European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2361

26.10.2026

Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-trasferiment ta’ data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja

L-UNJONI EWROPEA, minn hawn ’il quddiem imsejħa wkoll “l-Unjoni” jew l-“UE”,

u

Il-Konfederazzjoni Żvizzera, minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Iżvizzera”,

minn hawn ’il quddiem imsejħin flimkien “il-Partijiet”,

WAQT LI JIRRIKONOXXU li l-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi, kif ukoll kriminalità serja oħra, filwaqt li jippreservaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, b’mod partikolari d-drittijiet għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-data, huma objettivi ta’ interess ġenerali;

WAQT LI JIRRIKONOXXU li l-kondiviżjoni tal-informazzjoni hija element essenzjali fil-ġlieda kontra r-reati terroristiċi u kriminalità serja oħra, u li f’dan il-kuntest, l-użu tad-data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR, Passenger Name Record) huwa strument importanti ferm biex jintlaħqu dawk l-għanijiet;

WAQT LI JIRRIKONOXXU l-importanza tal-kondiviżjoni tad-data tal-PNR u ta’ informazzjoni analitika rilevanti u xierqa bbażata fuq id-data tal-PNR skont dan il-Ftehim bejn il-Partijiet mal-awtoritajiet tal-pulizija u dawk ġudizzjarji kompetenti tal-Iżvizzera, tal-Istati Membri tal-Unjoni (“l-Istati Membri”), tal-Europol u tal-Eurojust biex titrawwem il-kooperazzjoni internazzjonali tal-pulizija u dik ġudizzjarja;

WAQT LI JFITTXU li jsaħħu u li jħeġġu l-kooperazzjoni bejn il-Partijiet dwar il-PNR permezz tal- iskambju ta’ informazzjoni u kooperazzjoni teknika mill-esperti nazzjonali mill-Istati Membri u l-Unitajiet tal-Informazzjoni dwar il-Passiġġieri (“PIU”s, Passenger Information Units,) tal-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen, b’mod partikolari dwar l-iżvilupp ta’ kriterji determinati minn qabel u dwar aspetti oħra tal-ipproċessar tal-PNR;

WARA LI KKUNSIDRAW ir-Riżoluzzjonijiet 2396 (2017) u 2482 (2019), tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li jappellaw lill-Istati kollha biex jiżviluppaw il-kapaċità li jiġbru u jipproċessaw id-data tal-PNR u l-Istandards u l-Prattiki Rakkomandati tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali għall-ġbir, l-użu, l-ipproċessar u l-protezzjoni tad-data tal-PNR adottati bħala l-Emenda 28 tal-Anness 9 għall-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“il-Konvenzjoni ta’ Chicago”);

WAQT LI JFAKKRU li l-Partijiet għandhom responsabbiltà kondiviża li jiżguraw is-sigurtà interna fiż-żona Schengen, inkluż bl-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti, u li dan il-Ftehim jipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet b’għodda effettiva biex jinkiseb dak l-għan fin-nuqqas ta’ kontrolli fil-fruntieri interni;

WAQT LI JIRRIKONOXXU li dan il-Ftehim mhux maħsub li japplika għal informazzjoni bil-quddiem dwar il-passiġġieri (“API”) li tinġabar u tiġi trażmessa mit-trasportaturi tal-ajru lill-Iżvizzera għall-finijiet tal-kontroll fil-fruntieri.

KONXJI mill-impenji tal-Unjoni skont l-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar ir-rispett tad-drittijiet fundamentali, id-dritt għall-privatezza fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali f’konformità mal-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-prinċipji tal-proporzjonalità u tan-neċessità dwar id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, ir-rispett għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali skont l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea f’konformità mal-ġurisdizzjoni rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropa, l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, il-Konvenzjoni Nru 108 tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni ta’ Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta’ Data Personali u l-Protokoll 181 addizzjonali tagħha;

WAQT LI JIRRIKONOXXU li skont il-liġi Żvizzera t-trasferiment tad-data tal-PNR mit-trasportaturi tal-ajru lill-Iżvizzera huwa obbligatorju.

WAQT LI JIRRIKONOXXU li d-Direttiva (UE) 2016/681 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) hija l-bażi għat-trasferimenti tad-data tal-PNR mit-trasportaturi tal-ajru lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Flimkien mar-Regolament (UE) 2016/679 (2) u d-Direttiva 2016/680 (3) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttiva (UE) 2016/681 tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari d-drittijiet għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali;

WAQT LI JIRRIKONOXXU li l-Iżvizzera, f’konformità mal-Ftehim tal-2008 tagħha mal-Unjoni Ewropea (4) rigward l-assoċjazzjoni tagħha mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, aċċettat, implimentat u applikat d-Direttiva (UE) 2016/680, minħabba li dik id-Direttiva tikkostitwixxi żvilupp tal-acquis ta’ Schengen. Barra minn hekk, u meta jitqies li l-applikazzjoni mill-Iżvizzera tad-Direttiva (UE) 2016/680 tapplika għall-ipproċessar tad-data personali skont strumenti legali li jagħmlu parti mill-acquis ta’ Schengen, jenħtieġ li jiġi ċċarat li l-applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/680 mill-Iżvizzera tinkludi wkoll l-ipproċessar tad-data personali minn awtoritajiet kompetenti skont dan il-Ftehim.;

WAQT LI JFAKKRU d-dritt għal-libertà ta’ moviment tal-persuni bejn l-Unjoni u l-Iżvizzera, kif previst fil-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni (5), u li kwalunkwe sistema nazzjonali li titlob it-trasferiment tad-data tal-PNR mit-trasportaturi tal-ajru u l-ipproċessar tagħha mill-awtoritajiet kompetenti tista’ tinterferixxi mal-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment tal-persuni, u li, għalhekk, kwalunkwe interferenza fl-eżerċizzju ta’ tali libertà hija ġġustifikata biss meta tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi u tkun proporzjonata mal-objettiv leġittimu mixtieq,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Objettiv u kamp ta’ applikazzjoni

1.   L-objettiv ta’ dan il-Ftehim huwa li jippermetti t-trasferiment tad-data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) minn trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni lill-Iżvizzera u li jistabbilixxi r-regoli u l-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom dik id-data tal-PNR tista’ tiġi pproċessata mill-Iżvizzera.

2.   L-objettiv ta’ dan il-Ftehim huwa wkoll li tissaħħaħ il-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali bejn l-Unjoni u l-Iżvizzera fir-rigward tad-data tal-PNR.

3.   Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim jkopri t-trasportaturi tal-ajru li joperaw titjiriet tal-passiġġieri bejn l-Unjoni u l-Iżvizzera, kif ukoll it-trasportaturi tal-ajru rreġistrati fl-Unjoni u li jaħżnu data fiha, u li joperaw titjiriet lejn u mill-Iżvizzera.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“trasportatur tal-ajru” tfisser impriża tat-trasport bl-ajru b’liċenzja operattiva valida jew ekwivalenti li tippermettilha twettaq ġarr ta’ passiġġieri bl-ajru bejn l-Unjoni u l-Iżvizzera;

(2)

“awtoritajiet kompetenti” tfisser l-awtoritajiet pubbliċi responsabbli skont il-liġi nazzjonali tal-Iżvizzera għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta‘ reati terroristiċi jew kriminalità serja;

(3)

“passiġġier” tfisser kwalunkwe persuna, inklużi passiġġieri fi trasferiment jew fi tranżitu u esklużi membri tal-ekwipaġġ, li tinġarr jew li għandha tinġarr fuq inġenji tal-ajru bil-kunsens tat-trasportatur tal-ajru, u tali kunsens jintwera permezz tar-reġistrazzjoni ta’ dik il-persuna fil-lista tal-passiġġieri;

(4)

“Unità tal-Informazzjoni dwar il-Passiġġieri tal-Iżvizzera” jew “PIU Żvizzera” tfisser l-awtorità stabbilita jew maħtura inkarigata li tirċievi u tipproċessa d-data tal-PNR mill-Iżvizzera f’konformità mal-Artikolu 6;

(5)

“reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri” jew “PNR” tfisser reġistru tar-rekwiżiti tal-ivvjaġġar ta’ kull passiġġier li jinkludi informazzjoni meħtieġa biex tippermetti li l-prenotazzjonijiet ikunu jistgħu jiġu pproċessati u kkontrollati mit-trasportaturi bl-ajru tal-prenotazzjoni u tal-parteċipazzjoni għal kull vjaġġ ipprenotat minn jew f’isem persuna, kemm jekk inkluża fuq sistema ta’ prenotazzjoni, sistemi tal-kontroll tat-tluq, użati biex jiġu kkontrollati passiġġieri fuq titjiriet, jew sistemi ekwivalenti li jipprovdu l-istess funzjonalitajiet; b’mod speċifiku, kif użat f’dan il-Ftehim, id-data tal-PNR tikkonsisti mill-elementi elenkati b’mod eżawrjenti fl-Anness;

(6)

“kriminalità serja” tfisser ir-reati punibbli b’piena massima ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni ta’ mill-inqas 3 snin skont il-liġi nazzjonali tal-Iżvizzera li għandhom rabta oġġettiva, anke jekk waħda indiretta, mal-ġarr tal-passiġġieri bl-ajru;

(7)

“reati terroristiċi” tfisser:

(a)

att jew ommissjoni li jkunu twettqu għal skopijiet, objettivi jew kawżi politiċi, reliġjużi jew ideoloġiċi bl-intenzjoni li jintimidaw lill-pubbliku f’dak li jirrigwarda s-sigurtà tiegħu, inkluża s-sigurtà ekonomika tiegħu, jew bl-intenzjoni li jisfurzaw lil persuni, gvernijiet jew organizzazzjonijiet nazzjonali jew internazzjonali biex iwettqu jew biex joqogħdu lura milli jwettqu kwalunkwe att, u li intenzjonalment:

(i)

jikkawżaw mewt jew offiża serja fuq il-persuna;

(ii)

iqiegħdu fil-periklu l-ħajja ta’ individwu;

(iii)

jikkawżaw riskju serju għas-saħħa jew għas-sigurtà tal-pubbliku;

(iv)

jikkawżaw dannu sostanzjali fuq proprjetà li aktarx iwassal għall-ħsara msemmija fil-punti minn (i), (ii) u(iii); jew

(v)

joħolqu interferenza jew interruzzjoni serja f’servizz, f’faċilità jew f’sistema essenzjali, li ma tkunx tirriżulta minn promozzjoni, protesti, dissens jew waqfien fuq ix-xogħol, bħal strajk, sew jekk legali kif ukoll jekk illegali, u li ma tkunx maħsuba biex tikkawża l-ħsara msemmija fil-punti (i), (ii) u sa (iii); jew

(b)

attivitajiet li jikkostitwixxu reat fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-konvenzjonijiet u tal-protokolli internazzjonali applikabbli li jikkonċernaw it-terroriżmu u skont kif definit fihom; jew

(c)

kwalunkwe parteċipazzjoni intenzjonata jew kontribut f’xi attività li jkollha l-għan li ttejjeb il-kapaċità ta’ entità terroristika fl-iffaċilitar jew fit-twettiq tal-atti jew l-ommissjonijiet imsemmija fil-punt (a) jew (b), jew kwalunkwe struzzjoni mogħtija lil persuna, grupp jew organizzazzjoni f’dan ir-rigward; jew

(d)

it-twettiq ta’ reat li jwassal għal att ta’ akkuża, fejn l-atti jew l-ommissjonijiet li jkunu jikkostitwixxu r-reat inkwistjoni, ikunu twettqu għall-ġid ta’ xi entità terroristika, taħt it-tmexxija tagħha jew f’assoċjazzjoni magħha; jew

(e)

il-ġbir ta’ proprjetà, l-istedina lil persuni, gruppi jew organizzazzjonijiet biex jipprovdu jew iqiegħdu għad-dispożizzjoni proprjetà jew servizzi finanzjarji jew servizzi oħra relatati bl-iskop li jitwettqu l-atti jew l-ommissjonijiet imsemmija fil-punt (a) jew (b), jew l-użu jew il-pussess ta’ proprjetà bl-iskop li jitwettqu l-atti jew l-ommissjonijiet imsemmija fil-punt (a) jew (b); jew

(f)

it-tentattiv jew it-theddida li jitwettqu l-atti jew l-ommissjonijiet imsemmijha fil-punt (a) jew (b), il-komplotti, l-iffaċilitar jew l-għoti ta’ struzzjonijiet jew ta’ pariri b’rabta mal-atti jew l-ommissjonijiet imsemmijha fil-punt (a) jew (b), jew il-kompliċità wara li jseħħ il-fatt, jew il-protezzjoni jew il-ħabi tiegħu bl-iskop li l-entità terroristika tkun tista’ tiffaċilita jew twettaq l-atti jew ommissjonijiet imsemmijha fil-punt (a) jew (b); jew

(g)

l-ivvjaġġar lejn jew mill-Iżvizzera jew Stat Membru għall-fini li jitwettaq, jew isir kontribut għat-twettiq ta’, reat terroristiku fi ħdan it-tifsira tal-punt (a) jew (b), jew għall-fini tal-parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta’ entità terroristika fi ħdan it-tifsira tal-punt 8 bl-għarfien tal-fatt li tali parteċipazzjoni se tikkontribwixxi għall-attivitajiet kriminali tal-entità terroristika.

(8)

“entità terroristika” tfisser:

(a)

persuna, grupp jew organizzazzjoni li, fost skopijiet jew attivitajiet oħra, jiffaċilitaw jew iwettqu l-atti jew l-ommissjonijiet imsemmija fil-punt 7 (a) jew (b); jew

(b)

persuna, grupp jew organizzazzjoni li jaġixxu intenzjonalment f’isem il-persuna, il-grupp jew l-organizzazzjoni msemmija fil-punt (a) jew li jaġixxu taħt it-tmexxija tagħhom jew f’assoċjazzjoni magħhom.

KAPITOLU II

TRASFERIMENT TAD-DATA TAL-PNR

Artikolu 3

Metodu u frekwenza tat-trasferiment

1.   L-Iżvizzera għandha tiżgura li t-trasportaturi tal-ajru jittrasferixxu data tal-PNR lill-PIU Żvizzera esklużivament billi jittrażmettu d-data tal-PNR meħtieġa fil-bażi tad-data tal-awtorità rikjedenti (il-metodu “push”), u f’konformità mal-proċeduri li ġejjin li għandhom jiġu osservati mit-trasportaturi tal-ajru:

(a)

b’mezzi elettroniċi f’konformità mar-rekwiżiti tekniċi tal-PIU Żvizzera jew, f’każ ta’ ħsara teknika, bi kwalunkwe mezz xieraq ieħor li jiżgura livell xieraq ta’ sigurtà tad-data;

(b)

bl-użu ta’ format ta’ messaġġ aċċettat b’mod reċiproku, u b’mod sigur bl-użu ta’ protokolli komuni kif meħtieġ mill-PIU Żvizzera;

(c)

jew direttament jew permezz ta’ aġenti awtorizzati, li jaġixxu f’isem trasportatur tal-ajru u jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għall-fini ta’ dan il-Ftehim, u skont il-kundizzjonijiet stipulati fih.

2.   L-Iżvizzera ma għandhiex titlob lit-trasportaturi tal-ajru biex jipprovdu elementi ta’ data tal-PNR li ma humiex diġà miżmuma, jew miġbura, minn trasportaturi tal-ajru għall-finijiet ta’ prenotazzjoni tagħhom jew fil-kors normali tan-negozju tagħhom.

3.   L-Iżvizzera għandha tiżgura li l-PIU Żvizzera tħassar kwalunkwe element tad-data trasferit lilha minn trasportatur tal-ajru skont dan il-Ftehim malli tirċievi d-data tal-PNR, jekk dak l-element tad-data ma huwiex elenkat fl-Anness

4.   L-Iżvizzera għandha tiżgura li l-PIU Żvizzera titlob lit-trasportaturi tal-ajru biex jittrasferixxu d-data tal-PNR:

(a)

fuq bażi ta’ skeda fejn l-aktar stadju bikri jkun sa 48 siegħa qabel it-tluq skedat; u

(b)

għal massimu ta’ ħames darbiet, għal titjira speċifika.

5.   L-Iżvizzera għandha tippermetti lit-trasportaturi tal-ajru jillimitaw it-trasferiment imsemmi fil-paragrafu 4, il-punt (b), għall-aġġornamenti tad-data tal-PNR trasferita kif imsemmi fil- paragrafu 4, il-punt (a).

6.   L-Iżvizzera għandha tiżgura li l-PIU Żvizzera tinforma lit-trasportaturi tal-ajru bil-ħinijiet speċifiċi għat-trasferimenti.

7.   F’każijiet speċifiċi, meta jkun hemm indikazzjoni li jkun meħtieġ aċċess addizzjonali b’rispons għal xi theddida speċifika relatata mal-iskopijiet stabbiliti fl-Artikolu 5, il-PIU Żvizzera tista’ titlob lit-trasportatur tal-ajru jipprovdi data tal-PNR qabel jew wara t-trasferimenti skedati jew bejniethom. Fl-eżerċitar ta’ dik id-diskrezzjoni, l-Iżvizzera għandha taġixxi b’mod ġudizzjuż u proporzjonali u għandha titlob l-użu tal-metodu ta’ trasferiment imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 4

Router API-PNR

1.   Il-Partijiet jistgħu jiddeċiedu li l-Iżvizzera tista’ titlob lit-trasportaturi tal-ajru jittrasferixxu d-data tal-PNR lill-PIU Żvizzera permezz tar-router API-PNR stabbilit skont ir-Regolament (UE) 2025/13 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). F’każ bħal dan, l-Iżvizzera:

(a)

ma għandhiex titlob lit-trasportaturi tal-ajru jittrasferixxu d-data tal-PNR bi kwalunkwe mezz ieħor;

(b)

għandha tintrabat bir-regoli dwar il-funzjonament u l-kundizzjonijiet għall-użu tar-router API-PNR.kif stabbilit bir-Regolament (UE) 2025/13, b’deroga mill-Artikolu 3(1), (4) u (6) ta' dan il-Ftehim.

2.   L-Iżvizzera għandha tinnotifika lill-Unjoni bit-talba tagħha biex tuża r-router API-PNR. Talba bħal din għandha tiġi aċċettata mill-Unjoni bil-miktub b’mezzi diplomatiċi.

3.   L-Unjoni għandha tinnotifika bil-miktub lill-Iżvizzera b’mezzi diplomatiċi dwar kwalunkwe emenda għar-Regolament (UE) 2025/13 li taffettwa r-regoli dwar il-funzjonament u l-kundizzjonijiet għall-użu tar-router API-PNR. Fi żmien 120 jum mill-wasla ta’ din in-notifika, l-Iżvizzera tista’ tinnotifika lill-Unjoni bil-miktub b’mezzi diplomatiċi bl-intenzjoni tagħha li twaqqaf l-użu ta’ dak ir-router. F’dak il-każ, il-Partijiet għandhom jidħlu f’konsultazzjonijiet kif previst fl-Artikolu 23(1) u l-Artikolu 3(1), (4) u (6) għandu jerġa’ jibda japplika.

KAPITOLU III

IPPROĊESSAR U PROTEZZJONI TAL-PNR

Artikolu 5

Finijiet tal-ipproċessar tal-PNR

L-Iżvizzera għandha tiżgura li d-data tal-PNR riċevuta skont dan il-Ftehim tiġi pproċessata strettament għall-iskop tal-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja.

Artikolu 6

Modalitajiet tal-ipproċessar tal-PNR

Il-PIU Żvizzera tista’ tipproċessa d-data tal-PNR esklużivament permezz ta’ dawn il-modalitajiet speċifiċi ta’ pproċessar:

(a)

it-twettiq ta’ valutazzjoni tal-passiġġieri qabel il-wasla skedata tagħhom fl-Iżvizzera jew qabel it-tluq skedat tagħhom mill-Iżvizzera biex jiġu identifikati l-persuni li jkunu jeħtieġu jiġu eżaminati aktar mill-awtoritajiet kompetenti, fid-dawl tal-fatt li dawn il-persuni jistgħu jkunu involuti f’reat terroristiku jew kriminalità serja f’konformità mal- valutazzjoni “f’ħin reali” mwettqa skont l-Artikolu 7;

(b)

it-twettiq ta’ tfittxija fil-bażi tad-data ta’ data tal-PNR miżmuma bil-ħsieb li tirrispondi, abbażi ta’ każ b’każ, għal talba debitament motivata ppreżentata skont l-Artikoli 13 u 14, u, fejn xieraq, id-divulgazzjoni ta’ kwalunkwe data tal-PNR jew tar-riżultati rilevanti tal-ipproċessar tagħha;

(c)

l-analizzar tad-data tal-PNR bil-għan li jiġu aġġornati, ittestjati jew jiġu stabbiliti kriterji ġodda biex jintużaw fil-valutazzjonijiet imwettqa skont l-Artikolu 7(1), il-punt (b), sabiex tiġi identifikata kwalunkwe persuna li tista’ tkun involuta f’reat terroristiku jew kriminalità serja.

Artikolu 7

Valutazzjoni f’ħin reali

1.   Fit-twettiq tal-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 6, il-punt (a), il-PIU Żvizzera tista’:

(a)

tqabbel id-data tal-PNR ma’ bażijiet tad-data dwar persuni jew oġġetti mfittxija jew taħt allert biss, f’konformità mar-regoli tal-Unjoni, internazzjonali u nazzjonali applikabbli għal dawn il-bażijiet tad-data; u

(b)

tipproċessa d-data tal-PNR skont kriterji stabbiliti minn qabel.

2.   L-Iżvizzera għandha tiżgura li l-bażijiet tad-data msemmija fil-paragrafu 1, il-punt(a), ta’ dan l-Artikolu ma jkunux diskriminatorji, ikunu affidabbli, aġġornati u limitati għal dawk użati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Iżvizzera b’rabta mal-iskopijiet stabbiliti fl-Artikolu 5 u rilevanti għalihom.

3.   L-Iżvizzera għandha tiżgura li kwalunkwe valutazzjoni tad-data tal-PNR kif imsemmija fil-paragrafu 1, il-punt (b), tkun ibbażata fuq mudelli u kriterji mhux diskriminatorji, speċifiċi u affidabbli stabbiliti minn qabel li jippermettu lill-PIU Żvizzera tasal għal riżultati li jkollhom fil-mira individwi li jistgħu jkunu taħt suspett raġonevoli ta’ involviment jew parteċipazzjoni f’reati terroristiċi jew kriminalità serja. L-Iżvizzera għandha tiżgura li dawk il-kriterji fl-ebda ċirkostanza ma jkunu bbażati fuq ir-razza jew l-oriġini etnika, l-opinjonijiet politiċi, ir-reliġjon jew it-twemmin filosofiku, is-sħubija fi trade union, is-saħħa, il-ħajja sesswali jew l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna.

4.   L-Iżvizzera għandha tiżgura li kwalunkwe konkordanza pożittiva li tirriżulta mill-ipproċessar tad-data tal-PNR f’ħin reali tkun rieżaminata individwalment mill-PIU Żvizzera b’mezzi mhux awtomatizzati.

Artikolu 8

Kategoriji speċjali ta’ data

1.   Kwalunkwe pproċessar ta’ data tal-PNR li tiżvela l-oriġini razzjali jew etnika, l-opinjonijiet politiċi, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, jew sħubija ma’ trade union, u l-ipproċessar ta’ data ġenetika, ta’ data bijometrika bl-għan li tiġi identifikata b’mod uniku persuna fiżika, data dwar is-saħħa jew ta’ data li tikkonċerna l-ħajja sesswali jew l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna fiżika, għandu jkun ipprojbit skont dan il-Ftehim.

2.   Sa fejn id-data tal-PNR riċevuta skont dan il-Ftehim mill-PIU Żvizzera tinkludi dawn il-kategoriji ta’ data personali msemmija fil-paragrafu 1, il-PIU Żvizzera għandha tħassar tali data minnufih.

Artikolu 9

Sigurtà u integrità tad-data

1.   L-Iżvizzera għandha tiżgura li d-data tal-PNR riċevuta skont dan il-Ftehim tkun ipproċessata b’mod li jiżgura livell għoli ta’ sigurtà tad-data xieraq għar-riskji rappreżentati bl-ipproċessar u n-natura tad-data tal-PNR riċevuta skont dan il-Ftehim. B’mod partikolari l-PIU Żvizzera għandha:

(a)

timplimenta miżuri u proċeduri tekniċi u organizzattivi xierqa biex tiżgura tali livell ta’ sigurtà;

(b)

tapplika proċeduri ta’ kriptaġġ, ta’ awtorizzazzjoni u ta’ dokumentazzjoni għad-data tal-PNR;

(c)

tillimita l-aċċess għad-data tal-PNR għall-persunal awtorizzat; u

(d)

taħżen id-data tal-PNR f’ambjent fiżiku sigur li jkun protett b’kontrolli tal-aċċess.

2.   L-Iżvizzera għandha tiżgura li kwalunkwe ksur tas-sigurtà tad-data, b’mod partikolari dak li jwassal għall-qerda aċċidentali jew illegali jew għat-telf aċċidentali, l-alterazzjoni, id-divulgazzjoni jew l-aċċess mhux awtorizzat jew għal kwalunkwe forma illegali ta’ pproċessar, ikun soġġett għal miżuri korrettivi effettivi u dissważivi.

3.   L-Iżvizzera għandha tirrapporta kwalunkwe ksur tas-sigurtà tad-data lill-awtorità superviżorja nazzjonali stabbilita skont l-Artikolu 41 tad-Direttiva (UE) 2016/680.

Artikolu 10

Reġistrazzjoni u dokumentazzjoni tal-ipproċessar tad-data tal-PNR

1.   Il-PIU Żvizzera għandha tirreġistra u tiddokumenta l-ipproċessar kollu tad-data tal-PNR. L-Iżvizzera għandha tuża tali reġistru jew dokumentazzjoni bissbiex:

(a)

tagħmel awtomonitoraġġ u tivverifika l-legalità tal-ipproċessar tad-data;

(b)

tiżgura l-integrità tad-data jew il-funzjonalità tas-sistema xierqa;

(c)

tiżgura s-sigurtà tal-ipproċessar tad-data; u

(d)

tiżgura s-sorveljanza u r-responsabbiltà tal-amministrazzjoni pubblika.

2.   Ir-reġistri jew id-dokumentazzjoni miżmumin skont il-paragrafu 1 għandhom jiġu kkomunikati fuq talba lill-awtorità superviżorja nazzjonali, li għandha tuża dik l-informazzjoni biss għas-sorveljanza tal-protezzjoni tad-data u għall-iżgurar ta’ pproċessar xieraq tad-data kif ukoll għall-integrità u s-sigurtà tad-data.

KAPITOLU IV

ĦŻIN U DIVULGAZZJONI TAD-DATA TAL-PNR

Artikolu 11

Perjodi ta’ ħżin

1.   L-Iżvizzera għandha tiżgura li d-data tal-PNR riċevuta skont dan il-Ftehim tinħażen:

(a)

biss dment li jkun hemm rabta oġġettiva, anke jekk waħda indiretta, bejn id-data tal-PNR maħżuna u mill-inqas wieħed mill-iskopijiet stabbiliti fl-Artikolu 5; u

(b)

fi kwalunkwe każ għal-perjodi li ma jaqbżux 5 snin.

2.   Skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-PIU Żvizzera tista’ taħżen id-data tal-PNR tal-passiġġieri kollha tal-ajru biss għal perjodu ta’ żmien inizjali li għandu jkun previst fil-liġi nazzjonali. It-tul ta’ dan il-perjodu ta’ żmien inizjali ma għandux jaqbeż dak li huwa strettament meħtieġ biex jippermetti lill-PIU twettaq it-tfittxijiet imsemmija fl-Artikolu 6, il-punt (b), għall-finijiet tal-identifikazzjoni tal-persuni li għadhom ma ġewx suspettati b’involviment f’reati terroristiċi jew kriminalità serja abbażi tal-valutazzjoni f’ħin reali skont l-Artikolu 6, il-punt (a).

3.   Wara l-perjodu ta’ żmien inizjali msemmi fil-paragrafu 2, il-PIU Żvizzera tista’ taħżen data tal-PNR biss fir-rigward ta’ passiġġieri li dwarhom ikun hemm evidenza oġġettiva ta’ natura li tistabbilixxi riskju fil-qasam tar-reati terroristiċi jew tal-kriminalità serja.

4.   L-Iżvizzera għandha tiżgura li l-PIU Żvizzera tirrieżamina fuq bażi regolari l-ħtieġa li d-data tal-PNR tibqa’ maħżuna skont il-paragrafi 2 u 3.

5.   Hekk kif jiskadi l-perjodu ta’ żamma tad-data xieraq, l-Iżvizzera għandha tiżgura li d-data tal-PNR titħassar b’mod irrevokabbli jew issir anonima b’tali mod li s-suġġetti tad-data kkonċernati ma jibqgħux identifikabbli.

6.   B’deroga mill--paragrafu 1, il-punt (b), l-Iżvizzera tista’ tippermetti l-ħżin tad-data tal-PNR meħtieġa għar-rieżami, l-investigazzjoni, l-azzjoni ta’ infurzar, il-proċedimenti ġudizzjarji, il-prosekuzzjoni, jew l-infurzar tal-penali, sakemm ma jiġi konkluż il-proċess rilevanti.

Artikolu 12

Depersonalizzazzjoni

1.   Il-PIU Żvizzera għandha tiddepersonalizza d-data tal-PNR mhux aktar tard minn 6 xhur wara li tkun riċevuta . Hija għandha tagħmel dan billi tostor l-elementi tad-data li ġejjin li jistgħu jservu biex jidentifikaw direttament il-passiġġier li miegħu hija relatata d-data tal-PNR:

(a)

isem/ismijiet, inklużi l-ismijiet ta’ passiġġieri oħra fuq il-PNR u l-għadd ta’ vjaġġaturi fuq il-PNR li jivvjaġġaw flimkien;

(b)

indirizz u informazzjoni ta’ kuntatt;

(c)

il-forom kollha ta’ informazzjoni dwar il-ħlas, inkluż l-indirizz tal-ħruġ tal-kontijiet, sa fejn ikun fihom xi informazzjoni li tista’ sservi biex jiġi identifikat direttament il-passiġġier li miegħu hija relatata d-data tal-PNR jew kwalunkwe persuna oħra;

(d)

informazzjoni dwar dawk li jivvjaġġaw ta’ spiss;

(e)

kummenti ġenerali sa fejn huma jkun fihom xi informazzjoni li tista’ sservi biex jiġi identifikat direttament il-passiġġier li miegħu hija relatata d-data tal-PNR; u

(f)

kwalunkwe data tal-API li tkun ġiet miġbura.

2.   Il-PIU Żvizzera tista’ tiddivulga biss l-elementi tad-data msemmijin fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għall-iskopijiet tal-Artikolu 5 u skont il-kundizzjonijiet tal-Artikoli 13 jew 14.

Artikolu 13

Divulgazzjoni fl-Iżvizzera

1.   Meta twieġeb talba debitament motivata mibgħuta minn awtorità kompetenti f’konformità mal-Artikolu 6, il-punt (b), il-PIU Żvizzera għandha tiddivulga biss, abbażi ta’ każ b’każ, id-data tal-PNR jew ir-riżultati tal-ipproċessar tagħha, meta:

(a)

tali divulgazzjoni tkun neċessarja biex jinkiseb wieħed mill-iskopijiet stabbiliti fl-Artikolu 5;

(b)

jiġi ddivulgat biss l-ammont minimu ta’ data tal-PNR meħtieġ;

(c)

l-awtorità kompetenti riċeventi toffri protezzjoni li tkun ekwivalenti għas-salvagwardji previsti f’dan il-Ftehim;

(d)

id-divulgazzjoni tkun approvata jew minn awtorità ġudizzjarja jew minn korp indipendenti kompetenti ieħor skont il-liġi nazzjonali biex jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet għad-divulgazzjoni humiex issodisfatti.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, il-punt (d), il-PIU Żvizzera tista’ tiddivulga data tal-PNR f’każijiet ta’ urġenza debitament ġustifikata mingħajr rieżami jew approvazzjoni minn qabel. F’każijiet bħal dawn, ir-rieżami msemmi fil-paragrafu 1, il-punt (d), għandu jseħħ fi żmien qasir.

3.   L-Iżvizzera għandha tiżgura li l-awtorità kompetenti riċeventi ma tiddivulgax id-data tal-PNR lil awtorità oħra sakemm id-divulgazzjoni ma tkunx ġiet espliċitament awtorizzata mill-PIU Żvizzera.

Artikolu 14

Divulgazzjoni barra mill-Iżvizzera u mill-UE

1.   Meta twieġeb talba debitament motivata mibgħuta minn awtorità kompetenti ta’ pajjiżi oħra li ma humiex Stati Membri f’konformità mal-Artikolu 6, il-punt (b), il-PIU Żvizzera għandha tiddivulga, abbażi ta’ każ b’każ, id-data tal-PNR jew ir-riżultati tal-ipproċessar tagħha, biss meta:

(a)

tali divulgazzjoni tkun neċessarja biex jinkiseb wieħed mill-iskopijiet stabbiliti fl-Artikolu 5;

(b)

jiġi ddivulgat biss l-ammont minimu ta’ data tal-PNR meħtieġ;

(c)

il-pajjiż li d-data tal-PNR għandha tkun iddivulgata lill-awtorità tiegħu, ikun jew ikkonkluda Ftehim mal-Unjoni li jipprevedi protezzjoni tad-data personali komparabbli ma’ dan il-Ftehim jew ikun soġġett għal deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea skont il-liġi tal-Unjoni, li ssib li l-imsemmi pajjiż jiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni tad-data fis-sens tall-liġi tal-Unjoni;

(d)

id-divulgazzjoni tkun approvata jew minn awtorità ġudizzjarja jew minn korp indipendenti kompetenti ieħor skont il-liġi nazzjonali biex jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet għad-divulgazzjoni humiex issodisfatti.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, il-punt (c), il-PIU Żvizzera tista’ tiddivulga data tal-PNR lil pajjiż ieħor jekk din tqis li d-divulgazzjoni hija meħtieġa għall-prevenzjoni jew l-investigazzjoni ta’ theddida serja u imminenti għas-sigurtà pubblika u jekk dak il-pajjiż jipprovdi assigurazzjoni bil-miktub, skont arranġament, ftehim jew mod ieħor li l-informazzjoni se tkun protetta f’konformità mas-salvagwardji stabbiliti f’dan il-Ftehim.

3.   B’deroga mill-paragrafu 1, il-punt (d), il-PIU Żvizzera tista’ tiddivulga data tal-PNR f’każijiet ta’ urġenza debitament ġustifikata mingħajr rieżami u approvazzjoni minn qabel. F’tali każijiet, ir-rieżami msemmi fil-paragrafu 1, il-punt (d), għandu jseħħ fi żmien qasir.

Artikolu 15

Skambju ta’ informazzjoni relatata mal-PNR

1.   Il-PIU Żvizzera għandha tikkondividi mal-Europol jew il-Eurojust, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-mandati rispettivi tagħhom, jew mal-PIUs tal-Istati Membri, id-data tal-PNR, ir-riżultati tal-ipproċessar ta’ dik id-data, jew l-informazzjoni analitika bbażata fuq id-data tal-PNR malajr kemm jista’ jkun u f’każijiet speċifiċi meta tkun neċessarja għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni, jew il-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi jew kriminalità serja. Il-PIU Żvizzera għandha tikkondividi tali informazzjoni jew fuq l-inizjattiva tagħha stess jew fuq talba tal-Europol jew tal-Eurojust, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-mandati rispettivi tagħhom jew tal-PIUs tal-Istati Membri.

2.   Il-PIUs tal-Istati Membri għandhom jikkondividu mal-PIU Żvizzera d-data tal-PNR, ir-riżultati tal-ipproċessar ta’ dik id-data, jew l-informazzjoni analitika bbażata fuq id-data tal-PNR malajr kemm jista’ jkun u f’każijiet speċifiċi meta tkun neċessarja għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni, jew il-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi jew kriminalità serja. Il-PIUs tal-Istati Membri għandhom jikkondividu tali informazzjoni fuq l-inizjattiva tagħhom stess jew fuq talba tal-PIU Żvizzera.

3.   Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 tkun kondiviża f’konformità mar-regoli applikabbli dwar il-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi jew il-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn l-Iżvizzera u l-Europol, il-Eurojust jew l-Istat Membru rilevanti. B’mod partikolari, l-iskambju tal-informazzjoni mal-Europol skont dan l-Artikolu għandu jseħħ permezz ta’ kanal ta’ komunikazzjoni sigur stabbilit għall-iskambju tal-informazzjoni.

KAPITOLU V

PROTEZZJONI TAD-DATA

Artikolu 16

Drittijiet u obbligi skont id-Direttiva (UE) 2016/680

1.   Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, l-Iżvizzera għandha tiżgura li, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali mill-awtoritajiet kompetenti, hija tapplika l-istess drittijiet u obbligi bħal dawk previsti fid-Direttiva (UE) 2016/680, inkluża kwalunkwe emenda għal dik id-Direttiva li tkun ġiet aċċettata u implimentata mill-Iżvizzera f’konformità mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen.

2.   L-ipproċessar tad-data personali mill-PIU Żvizzera għandu jkun sorveljat minn awtorità superviżorja indipendenti stabbilita f’konformità mal-implimentazzjoni u l-applikazzjoni mill-Iżvizzera tad-Direttiva (UE) 2016/680, inkluża kwalunkwe emenda għal dik id-Direttiva li tkun ġiet aċċettata u implimentata mill-Iżvizzera f’konformità mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen.

3.   Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ kwalunkwe dispożizzjoni aktar speċifika f’dan il-Ftehim dwar l-ipproċessar tad-data tal-PNR.

Artikolu 17

Trasparenza u informazzjoni

1.   L-Iżvizzera għandha tiżgura li fis-sit web tagħha, il-PIU Żvizzera tagħmel disponibbli l-informazzjoni li ġejja:

(a)

lista tal-leġiżlazzjoni li tawtorizza t-trasferiment tad-data tal-PNR mit-trasportaturi tal-ajru;

(b)

ir-raġuni għall-ġbir u l-ħżin tad-data tal-PNR;

(c)

il-mod ta’ pproċessar u protezzjoni tad-data tal-PNR;

(d)

il-mod li bih tista’ tiġi divulgata d-data lil awtoritajiet kompetenti oħra u sa liema punt jista’ jsir dan; u

(e)

l-informazzjoni ta’ kuntatt għall-mistoqsijiet.

2.   L-Iżvizzera għandha taħdem ma’ partijiet terzi interessati, bħall-industrija tal-avjazzjoni u tal-ivvjaġġar bl-ajru, biex tippromwovi t-trasparenza fil-ħin tal-prenotazzjoni fir-rigward tar-raġunijiet għall-ġbir u l-ipproċessar tad-data tal-PNR, u fir-rigward ta’ kif jintalbu l-aċċess, ir-rettifika u r-rimedju.

3.   Jekk id-data tal-PNR miżmuma f’konformità mal-Artikolu 11 ta' dan il-Ftehim tkun ġiet divulgata f’konformità mal-Artikolu 13 jew 14 ta' dan il-Ftehim, l-Iżvizzera għandha tinforma, filwaqt li tqis l-isforzi raġonevoli, lill-passiġġieri kkonċernati permezz tal-modalitajiet stabbiliti skont l-Artikolu 13(2), il-punt (d), tad-Direttiva (UE) 2016/680, u fi żmien raġonevoli malli tali notifika ma tkunx għadha tista’ tipperikola l-investigazzjonijiet mill-awtoritajiet pubbliċi kkonċernati, sal-punt li l-informazzjoni ta’ kuntatt rilevanti tal-passiġġieri tkun disponibbli jew tkun tista’ tinkiseb.

KAPITOLU VI

DISPOSIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 18

Notifiki

1.   L-Iżvizzera għandha tinnotifika lill-Unjoni b’mezzi diplomatiċi dwar id-dettalji tal-awtoritajiet li ġejjin:

(a)

il-PIU Żvizzera msemmija fl-Artikolu 2, il-punt (4);

(b)

l-awtorità superviżorja nazzjonali msemmija fl-Artikolu 9(3).

2.   L-Iżvizzera għandha tinnotifika mingħajr dewmien kwalunkwe bidla fl-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

3.   L-Unjoni għandha tagħmel l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 disponibbli għall-pubbliku.

Artikolu 19

Dħul fis-seħħ

1.   Dan il-Ftehim għandu jiġi approvat mill-Partijiet f’konformità mal-proċeduri proprji tagħhom.

2.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar ta’ wara d-data tal-wasla tan-notifika bil-miktub li permezz tagħha l-Iżvizzera tkun innotifikat lill-Unjoni dwar l-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 18(1) jew in-notifiki bil-miktub li permezz tagħhom il-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin b’mezzi diplomatiċi li l-proċeduri msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ikunu tlestew, skont liema tiġi l-aħħar.

Artikolu 20

Soluzzjoni tat-tilwim u sospensjoni

1.   Il-Partijiet għandhom isolvu kwalunkwe tilwima fir-rigward tal-interpretazzjoni, l-applikazzjoni jew l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim permezz ta’ konsultazzjonijiet, bil-ħsieb li jaslu għal soluzzjoni aċċettata b’mod reċiproku, inkluż li jipprovdu l-possibbiltà li waħda mill-Partijiet tikkonforma fi żmien raġonevoli.

2.   Kwalunkwe waħda mill-Partijiet tista’ tissospendi kompletament jew parzjalment l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim b’notifika bil-miktub lill-Parti l-oħra b’mezzi diplomatiċi. Tali notifika bil-miktub ma għandhiex issir qabel ma l-Partijiet ikunu involuti f’perjodu raġonevoli ta’ konsultazzjoni. Is-sospensjoni għandha tidħol fis-seħħ xahrejn mid-data li fiha tkun saret tali notifika, sakemm il-Partijiet ma jiddeċidux b’mod konġunt li jsir mod ieħor.

3.   Il-Parti li tkun issospendiet l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandha tinforma minnufih lill-Parti l-oħra bid-data li fiha jerġa’ jibda japplika dan il-Ftehim, ladarba hija tqis li r-raġunijiet għas-sospensjoni ma jkunux għadhom japplikaw. Il-Parti li tissospendi għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra bil-miktub.

4.   L-Iżvizzera għandha tkompli tapplika t-termini ta’ dan il-Ftehim għad-data tal-PNR kollha li tkun irċeviet qabel is-sospensjoni ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 21

Terminazzjoni

1.   Dan il-Ftehim jista’ jiġi tterminat fi kwalunkwe ħin minn kwalunkwe waħda mill-Partijiet b’notifika bil-miktub b’mezzi diplomatiċi. It-terminazzjoni għandha tidħol fis-seħħ tliet xhur wara d-data minn meta tasal in-notifika bil-miktub.

2.   Jekk kwalunkwe waħda mill-Partijiet tagħti notifika ta’ terminazzjoni skont dan l-Artikolu, il-Partijiet għandhom jiddeċiedu liema miżuri huma meħtieġa biex jiġi żgurat li kwalunkwe kooperazzjoni mibdija skont dan il-Ftehim tiġi konkluża b’mod xieraq.

3.   L-Iżvizzera għandha tkompli tapplika l-kundizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim għad-data tal-PNR kollha li tkun irċeviet qabel kwalunkwe terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 22

Emendi

1.   Dan il-Ftehim jista’ jiġi emendat bil-miktub fi kwalunkwe ħin b’kunsens reċiproku bejn il-Partijiet. L-emendi ta’ dan il-Ftehim għandhom jidħlu fis-seħħ f’konformità mal-Artikolu 19.

2.   L-Anness ta’ dan il-Ftehim jista’ jiġi aġġornat, b’kunsens reċiproku bejn il-Partijiet espress b’notifika bil-miktub skambjata b’mezzi diplomatiċi. Dawn l-aġġornamenti għandhom jidħlu fis-seħħ fid-data msemmija fl-Artikolu 19(2).

Artikolu 23

Konsultazzjoni u evalwazzjoni

1.   Il-Partijiet għandhom jidħlu f’konsultazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim. Huma għandhom jagħtu pariri lil xulxin dwar kwalunkwe miżura li tista’ taffettwa lil dan il-Ftehim.

2.   Il-Partijiet għandhom iwettqu evalwazzjoni konġunta tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim jekk tintalab minn kwalunkwe waħda mill-Partijiet u tiġi deċiża b’mod konġunt. Fit-twettiq ta’ tali evalwazzjoni, il-Partijiet għandhom jagħtu attenzjoni speċjali lin-neċessità u l-proporzjonalità tal-ipproċessar tad-data tal-PNR għal kull waħda mill-iskopijiet stabbiliti fl-Artikolu 5. Il-Partijiet għandhom jiddeċiedu minn qabel dwar il-modalitajiet ta’ tali evalwazzjonijiet.

Artikolu 24

Applikazzjoni territorjali

1.   Dan il-Ftehim għandu japplika għat-territorju tal-Unjoni f’konformità mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u għat-territorju tal-Iżvizzera.

2.   Sad-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, l-Unjoni għandha tinnotifika lill-Iżvizzera dwar l-Istati Membri li għat-territorji tagħhom japplika dan il-Ftehim. Sussegwentement, hija tista’, fi kwalunkwe ħin, tinnotifika kwalunkwe bidla fiha.

Dan il-Ftehim għandu jitfassal f’żewġ kopji bil-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Irlandiż, il-Kroat, l-Ingliż, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, l-Ispanjol, it-Taljan, l-Ungeriż u l-Iżvediż, b’kull wieħed minn dawn it-testi ugwalment awtentiku. Fil-każ ta’ kwalunkwe diverġenza bejn it-testi ta’ dan il-Ftehim, it-test bl-Ingliż għandu jipprevali.

B’XHIEDA TA’ DAN, il-Plenipotenzjarji sottoskritti, debitament awtorizzati għal dan il-għan, iffirmaw dan il-Ftehim.

Image 1

Image 2


(1)  Id-Direttiva (UE) 2016/681 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar l-użu ta' data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi u kriminalità serja (ĠU UE L 119, 4.5.2016, p. 132, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2016/681/oj).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU UE L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj).

(3)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ippoċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU UE L 119, 4.5.2016, p. 89, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2016/680/oj).

(4)  Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU UE L 53, 27.2.2008, p. 52, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2008/178(1)/oj).

(5)  Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu ta’ persuni (ĠU UE L 114, 30.4.2002, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2002/309(1)/oj).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2025/13 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2024 dwar il-ġbir u t-trasferiment ta’ informazzjoni bil-quddiem dwar il-passiġġieri għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/818 (ĠU UE L, 2025/13, 8.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/13/oj).


ANNESS

ELEMENTI TAD-DATA TAR-REĠISTRU TAL-ISMIJIET TAL-PASSIĠĠIERI IMSEMMIJIN FL-ARTIKOLU 2, IL-PUNT (5)

1.

Lokalizzatur tar-reġistru tal-PNR

2.

Data tal-prenotazzjoni/ħruġ tal-biljett

3.

Data/i tal-ivvjaġġar ippjanat

4.

Isem/Ismijiet

5.

Indirizz u informazzjoni ta’ kuntatt, jiġifieri n-numru tat-telefown u l-indirizz tal-email tal-passiġġieri

6.

Informazzjoni dwar il-metodi tal-ħlas, u l-ħruġ ta’ kontijiet tal-biljett tal-ajru

7.

Itinerarju sħiħ tal-ivvjaġġar għall-PNR speċifika

8.

Data dwar il-passiġġier(i) li jivvjaġġa(w) ta’ spiss (status u numru tal-vjaġġatur frekwenti)

9.

Aġenzija tal-ivvjaġġar/aġent tal-ivvjaġġar

10.

Status tal-ivvjaġġar tal-passiġġier, inklużi konfermi, status taċ-check-in, informazzjoni dwar in-nuqqas jew il-preżenza

11.

Informazzjoni tal-PNR mifruda/maqsuma

12.

Informazzjoni dwar minuri mhux akkumpanjati taħt it-18-il sena: l-isem, il-ġeneru, l-età, l-ilsien/ilsna mitkellem/mitkellma, l-isem u d-dettalji tal-kuntatt tal-kustodja mat-tluq u r-relazzjoni mal-minuri, l-isem u d-dettalji tal-kuntatt tal-kustodja mal-wasla u r-relazzjoni mal-minuri, l-isem tal-aġent tat-tluq u tal-wasla

13.

Informazzjoni fil-qasam tal-biljetti, inkluż in-numru tal-biljett, id-data tal-ħruġ tal-biljett u biljetti ta’ direzzjoni waħda, spazji tal-automated ticket fare quote

14.

Numru tal-post u informazzjoni oħra dwar il-post

15.

Informazzjoni dwar il-kondiviżjoni tal-kodiċi

16.

L-informazzjoni kollha dwar il-bagalji

17.

Numru u ismijiet oħra tal-vjaġġaturi fuq il-PNR

18.

Kwalunkwe elementi tad-data tal-API li tkun diġà nġabret mit-trasportaturi bl-ajru

19.

Il-bidliet storiċi kollha tal-PNR elenkati taħt il-punti 1 sa 18.


DIKJARAZZJONI KONĠUNTA

Il-Partijiet ifakkru li:

—

l-Istandards u l-Prattiki Rakkomandati tal-Anness 9 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (il-“Konvenzjoni ta’ Chicago”) stabbilew it-termini għall-ġbir, l-użu, l-ipproċessar u l-protezzjoni tad-data tal-PNR;

—

id-Direttiva (UE) 2016/681 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) tistabbilixxi r-regoli u l-kundizzjonijiet għat-trasferiment u l-ipproċessar tad-data tal-PNR mill-Istati Membri tal-Unjoni. Flimkien mar-Regolament (UE) 2016/679 (2) u d-Direttiva (UE) 2016/680 (3) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, hija tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari d-drittijiet għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali;

—

l-Att Żvizzeru dwar id-Data ta’ Passiġġieri tal-Ajru (4) huwa l-bażi legali li tippermetti t-trasferiment tad-data tal-PNR mit-trasportaturi bl-ajru Żvizzeri lill-PIUs jew lill-awtoritajiet kompetenti korrispondenti tal-Istati barranin, inklużi dawk tal-Istati Membri tal-Unjoni u li jirregola l-użu tad-data tal-PNR mill-Iżvizzera;

—

dan il-Ftehim jistabbilixxi r-regoli u l-kundizzjonijiet li jippermettu t-trasferiment tad-data tal-PNR mill-Unjoni għall-Iżvizzera u għall-ipproċessar ta’ dik id-data mill-Iżvizzera.

Il-Partijiet jesprimu l-intenzjoni tagħhom li jrawmu kooperazzjoni reċiproka fil-qasam tal-PNR, filwaqt li jfakkru fil-prinċipju tad-disponibbiltà u jinkoraġġixxu kooperazzjoni operattiva bejn l-Unitajiet tal-Informazzjoni dwar il-Passiġġieri u l-awtoritajiet tal-pulizija u ġudizzjarji kompetenti.

Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza li jinfurmaw lil xulxin dwar l-iżviluppi relatati mal-PNR u l-aħjar prattiki fl-Unjoni, fl-Istati Membri tagħha u fl-Iżvizzera.


(1)  Id-Direttiva (UE) 2016/681 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar l-użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja. (ĠU UE L 119, 4.5.2016, p. 132, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2016/681/oj).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) . (ĠU UE L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj).

(3)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI. (ĠU UE L 119, 4.5.2016, p. 89, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2016/680/oj).

(4)  L-Att Federali tal-21 ta’ Marzu 2025 dwar l-ipproċessar tad-Data tal-Passiġġieri tal-Ajru bl-iskop li jiġu miġġielda Reati Terroristiċi u Reati Kriminali Serji Oħra (RS 129).


ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2026/2361/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)