|
7.2.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 35/37 |
It-testi oriġinali NU/KEE biss għandhom effett legali skont id-dritt pubbliku internazzjonali. L-istatus u d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu ċċekkjati fl-aħħar verżjoni tad-dokument tal-istatus NU/KEE TRANS/WP.29/343, disponibbli fuq: http://www.unece.org/trans/main/wp29/wp29wgs/wp29gen/wp29fdocstts.html
Ir-Regolament tan-NU Nru 126 — Dispożizzjonijiet uniformi dwar l-approvazzjoni ta’ sistemi diviżorji għall-protezzjoni tal-passiġġieri kontra bagalji maqlugħa minn posthom, fornuti bħala tagħmir mhux oriġinali tal-vettura [2020/176]
Data tad-dħul fis-seħħ: Id-9 ta’ Novembru 2007
WERREJ
REGOLAMENT
1. Kamp ta’ Applikazzjoni
2. Definizzjonijiet
3. Applikazzjoni għall-approvazzjoni
4. Marki
5. Approvazzjoni
6. Rekwiżiti
7. Konformità tal-produzzjoni
8. Penali għal nuqqas ta’ konformità tal-produzzjoni
9. Modifiki tat-tip ta’ sistema diviżorja
10. Produzzjoni mwaqqfa għalkollox
11. Struzzjonijiet għall-użu
12. Ismijiet u indirizzi tas-Servizzi Tekniċi responsabbli mit-twettiq tat-testijiet tal-approvazzjoni u tal-Awtoritajiet tal-Approvazzjoni tat-Tip
ANNESSI
1 Komunikazzjoni
2 Arranġamenti tal-marki tal-approvazzjoni
3 Il-proċedura tat-test għal tagħmir maħsub li jipproteġi lill-okkupanti mill-ispostament tal-bagaljiAppendiċi 1 - Il-kuritur tad-deċellerazzjoni tal-islitta bħala funzjoni ta’ ħin
Appendiċi 2 - Il-pożizzjoni tal-blokok tat-test tat-tip 1 u tat-tip 2 b’relazzjoni mal-qafas tat-test
Appendiċi 3 - Il-pożizzjoni tal-pjan tad-deflessjoni massima tas-sistema diviżorja
4 Eżempju ta’ apparat għall-ittestjar tas-saħħa ta’ sistemi diviżorji
1. KAMP TA’ APPLIKAZZJONI
Dan ir-Regolament japplika għal tagħmir maħsub biex jipproteġi lill-okkupanti mill-periklu li jirriżulta mill-ispostament tal-bagalji lejn iż-żoni tal-vettura fejn ikunu bilqiegħda l-passiġġieri, f’vetturi tal-kategorija M1 (1), waqt impatt minn quddiem, fornut bħala tagħmir mhux oriġinali tal-vettura.
2. DEFINIZZJONIJIET
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:
2.1. “Sistema diviżorja” tfisser partijiet jew tagħmir li, flimkien mad-dahar tas-sits, huma maħsuba biex jipproteġu lill-okkupanti minn bagalji spostati.
2.2. “Tagħmir mhux oriġinali tal-vettura” tfisser sistema diviżorja li mhix offruta mill-manifattur tal-vettura bħala tagħmir standard jew fakultattiv għall-applikazzjoni(jiet) preskritta/preskritti tal-vettura/i mill-manifattur tas-sistema diviżorja.
2.3. “Approvazzjoni ta’ sistema diviżorja” tfisser l-approvazzjoni ta’ tip ta’ sistema diviżorja fir-rigward tas-saħħa, id-disinn u l-karatteristiċi tas-sistemi diviżorji.
2.4. “Tip ta’ sistema diviżorja” tfisser kategorija ta’ sistema diviżorja li ma fihiex differenzi fi kwalitajiet essenzjali bħal:
2.4.1. l-istruttura, il-forma, il-qisien, il-materjali u l-massa tas-sistema diviżorja, għalkemm is-sistema tista’ tvarja fil-kisi u fil-kulur;
2.4.2. it-tip u l-qisien tas-sistemi tal-aġġustament, tal-illokkjar u tat-tqabbid tas-sistema diviżorja;
2.4.3. l-applikazzjoni(jiet) speċifika/speċifiċi tal-vettura/i preskritta/preskritti mill-applikant għall-approvazzjoni.
2.5. “Sit” ara l-paragrafi 2.3 u 2.4 tar-Regolament Nru 17.
2.6. “Ankraġġ” tfisser is-sistema li biha s-sistema diviżorja tkun imwaħħla mal-istruttura tal-vettura, inklużi l-partijiet affettwati tal-istruttura tal-vettura.
2.7. “Sistema tal-aġġustament” tfisser l-apparat li permezz tiegħu s-sistema diviżorja jew il-partijiet tagħha jistgħu jiġu aġġustati għal pożizzjoni adattata għall-installazzjoni kif rakkomandat mill-applikant għall-approvazzjoni fil-vettura/i preskritta/preskritti u l-pożizzjoni(jiet) fl-istess vettura/i.
2.8. “Sistema tal-illokkjar” tfisser mezz li jiżgura li s-sistema diviżorja u l-partijiet tagħha jkunu miżmuma fil-pożizzjoni tal-użu.
2.9. “Strutturi intermedji” tfisser komponenti tal-vettura li magħhom is-sistema diviżorja titqabbad mal-vettura/i preskritta/preskritti, u li ma jikkostitwixxux l-ankraġġi.
3. APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI
3.1. L-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ tip ta’ sistema diviżorja għandha titressaq mid-detentur tal-marka kummerċjali jew mir-rappreżentant tiegħu akkreditat b’mod xieraq.
3.2. Din għandha tkun akkumpanjata minn:
3.2.1. Deskrizzjoni teknika tas-sistema diviżorja li tispeċifika d-drappijiet u l-partijiet riġidi użati, li magħha għandu jkun hemm ukoll disinji tal-partijiet li jiffurmaw is-sistema diviżorja. Id-disinji jridu juru l-pożizzjoni maħsuba għan-numru tal-approvazzjoni u għas-simbolu/i addizzjonali fir-rigward taċ-ċirku tal-marka tal-approvazzjoni.
Id-deskrizzjoni għandha tispeċifika t-tip(i) ta’ vettura li għalihom għandha applikazzjonijiet is-sistema diviżorja u l-pożizzjoni(jiet) ta’ tqabbid fil-vettura/i.
3.2.2. Illustrazzjoni tal-installazzjoni(jiet) maħsuba tas-sistema diviżorja fit-tip(i) ta’ vettura u l-pożizzjoni(jiet) tal-installazzjoni tas-sistema diviżorja inklużi qisien suffiċjenti biex jiġi faċilitat il-pożizzjonament tal-blokok tat-test, il-punti tal-ankraġġ mal-istruttura tal-vettura, l-istrutturi intermedji, is-sits u t-trim panels skont kif jista’ jkun meħtieġ fil-paragrafu 2 tal-Anness 3.
3.2.3. Tliet kampjuni tat-tip tas-sistema diviżorja, li waħda minnhom tkun għal għanijiet ta’ referenza.
3.2.4. Kampjuni ta’ materjali użati fi kwantitajiet meħtieġa mis-Servizz Tekniku li jwettaq it-testijiet tal-approvazzjoni.
3.2.5. Kampjuni ta’ sits, strutturi intermedji u trim panels meħtieġa għat-testijiet preskritti fil-paragrafi 2.4 u 2.6 tal-Anness 3.
3.2.6. Is-Servizz Tekniku li jwettaq it-testijiet tal-approvazzjoni tat-tip għandu jkollu d-dritt li jitlob aktar kampjuni.
4. MARKI
Il-kampjuni ta’ tip ta’ sistema diviżorja mressqa għall-approvazzjoni f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3 ta’ hawn fuq għandhom jiġu mmarkati bl-isem, bl-inizjali, bl-isem kummerċjali jew bil-marka kummerċjali tal-manifattur b’mod ċar u li ma jitħassarx.
5. APPROVAZZJONI
5.1. Jekk il-kampjuni ta’ tip ta’ sistema diviżorja li jiġu sottomessi f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3 jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-paragrafu 6. ta’ hawn taħt, għandha tingħata l-approvazzjoni.
5.2. Għandu jingħata numru tal-approvazzjoni lil kull tip approvat. L-ewwel żewġ ċifri tiegħu (attwalment 00, li jikkorrispondu għar-Regolament fil-forma oriġinali tiegħu) għandhom jindikaw is-serje ta’ emendi li tinkorpora l-emendi tekniċi ewlenin l-iktar riċenti magħmula fir-Regolament fil-ħin tal-ħruġ tal-approvazzjoni. L-istess Parti Kontraenti ma tistax tassenja l-istess numru għal tip ieħor ta’ sistema diviżorja.
5.3. L-avviż tal-approvazzjoni jew tal-estensjoni jew tar-rifjut tal-approvazzjoni ta’ tip ta’ sistema diviżorja, skont dan ir-Regolament, għandu jiġi kkomunikat lill-Partijiet għall-Ftehim tal-1958 li japplikaw dan ir-Regolament permezz ta’ formola li tikkonforma mal-mudell fl-Anness 1 tar-Regolament.
5.4. Għandha titwaħħal, b’mod ċar u f’post faċilment aċċessibbli speċifikat fuq il-formola tal-approvazzjoni, fuq kull sistema diviżorja li tikkonforma ma’ tip approvat skont dan ir-Regolament, marka tal-approvazzjoni internazzjonali li tikkonsisti fi:
5.4.1. ċirku madwar l-ittra “E” bin-numru distintiv tal-pajjiż minn fejn ġiet mogħtija l-approvazzjoni warajh (2);
5.4.2. in-numru ta’ approvazzjoni, fuq il-lemin taċ-ċirku preskritt fil-paragrafu 5.4.1.
5.5. Il-marka tal-approvazzjoni trid tkun tista' tinqara b'mod ċar u ma tkunx tista’ titħassar.
5.6. Il-marka tal-approvazzjoni għandha titwaħħal fuq is-sistema diviżorja mill-manifattur.
5.7. L-Anness 2 ta' dan ir-Regolament jipprovdi eżempji tal-arranġamenti tal-marki tal-approvazzjoni.
6. REKWIŻITI
6.1. Testijiet
Is-sistemi diviżorji għandhom jiġu ttestjati skont il-proċeduri ta’ ttestjar deskritti fl-Anness 3.
Is-sistemi diviżorji li skont il-paragrafu 3.2.1 jistgħu jintużaw f’aktar minn vettura waħda jew li jistgħu jintużaw f’aktar minn pożizzjoni preskritta waħda f’vettura speċifika jeħtieġ li jikkonformaw mat-testijiet preskritti fl-Anness 3 fil-vetturi u fil-pożizzjonijiet preskritti kollha.
6.2. Speċifikazzjonijiet
6.2.1. Sistemi diviżorji, meta jiġu ttestjati skont ir-rekwiżiti tal-paragrafu 6.1 jeħtieġ li jifilħu biżżejjed forzi biex juru l-kapaċità tagħhom li jipproteġu lill-okkupanti minn bagalji spostati f’impatti minn quddiem.
Ir-rekwiżit jitqies li ġie ssodisfat jekk l-ispostament lejn quddiem tal-blokka jew blokok tat-test ikun ta’ inqas minn 300 mm lil hinn mill-pjan Y-Y, muri fl-Anness 3, l-Appendiċi 3, li huwa perpendikulari mal-assi lonġitudinali tal-installazzjoni preskritta tal-vettura ffurmata mit-tarf ta’ wara tad-dahar tas-sits immedjatament quddiem is-sistema diviżorja aġġustat skont il-paragrafu 2.7 tal-Anness 3, sakemm il-manifattur ma jurix, għas-sodisfazzjon tas-Servizz Tekniku responsabbli mit-twettiq tat-testijiet tal-approvazzjoni, li l-ispostament lejn quddiem b’aktar minn 300 mm ma jżidx ir-riskju ta’ korriment serju għall-okkupanti waqt impatt minn quddiem.
Is-sistema diviżorja għandha tibqa’ mqabbda mal-punti ta’ tqabbid kollha tagħha. Wara t-test, ma għandu jkun hemm l-ebda trufijiet jaqtgħu ta’ partijiet riġidi tas-sistema diviżorja li jista’ jsir kuntatt magħhom u li jistgħu jwasslu għal korriment tal-okkupanti tal-vettura.
6.2.2. Is-sistema diviżorja assemblata m’għandha tinkludi l-ebda partijiet raffi u perikolużi jew trufijiet li jaqtgħu li probabbli jżidu r-riskju ta’ korriment serju tal-okkupanti. Komponenti riġidi tas-sistema diviżorja jew ta’ strutturi intermedji li jistgħu jmissu magħhom l-okkupanti waqt impatt b’materjal b’ebusija ta’ aktar minn 50 Shore A għandu jkollhom superfiċji li jispiċċaw f’xifer ittundjat, b’raġġ tal-kurvatura ta’ mhux inqas minn 3,2 mm.
7. KONFORMITÀ TAL-PRODUZZJONI
Il-proċeduri tal-konformità tal-produzzjoni għandhom ikunu konformi ma’ dawk stabbiliti fil-Ftehim, Appendiċi 2 (E/ECE/324-E/ECE/TRANS/505/Rev.2), skont dawn ir-rekwiżiti:
7.1. Kull sistema diviżorja approvata skont dan ir-Regolament għandha tkun manifatturata b’tali mod li tkun konformi mat-tip approvat billi tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 6 ta’ hawn fuq.
7.2. L-Awtorità Kompetenti li tkun ħarġet l-approvazzjoni tat-tip tista’ fi kwalunkwe ħin tivverifika l-metodi ta’ kontroll tal-konformità applikati għal kull unità ta’ produzzjoni. Il-frekwenza normali ta’ dawn il-verifiki għandha tkun darba fis-sena. L-awtorità tista’ wkoll twettaq verifiki każwali fuq sistemi diviżorji manifatturati f’serje fir-rigward tar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 6 t’hawn fuq.
8. PENALI GĦAL NUQQAS TA’ KONFORMITÀ TAL-PRODUZZJONI
8.1. L-approvazzjoni mogħtija fir-rigward ta’ tip ta’ sistema diviżorja skont dan ir-Regolament tista’ tiġi rtirata jekk ma jkunx hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 6 t’hawn fuq jew jekk is-sistema diviżorja ma tgħaddix mit-testijiet preskritti fil-paragrafu 6 t’hawn fuq.
8.2. Jekk Parti Kontraenti għall-Ftehim li tapplika dan ir-Regolament tirtira approvazzjoni li tkun tat preċedentement, għandha tinnotifika dan minnufih lill-Partijiet Kontraenti l-oħra li japplikaw dan ir-Regolament permezz ta’ formola ta’ komunikazzjoni li tikkonforma mal-mudell fl-Anness 1 ta’ dan ir-Regolament.
9. MODIFIKI TAT-TIP TA’ SISTEMA DIVIŻORJA
9.1. Kull modifika tat-tip tas-sistema diviżorja jew tal-vettura/i u l-pożizzjoni(jiet) tal-installazzjoni li tapplika għalihom għandha tiġi notifikata lill-Awtorità tal-Approvazzjoni tat-Tip li tkun approvat it-tip tas-sistema diviżorja. L-awtorità tista’ mbagħad jew:
9.1.1. iqis li l-modifiki magħmula x’aktarx ma jkollhomx effett apprezzabbli mhux mixtieq, u li fi kwalunkwe każ is-sistema diviżorja għadha konformi mar-rekwiżiti; jew
9.1.2. iqis li l-modifiki tant mhumiex importanti li r-riżultati speċifikati fil-paragrafu 6 t’hawn fuq jistgħu jiġu verifikati permezz ta’ informazzjoni teknika pprovduta mill-manifattur; jew
9.1.3. jesiġi rapport ieħor mis-Servizz Tekniku responsabbli mit-twettiq tat-testijiet.
9.2. Il-konferma jew iċ-ċaħda tal-approvazzjoni, bi speċifikazzjoni tal-modifiki, għandha tkun kkomunikata lill-Partijiet tal-Ftehim li japplikaw dan ir-Regolament permezz tal-proċedura stabbilita fil-paragrafu 5.3 t’hawn fuq.
9.3. L-Awtorità Kompetenti li toħroġ l-estensjoni tal-approvazzjoni għandha tassenja numru tas-serje għal estensjoni ta’ din ix-xorta u għandha tinforma b’dan lill-Partijiet l-oħra għall-Ftehim tal-1958 li japplikaw dan ir-Regolament permezz ta’ formola ta’ komunikazzjoni li tikkonforma mal-mudell fl-Anness 1 ta’ dan ir-Regolament.
10. PRODUZZJONI MWAQQFA GĦALKOLLOX
Jekk id-detentur tal-approvazzjoni jieqaf għal kollox milli jimmanifattura apparat approvat skont dan ir-Regolament, għandu jinforma lill-awtorità li tat l-approvazzjoni. Malli tirċievi l-komunikazzjoni rilevanti dik l-awtorità għandha tinforma b'dan lill-Partijiet l-oħra għall-Ftehim tal-1958, li japplikaw dan ir-Regolament, permezz ta' formola ta' komunikazzjoni konformi mal-mudell fl-Anness 1 ta' dan ir-Regolament.
11. STRUZZJONIJIET GĦALL-UŻU
Kull sistema diviżorja għandha tkun akkumpanjata minn struzzjonijiet tat-tip jew kontenut li ġej fl-ilsien jew fl-ilsna tal-pajjiż fejn tkun se titqiegħed għall-bejgħ.
11.1. L-istruzzjonijiet għall-installazzjoni li jispeċifikaw għal liema tip(i) ta’ vettura huwa xieraq l-assemblaġġ u l-metodu/i korrett(i) għat-tqabbid tal-assemblaġġ mal-vetturi.
11.2. Struzzjonijiet għall-utent li jispeċifikaw l-istruzzjonijiet biex ikun żgurat li l-utent jikseb il-benefiċċju massimu mis-sistema diviżorja. F’dawn l-istruzzjonijiet għandha ssir referenza għal:
|
(a) |
l-importanza tal-fatt li s-sistema diviżorja tintuża waqt il-vjaġġi kollha fejn jiġu ttrasportati l-bagalji, |
|
(b) |
l-aġġustament u l-ippożizzjonar korretti tas-sistema diviżorja, |
|
(c) |
metodu ta’ tħaddim ta’ kull sistema tal-aġġustament u/jew ta’ llokkjar inkorporata fis-sistema diviżorja, |
|
(d) |
it-tqegħid rakkomandat tal-bagalji u t-trażżin tagħhom fil-kompartiment tal-bagalji tat-tip(i) ta’ vettura li għalihom hija maħsuba s-sistema diviżorja, |
|
(e) |
il-bżonn li jinbidlu sistemi diviżorji li ssirilhom ħsara. |
12. ISMIJIET U INDIRIZZI TAS-SERVIZZI TEKNIĊI RESPONSABBLI MIT-TWETTIQ TAT-TESTIJIET TAL-APPROVAZZJONI U TAL-AWTORITAJIET TAL-APPROVAZZJONI TAT-TIP
Il-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim li japplikaw dan ir-Regolament għandhom jikkomunikaw lis-Segretarjat tan-Nazzjonijiet Uniti l-ismijiet u l-indirizzi tas-Servizzi Tekniċi responsabbli mit-twettiq tat-testijiet tal-approvazzjoni u tal-Awtoritajiet tal-Approvazzjoni tat-Tip li jagħtu l-approvazzjoni, u lil min għandhom jintbagħtu l-formoli li jiċċertifikaw l-approvazzjoni jew ir-rifjut jew l-estensjoni jew l-irtirar tal-approvazzjoni, maħruġa f'pajjiżi oħra.
(1) Kif definit fir-Riżoluzzjoni Konsolidata dwar il-Kostruzzjoni tal-Vetturi (R.E.3.), id-dokument ECE/TRANS/WP.29/78/Rev.6, para. 2.
(2) In-numri distintivi tal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim tal-1958 jidhru għal darb’oħra fl-Anness 3 tar-Riżoluzzjoni Konsolidata dwar il-Kostruzzjoni tal-Vetturi (R.E.3), id-dokument ECE/TRANS/WP.29/78/Rev. 6 - http://www.unece.org/trans/main/wp29/wp29wgs/wp29gen/wp29resolutions.html
ANNESS 1
KOMUNIKAZZJONI
(format massimu: A4 (210 × 297 mm)
|
|
Maħruġa minn: |
Isem l-amministrazzjoni: |
|
|
… |
|
|
|
… |
|
li tikkonċerna (2): |
Approvazzjoni mogħtija |
|
|
Approvazzjoni estiża |
|
|
Approvazzjoni miċħuda |
|
|
Approvazzjoni rtirata |
|
|
Produzzjoni mwaqqfa għalkollox |
ta’ tip ta’ sistema diviżorja skont ir-Regolament Nru. 126
|
Nru tal-Approvazzjoni: … |
Nru tal-Estensjoni: … |
1.
L-isem kummerċjali jew il-marka kummerċjali tas-sistema diviżorja: …
2.
Speċifiku għat-tip(i) ta’ vettura: …
3.
L-isem u l-indirizz tal-manifattur: …
4.
Jekk applikabbli, l-isem u l-indirizz tar-rappreżentant tal-manifattur: …
5.
Deskrizzjoni tas-sistema diviżorja: …
6.
Deskrizzjoni tas-sistema tal-aġġustament u tal-illokkjar tas-sistema diviżorja u tal-partijiet tagħha: …
7.
Deskrizzjoni tal-pożizzjoni(jiet) fit-tip(i) ta’ vettura tas-sistema diviżorja: …
8.
Deskrizzjoni tal-ankraġġi u tal-materjali tal-ankraġġi fornuti mas-sistema diviżorja: …
9.
Sistema diviżorja mressqa għall-approvazzjoni fi: …
10.
Is-Servizz Tekniku responsabbli mit-twettiq tat-testijiet tal-approvazzjoni: …
11.
Id-data tar-rapport maħruġ minn dak is-servizz: …
12.
Nru tar-rapport maħruġ minn dak is-servizz: …
13.
Rimarki: …
14.
L-approvazzjoni hija mogħtija/irrifjutata/estiża/irtirata (2)
15.
Ir-raġuni(jiet) għall-estensjoni (jekk applikabbli): …
16.
Il-pożizzjoni tal-marka tal-approvazzjoni fuq is-sistema diviżorja: …
17.
Post: …
18.
Data: …
19.
Firma: …
20.
Id-dokumenti li ġejjin, li jkollhom fuqhom in-numru tal-approvazzjoni li jidher hawn fuq, huma annessi ma’ din il-komunikazzjoni:|
(a) |
illustrazzjonijiet, dijagrammi u pjanijiet tas-sistema diviżorja, l-ankraġġi tagħha fuq il-vettura, is-sistemi tal-aġġustament tas-sistema diviżorja u l-partijiet tagħha, u t-tagħmir tal-illokkjar tagħha; |
|
(b) |
ritratti tas-sistema diviżorja, l-ankraġġi tagħha, is-sistemi tal-aġġustament u l-partijiet tagħha, u t-tagħmir tal-illokkjar tagħha. |
(1) In-numru distintiv tal-pajjiż li ta, estenda, ċaħad jew irtira l-approvazzjoni (ara d-dispożizzjonijiet tal-approvazzjoni fir-Regolament).
(2) Ingassa dak li ma japplikax.
ANNESS 2
ARRANĠAMENTI TAL-MARKI TAL-APPROVAZZJONI
(ara l-paragrafu 5.4 ta’ dan ir-Regolament)
a = 8 mm min.
Il-marka tal-approvazzjoni ta’ hawn fuq, meta titwaħħal ma’ sistema diviżorja, turi li t-tip ta’ sistema diviżorja kkonċernata, fir-rigward tas-saħħa, ġiet approvata fin-Netherlands (E4) skont ir-Regolament Nru 126, bin-numru tal-approvazzjoni 002439. L-ewwel żewġ ċifri tan-numru tal-approvazzjoni jindikaw li r-Regolament mhuwiex emendat.
Nota:
In-numru tal-approvazzjoni u s-simbolu(i) addizzjonali jridu jitqiegħdu qrib iċ-ċirku u jew ’il fuq jew ’l isfel mill-“E” jew fuq ix-xellug jew fuq il-lemin ta’ dik l-ittra. Iċ-ċifri tan-numru tal-approvazzjoni jridu jkunu fuq l-istess naħa tal-“E” u għandhom ikunu orjentati fl-istess direzzjoni. L-użu ta’ numri rumani bħala numri tal-approvazzjoni għandu jiġi evitat, sabiex ma jkunx hemm konfużjoni ma’ simboli oħra.
ANNESS 3
IL-PROĊEDURA TAT-TEST GĦAL TAGĦMIR MAĦSUB LI JIPPROTEĠI LILL-OKKUPANTI MILL-ISPOSTAMENT TAL-BAGALJI
1. IL-BLOKOK TAT-TEST
Blokok riġidi, biċ-ċentru tal-inerzja fiċ-ċentru ġeometriku.
Tip 1
|
Dimensjonijiet |
: |
300 mm × 300 mm × 300 mm |
It-truf u l-kantunieri kollha mdawra għal 20 mm
|
Massa |
: |
18 kg |
Tip 2
|
Dimensjonijiet |
: |
500 mm × 350 mm × 125 mm |
It-truf u l-kantunieri kollha mdawra għal 20 mm
|
Massa |
: |
10 kg |
2. PREPARAZZJONI TAT-TEST
2.1. Is-sistema diviżorja għandha titqabbad ma’ qafas riġidu permezz tal-partijiet u l-aċċessorji għat-twaħħil ipprovduti mill-manifattur. Il-qafas riġidu għandu jinkorpora pjan riġidu orizzontali “E” (ara l-Anness 4) li jirreplika l-livell ġenerali tal-art taż-żona tal-bagalji tal-vettura. Il-punti ta’ tqabbid A, B, C u D għandhom jirreplikaw il-ġeometrija tal-punti tal-ankraġġ maħsuba tal-vettura kif speċifikat fil-paragrafu 3.2.2 fl-applikazzjoni għall-approvazzjoni, imkejla mill-pjan datum “E”.
Jekk ikun hemm postijiet differenti ta’ installazzjoni rakkomandati mill-applikant għal approvazzjoni, il-pożizzjoni tal-agħar każ għandha tintgħażel bi qbil mas-Servizz Tekniku.
Iċ-ċineg għat-twaħħil, l-istrutturi intermedji u l-partijiet u l-aċċessorji kollha, eċċ. għandhom jiġu armati skont l-istruzzjonijiet tal-applikant għall-approvazzjoni.
2.2. L-art effettiva tal-konfigurazzjoni tat-test deskritta fil-paragrafu 2.1 għandha tirriproduċi l-livell fir-rigward tal-punti tal-ankraġġ A, B, C u D sabiex tikkorrispondi mar-relazzjoni tal-punti proprja tal-ankraġġ tal-vettura u l-art ta’ tagħbija effettiva tal-installazzjoni proposta speċifikata fil-paragrafu 3.2.2 ta’ dan ir-Regolament.
2.3. Żewġ blokok tat-test tat-tip 1 għandhom jitqiegħdu fuq is-superfiċje “E” tal-qafas riġidu.
2.3.1. Sabiex tiġi ddeterminata l-pożizzjoni tal-blokok tat-test fid-direzzjoni lonġitudinali, l-ewwel dawn għandhom jiġu ppożizzjonati b’tali mod li n-naħa ta’ quddiem tagħhom tmiss mas-sistema diviżorja u l-wiċċ t’isfel tagħhom jistrieħ fuq il-pjan orizzontali “E” tal-qafas riġidu. Imbagħad għandhom jiġu mċaqalqa lura b’mod li jkunu paralleli mal-pjan medjan lonġitudinali tal-qafas riġidu f’distanza orizzontali ta’ 200 mm. F’din il-pożizzjoni dawn għandhom jiġu maqfula biex jiġi evitat kwalunkwe moviment lura. Jekk fl-installazzjoni preskritta tal-vettura deskritta fil-paragrafu 3.2.2 ta’ dan ir-Regolament ma jkunx possibbli li ż-żewġ blokok tat-tip 1 jiġu mċaqalqa għad-distanza ta’ 200 mm, dawn għandhom jitressqu sal-limitu tal-moviment tagħhom fl-installazzjoni preskritta tal-vettura. Id-distanza bejn il-pjan medju lonġitudinali tal-qafas riġidu u n-naħa li tħares ’il ġewwa ta’ kull blokka tat-test għandha tkun ta’ 25 mm biex tinkiseb distanza ta’ 50 mm bejn iż-żewġ blokok tat-test. Ara l-Appendiċi 2 ta’ dan l-Anness.
2.3.2. Installazzjonijiet proposti tal-vetturi kif deskritt fil-paragrafu 3.2.2 ta’ dan ir-Regolament li warajhom ma jistgħux jiġu installati l-blokok tat-test tat-tip 1 għandhom jiġu ttestjati mingħajrhom.
2.3.3. Il-qafas riġidu għandu jkun mgħammar b’art fissa tat-test mgħollija b’superfiċje ta’ tagħbija li tillokalizza ċ-ċentru tal-gravità ta’ blokka tat-test tat-tip 2 ċentralment bejn it-tarf ta’ fuq tad-dahar tas-sit li jinsab direttament quddiem is-sistema diviżorja, (mingħajr ma jitqies it-trażżin tar-ras) u t-tarf t’isfel tal-kisi tas-saqaf, direttament fuq dan il-punt (X-X fl-Anness 3, Appendiċi 2) kif definit fil-paragrafu 3.2.2 ta’ dan ir-Regolament. Blokka tat-test tat-tip 2 għandha titqiegħed fuq l-art tat-test mgħollija bl-akbar superfiċje tagħha (500 mm × 350 mm) fuq is-superfiċje tat-tagħbija b’mod ċentrali f’relazzjoni mal-assi lonġitudinali tal-qafas riġidu u bis-superfiċje tagħha ta’ 500 mm × 125 mm lejn quddiem u f’kuntatt dirett mas-sistema diviżorja. Installazzjonijiet ta’ sistemi diviżorji li warajhom ma tistax tiġi installata l-blokka tat-test tat-tip 2 għandhom jiġu ttestjati mingħajrha. Ara l-Appendiċi 2 ta’ dan l-Anness.
2.4. Jekk il-punti tat-tqabbid tas-sistema diviżorja jkunu mqabbdin ma’ struttura intermedja fil-pożizzjoni ta’ installazzjoni maħsuba (bħal dahar is-sit, side trim, eċċ.), dawn il-komponenti interċedenti għandhom jiġu mwaħħla mal-qafas riġidu permezz tal-partijiet għat-tqabbid speċifikati mill-manifattur.
2.5. Jekk is-sistema diviżorja, fl-istallazzjoni preskritta tagħha fi ħdan il-qafas riġidu tat-test, ma jkollhiex struttura li testendi sa 400 mm tal-pjan riġidu orizzontali “E” (l-Anness 4), it-test jista’ jsir mingħajr il-blokok tat-test tat-tip 1.
2.6. Jekk il-komponenti tal-vettura bħal partijiet tal-metall tal-karrozzerija, is-sits, trim panels, eċċ., mistennija jaffettwaw l-ispostament ’il quddiem tas-sistema diviżorja, dawn il-komponenti jistgħu jitwaħħlu mal-qafas riġidu preskritt fil-paragrafu 2.1, iżda għandhom jitwaħħlu mal-qafas riġidu fil-pożizzjoni li tirrappreżenta l-aktar mill-qrib il-pożizzjoni tal-installazzjoni tagħhom fil-vettura f’relazzjoni mas-sistema diviżorja kif preskritt fil-paragrafu 3.2.2 ta’ dan ir-Regolament fuq talba tal-manifattur. Bl-eċċezzjoni tas-sits tal-okkupanti li jistgħu jiġu aġġustati b’mod lonġitudinali, meta dawn il-pożizzjonijiet ikunu jistgħu jiġu aġġustati fil-vettura (bħad-dahar tas-sits ta’ wara), dawn għandhom ikunu ppożizzjonati b’tali mod li jirrappreżentaw il-pożizzjoni aġġustata tagħhom li tkun toffri l-aktar influwenza baxxa fuq iċ-ċaqliq ’il quddiem tas-sistema diviżorja.
2.7. Meta l-ispostament ’il quddiem tas-sistema diviżorja jkun imrażżan b’assemblaġġ ta’ sits aġġustabbli b’mod lonġitudinali, dawn is-sits, jekk ikunu mwaħħlin mal-qafas riġidu preskritt fil-paragrafu 2.1 għandhom, fuq talba tal-manifattur, jiġu ppożizzjonati fi ħdan 10 mm mill-aktar pożizzjoni baxxa u mill-aktar pożizzjoni lura tagħhom, filwaqt li d-dahar tas-sit, jekk ikun aġġustabbli, għandu jiġi aġġustat biex jinġieb kemm jista’ jkun qrib il-25°. It-trażżin tar-ras, jekk ikun imwaħħal, għandu jiġi aġġustat biex jiġi fl-aktar pożizzjoni baxxa tiegħu.
3. TWETTIQ TAT-TEST
Il-qafas tat-test u l-aċċessorji tiegħu preskritti fil-paragrafi 2.1, 2.2, 2.3.1,2.3.3, 2.4, 2.6 u 2.7 għandhom jitwaħħlu b’mod sikur ma’ slitta tat-test, li għandha tiġi deċellerata minn veloċità inizjali sal-waqfien totali b’tali mod li l-islitta u l-qafas imwaħħal tiegħu jkunu soġġetti għal deċellerazzjoni li taqa’ fil-limiti tal-kuritur speċifikat grafikament fl-Appendiċi 1 tal-Anness 3.
APPENDIĊI 1
IL-KURITUR TAD-DEĊELLERAZZJONI TAL-ISLITTA BĦALA FUNZJONI TA’ ĦIN
(Impatt minn quddiem)
APPENDIĊI 2
IL-POŻIZZJONI TAL-BLOKOK TAT-TEST TAT-TIP 1 U TAT-TIP 2 B’RELAZZJONI MAL-QAFAS TAT-TEST
APPENDIĊI 3
IL-POŻIZZJONI TAL-PJAN TAD-DEFLESSJONI MASSIMA TAS-SISTEMA DIVIŻORJA
ANNESS 4
EŻEMPJU TA’ APPARAT GĦALL-ITTESTJAR TAS-SAĦĦA TA’ SISTEMI DIVIŻORJI