SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla)

27 ta’ Novembru 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95– Kunċett ta’ ‘irregolaritajiet’ – Artikolu 1(2)– Termini ta’ preskrizzjoni – Artikolu 3 – Bidu tad-dekorrenza u tul tat-termini – Proġett kofinanzjat permezz ta’ riżorsi tal-Unjoni”

Fil-Kawża C‑539/24,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema, ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Awwissu 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑31 ta’ Lulju 2024, fil-proċedura

Mikroregion Porta Bohemica

vs

Odvolací finanční ředitelství,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla),

komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, T. von Danwitz, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tal-Ewwel Awla, I. Ziemele, A. Kumin u S. Gervasoni (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez‑Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal Mikroregion Porta Bohemica, minn J. Sedláček, advokát,

–

għall-Gvern Ċek, minn J. Očková, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Hradil u C. Valero, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 2988/95 tat‑18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Mikroregion Porta Bohemica u l-Odvolací finanční ředitelství (id-Direttorat tal-Appell tal-Finanzi, ir-Repubblika Ċeka, iktar ’il quddiem l-“awtorità tat-taxxa”) dwar it-terminu ta’ preskrizzjoni għal irregolaritajiet fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi mogħtija fil-kuntest ta’ proġett iffinanzjat parzjalment minn riżorsi tal-Unjoni Ewropea.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2988/95:

“1.   Sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-[Unjoni], qegħdin hawnhekk jiġu adottati regoli ġenerali fir-rigward ta’ verifiki omoġenji u miżuri amministrattivi u penali li għandhom x’jaqsmu ma’ l-irregolaritajiet fir-rigward tal-liġi tal-[Unjoni].

2.   ‘Irregolarità’ għandha tfisser kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-[Unjoni] li jirriżulta minn att jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-budget ġenerali tal-[Unjoni] jew il-budget mmexxi minnhom, jew billi jnaqqas jew jitlef id-dħul li jakkumula minn riżorsi tagħhom stess miġbura direttament għan-nom tal-[Unjoni], jew permezz ta’nefqa mhux ġustifikata.”

4

L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

“1.   Il-perjodu tal-limitazzjoni għall-proċeduri għandu jkun ta’ erba’ snin minn meta l-irregolarità li ssir msemmija f’Artikolu 1(1) tkun ġiet kommessa. Madankollu, ir-regoli settorjali jistgħu jipprovdu għal perjodu iqsar li ma jistax ikun anqas minn tliet snin.

F’każ ta’ irregolaritajiet kontinwi jew ripetuti, it-terminu tal-limitazjoni għandu jibda jiddekorri mill-jum li fih tieqaf l-irregolarità. Fil-każ tal-programmi multiannwi, it-terminu tal-limitazzjoni għandu f’kull każ jibqa’ jiddekorri sakemm il-programm jitwaqqaf definittivament.

It-terminu tal-limitazjoni għandu jiġi interrott bi kwalsiasi att ta’ l-awtorità kompetenti, notifikat lill-persuna in kwestjoni, li jkollha x’taqsam ma’ l-investigazzjoni jew proċeduri legali dwar l-irregolarità. It-terminu għandu jibda jiddekorri mill-ġdid wara kull att li jinterrompih.

Madankollu, il-limitazzjoni għandha ssir effettiva mhux aktar tard mil-jum li fih perjodu li jkun id-doppju tal-perjodu tat-terminu jiskadi mingħajr ma l-awtorità kompetenti tkun imponiet penali, ħlief fejn il-proċedura amministrattiva tkun ġiet sospiża skond Artikolu 6(1).

2.   Il-perjodu għall-implimentazzjoni tad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-piena amministrattiva għandu jkun ta’ tliet snin. Dak il-perjodu għandu jibda jiddekorri mill-jum li fih id-deċiżjoni ssir finali.

Każijiet ta’ interruzzjoni u sospensjoni għandhom jiġu rregolati permezz tad-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi nazzjonali.

3.   L-Istati Membri għandhom iżommu l-possibilità li japplikaw perjodu li jkun itwal minn dak li hemm provdut fil-paragrafi 1 u 2 rispettivament.”

5

L-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għall-miżuri amministrattivi u l-penali tal-[Unjoni] adottati abbazi tar-regoli settorjali li jkunu jeżistu fil-waqt tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, l-imposizzjoni ta’penalitajiet finanzjarji bħal multi amministrattivi tista’ tiġi sospiża b’deċiżjoni ta’ l-awtorità kompetenti jekk ikunu nbdew proċeduri kriminali kontra l-persuna kkonċernata in konnessjoni mal-istess fatti. Is-sospensjoni tal-proċeduri amministrattivi għandha tissospendi l-perjodu tal-limitazzjoni li hemm provdut f’Artikolu 3.”

Id-dritt Ċek

6

L-Artikolu 44a(9) taz-zákon č. 218/2000 Sb., o rozpočtových pravidlech a o změně některých souvisejících zákonů (il-Liġi Nru 218/2000 dwar ir-Regoli Baġitarji u li Temenda Ċerti Liġijiet Relatati), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, kienet tipprevedi:

“Il-ġestjoni tal-ħlasijiet dovuti għall-ksur tad-dixxiplina baġitarja u tal-penalitajiet għandha tiġi żgurata mill-awtoritajiet tat-taxxa konformement maż-[zákon č. 280/2009 Sb., daňový řád (il-Liġi Nru 280/2009 li Tistabbilixxi l-Kodiċi tat-Taxxa)] […]. Il-persuna li twettaq il-ksur għandha l-kwalità ta’ persuna taxxabbli fil-kuntest tal-ġestjoni tal-ħlasijiet dovuti għall-ksur tad-dixxiplina baġitarja. Fuq talba, l-awtorità tat-taxxa għandha tipprovdi l-informazzjoni miksuba waqt il-ġestjoni tal-ħlasijiet lill-awtorità amministrattiva li tkun iddeċidiet li tagħti fondi li joriġinaw mill-baġit tal-Istat, mill-assi finanzjarji tal-Istat, mill-fond tal-Istat jew mill-Fond Nazzjonali, kif ukoll lill-awtorità awtorizzata tikkontrolla l-fondi hekk mogħtija u l-użu ta’ fondi li joriġinaw mill-baġit tal-Istat jew minn riżorsi oħra tal-Istat, sa fejn din l-informazzjoni tikkonċerna l-ġestjoni tal-ħlas dovut għall-ksur tad-dixxiplina baġitarja; dan japplika wkoll għall-awtorità kompetenti tal-Unjoni u għall-awtorità amministrattiva li tipparteċipa fil-ġestjoni ta’ tali fondi li joriġinaw barra mill-pajjiż. Il-penalità sostnuta għall-ksur tad-dixxiplina baġitarja qabel ma jiġi stabbilit l-avviż għal ħlas għandha titħallas f’terminu ta’ 30 jum mid-data tal-ħruġ ta’ dan l-avviż. L-ammont tal-ħlas u tal-penalità jista’ jiġi ddeterminat f’terminu ta’ għaxar snin mill‑1 ta’ Jannar tas-sena sussegwenti għal dik li matulha jkun twettaq il-ksur tad-dixxiplina baġitarja.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

7

Mikroregion Porta Bohemica hija assoċjazzjoni volontarja ta’ komuni rregolata mid-dritt Ċek, li għandha personalità ġuridika. Permezz ta’ deċiżjoni tal-Ministerstvo životního prostředí (il-Ministeru għall-Ambjent, ir-Repubblika Ċeka) tal‑4 ta’ April 2014 u permezz ta’ kuntratt tal‑15 ta’ April 2014, hija bbenefikat minn diversi finanzjamenti għal proġett intiż għat-tfassil ta’ pjan diġitali għall-ġlieda kontra l-għargħar u għall-akkwist ta’ sistema ta’ senjalazzjoni u ta’ twissija għall-komuni tat-territorju tagħha.

8

Dawn il-finanzjamenti kellhom ikopru 90 % tal-ispejjeż eliġibbli ta’ dan il-proġett, 85 % ta’ dawn l-ispejjeż (5 341 683.05 koruna Ċeka (CZK), jiġifieri madwar EUR 215000) kienu ffinanzjati minn riżorsi tal-Unjoni li joriġinaw mill-Fond ta’ Koeżjoni, u 5 % (CZK 314 216.65, jiġifieri madwar EUR 12500) kienu joriġinaw minn riżorsi tal-Fond Nazzjonali għall-Ambjent tar-Repubblika Ċeka. Mikroregion Porta Bohemica ffinanzjat l‑10 % li kien jifdal (CZK 628 433.30, jiġifieri madwar EUR 25000) mill-fondi tagħha stess.

9

Mikroregion Porta Bohemica kienet is-suġġett ta’ kontroll fiskali bejn is‑26 ta’ Frar 2020 u t‑3 ta’ Settembru 2021, li identifika diversi nuqqasijiet fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt għal xogħlijiet li hija kienet wettqet bil-għan tal-implimentazzjoni tal-imsemmi proġett, jiġifieri b’mod partikolari l-assenza ta’ esklużjoni minn din il-proċedura ta’ diversi offerti li ma kinux josservaw l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt relatati ma’ dan il-kuntratt, il-posponiment illegali tat-terminu ta’ eżekuzzjoni u l-assenza ta’ pubblikazzjoni tal-imsemmi kuntratt fuq is-sit internet tagħha fit-termini meħtieġa. Fi tmiem dan il-kontroll, l-awtorità tat-taxxa ħarġet, fl‑10 ta’ Settembru 2021, żewġ avviżi għal ħlas minħabba ksur tad-dixxiplina baġitarja, li jordnaw rispettivament l-irkupru mingħand Mikroregion Porta Bohemica ta’ CZK 1259646 (jiġifieri madwar EUR 50500) u ta’ CZK 74089 (jiġifieri madwar EUR 3000), jiġifieri ammont totali li jikkorrispondi għal 23.58 % tal-finanzjamenti rċevuti.

10

Fid‑9 ta’ Diċembru 2022, l-awtorità tat-taxxa rrettifikat il-formulazzjoni ta’ wieħed mill-avviżi għal ħlas u ċaħdet l-ilment ta’ Mikroregion Porta Bohemica li jikkontesta s-somom imposti fuqha.

11

Din tal-aħħar ikkontestat id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tagħha quddiem il-Krajský soud v Ústí nad Labem (il-Qorti Reġjonali ta’ Ústí nad Labem, ir-Repubblika Ċeka), li annullatha minħabba li t-terminu għall-ftuħ tal-proċedura previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, ta’ perijodu ta’ erba’ snin mit-twettiq tal-irregolarità, kien skada fid-data li fiha beda l-kontroll fiskali u minħabba li, fil-mument li fih ġie stabbilit l-ammont tas-somom li kellhom jitħallsu lura, it-terminu għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar l-obbligu ta’ ħlas lura tal-għajnuna, imsemmi fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, kien ukoll skada.

12

L-awtorità tat-taxxa ppreżentat appell ta’ kassazzjoni kontra s-sentenza tal-Krajský soud v Ústí nad Labem (il-Qorti Reġjonali ta’ Ústí nad Labem) quddiem in-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema, ir-Repubblika Ċeka), li hija l-qorti tar-rinviju.

13

Quddiem dik il-qorti, l-awtorità tat-taxxa ssostni, minn naħa, li r-Regolament Nru 2988/95 ma japplikax għall-irregolarità kollha kkonstatata, iżda biss għall-parti minn din tal-aħħar li tikkorrispondi għar-rata ta’ kofinanzjament mill-Unjoni. Għalhekk, xejn ma jipprekludi l-applikazzjoni tat-terminu previst fl-Artikolu 44a(9) tal-Liġi Nru 218/2000, fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, għal dak li jirrigwarda l-fondi mqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ Mikroregion Porta Bohemica mill-Fond Nazzjonali għall-Ambjent. Min-naħa l-oħra, l-awtorità tat-taxxa tqis li, konformement mal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95, dan l-Artikolu 44a(9), li jipprevedi terminu ta’ għaxar snin għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tkun tistabbilixxi l-ammont dovut għall-ksur tad-dixxiplina baġitarja, jippermetti lir-Repubblika Ċeka tapplika terminu li jkun itwal minn dak stabbilit fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament.

14

Fuq l-ewwel punt, l-imsemmija qorti tistaqsi, b’mod partikolari, dwar il-konsegwenzi li għandhom jinstiltu mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑13 ta’ Lulju 2023, Napfény‑Toll (C‑615/21, EU:C:2023:573), mogħtija fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), kif ukoll mill-fatt li l-Unjoni u l-Istati Membri jeżerċitaw kompetenza kondiviża fil-qasam tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali kif ukoll fil-qasam ambjentali. Hija tistaqsi, essenzjalment, jekk, fil-każ ta’ proġetti ffinanzjati kemm permezz ta’ riżorsi tal-Unjoni kif ukoll permezz ta’ riżorsi nazzjonali, ir-Regolament Nru 2988/95 għandux japplika, jew le, għall-finanzjament kollu.

15

Fuq it-tieni punt, il-qorti tar-rinviju tindika li għandha dubji, fl-istat tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fuq il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95 jippermettix lill-Istati Membri jipprevedu terminu ta’ preskrizzjoni li jkun itwal biss għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tkun timponi sanzjoni u li huma japplikaw, għall-kumplament, it-termini previsti fl-Artikolu 3(1) u (2) ta’ dan ir-regolament. Hija tistaqsi wkoll jekk l-Istati Membri jistgħux ibiddlu l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni għall-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni, billi jipprevedu li dan it-terminu jibda jiddekorri mill-ewwel jum tas-sena kalendarja sussegwenti għal dik li matulha jkun twettaq il-ksur, u mhux mid-data tat-twettiq tal-irregolarità.

16

F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Ir-Regolament [Nru 2988/95]:

a)

jawtorizza leġiżlazzjoni nazzjonali li, abbażi tal-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-regolament, fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni tipprevedi terminu itwal (f’dan il-każ terminu ta’ għaxar snin) minn dak stipulat fir-raba subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament, mingħajr madankollu ma tistabbilixxi espliċitament terminu separat għall-ftuħ ta’ proċedura, kif iddefinit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ dan l-istess regolament?

b)

jippermetti li Stat Membru ma jistabbilixxix il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni mill-mument ta’ meta twettqet irregolarità iżda mill-ewwel ġurnata tas-sena kalendarja segwenti?

2)

Fil-każ li r-risposta għall-punt (a) tal-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, ir-Regolament Nru 2988/95 jippermetti li Stat Membru li jkun uża l-possibbiltà prevista fl-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-regolament li jiftaħ il-proċedura f’terminu itwal minn dak imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament? Jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tistabbilixxix terminu speċifiku għall-ftuħ tal-proċedura, għandu, bil-kontra ta’ dan, ikun hemm konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ dan l-istess regolament billi l-proċedura tinfetaħ fit-terminu li huwa jistabbilixxi?

3)

Meta jkun hemm irregolaritajiet, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2988/95, fil-kuntest tal-finanzjament ta’ proġetti marbuta ma’ politika tal-Unjoni u fir-rigward ta’ għajnuna mogħtija parzjalment permezz ta’ riżorsi tal-Unjoni u parzjalment permezz ta’ riżorsi mill-baġit ta’ Stat Membru, għandu jiġi applikat biss ir-Regolament Nru 2988/95 (inklużi t-termini u d-definizzjonijiet li huwa jipprevedi), jiġifieri dan ir-regolament għandu jiġi applikat għall-irregolarità mwettqa kollha kemm hija? Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv, dan ir-regolament għandu jiġi applikat biss fir-rigward ta’ dik il-parti tal-għajnuna, li tista’ tiġi separata, mogħtija permezz ta’ riżorsi tal-Unjoni, filwaqt li għall-dik il-parti tal-għajnuna, li tista’ tiġi separata, mogħtija permezz ta’ riżorsi mill-baġit ta’ Stat Membru għandhom jiġu applikati r-regoli nazzjonali?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel parti tal-ewwel domanda u fuq it-tieni domanda

17

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel domanda tagħha u permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru li ma jkunx uża l-possibbiltà li jipprevedi terminu ta’ preskrizzjoni għat-tressiq ta’ proċeduri li jkun itwal mit-terminu ta’ erba’ snin stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament jista’, għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tkun timponi sanzjoni, jipprevedi terminu li jkun itwal mid-doppju ta’ dan it-terminu ta’ erba’ snin. Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, il-qorti tar-rinviju tistaqsi liema terminu għandu, f’tali każ, jiġi applikat minn dan l-Istat Membru f’dak li jirrigwarda t-tressiq tal-proċeduri.

18

L-ewwel u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 jipprevedu li t-terminu ta’ preskrizzjoni għat-tressiq ta’ proċeduri kontra irregolaritajiet li jistgħu jippreġudikaw il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandu, bħala prinċipju, ikun ta’ erba’ snin mit-twettiq tal-irregolarità jew, fil-każ ta’ ksur ripetut jew kontinwu, mill-jum li fih din l-irregolarità tkun intemmet.

19

Ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament min-naħa tiegħu jistabbilixxi limitu assolut li japplika għall-preskrizzjoni għat-tressiq ta’ proċeduri kontra irregolarità, fejn dan it-terminu ta’ preskrizzjoni jsir effettiv mhux iktar tard mill-jum li fih terminu ugwali għad-doppju ta’ dak previst fl-ewwel subparagrafu ta’ dan l-Artikolu 3(1) ikun jiskadi mingħajr ma l-awtorità kompetenti tkun imponiet sanzjoni, ħlief fil-każ fejn il-proċedura tkun ġiet sospiża konformement mal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament (sentenza tas‑6 ta’ Frar 2025, Emporiki Serron – Emporias kai Diathesis Agrotikon Proionton, C‑42/24, EU:C:2025:56, punt 39).

20

Dan it-terminu ta’ preskrizzjoni assolut jikkontribwixxi għat-tisħiħ taċ-ċertezza legali tal-operaturi ekonomiċi billi jimpedixxi li l-preskrizzjoni għat-tressiq ta’ proċeduri relatati ma’ irregolarità tkun tista’ tiddewwem indefinittivament permezz ta’ atti ta’ interruzzjoni repetuti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2025, Emporiki Serron – Emporias kai Diathesis Agrotikon Proionton, C‑42/24, EU:C:2025:56, punt 40).

21

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom iżommu l-possibbiltà li japplikaw terminu li jkun itwal minn dawk previsti fl-Artikolu 3(1) u (2) ta’ dan ir-regolament.

22

Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li r-riferiment għall-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 li jinsab fl-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-regolament jippermetti lill-Istati Membri japplikaw biss terminu li jkun itwal mit-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin għat-tressiq ta’ proċeduri previst fl-ewwel subparagrafu ta’ dan l-Artikolu 3(1). Dan l-aħħar terminu huwa barra minn hekk l-uniku terminu li t-tul tiegħu huwa stabbilit f’dan il-paragrafu.

23

Għall-kuntrarju, l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95 ma jawtorizzax lill-Istati Membri jidderogaw mir-regola stabbilita fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, li jipprovdi li t-tul tat-terminu ta’ preskrizzjoni għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tkun timponi sanzjoni huwa f’kull każ ugwali għall-massimu tad-doppju tat-terminu ta’ preskrizzjoni għat-tressiq ta’ proċeduri, ħlief fil-każijiet fejn il-proċedura amministrattiva tkun ġiet sospiża konformement mal-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament, minħabba l-ftuħ ta’ proċeduri kriminali.

24

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, meta Stat Membru jkun uża l-possibbiltà mogħtija fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95 li japplika terminu ta’ preskrizzjoni li jkun itwal mit-terminu ta’ erba’ snin għall-ftuħ tal-proċedura ta’ tressiq ta’ proċeduri, stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, it-terminu ta’ preskrizzjoni assolut għall-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni għandu jiġi kkalkolat b’riferiment għal dan it-terminu itwal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2025, Emporiki Serron – Emporias kai Diathesis Agrotikon Proionton, C‑42/24, EU:C:2025:56, punti 41 u 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

25

Minn dan isegwi li Stat Membru ma jistax jipprevedi terminu ta’ preskrizzjoni għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tkun timponi sanzjoni ta’ tul li jkun ta’ iktar mid-doppju tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin għat-tressiq ta’ proċeduri, stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, mingħajr ma jkun l-ewwel uża l-possibbiltà mogħtija fl-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-regolament li jipprevedi terminu li jkun itwal minn dan it-terminu ta’ erba’ snin fil-qasam tal-preskrizzjoni għat-tressiq ta’ proċeduri.

26

Fid-dawl tal-interpretazzjoni mogħtija fil-punt preċedenti, ma hemmx lok li tingħata risposta għad-domandi tal-qorti tar-rinviju dwar it-tul tat-terminu ta’ preskrizzjoni għat-tressiq ta’ proċeduri applikabbli fil-każ fejn l-awtoritajiet nazzjonali jkunu llimitaw ruħhom jidderogaw mit-tul tat-terminu ta’ preskrizzjoni assolut għall-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni.

27

Fl-aħħar nett, għandu jiġi ppreċiżat li, fl-assenza ta’ ffissar mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ta’ terminu ta’ preskrizzjoni għat-tressiq ta’ proċeduri distint minn dak imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, il-proċeduri għandhom neċessarjament jitressqu fit-terminu ta’ erba’ snin previst f’din id-dispożizzjoni.

28

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel parti tal-ewwel domanda u għat-tieni domanda għandha tkun li r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95 għandhom jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru li ma jkunx uża l-possibbiltà li jipprevedi terminu ta’ preskrizzjoni għat-tressiq ta’ proċeduri li jkun itwal mit-terminu ta’ erba’ snin stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament ma jistax jipprevedi terminu ta’ preskrizzjoni assolut għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tkun timponi sanzjoni li jkun itwal mid-doppju ta’ dan it-terminu ta’ erba’ snin.

Fuq it-tieni parti tal-ewwel domanda

29

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jistabbilixxi, fil-każ ta’ irregolarità istantanja, il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni assolut għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tkun timponi sanzjoni mhux fid-data li fiha tkun twettqet l-irregolarità, iżda fl-ewwel jum tas-sena kalendarja sussegwenti.

30

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li mill-kliem innifsu tal-Artikolu 3(1) u (3) tar-Regolament Nru 2988/95, imfakkar fil-punt 4 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li, billi stabbilixxa din id-dispożizzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq sempliċement jippermetti lill-Istati Membri jtawlu t-tul tat-terminu ta’ preskrizzjoni għat-tressiq ta’ proċeduri meta mqabbel ma’ dak previst fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, bl-esklużjoni ta’ kull bidla fir-rigward tal-bidu tad-dekorrenza ta’ dan it-terminu (sentenza tas‑6 ta’ Frar 2025, Emporiki Serron– Emporias kai Diathesis Agrotikon Proionton, C‑42/24, EU:C:2025:56, punt 27).

31

Din l-interpretazzjoni tapplika wkoll għall-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni assolut għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tkun timponi sanzjoni peress li, skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, il-karatteristiċi ta’ dan it-terminu ta’ preskrizzjoni assolut huma stabbiliti b’riferiment għat-terminu ta’ preskrizzjoni għat-tressiq ta’ proċeduri.

32

Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni parti tal-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jistabbilixxi l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni assolut għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tkun timponi sanzjoni minħabba t-twettiq ta’ irregolarità fl-ewwel jum tas-sena kalendarja sussegwenti għal dik li fiha tkun twettqet din l-irregolarità. Dan it-terminu jibda jiddekorri fil-każijiet kollha, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, mid-data tat-twettiq tal-irregolarità jew, fil-każ ta’ irregolarità repetuta jew kontinwa, mid-data li fiha din tal-aħħar tkun intemmet.

Fuq it-tielet domanda

33

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li t-termini ta’ preskrizzjoni previsti fih japplikaw għal irregolarità li tkun taffettwa l-finanzjament ta’ proġett marbut ma’ politika tal-Unjoni inkluż meta din l-irregolarità tippreġudika jew tista’ tippreġudika kemm l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kif ukoll dawk ta’ Stat Membru.

34

Preliminarjament, għalkemm il-Kummissjoni Ewropea tiddubita l-ammissibbiltà tat-tielet domanda minħabba li l-formulazzjoni tagħha hija ġenerali wisq u minħabba li din hija ta’ natura ipotetika, għandu jiġi rrilevat li t-talba għal deċiżjoni preliminari tinkludi, kollha kemm hi, biżżejjed elementi li jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tifhem il-portata tad-domandi magħmula lilha, fatt li barra minn hekk il-Kummissjoni tirrikonoxxi, u li din id-domanda ma tidhirx li manifestament hija nieqsa minn kull rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet domanda hija inammissibbli.

35

Fir-rigward tar-risposta li għandha tingħata għal din id-domanda, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/95 jirregola t-termini ta’ preskrizzjoni applikabbli fil-qasam ta’ irregolaritajiet li jistgħu jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

36

L-ewwel subparagrafu ta’ dan l-Artikolu 3 jirreferi, fir-rigward tal-kunċett ta’ “irregolarità”, għall-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament, li jipprovdi li, “[s] abiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-[Unjoni], qegħdin hawnhekk jiġu adottati regoli ġenerali fir-rigward ta’ verifiki omoġenji u miżuri amministrattivi u penali li għandhom x’jaqsmu ma’ l-irregolaritajiet fir-rigward tal-liġi tal-[Unjoni]”.

37

L-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “irregolarità” msemmi fl-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament bħala “kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-Komunità li jirriżulta minn att jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-budget ġenerali tal-[Unjoni] jew il-budget mmexxi minnhom, jew billi jnaqqas jew jitlef id-dħul li jakkumula minn riżorsi tagħhom stess miġbura direttament għan-nom tal-[Unjoni], jew permezz ta’nefqa mhux ġustifikata”.

38

Il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, li jirreferi għall-atti jew għall-ommissjonijiet “li għand[hom], jew li jista’ jkoll[hom], l-effett” li jippreġudikaw il-baġit tal-Unjoni jew il-baġits iġġestiti minnha, ma jillimitax l-applikazzjoni tar-regoli previsti mir-Regolament Nru 2988/95, li minnhom jagħmlu parti r-regoli ta’ preskrizzjoni stabbiliti fl-Artikolu 3 tiegħu, għall-konsegwenzi biss tal-irregolaritajiet imwettqa għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni, iżda għall-kuntrarju jagħti x’jinftiehem li dawn ir-regoli japplikaw għall-irregolaritajiet kollha li jista’ jkollhom tali konsegwenzi, irrispettivament mill-parti ta’ finanzjament li tkun toriġina minn fondi tal-Unjoni.

39

Bl-istess mod, la mill-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95 u lanqas minn ebda dispożizzjoni oħra ta’ dan ir-regolament ma jirriżulta li l-fatt li l-Unjoni teżerċita kompetenza kondiviża fil-qasam relatat mal-proġett li fil-kuntest tiegħu tkun twettqet irregolarità huwa ta’ natura li jostakola, tal-inqas parzjalment, l-applikazzjoni tar-regoli previsti mill-imsemmi regolament.

40

L-interpretazzjoni msemmija fil-punti preċedenti hija kkorroborata mill-fatt li, fil-każ ta’ proġett kofinanzjat, l-istess irregolarità tista’ tippreġudika kemm il-baġit ġenerali tal-Unjoni jew il-baġits iġġestiti minnha kif ukoll il-baġits nazzjonali, b’tali mod li jkun jidher artifiċjali li ssir distinzjoni bejn ir-regoli applikabbli għal tali irregolarità, li hija ta’ natura indiviżibbli, skont l-oriġini tal-finanzjamenti affettwati minn din tal-aħħar.

41

Barra minn hekk, il-fatt li jitqies li l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/95 jirregola biss il-konsegwenzi ta’ tali irregolarità għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni jwassal sabiex jiġi aċċettat li l-istess att jista’ jaqa’ simultanjament taħt termini ta’ preskrizzjoni differenti sa fejn dan jista’ jaffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jew interessi finanzjarji nazzjonali, fatt li jista’ jwassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet kontradittorji u jmur kontra l-għan ta’ ċertezza legali mfittex minn din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2025, Emporiki Serron – Emporias kai Diathesis Agrotikon Proionton, C‑42/24, EU:C:2025:56, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

Minn dan isegwi li, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà impliċitament aċċettat fis-sentenza tagħha tat‑8 ta’ Mejju 2024, Finanzprokuratur (C‑734/22, EU:C:2024:395, punt 27 et seq.), l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/95 japplika għal irregolarità mwettqa fil-kuntest ta’ proġett kofinanzjat, mingħajr ma hemm lok li jiġu applikati regoli ta’ preskrizzjoni differenti sa fejn din l-irregolarità taffettwa wkoll interessi finanzjarji nazzjonali.

43

Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li s-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, Napfény‑Toll (C‑615/21, EU:C:2023:573, punt 31), imsemmija mill-qorti tar-rinviju, ma tistax tikkontesta din il-konklużjoni. Fil-fatt, b’differenza minn din il-kawża, li taqa’ taħt il-kuntest ta’ irregolarità li tkun wasslet għal nefqa mhux iġġustifikata, il-kawża li tat lok għal dik is-sentenza kienet tirrigwarda l-kwistjoni distinta dwar jekk irregolarità fil-qasam tal-VAT taqax, jew le, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2988/95 billi “[t]naqqas jew [t]itlef id-dħul li jakkumula minn riżorsi tagħhom stess miġbura direttament għan-nom tal-[Unjoni]”, fis-sens tal-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament.

44

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-termini ta’ preskrizzjoni previsti fih japplikaw għal irregolarità li tkun taffettwa l-finanzjament ta’ proġett marbut ma’ politika tal-Unjoni inkluż meta din l-irregolarità tippreġudika jew tista’ tippreġudika kemm l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kif ukoll dawk ta’ Stat Membru.

Fuq l-ispejjeż

45

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 3(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 2988/95 tat‑18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

Stat Membru li ma jkunx uża l-possibbiltà li jipprevedi terminu ta’ preskrizzjoni għat-tressiq ta’ proċeduri li jkun itwal mit-terminu ta’ erba’ snin stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament ma jistax jipprevedi terminu ta’ preskrizzjoni assolut għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tkun timponi sanzjoni li jkun itwal mid-doppju ta’ dan it-terminu ta’ erba’ snin.

 

2)

L-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

dan jipprekludi li Stat Membru jistabbilixxi l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni assolut għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tkun timponi sanzjoni minħabba t-twettiq ta’ irregolarità fl-ewwel jum tas-sena kalendarja sussegwenti għal dik li fiha tkun twettqet din l-irregolarità. Dan it-terminu jibda jiddekorri fil-każijiet kollha, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, mid-data tat-twettiq tal-irregolarità jew, fil-każ ta’ irregolarità repetuta jew kontinwa, mid-data li fiha din tal-aħħar tkun intemmet.

 

3)

L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/95

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

it-termini ta’ preskrizzjoni previsti fih japplikaw għal irregolarità li tkun taffettwa l-finanzjament ta’ proġett marbut ma’ politika tal-Unjoni Ewropea inkluż meta din l-irregolarità tippreġudika jew tista’ tippreġudika kemm l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kif ukoll dawk ta’ Stat Membru.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.