|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/3214 |
27.12.2024 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/3214
tas-16 ta’ Ottubru 2024
li jemenda r-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra minn bastimenti offshore u l-klassifikazzjoni żero tal-fjuwils sostenibbli
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra mit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2015/757 jistabbilixxi r-regoli għall-monitoraġġ, ir-rapportar u l-verifika bir-reqqa tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u ta’ informazzjoni rilevanti oħra mill-bastimenti li jaslu fil-portijiet taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru, li jinsabu fihom jew li jitilqu minnhom, sabiex jitħeġġeġ it-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra mit-trasport marittimu b’mod kosteffettiv. |
|
(2) |
L-Anness I tar-Regolament (UE) 2015/757 jistabbilixxi l-metodi għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra abbażi tal-konsum tal-fjuwil. L-Anness II tar-Regolament (UE) 2015/757 jistabbilixxi r-regoli għall-monitoraġġ ta’ informazzjoni rilevanti oħra. |
|
(3) |
Ir-Regolament (UE) 2023/957 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) emenda r-Regolament (UE) 2015/757, prinċipalment biex jipprevedi l-inklużjoni tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra minn bastimenti offshore fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament mill-1 ta’ Jannar 2025. Madankollu, jeħtieġ li jiġi ċċarat it-terminu “bastimenti offshore” biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi fir-rigward tad-determinazzjoni tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra koperti mir-Regolament lil hinn minn dawk diġà koperti meta jikkonċernaw il-movimenti u l-attivitajiet tal-bastimenti li l-iskop tagħhom hu li jittrasportaw il-merkanzija jew il-passiġġieri għal finijiet kummerċjali. Għalhekk jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli sabiex jipprovdu ċarezza fir-rigward tal-bastimenti u l-emissjonijiet tal-gassijiet serra li jenħtieġ li jkunu koperti mit-tali inklużjoni. Iċ-ċertifikazzjonijiet statutorji tal-bastiment jew kwalunkwe dokumentazzjoni rilevanti oħra, inkluż notazzjonijiet tal-klassijiet, jenħtieġ li jitqiesu bil-ħsieb li jiġi ddeterminat jekk il-bastiment ikkonċernat hux imfassal jew iċċertifikat biex iwettaq attivitajiet ta’ servizzi offshore jew f’installazzjonijiet offshore. |
|
(4) |
Mill-1 ta’ Jannar 2027, il-bastimenti offshore ta’ 5 000 tunnellaġġ gross u aktar se jkunu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-attivitajiet tat-trasport marittimu koperti mill-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Skont l-Artikolu 3gg(5) ta’ dik id-Direttiva, mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2026, il-Kummissjoni jenħtieġ li tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li fih jenħtieġ li jiġu eżaminati l-fattibbiltà u l-impatti ekonomiċi, ambjentali u soċjali tal-inklużjoni f’dik id-Direttiva tal-emissjonijiet mill-bastimenti, inkluż il-bastimenti offshore, taħt il-5 000 tunnellaġġ gross iżda mhux inqas minn 400 tunnellaġġ gross. Dak ir-rapport jenħtieġ li jqis ukoll ir-rabtiet bejn id-Direttiva 2003/87/KE u r-Regolament (UE) 2015/757 u jibbaża fuq l-esperjenza miksuba mill-applikazzjoni tagħhom. Dak ir-rapport jista’ jkun akkumpanjat, jekk xieraq, bi proposti leġiżlattivi, ibbażati fuq l-esperjenza miksuba fl-ewwel snin tal-inklużjoni tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-bastimenti offshore fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2015/757. |
|
(5) |
Ir-regoli fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2015/757 jenħtieġ li jiġu aġġornati biex jiġu aktar allinjati mar-regoli applikabbli għal setturi oħra tas-Sistema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS, Emissions Trading System) fir-rigward tal-fjuwils eliġibbli għal klassifikazzjoni żero skont id-Direttiva 2003/87/KE, b’mod partikolari biex tiġi inkluża l-possibbiltà ta’ fjuwils sintetiċi b’livell baxx ta’ karbonju bi klassifikazzjoni żero. |
|
(6) |
Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2015/757 jiġi emendat kif xieraq, |
|
(7) |
Peress li l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-bastimenti offshore huma inklużi skont ir-Regolament (UE) 2015/757 mill-1 ta’ Jannar 2025, ir-regoli rilevanti f’dan ir-Regolament jenħtieġ li japplikaw kif xieraq, mill-1 ta’ Jannar 2025. |
|
(8) |
L-emissjonijiet tal-gassijiet serra mit-trasport marittimu huma inklużi fl-EU ETS mill-perjodu ta’ rapportar li beda fl-1 ta’ Jannar 2024. Ir-regoli applikabbli għal setturi oħra tal-ETS fir-rigward tal-fjuwils eliġibbli għall-klassifikazzjoni żero skont id-Direttiva 2003/87/KE, f’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2066 (4) kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2493 (5), japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2024. Għalhekk, sabiex tiġi żgurata l-konsistenza, iċ-ċarezza u l-kundizzjonijiet ekwi, ir-regoli għall-monitoraġġ u r-rapportar tal-emissjonijiet minn fjuwils rinnovabbli bi klassifikazzjoni żero ta’ oriġini mhux bijoloġika, fjuwils tal-karbonju riċiklat u fjuwils sintetiċi b’livell baxx ta’ karbonju kif stabbiliti f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2024. |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (UE) 2015/757 huwa emendat kif ġej:
|
(1) |
fl-Anness I, tiddaħħal il-Parti AA wara l-Parti A:
|
|
(2) |
fil-parti C, il-punt 1.2., tal-Anness II, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej: “Permezz ta’ deroga mill-punt 1.1., il-kumpaniji ma għandhomx japplikaw ir-regoli stabbiliti fil-Parti A tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament fir-rigward tad-determinazzjoni tal-fatturi tal-emissjonijiet tas-CO2 meta l-kumpanija tuża fjuwil rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika (RFNBO, Renewable Fuels of Non-Biological Origin), fjuwil tal-karbonju riċiklat (RCF, Recycled Carbon Fuel) jew fjuwil sintetiku b’livell baxx ta’ karbonju. F’każijiet bħal dawn, il-fattur tal-emissjonijiet tas-CO2 għandu jiġi ddeterminat f’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066.”. |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 2025.
Madankollu, l-Artikolu 1, il-punt (2), għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2024.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Ottubru 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 123, 19.5.2015, p. 55, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/757/oj.
(2) Ir-Regolament (UE) 2023/957 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2015/757 sabiex tiġi prevista l-inklużjoni tal-attivitajiet tat-trasport marittimu fis-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet u għall-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra addizzjonali u emissjonijiet minn tipi ta’ bastimenti addizzjonali (ĠU L 130, 16.5.2023, p. 105, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/957/oj).
(3) Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2003/87/oj).
(4) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2066 tad-19 ta’ Diċembru 2018 dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012 (ĠU L 334, 31.12.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/2066/oj).
(5) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2493 tat-23 ta’ Settembru 2024 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2066 rigward l-aġġornament tal-monitoraġġ u r-rapportar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L, 2024/2493, 27.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2493/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/3214/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)