European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1709

1.8.2025

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1709

tad-29 ta’ Lulju 2025

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1602 fir-rigward tal-allokazzjonijiet tal-irkant mhux kompetittivi

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (riformulazzjoni) (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 224(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Tip ġdid ta’ tranżazzjoni ta’ allokazzjoni ta’ rkant mhux kompetittiv ġie introdott bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2025/363 (2), li emendat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2023/2825 (3). Peress li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE, Euratom) 2023/2825 tistabbilixxi l-arranġamenti għall-amministrazzjoni u l-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ teħid b’self u ta’ ġestjoni tad-dejn tal-Unjoni, tali tip ta’ tranżazzjoni jenħtieġ li jiġi rifless ukoll fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1602 (4) li tapplika għal kwalunkwe attività ta’ teħid b’self u ta’ ġestjoni tad-dejn imwettqa mill-Kummissjoni u li tistabbilixxi n-network tan-negozjanti primarji u tistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi tal-membri tan-network tan-negozjanti primarji.

(2)

Għalhekk, jenħtieġ li l-emenda tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1602 tispeċifika d-drittijiet u l-obbligi tan-negozjanti primarji fir-rigward tal-allokazzjoni tal-irkant mhux kompetittiv. Peress li l-allokazzjonijiet tal-irkant mhux kompetittivi huma maħsuba biex jipprovdu inċentiv lin-negozjanti primarji, jenħtieġ li jiġi ċċarat li tali tranżazzjonijiet u ammonti mixtrija permezz tagħhom jeħtieġ li ma jitqisux fir-rekwiżiti minimi tal-parteċipazzjoni fl-irkant applikabbli għan-negozjanti primarji.

(3)

Sabiex tiġi pprovduta ċarezza dwar il-funzjonament tal-allokazzjoni tal-irkant mhux kompetittiv lill-membri tan-network tan-negozjanti primarji tal-UE, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1602 tipprovdi l-possibbiltà li jiġu stabbiliti aktar regoli dettaljati għall-użu u l-funzjonament tal-allokazzjoni tal-irkant mhux kompetittiv fit-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali għan-negozjanti primarji tal-Unjoni (GTC).

(4)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1602 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan.

(5)

L-emendi previsti f’din id-Deċiżjoni huma prerekwiżit għal passi ulterjuri fl-implimentazzjoni tal-allokazzjoni tal-irkant mhux kompetittiv, jiġifieri l-adozzjoni tal-GTC emendat u l-pubblikazzjoni u d-dħul fis-seħħ tal-emendi tal-programm tal-ħruġ tad-dejn tal-UE u tal-Euratom. Peress li l-funzjonalità ta’ rkant mhux kompetittiv hija maħsuba għat-tnedija f’Settembru 2025, din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1602 hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2, jiżdied il-punt (10):

“(10)

‘allokazzjoni ta’ rkant mhux kompetittiv’ tfisser il-proċess ta’ ħruġ li bih l-ammonti tat-titoli ta’ dejn tal-Unjoni u tal-Euratom addizzjonali għall-ammonti rkantati jiġu allokati lill-membri tan-netwerk tan-negozjanti primarji li jipparteċipaw fl-irkant, fuq talba tagħhom, abbażi ta’ prezz stabbilit, f’perjodu ta’ żmien stabbilit wara rkant u bl-użu, kif xieraq, ta’ pjattaforma tal-irkant biex titwettaq l-allokazzjoni.”;

(2)

fl-Artikolu 3, il-paragrafu (a) hu sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

il-pjazzament ta’ titoli ta’ dejn fis-swieq primarji tal-kapital, b’mod partikolari permezz ta’ pjattaforma tal-irkant u tranżazzjonijiet sindakati;”

(3)

fl-Artikolu 5(1), il-punt (a) hu sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

li tixtri medja minima ponderata ta’ 0,05 % tal-volumi rkantati mill-Unjoni jew mill-Euratom, fuq bażi semiannwali f’konformità mal-parti 1 tal-Anness I. L-ammonti tat-titoli ta’ dejn tal-Unjoni u tal-Euratom maħruġa permezz ta’ allokazzjonijiet ta’ rkant mhux kompetittiv għandhom jiġu esklużi meta tiġi kkalkulata l-medja ponderata minima ta’ 0,05 % tal-volumi rkantati mill-Unjoni jew mill-Euratom, fuq bażi semiannwali f’konformità mal-parti 1 tal-Anness I.”;

(4)

Fl-Artikolu 6(2), jiżdied il-punt (h):

“(h)

tistabbilixxi regoli dettaljati għall-użu u l-funzjonament tal-irkantijiet u l-allokazzjonijiet tal-irkant mhux kompetittivi.”;

(5)

Fl-Artikolu 7, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

il-parteċipazzjoni u l-offerta fi kwalunkwe rkant ta’ titoli ta’ dejn tal-Unjoni jew tal-Euratom u l-parteċipazzjoni f’allokazzjonijiet ta’ rkant mhux kompetittivi, wara l-parteċipazzjoni u x-xiri ta’ titoli ta’ dejn tal-Unjoni jew tal-Euratom permezz tal-irkant korrispondenti;”;

(6)

fl-Artikolu 8, il-punt (a) hu sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

ikunu xtraw sehem minimu tal-volumi rkantati mill-Unjoni u mill-Euratom b’medja ponderata abbażi tal-aħħar tliet irkanti fuq bażi kontinwa. L-ammonti maħruġa permezz ta’ allokazzjonijiet ta’ rkant mhux kompetittiv għandhom jiġu esklużi meta jiġi kkalkulat is-sehem minimu ta’ volumi rkantati mill-Unjoni u l-Euratom fuq medja ponderata abbażi tal-aħħar irkantijiet fuq bażi kontinwa;”;

(7)

fl-Anness I, il-punt 1(g) hu sostitwit b’dan li ġej:

“(g)

Il-kalkoli tal-volumi li jinxtraw min-negozjanti primarji fuq il-perjodu ta’ 6 xhur rilevanti għandhom jiġu ponderati f’konformità mat-tabella li ġejja:

Maturità residwa

3,5]

]3,5 m-1Y]

]1Y-4Y]

]4Y-8Y]

]8Y-12Y]

]12Y-17Y]

]17Y-23Y]

’Il fuq minn 23

Koeff.

0,5

1

2,5

5,5

10

15

20

25

L-ammonti maħruġa permezz ta’ allokazzjonijiet ta’ rkant mhux kompetittiv għandhom jiġu esklużi minn dan il-kalkolu tal-volumi mixtrija”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Lulju 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L, 2024/2509, 26.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2509/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2025/363 tal-21 ta’ Frar 2025 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE, Euratom) 2023/2825 fir-rigward tar-regoli dwar il-ġestjoni tar-riskju u l-qafas ta’ konformità għat-teħid b’self, il-ġestjoni tad-dejn, il-ġestjoni tal-likwidità u l-operazzjonijiet mutwanti u l-allokazzjoni tal-irkant mhux kompetittiv (ĠU L, 2025/363, 25.2.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/363/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2023/2825 tat-12 ta’ Diċembru 2023 li tistabbilixxi l-arranġamenti għall-amministrazzjoni u l-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ teħid b’self u ta’ ġestjoni tad-dejn tal-Unjoni skont l-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata u operazzjonijiet ta’ għoti b’self relatati (ĠU L, 2023/2825, 18.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/2825/oj).

(4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1602 tal-31 ta’ Lulju 2023 dwar l-istabbiliment tan-network tan-negozjanti primarji u d-definizzjoni tal-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-mandati ta’ tmexxija u ta’ tmexxija konġunta għat-tranżazzjonijiet sindakati għall-finijiet tal-attivitajiet ta’ teħid ta’ self mill-Kummissjoni f’isem l-Unjoni u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU L 196, 4.8.2023, p. 44, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/1602/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/1709/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)