|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/1725 |
13.7.2026 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2026/1725
tal-10 ta’ Lulju 2026
li tawtorizza l-appoġġ mir-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà lir-Repubblika tal-Moldova
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2025/38 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2024 li jistabbilixxi miżuri li jsaħħu s-solidarjetà u l-kapaċitajiet fl-Unjoni tal-identifikazzjoni, tat-tħejjija u tar-rispons għat-theddid u l-inċidenti ċibernetiċi u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/694 (Att dwar iċ-Ċibersolidarjetà) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Fit-23 ta’ Ġunju 2022, il-Kunsill Ewropew ta lir-Repubblika tal-Moldova (il-Moldova) l-istatus ta’ pajjiż kandidat . Dik id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq it-twettiq mill-Moldova tal-kundizzjonijiet speċifikati fl-Opinjoni tal-Kummissjoni ta’ Ġunju 2022 dwar l-applikazzjoni għas-sħubija tal-Moldova. Fl-14 ta’ Diċembru 2023, il-Kunsill Ewropew iddeċieda li jibda n-negozjati tal-adeżjoni mal-Moldova, wara r-rakkomandazzjoni li ħarġet il-Kummissjoni. |
|
(2) |
Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2022, il-Kunsill Ewropew afferma li l-Unjoni se tibqa’ tagħti l-appoġġ rilevanti kollu lill-Moldova hekk kif qed taffaċċja l-impatt multidimensjonali tal-gwerra tal-aggressjoni Russa fl-Ukrajna. |
|
(3) |
L-inċidenti taċ-ċibersigurtà qed ikomplu jħallu impatti fuq l-ekonomiji u s-soċjetajiet tal-Unjoni kif ukoll fuq il-livell dinji. It-theddid ċibernetiku qed jevolvi b’mod partikolarment rapidu f’ċerti pajjiżi kandidati, fejn l-inċidenti ċibernetiċi sinifikanti jew l-inċidenti ċibernetiċi fuq skala kbira li huma possibbli għandhom il-potenzjal li jfixklu u jagħmlu ħsara lill-infrastruttura kritika, jinterferixxu mal-funzjonament tajjeb tal-ekonomija u l-istituzzjonijiet jew joħolqu riskji serji għas-sigurtà u s-sikurezza pubbliċi għall-entitajiet u ċ-ċittadini. Dan hu partikolarment il-każ fil-Moldova fejn ir-Russja twettaq kampanji ibridi u attakki ċibernetiċi biex thedded l-infrastruttura kritika, il-proċessi demokratiċi u l-infrastruttura elettorali. |
|
(4) |
Meta wieħed iqis in-natura imprevedibbli tal-attakki ċibernetiċi, il-fatt li ħafna drabi dawn ma jkunux ristretti għal xi żona ġeografika speċifika, u l li dawn joħolqu riskju kbir ta’ effetti ta’ tixrid, it-tisħiħ tar-reżiljenza tal-pajjiżi ġirien u tal-kapaċità tagħhom li jirrispondu b’mod effettiv għall-inċidenti ċibernetiċi sinifikanti u għall-inċidenti ċibernetiċi sinifikanti fuq skala kbira jgħin għall-protezzjoni tal-Unjoni b’mod ġenerali, b’mod partikolari tas-suq intern u tal-industrija . Għalhekk, ir-Regolament (UE) 2025/38 jipprevedi li l-pajjiżi terzi li huma parti għal ftehim ta’ assoċjazzjoni mal-Unjoni li jippermetti l-parteċipazzjoni tagħhom fil-programm Ewropa Diġitali (id-“DEP”) (“pajjiżi terzi assoċjati mad-DEP”) jistgħu jiġu appoġġati mir-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà (“ir-Riżerva”), fit-territorju kollu tagħhom jew f’parti minnu, meta dan ikun previst fil-ftehim li jassoċja lill-pajjiż terz mad-DEP. |
|
(5) |
F’konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2025/38, il-pajjiżi terzi assoċjati mad-DEP jistgħu jitolbu appoġġ mir-Riżerva meta l-entitajiet immirati u li għalihom jitolbu tali appoġġ ikunu entitajiet li joperaw f’ settur ta’ kritiċità għolja jew f’setturi kritiċi oħrajn, u meta l-inċidenti identifikati jwasslu għal tfixkil operazzjonali sinifikanti jew jista’ jkollhom effetti ta’ tixrid fl-Unjoni. Il-pajjiżi terzi huma eliġibbli biss għal dan l-appoġġ meta dan ikun previst speċifikament fil-ftehim li jassoċja lil dawk il-pajjiżi mad-DEP. Barra minn hekk, dak il-pajjiż terz huwa eliġibbli għall-appoġġ mir-Riżerva biss meta jiġu ssodisfati tliet kriterji stabbiliti fl-Artikolu 19(3), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2025/38. L-ewwel nett, il-pajjiż terz għandu jikkonforma mat-termini tal-ftehim li permezz tiegħu huwa assoċjat mad-DEP, sa fejn dawk it-termini jkunu relatati mal-parteċipazzjoni fir-Riżerva. It-tieni, minħabba n-natura komplementari tar-Riżerva, il-pajjiż terz irid ikun ħa passi xierqa biex iħejji għal inċidenti taċ-ċibersigurtà sinifikanti jew inċidenti taċ-ċibersigurtà fuq skala ekwivalenti għal skala kbira. It-tielet, l-għoti ta’ appoġġ mir-Riżerva irid ikun konsistenti mal-politika tal-Unjoni fir-rigward ta’ dak il-pajjiż u tar-relazzjonijiet ġenerali miegħu, u mal-politiki l-oħra tal-Unjoni fil-qasam tas-sigurtà. |
|
(6) |
L-għoti tal-appoġġ lil pajjiżi terzi assoċjati mad-DEP jista’ jaffettwa r-relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi u l-politika tas-sigurtà tal-Unjoni, inkluż fil-kuntest tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni u tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni. Il-Kunsill jaġixxi abbażi ta’ proposta tal-Kummissjoni, filwaqt li jqis kif xieraq il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tat-tliet kriterji stabbiliti fl-Artikolu 19(3), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2025/38. |
|
(7) |
Il-Moldova ntlaqtet bil-kbir mill-gwerra tal-aggressjoni Russa fl-Ukrajna, u kienet direttament fil-mira ta’ attivitajiet ibridi Russi li jfittxu li jiddestabbilizzaw il-pajjiż u jimminaw il-perkors tiegħu biex jissieħeb fl-Unjoni. F’dan il-kuntest, l-Unjoni tat appoġġ komprensiv lill-Moldova biex tindirizza l-isfidi li qed issib minħabba l-gwerra tal-aggressjoni Russa fl-Ukrajna, u biex issaħħaħ ir-reżiljenza, is-sigurtà u l-istabbiltà tal-pajjiż fid-dawl ta’ attivitajiet destabbilizzanti diretti mir-Russja. |
|
(8) |
Fl-24 ta’ April 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/855 (2), li tistabbilixxi Missjoni ta’ Sħubija ċivili tal-Unjoni Ewropea fil-Moldova skont il-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni biex jipprovdi parir strateġiku u appoġġ operazzjonali fl-oqsma tal-ġestjoni tal-kriżijiet u t-theddid ibridu. Sa mill-2021, l-Unjoni ipprovdiet wkoll appoġġ konsistenti permezz tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi, stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 (3), biex issaħħaħ il-kapaċitajiet tal-Moldova fil-qasam militari u tad-difiża. L-iffirmar tas-Sħubija ta’ Sigurtà u ta’ Difiża bejn l-UE u l-Moldova fil-21 ta’ Mejju 2024 issimplifika l-istruttura tal-kooperazzjoni tal-Unjoni mal-Moldova fl-oqsma ewlenin tal-paċi, is-sigurtà u d-difiża. Barra minn hekk, il-Pjan ta’ Tkabbir għall-Moldova, adottat mill-Kummissjoni fl-10 ta’ Ottubru 2024, hu maħsub biex jappoġġa riformi soċjoekonomiċi fil-Moldova u jsaħħaħ l-aċċess tagħha għas-suq intern, b’riformi speċifiċi mistennija fil-qasam tal-governanza taċ-ċibersigurtà. |
|
(9) |
Peress li l-Moldova ssodisfat it-tliet kriterji stabbiliti fl-Artikolu 19(3), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2025/38, l-għoti ta’ appoġġ lill-Moldova mir-Riżerva ġie awtorizzat bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2025/1458 (4) fl-14 ta’ Lulju 2025. Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-Moldova hija eliġibbli għal appoġġ mir-Riżerva fir-rispons għall-inċidenti taċ-ċibersigurtà. Id-Deċiżjoni tiskadi fl-14 ta’ Lulju 2026 u tista’, f’konformità mal-Artikolu 19(4) tar-Regolament (UE) 2025/38, tiġġedded. |
|
(10) |
Il-Kummissjoni vvalutat jekk il-Moldova għadhiex tissodisfa t-tliet kriterji stabbiliti fl-Artikolu 19(3), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2025/38 u tqis li dawk il-kriterji huma ssodisfati. Fit-twettiq ta’ dik il-valutazzjoni, ikkonsultat ukoll lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà. |
|
(11) |
F’konformità mal-Artikolu 19(6) tar-Regolament (UE) 2025/38, il-valutazzjoni tal-Kunsill hija li l-Moldova tikkonforma mat-termini rilevanti tal-ftehim li jassoċja lil dak il-pajjiż mad-DEP u ħadet passi adegwati biex tħejji għal inċidenti taċ-ċibersigurtà sinifikanti u inċidenti tas-ċibersigurtà fuq skala ekwivalenti għal skala kbira. Barra minn hekk, il-valutazzjoni tal-Kunsill hija li l-għoti ta’ appoġġ mir-Riżerva huwa konsistenti mal-politika tal-Unjoni fil-konfront tal-Moldova u tar-relazzjonijiet ġenerali magħha, u huwa konsistenti ma’ politiki oħra tal-Unjoni fil-qasam tas-sigurtà, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatturi msemmija fil-premessa 8. |
|
(12) |
Peress li l-ftehim li jassoċja lill-Moldova mad-DEP jipprevedi parteċipazzjoni fir-Riżerva u peress li dak il-pajjiż jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 19(3), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2025/38, jenħtieġ li l- awtorizzazzjoni tal-għoti ta’ appoġġ lill-Moldova mir-Riżerva tiġġedded. Għalhekk, jenħtieġ li tiġi adottata Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni ġdida. |
|
(13) |
Sabiex ikun jista’ jingħata appoġġ kontinwu f’konformità mal-kriterji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2025/38, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ b’urġenza fil-15 ta’ Lulju 2026. Sabiex ikun jista’ jingħata appoġġ adegwat u f’waqtu, jenħtieġ li tapplika għal sena, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-forniment ta’ appoġġ lir-Repubblika tal-Moldova mir-Riżerva tal-UE taċ-Ċibersigurtà skont it-tifsira tal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2025/38 huwa b’dan awtorizzat.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-15 ta’ Lulju 2026.
Għandha tpplika għal sena.
Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Lulju 2026.
Għall-Kunsill
Il-President
S. HARRIS
(1) ĠU L, 2025/38, 15.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/38/oj.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/855 tal-24 ta’ April 2023 dwar Missjoni ta’ Sħubija tal-Unjoni Ewropea fil-Moldova (EUPM Moldova) (ĠU L 110, 25.4.2023, p. 30, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/855/oj).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta’ Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/509/oj).
(4) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2025/1458 tal-14 ta’ Lulju 2025 li tawtorizza appoġġ mir-Riżerva taċ-Ċibersigurtà tal-UE għall-Moldova (ĠU L, 2025/1458, 18.7.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/1458/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/1725/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)