SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

30 ta’ Ottubru 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika komuni tas-sajd – Regolament (KE) Nru 1224/2009 – Użin ta’ prodotti tas-sajd – Artikolu 60(2) – Użin imwettaq waqt l-iżbark – Artikolu 61(1) – Użin imwettaq wara t-trasport mill-post tal-iżbark – Il-post tal-użin f’każ ta’ teħid ta’ kampjuni – Possibbiltà għall-awtoritajiet kompetenti li jitolbu użin ta’ prodotti tas-sajd fil-post tal-iżbark qabel ma jiġu trasportati xi mkien ieħor”

Fil-Kawża C‑546/24,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell, l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Lulju 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ Awwissu 2024, fil-proċedura

PN,

Killybegs Fishing Enterprises Ltd.,

Killybegs Seafoods Unlimited,

Killybegs Fishermen’s Organisation Ltd.

vs

Sea Fisheries Protection Authority,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn F. Schalin (Relatur), President tal-Awla, M. Gavalec u Z. Csehi, imħallfin,

Avukata Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal PN, Killybegs Fishing Enterprises Ltd., Killybegs Seafoods Unlimited u Killybegs Fishermen’s Organisation Ltd., minn D. Conlan Smyth, SC, E. Sweetman, BL, u R. McDonagh, solicitor,

–

għal Sea Fisheries Protection Authority, minn T. F. Creed, SC, P. McGarry, SC, D. McCarthy, BL, M. A. Cleary u C. Derrig, solicitors,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Dawes u C. Perrin, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 60(2) u (6), kif ukoll l-Artikolu 61(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal‑20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU 2009, L 343, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 355, p. 93, fil-ĠU 2014, L 318, p. 34, u fil-ĠU 2015, L 149, p. 23), kif emendat bir-Regolament (UE) 2015/812 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2015 (ĠU 2015, L 133, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1224/2009”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn PN, kaptan ta’ bastiment tas-sajd, Killybegs Fishing Enterprises Ltd. u Killybegs Seafoods Unlimited, kumpanniji attivi fl-industrija tas-sajd, kif ukoll Killybegs Fishermen’s Organisation Ltd., organizzazzjoni li tirrappreżenta produtturi ta’ ħut, u Sea Fisheries Protection Authority (l-Awtorità għall-Protezzjoni tas-Sajd Marittimu, l-Irlanda) (iktar ’il quddiem is-“SFPA”) dwar id-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar li twettaq l-użin tal-prodotti tas-sajd maqbuda minn dan il-bastiment tas-sajd fil-post tal-iżbark fl-Irlanda, qabel ma dawn jiġu trasportati xi mkien ieħor.

Il-kuntest ġuridiku

Regolament (KE) Nru 1380/2013

3

L-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU 2013, L 354, p. 22, rettifika fil-ĠU 2018, L 122, p. 35), li jistabbilixxi l-għanijiet tal-politika komuni tas-sajd (PKS), jipprovdi:

“Il-PKS għandha tiżgura li l-attivitajiet tas-sajd u l-akkwakultura huma ambjentalment sostenibbli fit-tul u huma ġestiti b’mod li huwa konsistenti mal-objettivi li jinkisbu benefiċċji ekonomiċi, soċjali u ta’ impjieg, u li jingħata kontribut għad-disponibbiltà ta’ provvisti tal-ikel.”

Regolament (KE) Nru 1224/2009

4

Il-premessa 29 tar-Regolament Nru 1224/2009 tistabbilixxi:

“Sabiex ikun żgurat li l-qabdiet kollha jiġu kkontrollati tajjeb l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-prodotti kollha tas-sajd jiġu l-ewwel ikkummerċjalizzati jew irreġistrati f’ċentru tal-irkant, organizzazzjonijiet reġistrati tax-xerrejja jew il-produtturi. Peress li jkun meħtieġ il-piż eżatt tal-qabdiet biex tiġi segwita l-utilizzazzjoni tal-kwoti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-prodotti kollha tas-sajd jintiżnu dment li ma jkunx hemm pjani ta’ teħid ta’ kampjuni bbażati fuq metodoloġija komuni.”

5

Skont il-punt 18 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament:

“[…] Id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw ukoll:

18)

‘Ġestjoni tar-riskju’ tfisser l-identifikazzjoni sistematika tar-riskji u l-implimentazzjoni tal-miżuri kollha meħtieġa għal-limitazzjoni tal-okkorrenza ta’ dawn ir-riskji. Dan jinkludi attivitajiet bħall-ġabra ta’ data u informazzjoni, analiżi u evalwazzjoni tar-riskji, preparazzjoni u teħid ta’ azzjoni, u monitoraġġ u reviżjoni regolari tal-proċess u r-riżultati tiegħu, ibbażati fuq is-sorsi u l-istrateġiji internazzjonali, tal-Unjoni u nazzjonali”.

6

L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, intitolat “Prinċipji ġenerali”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 4 tiegħu:

“1.   L-Istati Membri għandhom jikkontrollaw l-attivitajiet li jsiru minn kwalunkwe persuna naturali jew legali fl-ambitu tal-Politika Komuni tas-Sajd fit-territorju tagħhom u fl-ilmijiet taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tagħhom, b’mod partikolari l-attivitajiet tas-sajd, it-trasbord, it-trasferiment ta’ ħut għal ġol-gaġeġ jew l-installazzjonijiet tal-akkwakultura inkluż installazzjonijiet tas-simna, l-iżbark, l-importazzjoni, it-trasport, l-ipproċessar, il-kummerċjalizzazzjoni u l-ħażna tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura.

[…]

4.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-kontroll, l-ispezzjoni u l-infurzar isiru fuq bażi mhux diskriminatorja f’dak li għandu x’jaqsam ma’ setturi, bastimenti jew persuni, u abbażi tal-ġestjoni tar-riskju.”

7

L-Artikolu 60 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Użin ta’ prodotti tas-sajd”, jipprevedi, fil-paragrafi 2 u 6 tiegħu:

“2.   Mingħajr preġudizzju għal-dispożizzjonijiet speċifiċi, l-użin għandu jsir mal-iżbark qabel ma l-prodotti tas-sajd jinħażnu, jiġu trasportati jew jinbiegħu.

[…]

6.   L-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħu jitolbu li kwalunkwe kwantità ta’ prodotti tas-sajd li l-ewwel tiġi żbarkata f’dak l-Istat Membru tintiżen fil-preżenza ta’ uffiċjal qabel tiġi trasportata x’imkien ieħor mill-post tal-iżbark.”

8

L-Artikolu 61 tal-imsemmi regolament, intitolat “Użin ta’ prodotti tas-sajd wara t-trasport mill-post tal-iżbark”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“B’deroga mill-Artikolu 60(2), l-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-prodotti tas-sajd jintiżnu wara t-trasport mill-post tal-iżbark dment li dawn jiġu trasportati lejn destinazzjoni fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat u li dan l-Istat Membru jkun adotta pjan ta’ kontroll approvat mill-Kummissjoni [Ewropea] u bbażat fuq il-metodoloġija bbażata fuq ir-riskju adottata mill-Kummissjoni skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 119.”

Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011

9

Skont l-Artikolu 79 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 tat‑8 ta’ April 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (ĠU 2011, L 112, p. 1, rettifika fil-ĠU 2011, L 328, p. 58):

“1.   Il-qabdiet tal-ispeċijiet imsemmija fl-Artikolu 78 ta’ dan ir-Regolament għandhom jintiżnu immedjatament hekk kif jinħattu l-art. Madankollu, il-qabdiet ta’ dawn l-ispeċijiet jistgħu jintiżnu wara t-trasport f’każijiet fejn:

–

għal destinazzjoni ġewwa Stat Membru, l-Istat Membru kkonċernat ikun adotta pjan ta’ kontroll kif imsemmi fl-Artikolu 61(1) tar-[Regolament Nru 1224/2009] skont il-metodoloġija bbażata fuq ir-riskju deskritta fl-Anness XXI;

[…]

u fejn dan il-pjan ta’ kontroll jew dan il-programm ta’ kontroll komuni jkun ġie approvat mill-Kummissjoni.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10

Fil‑11 ta’ Ottubru 2020, PN, il-kaptan ta’ bastiment tas-sajd, irreġistrat fl-Irlanda, bagħat lis-SFPA notifika minn qabel tal-wasla fil-port, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1224/2009, u kkomunikalha informazzjoni dwar il-piż tal-prodotti tas-sajd maqbuda. Mal-wasla tiegħu fil-post tal-iżbark, dan il-bastiment tas-sajd intgħażel għal teħid ta’ kampjun tal-qabdiet ta’ dawn il-prodotti f’dan il-post, konformement mal-Artikolu 60(6) tar-Regolament Nru 1224/2009. Il-kaptan ikkontesta dan it-teħid ta’ kampjun, li, fil-fehma tiegħu, kien jippreżenta r-riskju li jaffettwa l-kwalità tal-imsemmija prodotti, kuntrarjament għall-użin imwettaq wara t-trasport mill-post tal-iżbark, għall-impjant tal-ipproċessar ta’ dawn l-istess prodotti.

11

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, preċedentement għall-imsemmi teħid ta’ kampjun, is-SFPA ma kinitx wettqet teħid ta’ kampjuni fuq il-post tal-iżbark, iżda li, b’mod partikolari, wara verifika mwettqa mill-Kummissjoni li kienet żvelat l-eżistenza ta’ irregolaritajiet u ta’ manipulazzjonijiet fl-użin tal-prodotti tas-sajd f’ċerti impjanti tal-ipproċessar ta’ dawn il-prodotti, din l-awtorità ħabbret li hija kienet ser twettaq iktar spezzjonijiet każwali.

12

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors, quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda), kontra d-deċiżjoni tas-SFPA li tiżen prodotti tas-sajd maqbuda mill-imsemmi bastiment tas-sajd fil-post tal-iżbark. Insostenn tar-rikors tagħhom, huma sostnew li d-deroga prevista fl-Artikolu 61(1) tar-Regolament Nru 1224/2009, li tippermetti l-użin tal-prodotti tas-sajd wara t-trasport mill-post tal-iżbark, tipprevali fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 60(6) ta’ dan ir-regolament. Permezz ta’ sentenza tat‑3 ta’ Novembru 2023, din il-qorti ċaħdet dan ir-rikors għar-raġuni, essenzjalment, li, anki jekk l-użin tal-prodotti tas-sajd isir bħala prinċipju wara t-trasport mill-post tal-iżbark, l-awtorità kompetenti żżomm il-fakultà li titlob li dan l-użin iseħħ fil-post tal-iżbark.

13

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellaw minn din is-sentenza quddiem il-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell, l-Irlanda), li hija l-qorti tar-rinviju, li tqis, billi tibbaża ruħha fuq l-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 61(1) tar-Regolament Nru 1224/2009 kif ukoll fuq il-ġurisprudenza dwar il-metodi ta’ interpretazzjoni, li r-rikors tagħhom għandu jiġi miċħud filwaqt li tesprimi dubji f’dan ir-rigward.

14

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Meta Stat Membru jkun eżerċita d-dritt tiegħu għal deroga, previst fl-Artikolu 61(1) [tar-Regolament Nru 1224/2009], mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 60(2) [ta’ dan ir-regolament,] li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-[PKS], skont it-termini ta’ pjan ta’ teħid ta’ kampjuni approvat mill-[Kummissjoni], l-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat Membru huma preklużi milli jitolbu li kwalunkwe kwantità ta’ prodotti tas-sajd li l-ewwel tiġi żbarkata f’dak l-Istat Membru tintiżen fil-preżenza ta’ uffiċjali tal-imsemmija awtorità qabel tiġi trasportata x’imkien ieħor mill-post tal-iżbark konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 60(6) ta’ dan ir-Regolament?”

Fuq id-domanda preliminari

15

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 61(1) tar-Regolament Nru 1224/2009 għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta Stat Membru jkun ippreveda deroga mill-Artikolu 60(2) ta’ dan ir-regolament billi jadotta pjan ta’ teħid ta’ kampjuni approvat mill-Kummissjoni, l-awtorità kompetenti ta’ dan l-Istat Membru ma tistax iktar titlob, abbażi tal-Artikolu 60(6) tal-imsemmi regolament, li kwalunkwe kwantità ta’ prodotti tas-sajd li l-ewwel tiġi żbarkata f’dan l-Istat Membru tintiżen fil-post tal-iżbark tagħha qabel ma tiġi trasportata x’imkien ieħor.

16

Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li l-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti tfittex li tilħaq (sentenza tal‑10 ta’ Frar 2022, Minister for Agriculture Food and the Marine u SFPA, C‑564/20, EU:C:2022:90, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

17

Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jistax ikollha r-riżultat li ċċaħħad lill-formulazzjoni ċara u preċiża ta’ din id-dispożizzjoni minn kull effett utli. Għalhekk, meta s-sens ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkun jirriżulta mingħajr ambigwità mill-formulazzjoni stess tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax titbiegħed minn din l-interpretazzjoni (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2022, VD u SR, C‑339/20 u C‑397/20, EU:C:2022:703, punt 71 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

18

Fl-ewwel lok, mill-Artikolu 60(2) tar-Regolament Nru 1224/2009 jirriżulta li, “[m]ingħajr preġudizzju għal-dispożizzjonijiet speċifiċi”, l-użin tal-prodotti tas-sajd għandu jsir mal-iżbark tagħhom qabel ma dawn tal-aħħar jinħażnu, jiġu trasportati jew jinbiegħu.

19

L-Artikolu 61(1) ta’ dan ir-regolament, bħala dispożizzjoni speċifika, jipprevedi li, “[b’]deroga mill-Artikolu 60(2)”, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw li l-użin tal-prodotti tas-sajd isir wara t-trasport mill-post tal-iżbark, bil-kundizzjoni li dawn il-prodotti tas-sajd jiġu trasportati lejn destinazzjoni fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat u li dan l-Istat Membru jkun adotta pjan ta’ teħid ta’ kampjuni approvat mill-Kummissjoni.

20

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Irlanda għamlet użu minn din il-fakultà u pjan ta’ teħid ta’ kampjuni ġie approvat bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/474/UE tat‑13 ta’ Awwissu 2012 dwar l-approvazzjoni mill-Kummissjoni tal-pjanijiet tat-teħid ta’ kampjuni għall-użin ta’ prodotti tas-sajd skont l-Artikolu 60(1) u 60(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 u tal-pjanijiet ta’ kontroll għall-użin ta’ prodotti tas-sajd skont l-Artikolu 61(1) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 (ĠU 2012, L 218, p. 17).

21

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-eżistenza ta’ tali pjan ta’ teħid ta’ kampjuni tipprekludix lill-awtorità ta’ kontroll ikkonċernata milli twettaq użin issorveljat fil-post tal-iżbark tal-qabdiet tal-prodotti tas-sajd, abbażi tal-Artikolu 60(6) tar-Regolament Nru 1224/2009.

22

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 61(1) tar-Regolament Nru 1224/2009 jirriżulta li huwa biss “[b’]deroga mill-Artikolu 60(2)” tiegħu li l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-użin tal-prodotti tas-sajd wara t-trasport mill-post tal-iżbark ta’ dawn il-prodotti.

23

Skont ġurisprudenza stabbilita, kull deroga minn regola ta’ prinċipju għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv.

24

Mill-formulazzjoni inekwivoka tal-Artikolu 61(1) tar-Regolament Nru 1224/2009 jirriżulta b’mod ċar li din id-dispożizzjoni tintroduċi deroga biss fir-rigward tal-Artikolu 60(2) tar-Regolament Nru 1224/2009 u mhux fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet oħra tiegħu. Ma jsir l-ebda riferiment għal dispożizzjonijiet oħra, bħall-Artikolu 60(6) tal-imsemmi regolament. Minn dan jirriżulta li dan l-Artikolu 61(1) għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jidderogax minn dan l-Artikolu 60(6) u li, għaldaqstant, l-awtorità ta’ kontroll kompetenti tista’, skont din l-aħħar dispożizzjoni, titlob l-użin fuq il-moll tal-prodotti tas-sajd, anki jekk jeżisti pjan ta’ teħid ta’ kampjuni approvat mill-Kummissjoni, fis-sens tal-Artikolu 61(1) tal-istess regolament.

25

L-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 61(1) tar-Regolament Nru 1224/2009, kif esposta fil-punti 22 u 24 ta’ din is-sentenza, hija kkorroborata, fit-tieni lok, mill-kuntest li fih taqa’ din id-dispożizzjoni kif ukoll mill-għanijiet imfittxija minn dan ir-regolament li l-imsemmija dispożizzjoni tagħmel parti minnu.

26

F’dan id-dawl, fir-rigward tal-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 5(1) u (4) tar-Regolament Nru 1224/2009, l-Istati Membri għandhom jikkontrollaw l-attivitajiet eżerċitati fil-kuntest tal-PKS u kull Stat Membru għandu jiżgura li l-kontroll, l-ispezzjoni u l-eżekuzzjoni jitwettqu b’mod partikolari abbażi ta’ ġestjoni tar-riskji. Il-punt 18 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi l-kunċett ta’ “[ġ]estjoni tar-riskju” bħala “l-identifikazzjoni sistematika tar-riskji u l-implimentazzjoni tal-miżuri kollha meħtieġa għal-limitazzjoni tal-okkorrenza ta’ dawn ir-riskji” u “[li] jinkludi attivitajiet bħall-ġabra ta’ data u informazzjoni, analiżi u evalwazzjoni tar-riskji, preparazzjoni u teħid ta’ azzjoni, u monitoraġġ u reviżjoni regolari tal-proċess u r-riżultati tiegħu, ibbażati fuq is-sorsi u l-istrateġiji internazzjonali, tal-Unjoni u nazzjonali”. F’dan il-kuntest, l-użin tal-prodotti tas-sajd waqt l-iżbark, skont l-Artikolu 60(6) tar-Regolament Nru 1224/2009, jista’ jikkostitwixxi strument utli għall-evalwazzjoni tar-riskji.

27

Fir-rigward tal-għan imfittex mir-Regolament Nru 1224/2009, għandu jitfakkar li dan jaqa’ fil-kuntest tal-PKS, li l-għanijiet tagħha, b’mod partikolari l-għan ta’ konservazzjoni tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin, huma ddefiniti fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1380/2013. Skont din id-dispożizzjoni, il-PKS għandha tiżgura li l-attivitajiet tas-sajd u l-akkwakultura jkunu ambjentalment sostenibbli fit-tul u jkunu ġestiti b’mod li jkun konsistenti mal-għanijiet li jinkisbu benefiċċji ekonomiċi pożittivi, soċjali u fil-qasam tal-impjieg, u li jingħata kontribut għad-disponibbiltà tal-provvisti tal-ikel. Issa, kif issostni l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-Istati Membri jistgħu jikkontrollaw b’mod korrett l-użu tal-kwoti tas-sajd u jikkontribwixxu għat-twettiq tal-għanijiet tal-PKS stabbiliti fl-imsemmija dispożizzjoni biss jekk huma jistgħu jiżguraw ruħhom li għandhom informazzjoni u data preċiża u kompleta dwar l-opportunitajiet ta’ sajd kif ukoll, kif jirriżulta mill-premessa 29 tar-Regolament Nru 1224/2009, dwar il-piż eżatt tal-qbid tal-prodotti tas-sajd. Minn din il-perspettiva, ikun kuntrarju għall-għan ta’ konservazzjoni tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin tal-PKS li l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ma jkollhiex is-setgħa li titlob li kwalunkwe kwantità ta’ prodotti tas-sajd li l-ewwel tiġi żbarkata f’dan l-Istat Membru tintiżen fil-preżenza ta’ uffiċjali ta’ din l-awtorità qabel ma tiġi trasportata x’imkien ieħor mill-post tal-iżbark, konformement mal-Artikolu 60(6) tar-Regolament Nru 1224/2009.

28

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 61(1) tar-Regolament Nru 1224/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta Stat Membru jkun ippreveda deroga mill-Artikolu 60(2) ta’ dan ir-regolament billi jadotta pjan ta’ teħid ta’ kampjuni approvat mill-Kummissjoni, l-awtorità kompetenti ta’ dan l-Istat Membru tista’ madankollu titlob, abbażi tal-Artikolu 60(6) tal-imsemmi regolament, li kwalunkwe kwantità ta’ prodotti tas-sajd li l-ewwel tiġi żbarkata fl-imsemmi Istat Membru tintiżen fil-post tal-iżbark tagħha qabel ma din tiġi trasportata x’imkien ieħor.

Fuq l-ispejjeż

29

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 61(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal‑20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006, kif emendat bir-Regolament (UE) 2015/812 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2015,

 

għandu jiġu interpretat fis-sens li:

 

meta Stat Membru jkun ippreveda deroga mill-Artikolu 60(2) ta’ dan ir-regolament billi jadotta pjan ta’ teħid ta’ kampjuni approvat mill-Kummissjoni Ewropea, l-awtorità kompetenti ta’ dan l-Istat Membru tista’ madankollu titlob, abbażi tal-Artikolu 60(6) tal-imsemmi regolament, li kwalunkwe kwantità ta’ prodotti tas-sajd li l-ewwel tiġi żbarkata fl-imsemmi Istat Membru tintiżen fil-post tal-iżbark tagħha qabel ma din tiġi trasportata xi mkien ieħor.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż