|
9.3.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 79/36 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/393
tat-3 ta’ Marzu 2022
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-65 sessjoni tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi fir-rigward taż-żieda ta’ tliet sustanzi mal-lista tas-sustanzi fit-Tabella I tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Traffiku Illeċitu ta’ Drogi Narkotiċi u Sustanzi Psikotropiċi
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Traffikar Illeċitu ta’ Drogi Narkotiċi u Sustanzi Psikotropiċi tal-1988 (il-“Konvenzjoni”) ġiet konkluża mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/611/KEE (1) u daħlet fis-seħħ fil-11 ta’ Novembru 1990. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 12(2) sa (7) tal-Konvenzjoni, jistgħu jiżdiedu sustanzi fit-Tabelli tal-Konvenzjoni li jelenkaw il-prekursuri tad-droga. |
|
(3) |
Waqt il-65 sessjoni, li ser issir fi Vjenna mill-14 sat-18 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi għandha tadotta deċiżjoni dwar iż-żieda ta’ tliet sustanzi mat-Tabella tal-Konvenzjoni. |
|
(4) |
Skont il-valutazzjoni tal-Bord Internazzjonali għall-Kontroll tan-Narkotiċi, tliet sustanzi, jiġiferi 4-AP, 1-boc-4-AP u norfentanil huma ta’ spiss użati fil-manifattura ille`ita tal-fentanil u huma adattati ferm għall-manifattura illeċita tal-fentanil u ta’ għadd ta’ analogi tal-fentanil, li huma oppjojdi sintetiċi qawwija ħafna. Hemm evidenza li l-volum u l-firxa tal-manifattura illeċita tal-fentanil u tal-analogi tal-fentanil joħolqu problemi serji ta’ saħħa pubblika u soċjali. Għaldaqstant huwa ġustifikat it-tqegħid tas-sustanzi 4-AP, 1-boc-4-AP u norfentanil taħt kontroll internazzjonali. |
|
(5) |
Fit-2 ta’ Frar 2022 il-Bord Internazzjonali għall-Kontroll tan-Narkotiċi irrakkomanda li l-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi żżid is-sustanzi 4-AP, 1-boc-4-AP u norfentanil mat-Tabella I tal-Konvenzjoni. |
|
(6) |
Il-fentanil u s-sustanzi analogi tal-fentanil manifatturati b’mod illeċitu kkawżaw problemi sinifikanti ta’ saħħa pubblika u soċjali f’ċerti Stati Membri. |
|
(7) |
Id-deċiżjoni dwar iż-żieda ta’ sustanzi mat-Tabella I tal-Konvenzjoni taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. L-Unjoni għandha status ta’ osservatur fi ħdan il-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi, u minnha 12-il Stat Membru tal-Unjoni huma membri tagħha bi dritt għall-vot. |
|
(8) |
Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi, billi d-deċiżjoni ta’ dik il-Kummissjoni ser tkun vinkolanti għall-Unjoni u tista’ tinfluwenza b’mod deċiżiv il-kontenut tal-li[i tal-Unjoni, jiġifieri r-Regolament (KE) Nru 273/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 111/2005 (3). |
|
(9) |
Il-pożizzjoni tal-Unjoni jenħtieġ li tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi, li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni. |
|
(10) |
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi jenħtieġ li tkun li jiżdiedu s-sustanzi 4-AP, 1-boc-4-AP u norfentanil mat-Tabella I tal-Konvenzjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-65 sessjoni tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi li ser issir mill-14 sat-18 ta’ Marzu 2022 għandha tkun li jiżdiedu s-sustanzi li ġejjin mat-Tabella I tal-Konvenzjoni:
|
(a) |
4-AP; |
|
(b) |
1-boc-4-AP; u |
|
(c) |
norfentanil. |
Artikolu 2
Il-pożizzjoni stabbilita fl-Artikolu 1 għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi, li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Marzu 2022.
Għall-Kunsill
Il-President
G. DARMANIN
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/611/KEE tat-22 ta’ Ottubru 1990 fir-rigward tal-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra t-Traffiku Illeċitu ta’ Drogi Narkotiċi u Sustanzi Psikotropiċi (ĠU L 326, 24.11.1990, p. 56).
(2) Ir-Regolament (KE) Nru 273/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 dwar prekursuri tad-droga (ĠU L 47, 18.2.2004, p. 1)–.
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 111/2005 tat- 22 ta’ Diċembru 2004 li jistabbilixxi regoli għall-monitoraġġ ta’ kummerċ fil-prekursuri ta’ drogi bejn il-Komunità u pajjiżi terzi (ĠU L 22, 26.1.2005, p. 1).