|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/2377 |
25.11.2025 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2025/2377
tal-24 ta’ Novembru 2025
dwar miżura ta’ assistenza fil-qafas tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi b’appoġġ għall-Forzi Armati tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 28(1) u l-Artikolu 41(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 (1) tistabbilixxi l-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) għall-finanzjament mill-Istati Membri tal-azzjonijiet tal-Unjoni fil-qafas tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni biex tinżamm il-paċi, jiġu prevenuti l-konflitti u tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali skont l-Artikolu 21(2), il-punt (c), tat-Trattat. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, l-EPF għandha tintuża biex jiġu ffinanzjati miżuri ta’ assistenza bħal azzjonijiet biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ Stati terzi u organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali b’rabta ma’ kwistjonijiet militari u ta’ difiża. |
|
(2) |
Ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo bħalissa qed tiffaċċja attakki intensifikati minn diversi gruppi armati, li rriżultaw f’telf territorjali sussegwenti, prezz uman traġiku u kriżi umanitarja, b’mod partikolari fir-reġjuni tal-Lvant tagħha. |
|
(3) |
Hija prijorità ewlenija għall-Unjoni li jiġu żgurati l-paċi, is-sigurtà, l-istabbiltà u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fit-tul fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u fir-reġjun. |
|
(4) |
Fis-26 ta’ Awwissu 2025, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà rċeviet talba mir-Repubblika Demokratika tal-Kongo biex l-Unjoni tassisti lill-forzi armati nazzjonali tagħha billi jingħataw appoġġ biex isaħħu r-reżiljenza tagħhom. |
|
(5) |
Il-miżuri ta’ assistenza għandhom jiġu implimentati b’kunsiderazzjoni tal-prinċipji u r-rekwiżiti stipulati fid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, b’mod partikolari l-konformità mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (2), u skont ir-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u tan-nefqa ffinanzjati fil-qafas tal-EPF. |
|
(6) |
Il-Kunsill jafferma mill-ġdid id-determinazzjoni tiegħu li jipproteġi, jippromwovi u jara li jiġu rispettati d-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-prinċipji demokratiċi u li jsaħħaħ l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, f’konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u mal-liġi internazzjonali, b’mod partikolari l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Stabbiliment, objettivi, kamp ta’ applikazzjoni u durata
1. Miżura ta’ assistenza li tibbenifika minnha r-Repubblika Demokratika tal-Kongo (“il-benefiċjarju”) li għandha tiġi ffinanzjata fil-qafas tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) (il-“miżura ta’ assistenza”) hija b’dan stabbilita.
2. L-objettivi tal-miżura ta’ assistenza huma dawn li ġejjin li:
|
(a) |
tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u r-Repubblika Demokratika tal-Kongo fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża; |
|
(b) |
jissaħħu l-kapaċitajiet militari u ta’ difiża ġenerali tal-Forzi Armati tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo; |
|
(c) |
il-Forzi Armati tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo jiġu appoġġati fl-isforzi tagħhom biex irażżnu l-espansjoni tat-theddida fit-territorju nazzjonali, u biex jipproteġu s-sovranità tal-pajjiż u l-popolazzjoni ċivili tiegħu. |
3. Sabiex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fil-paragrafu 2, il-miżura ta’ assistenza għandha tiffinanzja t-tipi ta’ tagħmir li ġejjin mhux imfassla biex jikkonsenjaw forza letali:
|
(a) |
tagħmir ta’ appoġġ mediku; |
|
(b) |
tagħmir tar-radju; |
|
(c) |
tagħmir tal-inġinerija; |
|
(d) |
dgħajjes ħfief. |
Il-miżura ta’ assistenza għandha tiffinanzja wkoll provvisti u servizzi relatati, inkluż taħriġ tekniku, fejn meħtieġ.
4. Id-durata tal-miżura ta’ assistenza għandha tkun ta’ 36 xahar mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Arranġamenti finanzjarji
1. L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa marbuta mal-miżura ta’ assistenza għandu jkun ta’ EUR 10 000 000.
2. In-nefqa kollha għandha tiġi ġestita f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 u skont ir-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u tan-nefqa ffinanzjata fil-qafas tal-EPF.
Artikolu 3
Arranġamenti mal-benefiċjarju
1. Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) għandu jagħmel l-arranġamenti neċessarji mal-benefiċjarju biex jiżgura l-konformità tiegħu mar-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-Deċiżjoni bħala kundizzjoni għall-għoti ta’ appoġġ fil-qafas tal-miżura ta’ assistenza.
2. L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-benefiċjarju jiżgura:
|
(a) |
il-konformità tal-unitajiet appoġġati fil-qafas tal-miżura ta’ assistenza mal-liġi internazzjonali rilevanti, b’mod partikolari l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali; |
|
(b) |
l-użu xieraq u effiċjenti ta’ kwalunkwe assi pprovduti fil-qafas tal-miżura ta’ assistenza għall-finijiet li għalihom ġew ipprovduti; |
|
(c) |
il-manutenzjoni suffiċjenti ta’ kwalunkwe assi pprovduti fil-qafas tal-miżura ta’ assistenza biex tiġi żgurata l-utilizzabbiltà tagħhom u d-disponibbiltà operazzjonali tagħhom tul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom; |
|
(d) |
li kwalunkwe assi pprovduti fil-qafas tal-miżura ta’ assistenza ma jintilfux jew ma jiġux trasferiti lil persuni jew entitajiet għajr dawk identifikati f’dawk l-arranġamenti. |
3. L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar is-sospensjoni u t-terminazzjoni tal-appoġġ fil-qafas tal-miżura ta’ assistenza fil-każ li l-benefiċjarju jinstab li jkun kiser l-obbligi stabbiliti fil-paragrafu 2.
Artikolu 4
Implimentazzjoni
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun responsabbli li jiżgura l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, u skont ir-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u tan-nefqa ffinanzjata fil-qafas tal-EPF u skont il-Qafas Metodoloġiku Integrat għall-valutazzjoni u l-identifikazzjoni tal-miżuri u l-kontrolli meħtieġa għall-miżuri ta’ assistenza fil-qafas tal-EPF.
2. L-implimentazzjoni tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(3) ta’ din id-Deċiżjoni għandha titwettaq mill-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza, inkluż permezz ta’ arranġamenti amministrattivi f’konformità mal-Artikolu 37 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.
Artikolu 5
Monitoraġġ, kontroll u evalwazzjoni
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jara li l-benefiċjarju jikkonforma mal-obbligi stipulati fl-Artikolu 3. Dak il-monitoraġġ għandu jintuża biex jiġi provdut għarfien dwar il-kuntest u r-riskji ta’ ksur tal-obbligi stipulati fl-Artikolu 3, u biex jikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ tali ksur, inkluż ksur tal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tal-liġi umanitarja internazzjonali mill-unitajiet tal-Forzi Armati tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo appoġġati fil-qafas tal-miżura ta’ assistenza.
2. Il-kontroll ta’ wara t-trasportazzjoni tat-tagħmir u l-provvisti għandu jiġi organizzat kif ġej:
|
(a) |
verifika tal-konsenja, fejn iċ-ċertifikati tal-konsenja tal-EPF għandhom jiġu ffirmati mill-forzi tal-utent aħħari mat-trasferiment tas-sjieda; |
|
(b) |
rappurtar dwar l-inventarju, fejn il-benefiċjarju għandu jirrapporta kull sena dwar l-inventarju tal-oġġetti deżinjati sakemm tali rappurtar ma jibqax jitqies neċessarju mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS); |
|
(c) |
żjarat fuq il-post, fejn il-benefiċjarju għandu jagħti lir-Rappreżentant Għoli u lill-awdituri tal-EPF aċċess biex iwettqu kontrolli fuq il-post u awditi tal-EPF, meta mitlub. |
3. Mat-tlestija tal-miżura ta’ assistenza, ir-Rappreżentant Għoli għandu jwettaq evalwazzjoni finali biex jivvaluta jekk il-miżura ta’ assistenza kkontribwietx biex jintlaħqu l-objettivi stipulati fl-Artikolu 1(2).
Artikolu 6
Rappurtar
Matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni, kull sitt xhur ir-Rappreżentant Għoli għandu jipprovdi lill-KPS rapport dwar l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza, f’konformità mal-Artikolu 63 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509. L-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza għandu jinforma b’mod regolari lill-Kumitat tal-Faċilità stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 dwar l-implimentazzjoni tad-dħul u tan-nefqa f’konformità mal-Artikolu 38 ta’ dik id-Deċiżjoni, inkluż billi jipprovdi informazzjoni dwar il-fornituri u s-sottokuntratturi involuti.
Artikolu 7
Sospensjoni u terminazzjoni
1. Il-KPS jista’ jiddeċiedi li jissospendi kompletament jew parzjalment l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza f’konformità mal-Artikolu 64 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.
2. Il-KPS jista’ jirrakkomanda li l-Kunsill itemm il-miżura ta’ assistenza.
Artikolu 8
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Novembru 2025.
Għall-Kunsill
Il-President
L. LØKKE RASMUSSEN
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta’ Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/509/oj).
(2) Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta’ Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99, ELI: http://data.europa.eu/eli/compos/2008/944/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2377/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)