European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1214

3.9.2026

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/1214

tad-9 ta’ Ġunju 2026

li jemenda r-Regolament (UE) 2024/1257 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-ittestjar tal-konformità mal-limiti tal-emissjonijiet ta’ partikoli tal-brejkijiet

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2024/1257 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ April 2024 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur u magni u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, fir-rigward tal-emissjonijiet u d-durabbiltà tal-batterija tagħhom (Euro 7), li jemenda r-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 582/2011, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1151 ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/2400 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1362 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1), il-punt (e), tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness III tar-Regolament (UE) 2024/1257 fih tabella għall-kundizzjonijiet għall-ittestjar tal-konformità mal-limiti tal-emissjonijiet tal-partikoli tal-brejkijiet (Tabella 4). F’dik it-tabella, il-kundizzjonijiet tal-ittestjar għall-vetturi ħfief bħalissa jeħtieġu ttestjar f’konformità mar-Regolament Tekniku Globali tan-NU Nru 24 dwar il-Kejl fil-Laboratorju tal-Emissjonijiet tal-Brejkijiet għall-Vetturi Ħfief (2).

(2)

Il-progress u l-iżviluppi teknoloġiċi l-aktar reċenti huma riflessi fir-Regolament il-ġdid tan-NU Nru 179 dwar il-Kejl fil-Laboratorju tal-Emissjonijiet tal-Brejkijiet għall-Vetturi Ħfief (3). Dawn huma bbażati fuq id-data miġbura meta ġew ittestjati l-brejkijiet “Euro 7”, u jinkludu b’mod partikolari aktar armonizzazzjoni u titjib tal-ambjent tal-ittestjar; kejl bi preċiżjoni għolja ta’ PM10, PM2,5, u numri tal-partikoli; ittestjar ta’ teknoloġiji ġodda bħal brejkijiet mgħammra b’filtri passivi jew attivi li jnaqqsu l-emissjonijiet u kalkolu tal-emissjonijiet mill-brejkijiet għall-vettura kollha. Għalhekk huwa xieraq li jiġi emendat ir-rekwiżit fit-Tabella 4 fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2024/1257 biex ir-referenza għar-Regolament Tekniku Globali tan-NU Nru 24 tiġi sostitwita b’referenza għar-Regolament tan-NU Nru 179 dwar il-Kejl fil-Laboratorju tal-Emissjonijiet tal-Brejkijiet għall-Vetturi Ħfief.

(3)

Meta jitqies li r-Regolament tan-NU Nru 179 dwar il-Kejl fil-Laboratorju tal-Emissjonijiet tal-Brejkijiet ikopri b’mod komprensiv il-kategoriji ta’ vetturi ħfief, jenħtieġ li dan ir-Regolament jallinja miegħu biex jarmonizza b’mod effettiv l-istandards u japplika għall-vetturi tal-kategoriji M1 u N1, kif ukoll għall-vetturi Euro 7ext, f’konformità mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) 2024/1257.

(4)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2024/1257 jiġi emendat kif xieraq,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness III tar-Regolament (UE) 2024/1257 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Ġunju 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L, 2024/1257, 8.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1257/oj.

(2)  ECE/TRANS/WP.29/2025/84, https://unece.org/sites/default/files/2025-06/ECE-TRANS-WP.29-2025-84e.pdf.

(3)  Ir-Regolament tan-NU Nru 179 — Dispożizzjonijiet uniformi dwar l-approvazzjoni ta’ vetturi ħfief fir-rigward tal-kejl fil-laboratorju tal-emissjonijiet tal-brejk [2026/1044] (ĠU L, 2026/1044, 18.5.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2026/1044/oj).


ANNESS

It-Tabella 4 tal-Anness III tar-Regolament (UE) 2024/1257 hija sostitwita b’dan li ġej:

“Tabella 4: Kundizzjonijiet għall-ittestjar tal-konformità ma’ limiti tal-emissjonijiet ta’ partikoli tal-brejkijiet

 

Vetturi tal-kategoriji M1 u N1

Vetturi tal-kategoriji M2, M3, N2 u N3

Test tal-emissjonijiet ta’ partikoli tal-brejkijiet

Ittestjar f’konformità mar-Regolament tan-NU Nru 179 dwar il-Kejl fil-Laboratorju tal-Emissjonijiet tal-Brejkijiet għall-Vetturi Ħfief (*1)

 

(*1)  Ir-Regolament tan-NU Nru 179 — Dispożizzjonijiet uniformi dwar l-approvazzjoni ta’ vetturi ħfief fir-rigward tal-kejl fil-laboratorju tal-emissjonijiet tal-brejk [2026/1044] (ĠU L, 2026/1044, 18.5.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2026/1044/oj).”


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2026/1214/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)