trasparenza u l-aċċess aktar faċli għall-partijiet interessati, il-Kummissjoni tippubblika fuq is-sit web tagħha lista ta’ awtoritajiet kompetenti nazzjonali maħtura li huma inkarigati mill-implimentazzjoni u l-infurzar tal-RFEUA (42).

L-Artikolu 11(5) tal-RFEUA jiddikjara li l-awtorità jew l-awtoritajiet maħtura (ara l-Artikolu 11(1) tal-RFEUA) responsabbli għal operatur tal-inġenji tal-ajru partikolari huma ddeterminati skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 748/2009 (43). Meta operatur tal-inġenji tal-ajru ma jkunx ġie attribwit lil Stat Membru fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 748/2009, ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 18a tad-Direttiva 2003/87/KE (44) se jiġu segwiti sabiex tiġi ddeterminata l-awtorità li lilha għandu jiġi assenjat l-operatur tal-inġenji tal-ajru (45). Dawn ir-regoli fihom id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-assenjazzjoni ta’ kull operatur tal-inġenji tal-ajru lill-Istat Membru amministrattiv tiegħu. L-iskop ta’ din l-assenjazzjoni huwa li jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-operaturi tal-inġenji tal-ajru u l-Istati Membri responsabbli għall-infurzar tal-RFEUA.

L-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-impożizzjoni ta’ multi fuq l-operaturi tal-inġenji tal-ajru (ara l-Artikolu 12(2) tal-RFEUA) għan-nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5 tal-RFEUA hija/huma l-awtorità jew l-awtoritajiet maħtura mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 11(1) u (5) tal-RFEUA. Dan ifisser li l-awtorità jew l-awtoritajiet maħtura biss għandhom jimponu multi fuq l-operaturi tal-inġenji tal-ajru li jkunu ġew assenjati lilhom, skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 748/2009 jew ir-regoli li jinsabu fl-Artikolu 18a tad-Direttiva 2003/87/KE. Dawn se jkunu l-istess awtorità jew awtoritajiet li se jirċievu r-rapporti sottomessi mill-operaturi tal-inġenji tal-ajru assenjati tagħhom (f’konformità mal-Artikolu 8(1) tal-RFEUA) u għalhekk dawk li se jkollhom aċċess dirett għall-kontenut sħiħ tar-rapport annwali dwar jekk intlaħqux il-limiti stabbiliti fl-Artikolu 5(1).

Tali awtorità jew awtoritajiet maħtura huma responsabbli għall-impożizzjoni u l-ġbir tal-multi fuq l-operaturi tal-inġenji tal-ajru assenjati tagħhom anki jekk il-limiti stabbiliti fl-Artikolu 5 tal-RFEUA ma ntlaħqux f’ajruporti tal-Unjoni li jinsabu barra mill-Istat Membru rispettiv tagħhom. Fil-fatt, tali nuqqas ta’ konformità mhuwiex marbut ma’ xi ajruport speċifiku tal-Unjoni iżda pjuttost ma’ obbligu għall-UE kollha biex jiġi żgurat li l-ippumpjar tagħhom tal-fjuwils tal-avjazzjoni fis-sena jissodisfa l-limiti tal-Artikolu 5(1) tal-RFEUA. Tali awtorità jew awtoritajiet maħtura se jkollhom l-informazzjoni meħtieġa dwar il-fjuwil ippumpjat fit-tank għal raġunijiet ta’ sikurezza tal-fjuwil minħabba li dan huwa parti mill-obbligi ta’ rapportar tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru skont l-Artikolu 8(1)(d) u l-Anness II tal-RFEUA.

Eżempju 5: ħatra tal-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti

L-Istat Membru A jaħtar id-direttorat ġenerali tiegħu għall-avjazzjoni ċivili (“ A-DGCA ”) bħala l-awtorità kompetenti tiegħu f’konformità mal-Artikolu 11(1) tal-RFEUA. L-operatur tal-inġenji tal-ajru “ Y ” huwa assenjat skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 748/2009 lill-Istat Membru A. F’dan l-eżempju, A-DGCA se jkun l-awtorità kompetenti responsabbli għall-infurzar u l-impożizzjoni ta’ multi skont l-RFEUA fuq l-operatur tal-inġenji tal-ajru “ Y ” fil-każ li dan l-operatur tal-inġenji tal-ajru jonqos milli jikkonforma mal-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 5 tal-RFEUA.

Eżempju 6: min hija l-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 5(2) tal-RFEUA u x’inhuma l-implikazzjonijiet skont l-Artikolu 8 tal-RFEUA?

L-operatur tal-inġenji tal-ajru Y jopera rotta bejn l-Istati Membri A u B u jopera rotta mill-Istat Membru B lejn pajjiż terz. Skont ir-regoli tal-Artikolu 11(5) tal-RFEUA, Y huwa assenjat lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru A (A-DGCA). Y iħejji l-obbligi ta’ rapportar annwali tiegħu skont l-Artikolu 8 tal-RFEUA (billi jsegwi l-Anness II tar-Regolament) u l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta skont l-Artikolu 5(2). F’dan l-eżempju, l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu l-obbligi li ġejjin:

(1)

Mill-Istat Membru A għall-Istat Membru B: F’dan l-eżempju, Y jissodisfa r-rekwiżit ta’ riforniment ta’ 90 % (ara l-Artikolu 5(1) tal-RFEUA) fl-ajruport tat-tluq tal-Unjoni fl-Istat Membru A. Y jeħtieġlu jirrapporta ma’ A-DGCA għaliex huwa assenjat lill-Istat Membru A. Jeħtieġlu jirrapporta wkoll mal-EASA, sabiex jikkonforma mal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 8(1) tal-RFEUA.

(2)

Minn Stat Membru B għal pajjiż terz: wara valutazzjoni tal-obbligi ta’ riforniment annwali tiegħu, Y jirrealizza li jaqa’ taħt il-limitu ta’ 90 % stabbilit fl-Artikolu 5(1) tal-RFEUA fl-ajruport tat-tluq tal-Unjoni fl-Istat Membru B. Madankollu, hija l-fehma ta’ Y li huwa ġġustifikat li jaqa’ taħt il-limitu għal raġunijiet ta’ sikurezza tal-fjuwil f’konformità mal-Artikolu 5(2) tal-RFEUA.

F’dan l-eżempju, Y ikollu obbligu doppju: (i) jeħtieġlu jiġġustifika kif xieraq lill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru B (fejn iseħħ in-nuqqas li jiġi ssodisfat ir-rekwiżit tar-riforniment) għaliex ma jissodisfax dak ir-rekwiżit ta’ riforniment; u (ii) jirrapporta l-kwantitajiet mhux ippumpjati fit-tank u l-ġustifikazzjonijiet rilevanti lil A-DGCA u lill-EASA, skont l-Artikolu 8(1) tal-RFEUA.

→

B’segwitu għal dan l-eżempju, A-DGCA huwa l-awtorità kompetenti assenjata lil Y. Kif spjegat, huwa għalhekk ir-riċevitur tal-obbligi ta’ rapportar skont l-Artikolu 8(1) tal-RFEUA ppreżentati minn dan l-operatur tal-inġenji tal-ajru. A-DGCA huwa wkoll l-awtorità kompetenti għall-impożizzjoni ta’ multi fuq Y għal nuqqas ta’ konformità mal-Artikolu 5(1) tal-RFEUA jekk A-DGCA isib li kien hemm ksur fl-ajruport tat-tluq tal-Unjoni fl-Istat Membru B wara li vvaluta r-rapport u kkonsulta mal-awtorità kompetenti ta’ B (fejn rilevanti).

Eżempju 7: min hija l-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 5(3) tal-RFEUA?

L-operatur tal-inġenji tal-ajru Y jitlaq minn ajruport tal-Unjoni li jinsab fil-kapital tal-Istat Membru B, itir lejn ajruport tal-Unjoni li jinsab fi gżira fl-Istat Membru C, u mbagħad jirritorna għall-kapital fl-Istat Membru B (rotta B–C–B). F’dan l-eżempju, Y tiddetermina li jeħtieġ li titlob eżenzjoni skont l-Artikolu 5(3)(a) tal-RFEUA għar-rotta C–B, minħabba li l-provvista tal-fjuwil mhijiex garantita fl-Istat Membru C matul l-eqqel tal-istaġun, u dan jirriżulta f’ħinijiet tat-turnaround mhux raġonevoli. L-operatur tal-inġenji tal-ajru jkun ivvaluta r-rekwiżiti meħtieġa skont l-Artikolu 5(3)(a) u jifhem li dawn ġew issodisfati. Y jeħtieġlu jitlob l-eżenzjoni mill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru C (jiġifieri, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-ajruport tal-Unjoni fejn l-operatur tal-inġenji tal-ajru ma jkollux l-intenzjoni li jagħmel riforniment tal-fjuwil).

Meta tintalab eżenzjoni skont l-Artikolu 5(3)(a) jew (b) tal-RFEUA għal titjiriet trijangolari, it-talba trid issir lill-awtorità kompetenti tal-ajruport fejn l-operatur tal-inġenji tal-ajru ma jistax jagħmel riforniment.

Eżempju 8: awtoritajiet kompetenti fil-każ ta’ titjiriet trijangolari

Fir-rotta A–B–C–D–A, l-operatur tal-inġenji tal-ajru Y ma jistax jagħmel riforniment fl-ajruporti B u D tal-Unjoni għal raġunijiet ġustifikati skont l-Artikolu 5(3)(a) jew (b). L-operatur tal-inġenji tal-ajru Y għandu jitlob (i) eżenzjoni mill-awtorità kompetenti tal-ajruport B tal-Unjoni għar-rotta B–C, u (ii) eżenzjoni oħra mill-awtorità kompetenti tal-ajruport D tal-Unjoni għar-rotta D–A.

7.   KOOPERAZZJONI BEJN L-AWTORITAJIET

L-Artikolu 11(3) tal-RFEUA jiddikjara li “Il-Kummissjoni, l-Aġenzija [EASA] u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jikkooperaw u jiskambjaw l-informazzjoni rilevanti kollha biex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva u l-konformità ma’ dan ir-Regolament”.

L-Artikolu 11(3) tal-RFEUA jirrikjedi li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jikkooperaw u jiskambjaw l-informazzjoni kollha rilevanti biex jiżguraw implimentazzjoni effettiva u konformità mar-Regolament. Dan jinkludi eżenzjonijiet possibbli li setgħu ngħataw skont l-Artikolu 5(3) tal-RFEUA. L-awtoritajiet kompetenti, sabiex jiżguraw applikazzjoni konsistenti tal-Artikolu 5 tal-RFEUA, jeħtiġilhom jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni bl-istess mod mal-EASA u mal-Kummissjoni. Din il-kooperazzjoni hija meħtieġa mir-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet kompetenti, iżda l-Kummissjoni u l-EASA jistgħu jiffaċilitawha.

L-awtorità jew l-awtoritajiet maħtura jeħtiġilhom ikollhom il-qafas legali u amministrattiv meħtieġ fis-seħħ fil-livell nazzjonali biex jiżguraw il-ġbir tal-multi, skont l-Artikolu 12(9) tal-RFEUA.

L-informazzjoni riċevuta skont l-Artikolu 5(2) tal-RFEUA mill-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 11(6) tal-RFEUA se tintuża jekk tkun meħtieġa kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet fil-kuntest, pereżempju, ta’ rieżami ta’ rapport annwali jew deċiżjoni dwar l-impożizzjoni ta’ multa. L-awtorità responsabbli għall-impożizzjoni ta’ multi tista’ titlob l-opinjoni tal-awtorità fejn il-limitu tar-riforniment fl-Artikolu 5(1) tal-RFEUA ma jkunx intlaħaq għall-konformità mar-regoli dwar is-sikurezza tal-fjuwil.

8.   DWAR IL-PROĊESS BIEX TINTALAB EŻENZJONI SKONT L-ARTIKOLU 5(3)(A) JEW (B) TAL-RFEUA U R-RWOL TAL-KUMMISSJONI

8.1.   Tul ta’ żmien u tiġdid tal-eżenzjoni

L-Artikolu 5(5) tal-RFEUA jiddikjara li l-eżenzjoni(jiet) mogħtija mill-awtorità kompetenti għandhom perjodu limitat ta’ validità li ma jistax jaqbeż sena (1). L-awtorità kompetenti għandha għalhekk tispeċifika, fid-deċiżjoni li biha tagħti eżenzjoni, f’konformità mal-Artikolu 5(3)(a) jew (b) tal-RFEUA, it-tul ta’ żmien preċiż tal-eżenzjoni. Dan it-tul ta’ żmien jista’ jikkoinċidi mat-tul ta’ żmien tal-fattur fl-ajruport li jimpedixxi l-ippumpjar tal-fjuwil, iżda ma jistax jaqbeż il-limitu ta’ sena (1).

L-awtorità kompetenti tista’, fuq talba tal-operatur tal-inġenji tal-ajru, tirrieżamina l-eżenzjoni qabel ma tiskadi. Kwalunkwe talba għat-tiġdid għandha tiġi ppreżentata mill-inqas 3 xhur qabel id-data ta’ skadenza tal-eżenzjoni.

Eżempju 9: Tul ta’ żmien tal-eżenzjoni

L-operatur tal-inġenji tal-ajru Y jista’ jkollu bżonn eżenzjoni f’ajruport żgħir u konġestjonat tal-Unjoni li jinsab fuq gżira, matul il-perjodu tal-iskedar tas-sajf minħabba li dan huwa l-aktar perjodu traffikuż tas-sena. Madankollu, jista’ jkun li ma tkunx meħtieġa eżenzjoni fuq din il-gżira matul il-perjodu tal-iskedar tax-xitwa. L-awtorità kompetenti se tivvaluta jekk ir-rekwiżiti fl-Artikolu 5(3) tal-RFEUA humiex issodisfati u se tagħti l-eżenzjoni għat-tul ta’ żmien tal-problemi identifikati li jiġġustifikaw l-eżenzjonijiet, u fi kwalunkwe każ mhux itwal minn sena (1).

8.2.   Meta għandha tiġi ppreżentata t-talba lill-awtorità kompetenti?

L-operatur tal-inġenji tal-ajru jeħtieġlu jissottometti t-talba tiegħu lill-awtorità kompetenti mill-inqas 3 xhur qabel id-data prevista għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni (l-Artikolu 5(3) tal-RFEUA). L-eżenzjonijiet jistgħu jintalbu fi żminijiet differenti matul is-sena. L-eżenzjoni tista’ tingħata biss mill-awtorità kompetenti jekk ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 5(3)(a) jew (b) jiġu ssodisfati u jekk it-talba tkun debitament ġustifikata. L-awtorità kompetenti hija meħtieġa tieħu deċiżjoni dwar it-talba mingħajr dewmien żejjed, u mhux aktar tard minn xahar (1) qabel id-data tal-applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista, skont l-Artikolu 5(5) tal-RFEUA.

8.3.   L-awtorità kompetenti tista’ titlob informazzjoni addizzjonali

L-Artikolu 5(4) tal-RFEUA jiddikjara li l-awtorità kompetenti tista’, meta tivvaluta t-talbiet għal eżenzjonijiet skont l-Artikolu 5(3)(a) jew (b) tal-RFEUA, titlob informazzjoni addizzjonali mill-operatur tal-inġenji tal-ajru minbarra l-ġustifikazzjonijiet diġà pprovduti mill-operatur tal-inġenji tal-ajru. L-awtorità kompetenti tiddetermina liema informazzjoni teħtieġ sabiex tkun tista’ tivvaluta t-talba għal eżenzjoni.

Jekk l-awtorità kompetenti titlob informazzjoni addizzjonali, l-iskadenza biex tieħu deċiżjoni tiġi sospiża sakemm l-operatur tal-inġenji tal-ajru jipprovdi informazzjoni kompluta.

8.4.   Id-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti (l-Artikolu 5(6) tal-RFEUA)

L-awtorità kompetenti jeħtiġilha tieħu deċiżjoni li taċċetta jew tirrifjuta l-ewwel talba għal eżenzjoni sottomessa minn operatur tal-inġenji tal-ajru skont l-Artikolu 5(3)(a) jew (b) tal-RFEUA. L-operatur tal-inġenji tal-ajru ma jistax iqis nuqqas li jadotta deċiżjoni sal-iskadenzi stabbiliti fl-Artikolu 5(5) tal-RFEUA bħala deċiżjoni li tawtorizza l-eżenzjoni mitluba.

In-nuqqas li tiġi adottata deċiżjoni dwar talbiet għal tiġdid sa mhux aktar tard minn xahar (1) qabel l-iskadenza tal-eżenzjoni mogħtija preċedentement se jitqies bħala deċiżjoni biex tiġi awtorizzata l-applikazzjoni kontinwa tal-eżenzjoni mitluba għat-tiġdid. Dan ikun il-każ jekk l-operatur tal-inġenji tal-ajru jkun appoġġa t-talba tiegħu għat-tiġdid b’ġustifikazzjoni dettaljata u adegwata mill-inqas 3 xhur qabel l-iskadenza tal-eżenzjoni.

8.5.   Meta tibda tapplika d-deċiżjoni nazzjonali?

L-Artikolu 5(7) tal-RFEUA jipprevedi li l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu d-dritt jappella kontra deċiżjoni mill-awtorità kompetenti li tirrifjuta talba għal eżenzjoni. F’każ ta’ appell, f’konformità mal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, il-proċeduri nazzjonali rilevanti se japplikaw u se jiddeterminaw jekk id-deċiżjoni nazzjonali appellata għandhiex tiġi sospiża jew le.

8.6.   Ir-rwol tal-Kummissjoni

8.6.1.    Pubblikazzjoni tal-lista ta’ eżenzjonijiet

L-awtoritajiet kompetenti jeħtiġilhom jinnotifikaw il-lista ta’ eżenzjonijiet awtorizzati u miċħuda lill-Kummissjoni. Il-lista se tkun akkumpanjata mill-ġustifikazzjoni u l-valutazzjoni għall-aċċettazzjoni jew ir-rifjut tat-talba għal eżenzjoni (l-Artikolu 5(8) tal-RFEUA). Dan l-eżerċizzju jista’ jsir permezz ta’ blokok ta’ kategoriji (eż. nuqqas ta’ prova ta’ wieħed mir-rekwiżiti, nuqqas li jintlaħqu l-iskadenzi).

F’konformità mal-Artikolu 5(8), il-Kummissjoni jeħtiġilha tippubblika l-lista ta’ eżenzjonijiet awtorizzati u taġġorna dik il-lista mill-inqas darba fis-sena.

8.6.2.    Dwar ilmenti li jikkonċernaw eżenzjonijiet mogħtija

F’konformità mal-Artikolu 5(9) u (10) u l-Artikolu 16(2) tal-RFEUA, il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni, li jitolbu lill-awtorità jew lill-awtoritajiet kompetenti jadottaw deċiżjoni li tħassar eżenzjoni partikolari mill-bidu tal-perjodu ta’ skedar li jmiss.

F’każijiet fejn il-perjodu ta’ skedar jibda inqas minn xahrejn wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni mill-awtorità kompetenti li tħassar l-eżenzjoni, id-deċiżjoni li tħassar dik l-eżenzjoni tapplika biss mill-bidu tal-istaġun ta’ skedar li jmiss (46).

Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li taġixxi fuq inizjattiva tagħha stess jew wara l-valutazzjoni ta’ lment bil-miktub dwar eżenzjoni mogħtija mressqa minn:

—

Stat Membru,

—

operatur tal-inġenji tal-ajru,

—

il-korp ta’ amministrazzjoni tal-ajruport tal-Unjoni kkonċernat,

—

fornitur tal-fjuwil tal-avjazzjoni

Sabiex tiġi ffaċilitata l-valutazzjoni tal-kwistjoni mill-Kummissjoni u biex jiġi deċiż jekk għandux jiġi adottat att ta’ implimentazzjoni sabiex jintalab it-tħassir tal-eżenzjoni mogħtija, il-Kummissjoni tista’ titlob l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-Istati Membri u mill-operaturi tal-inġenji tal-ajru. L-Artikolu 5(10) tal-RFEUA jirrikjedi li l-Istati Membri u l-operaturi tal-inġenji tal-ajru jipprovdu l-informazzjoni mingħajr dewmien żejjed u l-Istati Membri jeħtiġilhom jiffaċilitaw l-għoti ta’ informazzjoni mill-operaturi tal-inġenji tal-ajru.


(1)   ĠU L, 2023/2405, 31.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2405/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1).

(3)  It-tankering tal-fjuwil huwa prattika fejn inġenju tal-ajru jġorr iktar fjuwil minn kemm ikun meħtieġ għat-titjira tiegħu sabiex inaqqas jew jevita l-bżonn ta’ riforniment fl-ajruport ta’ destinazzjoni.

(4)  Sottogrupp dwar l-avjazzjoni sostenibbli (E03118/2): https://ec.europa.eu/transparency/expert-groups-register/screen/expert-groups/consult?lang=mt&groupId=104312&fromMeetings=true&meetingId=51877.

(5)  Il-kunċett tal-operat ta’ titjira għandu jinftiehem fis-sens ekonomiku. Dan ifisser li l-‘persuna’ msemmija fid-definizzjoni ta’ ‘operatur ta’ inġenju tal-ajru’ ma tirreferix, pereżempju, għall-bdot li jtajjar l-inġenju tal-ajru f’isem persuna ġuridika.

(6)  Id-deżinjaturi ICAO jinsabu fid-Dok 8585 — Deżinjaturi għall-Aġenziji Operattivi tal-Inġenji tal-Ajru, u għall-Awtoritajiet u s-Servizzi tal-Avjazzjoni.

(7)  Skont it-tifsira tal-leġiżlazzjoni dwar il-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-ażil.

(8)  Ara l-lista tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-RFEUA fuq is-sit web tad-DĠ Mobbiltà u Trasport (https://transport.ec.europa.eu/transport-modes/air/environment/refueleu-aviation_en).

(9)  Għal aktar dettall, ara l-punt CAT.OP.MPA.181 Skema tal-fjuwil/tal-enerġija — l-ippjanar tal-fjuwil/tal-enerġija u l-politika tal-ippjanar mill-ġdid waqt it-titjira — ajruplani.

(10)  L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2009/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-imposti tal-ajruporti (id-Direttiva dwar l-Imposti tal-Ajruporti) (ĠU L 70, 14.3.2009, p. 11).

(11)  Ara l-lista tal-ajruporti tal-Unjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-RFEUA fuq is-sit web tad-DĠ Mobbiltà u Trasport (https://transport.ec.europa.eu/transport-modes/air/environment/refueleu-aviation_en).

(12)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 tal-5 ta’ Ottubru 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet bl-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 296, 25.10.2012, p. 1).

(13)  CAT.OP.MPA.181, (c)(8) “ il-fjuwil […] diskrezzjonali, jekk il-kmandant jesiġi dan ”, l-Anness IV, is-subparti B tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012.

(14)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 tal-5 ta’ Ottubru 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet bl-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 296, 25.10.2012, p. 1).

(15)   https://www.easa.europa.eu/en/document-library/acceptable-means-of-compliance-and-guidance-materials/group/part-cat---commercial-air-transport-operations#part-cat---commercial-air-transport-operations.

(16)  Aktar dettalji dwar kif wieħed għandu jirrapporta jistgħu jinstabu fil-manwal għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru u għall-verifikaturi (jiġifieri l-korpi ta’ verifika) (l-Artikolu 8 u l-Anness II tal-RFEUA).

(17)  L-Artikolu 8(3) tal-RFEUA jiddikjara li “Ir-rapport għandu jiġi vverifikat minn verifikatur indipendenti f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 14 u 15 tad-Direttiva 2003/87/KE, u l-atti ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni adottati abbażi tagħhom”. Fi kliem ieħor, il-proċess ta’ verifika u l-verifikaturi akkreditati għall-finijiet tal-RFEUA huma rregolati mir-regoli tal-EU ETS u b’mod partikolari dawk stabbiliti għas-settur tal-avjazzjoni.

(18)  Ara l-Artikolu 3 għad-definizzjonijiet, l-Artikolu 8 dwar l-obbligi ta’ rapportar għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru u l-Anness II għall-mudell ta’ rapportar tal-RFEUA.

(19)  Ara l-Artikolu 3 għad-definizzjonijiet, l-Artikolu 8 għall-obbligi ta’ rapportar għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru u l-Anness II għall-mudell ta’ rapportar tal-RFEUA.

(20)   “Mezzi Aċċettabbli ta’ Konformità 7”.

(21)  Kif irrappurtat mill-EASA u mill-operaturi tal-inġenji tal-ajru fit-tweġibiet tagħhom għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni għat-tħejjija ta’ dan id-dokument.

(22)  Ara l-Anness III dwar ir-rekwiżiti tal-organizzazzjoni għall-operazzjonijiet bl-ajru fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 tal-5 ta’ Ottubru 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet bl-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 296, 25.10.2012, p. 1).

(23)  Ara l-Anness IV dwar l-operazzjonijiet tat-trasport kummerċjali bl-ajru fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 tal-5 ta’ Ottubru 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet bl-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 296, 25.10.2012, p. 1).

(24)  Unità ta’ potenza awżiljarja.

(25)  Rapport meteoroloġiku dwar l-ajrudrom.

(26)  Servizz ta’ informazzjoni b’terminal awtomatiku.

(27)  Tbassir għaż-żona tat-terminal.

(28)  Probabbiltà ta’ 30 %.

(29)  Informazzjoni meteoroloġika sinifikanti.

(30)  Sistema mtejba ta’ informazzjoni dwar it-temp.

(31)  Fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru.

(32)  Ara l-Anness IV dwar l-operazzjonijiet tat-trasport kummerċjali bl-ajru fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 tal-5 ta’ Ottubru 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet bl-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, (ĠU L 296, 25.10.2012, p. 1).

(33)  CAT.OP.MPA.181, (c)(8) “ il-fjuwil […] diskrezzjonali, jekk il-kmandant jesiġi dan ”, l-Anness IV, is-subparti B tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012.

(34)  Ara, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Frar 2018, Altun et, C-359/16, ECLI:EU:C:2018:63, il-punti 48 sa 52.

(35)  Ara r-referenza għall-għodda CERT tal-ICAO u l-kalkolu bil-metodu ta’ Vincenty fuq https://www.icao.int/environmental-protection/CORSIA/Pages/CERT.aspx.

(36)  Ara r-Referenza għas-servizz tad-data tal-ICAO bħala referenza għall-Indikaturi tal-Pożizzjoni tal-Ajrudrom https://www.icao.int/Aviation-API-Data-Service/Pages/default.aspx.

(37)  Mezz Aċċettabbli ta’ Konformità 6 (https://www.easa.europa.eu/en/document-library/acceptable-means-of-compliance-and-guidance-materials/group/part-cat---commercial-air-transport-operations#part-cat---commercial-air-transport-operations).

(38)  F’konformità mal-ħinijiet ipprovduti fit-Tabella 18.2 tal-Inputs Standard għall-Analiżi Ekonomika tal-EUROCONTROL, verżjoni 10.0.3, ippubblikata fit-18 ta’ April 2023.

(39)  Ara d-dokument fil-link li ġej: https://ansperformance.eu/economics/cba/standard-inputs/

(40)  L-operatur tal-inġenji tal-ajru jeħtieġlu jinkludi wkoll dik l-informazzjoni fir-rapport imsemmi fl-Artikolu 8 tal-RFEUA (jiġifieri r-rapport annwali), bil-kwantitajiet ta’ fjuwil assoċjati rrapportati separatament. Dan ir-rapport għandu jiġi ppreżentat lill-awtorità maħtura skont l-Artikolu 11(5) tal-RFEUA. Ir-rapport (inklużi l-kwantitajiet miżjuda għal raġunijiet ta’ sikurezza) irid jiġi ppreżentat sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena ta’ rapportar (irrappurtati b’mod retrospettiv).

(41)  It-talbiet għal eżenzjoni fuq rotta skont l-Artikolu 5(3) tal-RFEUA jridu jiġu ppreżentati lill-awtorità kompetenti mill-inqas 3 xhur qabel id-data prevista tal-applikazzjoni tal-eżenzjoni (mitluba minn qabel).

(42)  Ara l-lista tal-awtoritajiet kompetenti maħtura taħt RFEUA fuq is-sit web tad-DĠ Mobbiltà u Trasport (https://transport.ec.europa.eu/transport-modes/air/environment/refueleu-aviation_en)

(43)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 748/2009 tal-5 ta’ Awwissu 2009 dwar il-lista ta’ operaturi ta’ inġenji tal-ajru li wettqu attività ta’ avjazzjoni elenkata fl-Anness I għad-Direttiva 2003/87/KE fl-1 ta’ Jannar 2006 jew wara, li tispeċifika l-Istat Membru ta’ amministrazzjoni għal kull operatur ta’ inġenji tal-ajru (ĠU L 219, 22.8.2009, p. 1).

(44)  Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva 96/61/KE,h(ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).

(45)  Il-lista ta’ operaturi tal-inġenji tal-ajru li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-RFEUA ppubblikata fis-sit web tad-DĠ Mobbiltà u Trasport tindika l-awtorità li kull operatur tal-inġenji tal-ajru huwa assenjat lilha.

(46)  L-Artikolu 2(d) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 tat-18 ta’ Jannar 1993 dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-Komunità (ĠU L 14, 22.1.1993, p. 1), “ ‘ perjodu ta’ skedar’ tfisser jew l-istaġun tas-sajf jew tax-xitwa kif użat fl-iskedi ta’ trasportaturi bl-ajru ”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/5997/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)