European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/782

24.4.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/782

tat-23 ta’ April 2025

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 152/2009 fir-rigward tad-determinazzjoni tal-karbonati fl-għalf

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 34(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 152/2009 (2) jistabbilixxi l-metodi ta’ teħid ta’ kampjuni u analiżi għall-kontroll uffiċjali tal-għalf.

(2)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/771 (3) ħassar il-metodu ta’ analiżi għad-determinazzjoni tal-karbonati fl-għalf. Madankollu, il-kwantifikazzjoni tal-karbonati fl-addittiv tal-għalf awtorizza, karbonat tal-lantanju ottaidrat, teħtieġ l-użu tal-metodu ta’ analiżi mħassar.

(3)

Barra minn hekk, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 68/2013 (4) jipprevedi d-dikjarazzjoni obbligatorja tal-karbonat tal-kalċju għal ċerti materjali tal-għalf. Jeħtieġ jintuża l-metodu ta’ analiżi mħassar biex tiġi ddeterminata l-kwantità ta’ karbonat tal-kalċju f’dawk il-materjali tal-għalf.

(4)

Għalhekk, jixraq li l-metodu ta’ analiżi għad-determinazzjoni tal-karbonati fl-għalf jiġi introdott mill-ġdid.

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 152/2009 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ April 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/625/oj.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 152/2009 tas-27 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi l-metodi ta’ teħid ta’ kampjuni u analiżi għall-kontroll uffiċjali tal-għalf (ĠU L 54, 26.2.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/152/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/771 tad-29 ta’ Frar 2024 li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 152/2009 li jistabbilixxi l-metodi ta’ teħid ta’ kampjuni u analiżi għall-kontroll uffiċjali tal-għalf (ĠU L, 2024/771, 15.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/771/oj).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 68/2013 tas-16 ta’ Jannar 2013 dwar il-Katalgu tal-materjali tal-għalf (ĠU L 29, 30.1.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/68/oj).


ANNESS

Fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 152/2009, tiżdied il-parti li ġejja wara l-parti “O. DETERMINAZZJONI TA’ KLORIN MINN KLORUR”:

“P.   DETERMINAZZJONI TAL-KARBONATI

1.   Skop u Kamp ta’ applikazzjoni

Dan il-metodu jagħmilha possibbli li jiġi ddeterminat l-ammont ta’ karbonati, espress b’mod konvenzjonali bħala karbonat tal-kalċju, fl-għalf, bl-eċċezzjoni tal-għalf fejn ikun preżenti l-karbonat tal-ħadid.

2.   Prinċipju

Il-karbonati jiġu dekomposti fl-aċidu idrokloriku; id-diossidu tal-karbonju rilaxxat jinġabar f’tubu ggradat, u l-volum tiegħu jiġi mqabbel ma’ dak rilaxxat taħt l-istess kundizzjonijiet minn kwantità magħrufa ta’ karbonat tal-kalċju.

3.   Reaġenti

3.1.

Aċidu idrokloriku, densità 1,10 g/ml.

3.2.

Karbonat tal-kalċju pur.

3.3.

Aċidu sulfuriku, bejn wieħed u ieħor 0,05 mol/litru, ikkulurit bl-aħmar tal-metil.

4.   Apparat

Apparat Scheibler-Dietrich (ara d-dijagramma fl-Appendiċi) jew apparat ekwivalenti (kalċimetru).

5.   Proċedura

Abbażi tal-kontenut ta’ karbonat tal-kampjun, iżen porzjon tal-kampjun kif muri hawn taħt:

(a)

0,5 g għall-prodotti li jkun fihom minn 50 sa 100 % ta’ karbonati, espressi bħala karbonat tal-kalċju;

(b)

1 g għall-prodotti li jkun fihom minn 40 % sa 50 % ta’ karbonati, espressi bħala karbonat tal-kalċju;

(c)

2 g sa 3 g għal prodotti oħra.

L-aċidu idrokloriku (il-punt 3.1, hawn fuq) jiżdied mal-porzjon tal-kampjun biex jiddekomponi kwalunkwe karbonat preżenti. Il-volum tad-diossidu tal-karbonju jitkejjel bl-użu ta’ apparat Scheibler-Dietrich jew apparat ekwivalenti (kalċimetru) u jitqabbel mal-volum ta’ diossidu tal-karbonju prodott minn 0,5 g karbonat tal-kalċju pur (il-punt 3.2, hawn fuq).

Id-determinazzjonijiet kollha għandhom jitwettqu taħt l-istess kundizzjonijiet biex jiġi evitat li jsiru korrezzjonijiet għad-differenzi fit-temperatura u l-pressjoni. Id-determinazzjoni għandha preferibbilment titwettaq f’kamra bit-temperatura kkontrollata.

Il-proċedura li tagħmel użu mill-apparat Scheibler-Dietrich hija deskritta fid-dettall fl-Appendiċi.

6.   Kalkolu

Il-kontenut ta’ karbonati, espress bħala karbonat tal-kalċju pur, huwa kkalkolat permezz tal-formula:

X =

V ×100

V1 × 2 m

fejn:

X

=

% (w/w) ta’ karbonati fil-kampjun, espress bħal karbonat tal-kalċju

V

=

ml ta’ CO2 rilaxxat mill-porzjon tal-kampjun

V1

=

ml ta’ CO2 rilaxxat minn 0,5 g ta’ CaCO3

m

=

piż, fi grammi, tal-porzjon tal-kampjun.

7.   Osservazzjonijiet

7.1.

Jekk jintuża l-apparat Scheibler-Dietrich u l-kampjun ikun jiżen aktar minn 2 g, l-ewwel qiegħed 15 ml ta’ ilma distillat fil-kunjett (l-element 4 fid-dijagramma fl-Appendiċi, hawn taħt) u ħallat qabel ma tibda t-test billi żżid l-aċidu idrokloriku (il-punt 3.1, hawn fuq). Uża l-istess volum ta’ ilma distillat għat-test ta’ kontroll.

7.2.

Jekk l-apparat użat ikollu volum differenti minn dak tal-apparat Scheibler-Dietrich, il-porzjonijiet meħuda mill-kampjun u mis-sustanza ta’ kontroll u l-kalkolu jridu jiġu addattati kif jixraq.

Appendiċi

Proċedura dettaljata li tagħmel użu mill-apparat Scheibler-Dietrich

Qiegħed il-porzjon tal-kampjun fil-kunjett speċjali (l-element 4 fid-dijagramma) tal-apparat, mgħammar b’tubu żgħir ta’ materjal li ma jinkisirx li jkun fih 10 ml aċidu idrokloriku (il-punt 3.1, hawn fuq), u qabbad il-kunjett mal-apparat. Dawwar il-vit tridirezzjonali (l-element 5 fid-dijagramma) biex it-tubu ggradat (l-element 1 fid-dijagramma) ikun imqabbad ma’ barra. Bl-użu tat-tubu mobbli (l-element 2 fid-dijagramma), li jkun mimli bl-aċidu sulfuriku kkulurit (il-punt 3.3, hawn fuq) u mqabbad mat-tubu ggradat (l-element 1 fid-dijagramma), tella’ l-livell tal-likwidu sal-marka taż-żero. Dawwar il-vit tridirezzjonali (l-element 5 fid-dijagramma) biex tqabbad it-tubi flimkien (l-elementi 1 u 3 fid-dijagramma) u ċċekkja li l-livell ikun żero.

Ħalli l-aċidu idrokloriku joħroġ (il-punt 3.1, hawn fuq) bil-mod fuq il-porzjon tal-kampjun, waqt li tmejjel il-kunjett speċjali (l-element 4 fid-dijagramma). Agħmel il-pressjoni ndaqs billi tbaxxi t-tubu mobbli (l-element 2 fid-dijagramma). Ħawwad il-kunjett speċjali (l-element 4 fid-dijagramma) sakemm ir-rilaxx tad-diossidu tal-karbonju jkun waqaf kompletament.

Erġa’ ġib il-pressjoni billi ġġib il-likwidu fl-istess livell mill-ġdid fit-tubi (l-elementi 1 u 2 fid-dijagramma). Wara ftit minuti, meta l-volum tal-gass isir kostanti, ħu l-qari.

Wettaq test ta’ kontroll fl-istess kundizzjonijiet fuq 0,5 g ta’ karbonat tal-kalċju (il-punt 3.2, hawn fuq).

APPARAT SCHEIBLER-DIETRICH GĦAD-DETERMINAZZJONI TAS-CO2

Image 1

(imkejjel f’mm)”

”

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/782/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)