Kawża C-402/10

Groupe Limagrain Holding

vs

Établissement national des produits de l’agriculture et de la mer

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (Franza))

“Agrikoltura — Regolamenti (KEE) Nri 3665/87 u 565/80 — Ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni — Ħlas lura mħallas bil-quddiem — Merkanzija mqiegħda taħt is-sistema ta’ ħażna doganali — Assenza ta’ żamma ta’ reġistri tal-iskorti — Prova tal-esportazzjoni tal-merkanzija — Akkwiżizzjoni tal-intier jew ta’ parti mill-ħlas lura relatat ma’ din l-esportazzjoni — Obbligu li jiġi rrimborsat l-ammont miġbur indebitament — Applikazzjoni ta’ żieda mal-ammont li għandu jiġi rrimborsat”

Sommarju tas-sentenza

1.        Agrikoltura — Organizzazzjoni komuni tas-swieq — Ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni — Ħlas bil-quddiem — Merkanzija mqiegħda taħt is-sistema ta’ ħażna doganali — Obbligu li jinżammu reġistri tal-iskorti

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 565/80 u Nru 2913/92; Regolamenti tal-Kummissjoni Nru 3665/87, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1708/93, u Nru 2454/93)

2.        Agrikoltura — Organizzazzjoni komuni tas-swieq — Ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni — Ħlas bil-quddiem — Merkanzija mqiegħda taħt is-sistema ta’ ħażna doganali — Nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li jinżammu reġistri tal-iskorti

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 565/80 u Nru 2913/92; Regolamenti tal-Kummissjoni Nru 3665/87, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1708/93, u Nru 2454/93)

1.        Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-prefinanzjament tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni, u b’mod partikolari dawk tar-Regolament Nru 3665/87, dwar regoli komuni għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ ħlas lura fuq l-esportazzjoni rigward prodotti agrikoli, kif emendat b’mod partikolari bir-Regolament Nru 1708/93, moqrija flimkien ma’ dawk tar-Regolament Nru 565/80, fuq il-ħlas bil-quddiem ta’ rifużjonijiet [ħlas lura] fuq l-esportazzjoni rigward prodotti agrikoli, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ż-żamma, b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni, ta’ reġistri tal-iskorti għall-prodotti mqiegħda taħt il-kontroll doganali hija kundizzjoni sabiex jingħata l-ħlas bil-quddiem ta’ ħlas lura fuq l-esportazzjoni li tirrigwarda dawn il-prodotti. Madankollu, dubji li jippersistu fir-rigward tal-eżattezza ta’ ċerti entrati jew dubji dwar inkonsistenzi jew ommissjonijiet minuri fl-imsemmija reġistri tal-iskorti jistgħu jiġu kkjarifikati bl-għajnuna ta’ dokumenti addizzjonali oħra, jekk kemm-il darba dawn id-dokumenti jitqiesu li huma sodisfaċjenti mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

(ara l-punt 39 u d-dispożittiv 1)

2.        Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni relattivi għall-prefinanzjament tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni, u b’mod partikolari dawk tar-Regolament Nru 3665/87, dwar regoli komuni għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ ħlas lura fuq l-esportazzjoni rigward prodotti agrikoli, kif emendat b’mod partikolari bir-Regolament Nru 1708/93, moqrija flimkien ma’ dawk tar-Regolament Nru 565/80, fuq il-ħlas bil-quddiem ta’ rifużjonijiet [ħlas lura] fuq l-esportazzjoni rigward prodotti agrikoli, għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

-      sa fejn u jekk kemm-il darba l-obbligu li jinżammu, b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni, reġistri tal-iskorti għall-prodotti mqiegħda taħt il-kontroll doganali tal-Unjoni, ma jiġix sodisfatt, il-prova li merkanzija simili fil-kwantità jew fin-natura għal dik imsemmija fid-dikjarazzjoni ta’ ħlas bil-quddiem ġiet esportata ma hijiex biżżejjed sabiex l-ammont ta’ ħlas lura fuq l-esportazzjoni fir-rigward ta’ din il-merkanzija jkun jista’ jitqies li huwa akkwiżit fir-rigward tal-esportatur;

-      fl-eventwalità fejn l-esportatur għandu jħallas lura, minħabba nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li jinżammu reġistri tal-iskorti għall-prodotti mqiegħda f’maħżen doganali, is-somom totali jew parti mis-somom riċevuti bħala ħlas bil-quddiem tal-ħlas lura fuq l-esportazzjoni, hemm lok li mal-ammont indebitu li għandu jitħallas lura tiġi applikata ż-żieda ta’ 20 % prevista fit-tieni subparagafu tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament Nru 3665/87.

(ara l-punti 47, 55 u d-dispożittiv 2)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

27 ta’ Ottubru 2011 (*)

“Agrikoltura – Regolamenti (KEE) Nri 3665/87 u 565/80 – Ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni – Ħlas lura mħallas bil-quddiem – Merkanzija mqiegħda taħt is-sistema ta’ ħażna doganali – Assenza ta’ żamma ta’ reġistri tal-iskorti – Prova tal-esportazzjoni tal-merkanzija – Akkwiżizzjoni tal-intier jew ta’ parti mill-ħlas lura relatat ma’ din l-esportazzjoni – Obbligu li jiġi rrimborsat l-ammont miġbur indebitament – Applikazzjoni ta’ żieda mal-ammont li għandu jiġi rrimborsat”

Fil-Kawża C‑402/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, ippreżentata mill-Conseil d’État (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Mejju 2010, li waslet fil-Qorti tal‑Ġustizzja fis-6 ta’ Awwissu 2010, fil-proċedura

Groupe Limagrain Holding

vs

Établissement national des produits de l’agriculture et de la mer,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn A. Borg Barthet, li qed jaġixxi bħala President tal-Ħames Awla, J.‑J. Kasel u M. Berger (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Mejju 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Groupe Limagrain Holding, minn A. Monod u V. Maignan-Artiga, avukati,

–        għall-Établissement national des produits de l’agriculture u de la mer, minn F. Blancpain, avukat,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u B. Cabouat, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Burggraaf u D. Triantafyllou, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l‑kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3665/87, tas-27 ta’ Novembru 1987, dwar regoli komuni għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ ħlas lura fuq l-esportazzjoni rigward prodotti agrikoli (ĠU L 351, p. 1), kif emendat b’mod partikolari bir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1708/93, tat-30 ta’ Ġunju 1993 (ĠU L 159, p. 77, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 3665/87”), moqrija flimkien ma’ dawk tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 565/80, tal-4 ta’ Marzu 1980, fuq il-ħlas bil-quddiem ta’ rifużjonijiet [ħlas lura] fuq l-esportazzjoni rigward prodotti agrikoli (ĠU L 62, p. 5).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-kumpannija Groupe Limagrain Holding (iktar ’il quddiem “Limagrain”), aventi kawża tal-kumpannija Maïs Céréales Technologie (iktar ’il quddiem “MCT”), u l-Office national interprofessionnel des céréales (iktar ’il quddiem l-“ONIC”), li sar l-Établissement national des produits de l’agriculture et de la mer, fir-rigward tar-rimbors ta’ ħlas lura fuq l-esportazzjoni miġbura bil-quddiem minn MCT.

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament Nru 565/80

3        Ir-Regolament Nru 565/80 jistabbilixxi, fir-rigward ta’ ċerti prodotti agrikoli, fosthom dawk li jaqgħu taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2727/75, tad-29 ta’ Ottubru 1975, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq taċ-ċereali (ĠU L 281, p. 1), imħassar u ssostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1766/92, tat-30 ta’ Ġunju 1992 (ĠU L 181, p. 21), sistema ta’ prefinanzjament ta’ ħlasijiet lura fuq l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi.

4        L-Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Ammont ugwali għar-rifużjoni [ħlas lura] fuq l-esportazzjoni għandu, fuq talba tal-parti konċernata, jitħallas malli l-prodotti basiċi jitqiegħdu taħt il-kontroll tad-dwana fejn jassiguraw illi l-prodotti pproċessati jew l-oġġetti jkunu esportati fil-limitu taż-żmien mogħti.”

5        Skont l-Artikolu 6 tal-istess regolament:

“Il-benefiċċju ta’ l-arranġamenti pprovduti f’dan ir-Regolament għandhom ikunu suġġetti għad-depositu ta’ sigurtà li tiggarantixxi ħlas lura ta’ ammont ugwali għall-ammont imħallas, flimkien ma’ ammont addizzjonali.

Mingħajr preġudizzju għal każijiet force majeure, din is-sigurtà għandha tintilef fl-intier jew f’parti minnha:

–        fejn il-ħlas lura jkun għadu ma sarx meta l-esportazzjoni ma tkunx saret fi żmien il-perjodu msemmi fl-Artikol[u] 4(1) […]

      jew

–        jekk ikun pruvat li m’hemmx dritt għar-rifużjoni [ħlas lura] fuq l-esportazzjoni, jew jekk kien hemm dritt għal rifużjoni iżgħar.”

 Ir-Regolament Nru 3665/87

6        Fit-Titolu 2 tal-Kapitolu 3 tiegħu, li fih għandu l-Artikoli 24 sa 33, ir-Regolament Nru 3665/87 jiddeskrivi r-regoli ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 565/80 u l-formalitajiet li jridu jiġu ssodisfatti jew il-kundizzjonjiet li għandhom jiġu osservati sabiex wieħed jibbenefika mill-ħlas bil-quddiem tal-ħlas lura fil-każ ta’ pproċessar jew ta’ ħażna qabel l-esportazzjoni.

7        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 25(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Meta l-esportatur juri x-xewqa li jesporta l-prodotti jew il-merkanzija wara proċessar jew ħażna u li jibbenefika minn rifużjoni [ħlas lura], b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 4 jew 5 tar-Regolament (KEE) Nru 565/80, l-eliġibbiltà għall-benefiċċju taħt dawn id-dispożizzjonijiet hija suġġetta għall-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni iktar ’il quddiem imsejħa ‘dikjarazzjoni ta’ ħlas’ lill-awtoritajiet doganali.”

8        L-Artikolu 26(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Meta tiġi aċċettata d-dikjarazzjoni ta’ ħlas, il-prodotti jew merkanzija jitqiegħdu taħt il-kontroll doganali sakemm dawn jitilqu mit-territorju doganali tal-Komunità jew jaslu f’destinazzjoni prevista.”

9        Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 27(5) tar-Regolament Nru 3665/87:

“Prodotti bażiċi jistgħu jibqgħu taħt il-kontroll doganali, bl-iskop li jiġu pproċessati, għal sitt xhur mid-data tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ ħlas.”

10      L-Artikolu 29(1) u (2) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“1.      L-ammont li għandu jitħallas qabel l-esportazzjoni għandu jitħallas mill-Istat Membru li fih tiġi aċċettata d-dikjarazzjoni ta’ ħlas.

2.      L-ammont għandu jitħallas biss fuq talba bil-miktub mill-esportatur. […]”

11      L-Artikolu 31(1) tal-istess regolament jipprovdi:

“Qabel ma tiġi aċċettata d-dikjarazzjoni ta’ ħlas, għandha ssir garanzija ekwivalenti għall-ammont ikkalkulat skont l-Artikolu 29(3) flimkien ma’ żieda eventwali ta’ ammont kompensatorju pożittiv, kif ukoll żieda ta’ 20 % tas-somma hekk miksuba. […]”

12      L-Artikolu 33(1) ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

“Meta prova tal-intitolament għal rifużjoni [ħlas lura] tiġi pprovduta fir-rigward tal-prodotti jew merkanzija eliġibbli għall-benefiċċju permezz tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu, l-ammont inkwistjoni għandu jitpaċa mal-ammont imħallas bil-quddiem. Meta l-ammont dovut fuq il-kwantità esportata jkun ogħla minn dak imħallas bil-quddiem, id-differenza għandha titħallas lill-persuna kkonċernata.

Meta l-ammont dovut fuq il-kwantità esportata jkun iktar baxx minn dak imħallas bil-quddiem, u b’mod partikolari meta l-paragrafu 2 ikun japplika, l-awtorità kompetenti għandha tagħti bidu, mingħajr dewmien, għall-proċedura msemmija fl-Artikolu 29 tar-Regolament (KEE) Nru 2220/85 bl-iskop tal-ħlas lura, mill-esportatur, tad-differenza bejn dawk iż-żewġ ammonti, miżjuda b’20 %.”

 Ir-Regolament (KEE) Nru 3719/88

13      Fl-Artikolu 43(1) tiegħu, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3719/88, tas-16 ta’ Novembru 1988, li jistabbilixxi regoli dettaljati komuni għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ liċenzji ta’ importazzjoni, ta’ esportazzjoni u ta’ ċertifikati ta’ iffissar bil-quddiem għal prodotti agrikoli (ĠU L 331, p. 1) jipprovdi:

“Meta prodotti bażiċi jitqiegħdu taħt is-sistema prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KEE) Nru 565/80 […] u meta tintuża liċenzja ta’ esportazzjoni jew ċertifikat ta’ ffissar bil-quddiem, u fil-każ fejn il-persuna interessata, b’mod totali jew parzjali:

–        tirtira tali prodotti bażiċi mill-kontroll doganali, kemm jekk f’dak l-istat jew fil-forma ta’ prodotti pproċessati, jew tali prodotti jew merkanzija, jew

–        ma tikkonformax mat-terminu totali msemmi fl-Artikolu 27(5), u fl-Artikolu 28(5) tar-Regolament (KEE) Nru 3665/87 jew f’dispożizzjonijiet regolamentari oħra,

l-obbligu ta’ esportazzjoni ma jkunx ġie osservat għall-kwantità ikonċernata.”

 Ir-Regolament (KEE) Nru 2913/92

14      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 105 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali tal-Komunità”):

“Il-persuna nominata mill-awtoritajiet doganali għandha żżomm dokumenti tal-ħażniet tal-merkanzija kollha mqiegħda taħt il-proċedura magażinaġġ [is-sistema ta’ ħażna] doganali f’forma approvata minn dawk l-awtoritajiet. Dokumenti tal-ħażniet m’humiex neċessarji meta maħżen pubbliku jitħaddem mill-awtoritajiet doganali.”

 Ir-Regolament (KEE) Nru 2454/93

15      Fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fiż-żmien ta’ meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 504(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi -l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità”) kien jipprovdi:

“Mingħajr pregudizzzju għal paragrafi 2 u 3, l-imħażen doganali li fihom ikunu maħżuna l-oġġetti taħt il-proċedura ta’ magażżinaġġ [ħażna] doganali għandhom jiġu kklassifikati kif ġej:

[…]

–        tip C: maħżen privat konformi mat-tieni inċiż tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 99 tal-Kodiċi meta l-magażżinier tal-maħżen ikun l-istess persuna bħad-depożitant iżda mhux neċessarjament is-sid tal-merkanzija,

[…]”

16      L-Artikolu 517(1) tal-imsemmi regolament kien jipprovdi:

“Fl-mħażen tat-tip A, tat-tip C, tat-tip D u tat-tip E, l-awtoritajiet doganali għandhom jindikaw lill-magażżinier bħala l-persuna obbligata li żżomm ir-reġistri ta’ l-iskorti imsemmija fl-Artikolu 105 tal-Kodiċi [Doganali tal-Komunità].

Ir-reġistri ta’ l-iskorti għandhom ikun disponibbli għall-uffiċju ta’ sorveljanza sabiex dan ikun jista’ jwettaq il-verifika.”

17      L-Artikolu 520 tal-istess regolament kien jipprovdi:

“1.      Ir-reġistri ta’ l-iskorti imsemmija fl-Artikolu 105 tal-Kodiċi [Doganali tal-Komunità] għandhom jinkludu d-dettalji kollha meħtieġa għall applikazzjoni xierqa u għas-sorveljanza [kontroll] tal-proċedura.

Dawn għandhom jinkludu:

(a)      l-informazzjoni li jkun hemm fil-kaxxi 1, 31, 37 u 38 tad-dikjarazzjoni tad-dħul għal proċedura;

(b)      id-dettalji ta’ referenza tad-dikjarazzjonijiet li permezz tagħhom il-merkanzija tkun ġiet mogħtija trattament jew użu approvati mid-dwana, li bihom tkun sodisfatta il-proċedura ta’ magażżinaġġ [ħażna] doganali;

(ċ)      id-data u d-dettalji tar-referenza tad-dokumenti doganli l-oħra u tad-dokumenti l-oħra kollha li għandhom x’jaqsmu mad-dħul u mal-verifika;

(d)      l-informazzjoni li tippermetti li l-merkanija tiġi segwita, inkluż fejn tkun qiegħeda u d-dettalji ta’ xi trasferiment tal-merkanzija bejn l-imħażen doganali mingħajr ma jintemmu l-arranġamenti;

(e)      l-informazzjoni li tikkonċerna il-ħażna komuni tal-merkanzija imsemmija fl-Artikolu 524;

(f)      id-dettalji l-oħra meħtieġa biex tiġi identifikata l-merkanzija;

(g)      l-informazzjoni li tikkonċerna l-modi tas-soltu ta’ l-ispustar li għalihom il-merkanzija tkun soġġetta;

(h)      l-informazzjoni li tikkonċerna t-tneħħija temporanja tal-merkanzija mill-bini tal-maħżen doganali.

[…]

3.      Ir-reġistri ta’ l-iskorti għandhom f’kull ħin juru l-iskorti korrenti tal-merkanzija li tkun għada taħt il-proċedura tal-magażżinaġġ doganali. Fit-termini stabbiliti mill-awtoritajiet doganali, il-magazzinier għandu jippreżenta fl-uffiċċju ta’ sorveljanza lista ta’ l-istess skorti.

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18      MCT kienet tispeċjalizza fil-konservazzjoni taċ-ċereali, b’mod partikolari l-qlub tal-qamħ, u fl-ipproċessar ta’ dan il-qamħ f’semolina tal-qamħ, sabiex tiġi esportata.

19      Fit-30 ta’ Settembru 1994, din il-kumpannija, b’applikazzjoni tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 565/80, għamlet dikjarazzjoni tal-ħażna doganali ta’ skorta ta’ qamħ bi stennija għall-esportazzjoni ta’ dan il-qamħ fil-forma ta’ semolina.

20      Il-maħżen li fih tqiegħdet l-iskorta kien maħżen tat-tip C fis-sens tal-Artikolu 504 tar-Regolament ta’ implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità.

21      Din id-dikjarazzjoni tat lok għall-ħlas mill-ONIC ta’ ħlas bil-quddiem fuq ħlas lura għall-ammont ta’ FRF 2 523 414.07.

22      Matul is-sena 1996, id-dipartimenti doganali wettqu kontroll fuq dokumenti li wrew l-assenza, matul il-perijodu ta’ ħażna, ta’ reġistri tal-iskorti għall-merkanzija mqiegħda taħt is-sistema ta’ ħażna doganali, bħalma huwa previst fl-Artikolu 105 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità.

23      Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Novembru 1998, l-ONIC talab lil MCT tħallas lura s-somma ta’ FRF 3,028,096.88, li jikkorrispondu għall-ammont ta’ ħlas lura miġbura bil-quddiem minn din il-kumpannija, b’żieda ta’ penali ta’ 20 %, b’applikazzjoni tal-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 3665/87.

24      MCT talbet l-annullament tal-irkupru maħruġ mill-ONIC.

25      Permezz ta’ sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2004, it-Tribunal administratif ta’ Clermont‑Ferrand ċaħad din it-talba. Permezz ta’ sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2007, il-Qorti tal-Appell ta’ Lyon ikkonfermat din is-sentenza.

26      Limagrain, aventi kawża ta’ MCT, ressqet appell quddiem il-Conseil d’État.

27      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li, permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Mejju 2010, il-Conseil d’État, li kellu dubji dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 4(1) tar-Regolament Nru 565/80 u 105 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      In-nuqqas [L-assenza] ta’ żamma, bi ksur tal-obbligi li għandu d-depożitarju taħt il-leġiżlazzjoni Komunitarja Doganali, ta’ kotba tan-negozju [reġistri tal-iskorti] għall-prodotti jew merkanzija mqiegħda f’sistema ta’ maħżen [ħażna] doganali huwa suffiċjenti sabiex l-esportatur li jkun qiegħed il-prodotti tiegħu jew il-merkanzija tiegħu f’dan il-maħżen jiġi mċaħħad mill-benefiċċju ta’ prefinanzjament previst taħt id-dispożizzjonijiet magħquda tar-Regolamenti [Nri 3665/87 u 565/80]?

2)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, liema huma l-konsegwenzi li jistgħu jinsiltu fir-rigward tas-somom riċevuti mill-benefiċjarju?

B’mod partikolari:

a)      fil-każ li jkun stabbilit li l-merkanzija ġiet esportata realment, l-ammont ta’ rifużjonijiet [ħlasijiet lura] relatati ma’ dawn l-esportazzjonijiet jista’ jitqies bħala li ġie akkwistat, totalment jew parzjalment, mill-esportatur? F’dan l-aħħar każ, għandha tinżamm ir-rata ta’ rifużjoni kif ġiet iffissata bil-quddiem b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar ħlas bil-quddiem ta’ rifużjonijiet għall-esportazzjoni jew ir-rata applikabbli fid-data tal-esportazzjoni effettiva, fil-limitu jew le tar-rata ffissata bil-quddiem?

b)      fil-każ ta’ obbligu ta’ ħlas mill-ġdid totali jew parzjali tas-somon riċevuti, hemm lok li jiżdied, skont l-Artikolu 33 tar-Regolament (KEE) Nru [3]665/87 […] l-ammont mhux dovut sabiex titħallas mill-ġdid il-penali pprovduta taħt dawn id-dispożizzjonijiet, għalkemm ir-responsabbiltà għaż żamma ta’ kotba tan-negozji hija tad-depożitarju, fil-każ li, bħal f’dan il-każ, il-maħżen tad-dazju huwa maħżen privat tat-tip Ċ miżmum mill-esportatur tal-merkanzija agrikola nnifsu?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

28      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-prefinanzjament tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-assenza taż-żamma, bi ksur tal-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni, ta’ reġistri tal-iskorti għal prodotti mqiegħda taħt il-kontroll Doganali huwiex suffiċjenti sabiex l-esportatur jiġi mċaħħad mill-benefiċċju ta’ ħlas bil-quddiem ta’ ħlas lura fuq l-esportazzjoni relattiva għal dawn il-prodotti.

29      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandhom jitfakkru l-karatteristiċi, rilevanti fil-kawża prinċipali, tas-sistema ta’ ħlasijiet bil-quddiem ta’ ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni.

30      L-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 565/80 jipprovdi li ammont ugwali għall-ħlas lura għandu jitħallas lill-esportatur meta l-prodotti bażiċi jitqiegħu taħt il-kontroll doganali li jiggarantixxi li l-prodotti pproċessati jiġu esportati f’terminu stabbilit. B’applikazzjoni tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 3665/87, il-benefiċċju ta’ din is-sistema ta’ prefinanzjament tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni huwa suġġett għall-preżentazzjoni lill-awtoritajiet doganali, u għall-aċċettazzjoni minnhom, ta’ dikjarazzjoni ta’ ħlas. Skont l-Artikoli 26 u 27 tal-imsemmi regolament, il-prodotti bażiċi għandhom jitqiegħdu taħt il-kontroll doganali sa mid-data tal-aċċettazzjoni tat-talba għall-ħlas, sal-esportazzjoni tagħhom, liema esportazzjoni għandha sseħħ, fil-prinċipju, f’terminu ta’ sitt xhur.

31      Minn dawn id-dispożizzjonijiet meħuda flimkien jirriżulta li l-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ prefinanzjament tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni jistrieħ fuq il-mekkaniżmu ta’ sorveljanza li jikkostitwixxi s-sistema ta’ kontroll doganali. L-implementazzjoni ta’ din is-sistema għandha tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jivverifikaw u jiżguraw f’kull ħin, skont proċedura uniformi fl-Istati Membri kollha, li l-kundizzjonijiet materjali meħtieġa għall-għoti tal-ħlas lura mitlub, kif stabbiliti bid-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt tal-Unjoni, ikunu kollha sodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 1988, Bayernwald Früchteverwertung, 121/87, Ġabra p. 6273, punt 18)

32      L-osservanza tal-obbligi marbuta mas-sistema ta’ kontroll doganali hija għalhekk kundizzjoni sabiex wieħed jibbenefika mill-ħlas bil-quddiem ta’ ħlas lura fuq l-esportazzjoni b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 565/80.

33      Fost l-obbligi essenzjali marbuta ma’ din is-sistema jinsab, skont l-Artikolu 105 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, l-obbligu li jinżammu reġistri tal-iskorti għall-merkanzija mqiegħda taħt is-sistema ta’ ħażna doganali, ħlief jekk dan il-maħżen ikun wieħed pubbliku operat mill-awtoritajiet doganali. Din l-eċċezzjoni ma hijiex rilevanti fil-kawża prinċipali, peress li l-prodotti bażiċi tqiegħdu f’maħżen privat tat-tip Ċ.

34      Bis-saħħa tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 520(1), tar-regolament ta’ implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, ir-reġistri doganali għandhom jinkludu d-dettalji kollha meħtieġa għall-implementazzjoni xierqa tas-sistema ta’ kontroll doganali.

35      Fil-verżjoni tiegħu applikabbli fiż-żmien ta’ meta seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 520(1) kien jelenka lista ta’ dettalji li għandhom jitniżżlu fir-reġistri tal-iskorti. L-użu tal-frażi “għandhom jinkludu” fir-rigward tal-imsemmija dettalji jindika li l-leġiżlatur kien jikkunsidra din il-lista bħala l-minimu indispensabbli.

36      Barra minn hekk, l-Artikolu 520(3) jippreċiża li “[i]r-reġistri ta’ l-iskorti għandhom f’kull ħin juru l-iskorti korrenti tal-merkanzija li tkun għada taħt il-proċedura tal-magażżinaġġ doganali.”

37      Isegwi li, fil-każ fejn id-dettalji minimi indispensabbli meħtieġa mill-Artikoli 520 et seq tar-regolament ta’ implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità ikunu nieqsa, l-obbligu taż-żamma ta’ reġistri tal-iskorti ma tistax titqies li ġiet sodisfatta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bayernwald Früchteverwertung, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19). Minn dan jirriżulta nuqqas ta’ obbligu essenzjali tas-sistema ta’ kontroll doganali. Għalhekk, waħda mill-kundizzjonijiet li jippermettu li wieħed jibbenefika mill-ħlas bil-quddiem ta’ ħlas lura fuq l-esportazzjoni b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 565/80 ma hijiex sodisfatta.

38      Madankollu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan tar-reġistri tal-iskorti, li huwa dak li jippermetti li jiġu vverifikati n-natura u l-kwantitajiet preċiżi tal-merkanzija li għaliha huwa dovut ħlas lura. Għalhekk, fil-każ ta’ dubju dwar l-eżattezza ta’ ċerti entrati li jinsabu fir-reġistri tal-iskorti, ma huwiex eskluż li wieħed jirrikorri għal dokumenti oħra addizzjonali sabiex id-dubju li jkun fadal jiġi eliminat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bayernwald Früchteverwertung, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19). Għalhekk, dubji li jippersistu fir-rigward tal-eżattezza ta’ ċerti entrati jew dubji dwar inkonsistenzi jew ommissjonijiet minuri fl-imsemmija reġistri tal-iskorti jistgħu jiġu kkjarifikati bl-għajnuna ta’ dokumenti addizzjonali oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bayernwald Früchteverwertung, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20).

39      Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda mressqa għandha tkun li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-prefinanzjament tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li ż-żamma, b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni, ta’ reġistri tal-iskorti għall-prodotti mqiegħda taħt il-kontroll doganali hija kundizzjoni sabiex jingħata l-ħlas bil-quddiem ta’ ħlas lura fuq l-esportazzjoni li tirrigwarda dawn il-prodotti. Madankollu, dubji li jippersistu fir-rigward tal-eżattezza ta’ ċerti entrati jew dubji dwar inkonsistenzi jew ommissjonijiet minuri fl-imsemmija reġistri tal-iskorti jistgħu jiġu kkjarifikati bl-għajnuna ta’ dokumenti addizzjonali oħra, jekk kemm-il darba dawn id-dokumenti jitqiesu li huma sodisfaċjenti mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

 Fuq it-tieni domanda

40      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju, filwaqt li tinvoka sitwazzjoni fejn l-obbligu li jinżammu, b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni, reġistri tal-iskorti għall-prodotti mqiegħda taħt kontroll doganali ma ġiex sodisfatt, tistaqsi liema konsegwenzi għandhom jinsiltu minn dan in-nuqqas fid-dawl tas-somom li l-esportatur ikun irċieva bil-quddiem bħala ħlas bil-quddiem ta’ ħlas lura fuq l-esportazzjoni.

41      Din id-domanda fiha żewġ partijiet.

42      L-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, fl-eventwalità fejn jiġi stabbilit li l-merkanzija msemmija fid-dikjarazzjoni ta’ ħlas bil-quddiem tkun ġiet realment esportata, l-ammont ta’ ħlas lura fuq l-esportazzjoni relattiv għal din il-merkanzija jistax madankollu jitqies li huwa akkwiżit fir-rigward tal-esportatur u, f’dan l-aħħar każ, fuq il-bażi ta’ liema rata għandu jiġi kkalkolat l-ammont tal-imsemmi ħlas lura.

43      Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li, hekk kif jirriżulta mill-punti 30 sa 32 ta’ din is-sentenza, il-benefiċċju tad-dritt għall-ħlas bil-quddiem ta’ ħlas lura huwa suġġett, b’mod partikolari, għall-prova li l-prodotti li għaliha ġiet ippreżentata dikjarazzjoni ta’ ħlas ikunu baqgħu taħt il-kontoll doganali sal-esportazzjoni tagħhom. Huwa l-esportatur li għandu jagħti l-prova tal-osservanza tal-obbligi marbuta mas-sistema ta’ kontroll doganali u din għandha tingħata b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni, hekk kif interpretata fil-punti 37 sa 39 ta’ din is-sentenza.

44      L-issuġġettar ta’ dawn il-prodotti għas-sistema ta’ kontroll doganali għandha l-għan li tiggarantixxi l-identità tal-prodotti msemmija fid-dikjarazzjoni ta’ ħlas u tal-prodotti effettivament esportati. Fl-assenza ta’ eżekuzzjoni regolari tal-implementazzjoni taħt is-sistema ta’ ħażna doganali, il-prova li l-merkanzija mniżżla fid-dikjarazzjoni ta’ ħlas bil-quddiem ġiet realment esportata ma tkunx tista’ tiġi rrappurtata b’mod sodisfaċjenti. L-iktar l-iktar tkun tista’ tiġi stabbilita l-esportazzjoni ta’ merkanzija ta’ kwantità u ta’ natura simili.

45      In-nuqqas ta’ eżekuzzjoni regolari tal-implementazzjoni taħt is-sistema ta’ ħażna doganali hija ssanzjonata, b’mod partikolari b’applikazzjoni tal-Artikolu 43 tar-Regolament Nru 3719/88 (ara s-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2000, LFZ Nordfleisch, C‑217/98, Ġabra p. I‑1619, punt 42). Skont l-Artikolu 43(1), meta prodotti jkunu tqiegħdu taħt is-sistema prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 565/80 u meta l-esportatur ineħħi dawn il-prodotti, kollha jew parti minnhom, mill-kontroll doganali, hemm lok li jitqies li l-obbligu ta’ esportazzjoni ma ġiex osservat għall-kwantità kkonċernata, u dan ifisser it-telf, għal dik l-istess kwantità, ta’ kull dritt għal ħlas lura.

46      L-irtirar mill-kontroll doganali għandu jiġi assimilat mal-eventwalità li għaliha tagħmel riferiment il-qorti tar-rinviju, jiġifieri dik fejn l-obbligu li jinżammu, b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni, reġistri tal-iskorti għall-prodotti mqiegħda taħt dan il-kontroll, ma jkunx ġie sodisfatt. Fil-fatt, il-konsegwenza ta’ dawn iż-żewġ ċirkustanzi hija li l-awtoritajiet doganali jiġu mċaħħda mill-possibbiltà li jikkontrollaw il-passaġġ tal-prodotti kkonċernati u, konsegwentement, li jiżguraw ruħhom mill-osservanza tal-kundizzjonijiet marbuta mas-sistema ta’ ħlas bil-quddiem ta’ ħlas lura fuq l-esportazzjoni.

47      Għaldaqstant, hemm il-lok li r-risposta għall-ewwel parti tat-tieni domanda tkun li, sa fejn u jekk kemm-il darba l-obbligu li jinżammu, b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni, reġistri tal-iskorti għall-prodotti mqiegħda taħt il-kontroll doganali b’applikazzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 565/80, ma jiġix sodisfatt, il-prova li merkanzija simili fil-kwantità jew fin-natura għal dik imsemmija fid-dikjarazzjoni ta’ ħlas bil-quddiem ġiet esportata ma hijiex biżżejjed sabiex l-ammont ta’ ħlas lura fuq l-esportazzjoni fir-rigward ta’ din il-merkanzija jkun jista’ jitqies li huwa akkwiżit fir-rigward tal-esportatur.

48      It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, fl-eventwalità fejn l-esportatur ikollu jħallas lura, minħabba nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu taż-żamma ta’ reġistri tal-iskorti għall-prodotti mqiegħda f’maħżen doganali, is-somom kollha jew parti minn dawk riċevuti bħala ħlas bil-quddiem ta’ ħlas lura fuq l-esportazzjoni, għandhiex tiżdied fuq l-ammont li għandu jitħallas lura, żieda ta’ 20 % kif prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament Nru 3665/87.

49      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-imsemmi tieni subparagrafu tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament Nru 3665/87, meta jidher li l-ammont dovut bħala ħlas lura fuq l-esportazzjoni huwa inqas minn dak li jkun tħallas bil-quddiem, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tagħti bidu, mingħajr dewmien, għall-proċedura bl-iskop tal-ħlas lura, mill-esportatur, tad-differenza bejn dawk iż-żewġ ammonti, miżjuda b’20 %.

50      Ċertament, din id-dispożizzjoni ma tidentifikax b’mod espliċitu l-persuna responsabbli għall-ħlas, jekk ikun il-każ, taż-żieda ta’ 20 %. Madankollu, hekk kif osservat il-Kummissjoni Ewropea, huwa biss l-esportatur li għandu relazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti. Huwa dan li, l-ewwel nett, b’applikazzjoni tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 3665/87, għandu jippreżenta dikjarazzjoni ta’ ħlas u li, qabel l-aċċettazzjoni ta’ din it-talba mill-awtoritajiet kompetenti, għandu, skont l-Artikolu 31 tal-imsemmi regolament, jagħti garanzija li tikkorrispondi għall-ammont tal-ħlas lura kif ikkalkolata f’dik id-data, li magħha tiżdied l-20 %. Huwa dejjem l-esportatur li, it-tieni nett, skont l-Artikolu 29 tal-istess regolament, għandu jippreżenta talba bil-miktub li, hi waħedha, tawtorizza lill-awtoritajiet kompetenti jħallsu lilu bil-quddiem il-ħlas lura fuq l-esportazzjoni. Din il-formalità addizzjonali tagħti b’mod partikolari lill-esportatur il-possibbiltà, fil-każ ta’ bdil tad-destinazzjoni tal-merkanzija, li jirrinunzja totalment għal dan il-ħlas billi jirkupra, f’dan l-aħħar każ, il-garanzija kollha li jkun ta (ara s-sentenza LFZ Nordfleisch, iċċitata iktar ’il fuq, punti 36 u 40).

51      Barra minn hekk, mill-premessa erbgħin tar-Regolament Nru 3665/87 jirriżulta li ż-żieda ta’ 20 % ġiet prevista sabiex jiġi evitat benefiċċju indebitu mill-esportatur ikkonċernat. Hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każijiet fejn tiġi applikata sistema ta’ prefinanzjament, l-operaturi ekonomiċi jibbenefikaw indebitament minn kreditu gratuwit jekk iktar tard jirriżulta li ma hemmx lok li jingħata l-ħlas lura (sentenza tal-5 ta’ Frar 1987, Plange Kraftfutterwerke, 288/85, Ġabra p. 611, punt 14).

52      Minn dan isegwi li huwa l-esportatur li għandu jsostni l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li ġġib magħha s-sistema ta’ prefinanzjament tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni.

53      Indipendentement mill-persuna maħtura mill-awtoritajiet kompetenti sabiex iżżomm reġistri tal-iskorti għall-prodotti mqiegħda f’maħżen doganali, l-esportatur għandu jsostni l-konsegwenzi ta’ nuqqas minn dan l-obbligu. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-esportatur huwa liberu li jagħżel il-kokontraenti tiegħu u li huwa għandu jieħu l-prekawzjonijiet xierqa billi jew jinkorpora klawżoli f’dan ir-rigward fil-kuntratti inkwistjoni, jew billi jagħmel assigurazzjoni speċifika (sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002, Käserei Champignon Hofmeister, C‑210/00, Ġabra p. I‑6453, punt 80).

54      Barra minn hekk u fi kwalunkwe każ, fil-każ tal-kawża prinċipali, fejn il-merkanzija nżammet f’maħżen privat tat-tip C, l-obbligu li jinżammu reġistri tal-iskorti jaqa’, skont l-Artikolu 517(1) tar-Regolament ta’ implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, fuq il-magazzinier, liema magazzinier, skont l-Artikolu 504(1) tal-imsemmi regolament, huwa l-istess persuna bħad-depożitant u għaldaqstant, huwa l-istess persuna bħall-esportatur.

55      Għaldaqstant hemm lok li r-risposta għat-tieni parti tat-tieni domanda mressqa tkun li, fl-eventwalità fejn l-esportatur għandu jħallas lura, minħabba nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li jinżammu reġistri tal-iskorti għall-prodotti mqiegħda f’maħżen doganali, is-somom totali jew parti mis-somom riċevuti bħala ħlas bil-quddiem ta’ ħlas lura fuq l-esportazzjoni, hemm lok li mal-ammont indebitu li għandu jitħallas lura tiġi applikata ż-żieda ta’ 20 % prevista fit-tieni subparagafu tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament Nru 3665/87.

 Fuq l-ispejjeż

56      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-prefinanzjament tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li ż-żamma, b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni, ta’ reġistri tal-iskorti għall-prodotti mqiegħda taħt il-kontroll doganali hija kundizzjoni sabiex jingħata l-ħlas bil-quddiem ta’ ħlas lura fuq l-esportazzjoni li tirrigwarda dawn il-prodotti. Madankollu, dubji li jippersistu fir-rigward tal-eżattezza ta’ ċerti entrati jew dubji dwar inkonsistenzi jew ommissjonijiet minuri fl-imsemmija reġistri tal-iskorti jistgħu jiġu kkjarifikati bl-għajnuna ta’ dokumenti addizzjonali oħra, jekk kemm-il darba dawn id-dokumenti jitqiesu li huma sodisfaċjenti mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

2)      Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni relattivi għall-prefinanzjament tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

–        sa fejn u jekk kemm-il darba l-obbligu li jinżammu, b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni, reġistri tal-iskorti għall-prodotti mqiegħda taħt il-kontroll doganali tal-Unjoni, ma jiġix sodisfatt, il-prova li merkanzija simili fil-kwantità jew fin-natura għal dik imsemmija fid-dikjarazzjoni ta’ ħlas bil-quddiem ġiet esportata ma hijiex biżżejjed sabiex l-ammont ta’ ħlas lura fuq l-esportazzjoni fir-rigward ta’ din il-merkanzija jkun jista’ jitqies li huwa akkwiżit fir-rigward tal-esportatur;

–        fl-eventwalità fejn l-esportatur għandu jħallas lura, minħabba nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li jinżammu reġistri tal-iskorti għall-prodotti mqiegħda f’maħżen doganali, is-somom totali jew parti mis-somom riċevuti bħala ħlas bil-quddiem tal-ħlas lura fuq l-esportazzjoni, hemm lok li mal-ammont indebitu li għandu jitħallas lura tiġi applikata ż-żieda ta’ 20 % prevista fit-tieni subparagafu tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3665/87, tas-27 ta’ Novembru 1987, dwar regoli komuni għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ ħlas lura fuq l-esportazzjoni rigward prodotti agrikoli (ĠU L 351, p. 1), kif emendat b’mod partikolari bir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1708/93, tat-30 ta’ Ġunju 1993.

Firem



* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.