2024/0308 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) (ST 10161/21 INIT; ST 10161/21 ADD1) tat-13 ta’ Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Belġju
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u b’mod partikolari l-Artikolu 20(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Wara l-preżentazzjoni tal-pjan nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza (“RRP”) mill-Belġju fit-30 ta’ April 2021, il-Kummissjoni pproponiet il-valutazzjoni pożittiva tagħha lill-Kunsill. Il-Kunsill approva l-valutazzjoni pożittiva permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021. Dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill ġiet emendata fit-8 ta’ Diċembru 2023.
(2)Fil-25 ta’ Ottubru 2024, il-Belġju għamel talba motivata lill-Kummissjoni biex tagħmel proposta biex temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021 f’konformità mal-Artikolu 21(1) tar-Regolament (UE) 2021/241 għar-raġuni li l-RRP parzjalment ma għadux jista’ jinkiseb minħabba ċirkostanzi oġġettivi. Abbażi ta’ dan, il-Belġju ppreżenta RRP emendat.
Emendi bbażati fuq l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2021/241
(3)L-emendi tal-RRP ippreżentati mill-Belġju minħabba ċirkostanzi oġġettivi jikkonċernaw 24 miżura.
(4)Il-Belġju spjega li żewġ miżuri ġew emendati biex jiġu implimentati alternattivi aħjar sabiex tinkiseb l-ambizzjoni oriġinali tal-miżura. Dan jikkonċerna l-istadju importanti 18 u l-istadju importanti 20 taħt l-investiment I-1.15: “Katina tal-valur industrijali għat-tranżizzjoni lejn l-idroġenu” tal-Istat Federali, id-deskrizzjoni tal-investiment I-1.15: Teknoloġiji tal-enerġija emerġenti u l-istadju importanti 186, l-istadju importanti 187 taħt l-investiment I-5.11: “Tisħiħ tar-R&D” tar-Reġjun Fjamming, u d-deskrizzjoni tal-investiment I-5.11 taħt il-komponent 5.2: Appoġġ għall-attività ekonomika. Abbażi ta’ dan, il-Belġju talab li jemenda l-istadji importanti u l-miżuri msemmija hawn fuq. Barra minn hekk, il-Belġju talab biex jitneħħa l-istadju importanti 112 taħt l-investiment I-3.15: “Smart Move”, taħt il-komponent 3.2: “Bidla Modali” u l-mira 246 taħt l-investiment I-7.25 “Infrastruttura tal-iċċarġjar għax-xarabanks tar-Reġjun ta’ Brussell Kapitali”, taħt il-komponent 7.4: Mobbiltà. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan.
(5)Il-Belġju talab ukoll li juża r-riżorsi liberati bit-tneħħija tal-investiment Smart Move skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2021/241 biex iżid tliet miżuri ġodda. Dan jikkonċerna l-istadju importanti 112 taħt l-investiment I-3.15a – “L-App Floya” tar-Reġjun ta’ Brussell Kapitali u l-investiment I-3.15b: “Estensjoni tan-Network ta’ Kameras ANPR” tar-Reġjun ta’ Brussell Kapitali taħt l-investiment I-3F: “Għodod għall-Mobbiltà Intelliġenti” tar-Reġjun ta’ Brussell Kapitali, taħt il-komponent 3.2 Bidla Modali; u l-mira 246 tal-investiment I-3.21: “Infrastruttura tal-iċċarġjar għax-xarabanks tar-Reġjun ta’ Brussell Kapitali”, taħt il-komponent 3.3: Ekoloġizzazzjoni tat-Trasport bit-Triq. Abbażi ta’ dan, il-Belġju talab biex jiżdiedu l-istadju importanti u l-mira msemmija hawn fuq. Barra minn hekk, il-Belġju talab biex jiżdied il-livell ta’ implimentazzjoni meħtieġa ta’ żewġ miżuri. Dan jikkonċerna l-mira 115 tal-investiment I-3.17 “Ekoloġizzazzjoni tal-flotta tax-xarabanks - RBC”, taħt il-komponent 3.3: Ekoloġizzazzjoni tat-Trasport bit-Triq; u l-istadju importanti 212 tal-investiment I-7.01 - “Skema mtejba ta’ sussidju għall-enerġija – RBC”, taħt il-komponent 7.1: Rinnovazzjoni tal-Bini. Barra minn hekk, il-Belġju talab biex tiżdied il-linja ta’ bażi tal-Mira 242 taħt l-investiment I-7.21: Ekoloġizzazzjoni tal-flotta tax-xarabanks – RBC”, taħt il-komponent 7.4: Mobbiltà biex titqies iż-żieda fil-livell tal-implimentazzjoni tal-investiment I-3.17. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan.
(6)Il-Belġju spjega li 18-il miżura ġew emendati biex tiġi implimentata alternattiva aħjar li tippermetti li jitnaqqas il-piż amministrattiv, filwaqt li xorta jintlaħqu l-għanijiet tal-miżuri rispettivi. Dan jikkonċerna l-istadju importanti 1 tar- riforma R-1.01: “Skema mtejba ta’ sussidju għall-enerġija” tar-Reġjun Fjamming taħt il-komponent 1.1; l-istadju importanti 20 tal-investiment I-1.15: “Katina tal-valur industrijali għat-tranżizzjoni lejn l-idroġenu” tal-Istat Federali; l-istadju importanti 23 tal-investiment I-1.16: “Katina tal-valur industrijali għat-tranżizzjoni lejn l-idroġenu” tar-Reġjun Fjamming u l-istadju importanti 26 tal-investiment I-1.17: “Katina tal-valur industrijali għat-tranżizzjoni lejn l-idroġenu” tar-Reġjun ta’ Wallonia, taħt il-komponent 1.2: Teknoloġiji tal-enerġija emerġenti; l-istadju importanti 54 tal-investiment I-2.05 Diġitalizzazzjoni tas-SPF tal-Istat Federali u l-istadju importanti 54b tal-investiment I-2.05[L]: Diġitalizzazzjoni tas-SPF: Diġitalizzazzjoni tal-proċessi ta’ ġestjoni tal-ażil u l-immigrazzjoni tal-Istat Federali; l-istadju importanti 63 tal-investiment I-2.06 - Servizzi tas-Saħħa elettronika u Data dwar is-Saħħa tal-Istat Federali u d-deskrizzjoni tal-investiment I-2.06; l-istadju importanti 68 tal-investiment I-2.09: Diġitalizzazzjoni tal-Gvern Fjamming tar-Reġjun Fjamming, u d-deskrizzjoni tal-investiment I-2.09; l-istadju importanti 78 tar-riforma R-2.02 Gvern elettroniku: proċedura ta’ sejħa għal offerti tal-Istat Federali, taħt il-komponent 2.2: Amministrazzjoni pubblika; id-deskrizzjoni tal-investiment I-2.14: L-iżvilupp ta’ istitut tal-IA sabiex din it-teknoloġija tintuża biex jintlaħqu l-isfidi tas-soċjetà tar-Reġjun ta’ Brussell Kapitali, l-istadju importanti 91, l-istadju importanti 93 tar-riforma R-2.03: Introduzzjoni tal-5G – Pjan nazzjonali għall-broadband fiss u mobbli – livell federali u reġjonali, u d-deskrizzjoni tar-riforma R-2.03, taħt il-komponent 2.3: Fibra ottika, 5G u teknoloġiji ġodda; l-istadju importanti 118 tar-riforma R-3.05: “Stazzjonijiet tal-iċċarġjar - RBC” tar-Reġjun ta’ Brussell Kapitali, u d-deskrizzjoni tar-riforma R-3.05, l-istadju importanti 119 tar-riforma R-3.04: Stazzjonijiet tal-iċċarġjar - WAL, u d-deskrizzjoni tar-riforma R-3.04, taħt il-komponent 3.3: Ekoloġizzazzjoni tat-Trasport bit-Triq; il-mira 131 tal-investiment I-4: “Forniment ta’ tagħmir diġitali u infrastruttura tal-IT lill-iskejjel” taħt il-komponent 4.1; il-mira 149 tal-investiment I-4.11: “Digibanks” tar-Reġjun Fjamming, u d-deskrizzjoni tal-investiment I-4.11, taħt il-komponent 4.2: Taħriġ u impjieg ta’ gruppi vulnerabbli; il-mira 164 tal-investiment I-5.04 - Spinta lit-tagħlim u l-karriera tar-Reġjun Fjamming, taħt il-komponent 5.1: It-Taħriġ u s-Suq tax-Xogħol; il-mira 197 tal-investiment I-5.14: “Ċentru tar-Riċiklaġġ” tar-Reġjun Fjamming, u d-deskrizzjoni tal-investiment I-5.14, taħt il-komponent 5.3: Ekonomija Ċirkolari; l-istadju importanti 213 tal-investiment I-7.02: Skema mtejba ta’ sussidju għall-enerġija tar-Reġjun Fjamming, taħt il-komponent 7.1: Rinnovazzjoni tal-bini. Abbażi ta’ dan, il-Belġju talab biex titneħħa informazzjoni ta’ sfond mhux meħtieġa jew elementi proċedurali li ma jikkontribwixxux għall-objettivi tal-miżuri, biex jiġi ċċarat li ċerti elementi jkunu relatati mal-objettivi jew mal-kuntest tal-miżuri, u biex jiġu ssimplifikati d-deskrizzjonijiet tal-miżuri jew tal-istadji importanti u l-miri li jikkawżaw piż amministrattiv mhux ġustifikat biex jintlaħqu l-objettivi tal-miżuri rispettivi. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan.
(7)Il-Kummissjoni tqis li r-raġunijiet ippreżentati mill-Belġju jiġġustifikaw l-emenda/i skont l-Artikolu 21(2) tar-Regolament (UE) 2021/241, u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan.
Korrezzjonijiet ta’ żbalji klerikali
(8)Ġew identifikati 50 żball klerikali fit-test tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill, li jaffettwaw 26 stadju importanti, 14-il mira u 33 miżura taħt 13-il komponent. Jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tiġi emendata biex jiġu kkoreġuti dawn l-iżbalji klerikali li ma jirriflettux il-kontenut tal-RRP ippreżentat lill-Kummissjoni fit-13 ta’ Lulju 2021, kif miftiehem bejn il-Kummissjoni u l-Belġju. Id-deskrizzjoni tar-riforma R-1.01: “Skema mtejba ta’ sussidju għall-enerġija” tar-Reġjun Fjamming, l-istadju importanti 13 u l-istadju importanti 14 tal-investiment I-1B: “Rinnovazzjoni tal-bini pubbliku”, u d-deskrizzjoni tal-investiment I-1B, id-deskrizzjoni tal-investiment I-1.07: “Rinnovazzjoni tal-bini pubbliku – awtoritajiet lokali u sport” tar-Reġjun ta’ Wallonia, id-deskrizzjoni tal-investiment I-1.09: “Rinnovazzjoni tal-bini pubbliku – skejjel” tal-Komunità Franċiża, l-istadju importanti 2 tar-riforma R-1.02: “Skema mtejba ta’ sussidju għall-enerġija” tar-Reġjun ta’ Brussell Kapitali”, l-istadju importanti 6, u l-istadju importanti 7 tal-investiment I-1A: “Rinnovazzjoni tal-akkomodazzjoni privata u soċjali” taħt il-komponent 1.1: Rinnovazzjoni; l-istadju importanti 18, l-istadju importanti 19 u l-istadju importanti 20 tal-investiment I-1.15: “Katina tal-valur industrijali għat-tranżizzjoni lejn l-idroġenu” tal-Istat Federali u d-deskrizzjoni tal-investiment I-1.15 taħt il-komponent 1.2: Teknoloġiji tal-enerġija emerġenti; l-istadju importanti 54b, l-istadju importanti 55b, u l-isem tal-investiment I-2.05bis: “Diġitalizzazzjoni tas-SPF”, l-istadju importanti 57, l-istadju importanti 58 tal-investiment I-2.05: “Diġitalizzazzjoni tas-SPF”, l-istadju importanti 62 tal-investiment I-2.06: Servizzi tas-Saħħa elettronika u Data dwar is-Saħħa - l-Istat Federali, l-istadju importanti 79 tar-riforma R-2.02: Gvern elettroniku: proċedura ta’ sejħa għal offerti – l-Istat Federali, taħt il-komponent 2.2: Amministrazzjoni pubblika; l-istadju importanti 93 tar-riforma R-2.03 - Introduzzjoni tal-5G – Pjan nazzjonali għall-broadband fiss u mobbli – livell federali u reġjonali, taħt il-komponent 2.3: Fibra ottika, 5G u teknoloġiji ġodda; l-istadju importanti 94, il-mira 95, il-mira 96 taħt l-investiment I-3A: Infrastruttura taċ-ċikliżmu, u d-deskrizzjoni tal-investiment I-3A, l-istadju importanti 96a u l-mira 96b tal-investiment I-3.03b: Infrastruttura taċ-ċikliżmu – Vélo Plus – l-Istat Federali, l-istadju importanti 98 tal-Investiment I-3.04: Infrastruttura għaċ-ċikliżmu u l-mixi – Schuman, taħt il-komponent 3.1: Infrastruttura għaċ-ċikliżmu u għall-mixi; il-mira 100, il-mira 101, l-istadju importanti 102 tal-investiment I-3B: It-titjib tat-trasport pubbliku f’Wallonia, u deskrizzjoni tal-investiment I-3B, il-mira 107 tal-investiment I-3.11: “Canal Albert u Trilogiport” tar-Reġjun ta’ Wallonia, u d-deskrizzjoni tal-investiment I-3.11 taħt il-komponent 3.2: Bidla modali; id-deskrizzjoni tal-investiment I-3.17: Ekoloġizzazzjoni tal-flotta tax-xarabanks - RBC, id-deskrizzjoni tal-investiment I-3.20 – Ekoloġizzazzjoni tal-flotta tax-xarabanks - WAL, il-mira 114, il-mira 115, il-mira 115b tal-investiment I-3G: Ekoloġizzazzjoni tal-flotta tax-xarabanks, u d-deskrizzjoni tal-investiment I-3G, l-istadju importanti 119 tar-riforma R-3.04: Stazzjonijiet tal-iċċarġjar - WAL, il-mira 121, il-mira 122 u l-mira 123 tal-investiment I-3F - Stazzjonijiet tal-iċċarġjar, taħt il-komponent 3.3: Ekoloġizzazzjoni tat-Trasport bit-Triq; id-deskrizzjoni tal-investiment I-4.06: Trasformazzjoni diġitali tal-edukazzjoni tal-komunità li titkellem bil-Ġermaniż, taħt il-komponent 4.1: Edukazzjoni 2.0; il-mira 166 tal-investiment I-5.05: Strateġija għat-tnedija mill-ġdid tas-suq tax-xogħol, il-mira 171 tal-investiment I-5.07: Tagħlim diġitali tul il-ħajja, id-deskrizzjoni tar-riforma R-5.01: Sistema ta’ kumulazzjoni u mobbiltà lejn setturi b’nuqqasijiet tal-Istat Federali. l-istadju importanti 174 tar-riforma R-5.03: Kont tat-tagħlim, taħt il-komponent 5.1: It-Taħriġ u s-Suq tax-Xogħol; l-istadju importanti 215 tal-investiment I-7.04: “Rinnovazzjoni tal-akkomodazzjoni soċjali – WAL”, l-istadju importanti 216 tal-investiment I-7.05: “Miżuri dwar l-enerġija u l-klima f’bini pubbliku – l-Istat Federali”, l-istadju importanti 231 tar-riforma R-7.04: “Aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni tal-enerġija” tar-Reġjun ta’ Wallonia, u deskrizzjoni tar-riforma R-7.04 taħt il-komponent 7.1: Rinnovazzjoni tal-bini; l-isem tal-investiment I-7.14: “Sejħa għal azzjoni klimatika fl-agrikoltura” tar-Reġjun Fjamming, taħt il-komponent 7.2: Teknoloġiji tal-enerġija emerġenti ġodda; l-istadju importanti 239 tal-investiment I-7.20: “Gżira tal-enerġija lil hinn mill-kosta” tal-Istat Federali, is-sottotitlu “U.3. Deskrizzjoni tar-riformi u l-investimenti għas-self, u s-sottotitlu U.4. Stadji importanti, miri, indikaturi, u skeda ta’ żmien għall-monitoraġġ u l-implimentazzjoni għas-self, taħt il-komponent 7.3: Enerġija rinnovabbli; l-istadju importanti 248 tal-investiment I-5.18: SMELD – l-Istat Federali, taħt il-komponent 5.2: Appoġġ għall-attività ekonomika. Dawk il-korrezzjonijiet ma jaffettwawx l-implimentazzjoni tal-miżuri kkonċernati.
Valutazzjoni tal-Kummissjoni
(9)Il-Kummissjoni vvalutat l-RRP emendat skont il-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) 2021/241.
La tagħmilx ħsara sinifikanti
(10)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (d), u mal-kriterju 2.4 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, l-RRP emendat mistenni jiżgura li l-ebda miżura (Klassifikazzjoni A) għall-implimentazzjoni ta’ riformi u ta’ proġetti tal-investimenti inklużi f’dan l-RRP ma tagħmel ħsara sinifikanti lill-objettivi ambjentali fit-tifsira tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (il-prinċipju ‘‘la tagħmilx ħsara sinifikanti’’).
(11)Il-Belġju ssottometta valutazzjoni tal-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti” għal kull investiment ġdid li jieħu post il-miżura I-3.15 Smart Move taħt il-komponent 3.2. L-informazzjoni pprovduta turi li l-pjan huwa mistenni jiżgura l-konformità ma’ dan il-prinċipju. Modifiki oħrajn tal-miżuri inklużi fl-RRP oriġinali ma għandhomx impatt fuq il-valutazzjoni tal-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”.
Kontribuzzjoni għall-objettivi ta’ REPowerEU
(12)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (da) u mal-Anness V, il-kriterju 2.12, tar-Regolament (UE) 2021/241, il-kapitolu REPowerEU huwa mistenni li jikkontribwixxi b’mod effettiv fil-biċċa l-kbira (Klassifikazzjoni A) għas-sigurtà tal-enerġija, id-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni, żieda fl-użu tal-enerġija rinnovabbli u fl-effiċjenza enerġetika, żieda fil-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija jew it-tnaqqis meħtieġ tad-dipendenza fuq il-fjuwils fossili qabel l-2030.
(13)L-RRP modifikat jinkludi żieda fl-ambizzjoni tal-investiment I-7.01 “Skema mtejba ta’ sussidju għall-enerġija” – RBC, li jipprovdi appoġġ għal rinnovazzjonijiet effiċjenti fl-użu tal-enerġija għal unitajiet domestiċi vulnerabbli. Dan jikkontribwixxi aktar għall-objettiv li titnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili.
Kontribuzzjoni għat-tranżizzjoni ekoloġika inkluża l-bijodiversità
(14)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (e), u mal-Anness V, il-kriterju 2.5, tar-Regolament (UE) 2021/241, l-RRP emendat fih miżuri li jikkontribwixxu fil-biċċa l-kbira (Klassifikazzjoni A) għat-tranżizzjoni ekoloġika, inkluża l-bijodiversità, jew għall-indirizzar tal-isfidi li jirriżultaw minnha. Il-miżuri li jappoġġaw l-objettivi klimatiċi jammontaw għal ammont li jirrappreżenta 51 % tal-allokazzjoni totali tal-RRP emendat u 87 % tal-kostijiet stmati totali tal-miżuri fil-kapitolu REPowerEU kkalkolat f’konformità mal-metodoloġija stabbilita fl-Anness VI tar-Regolament (UE) 2021/241. F’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2021/241, l-RRP emendat huwa konsistenti mal-informazzjoni inkluża fil-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima 2021-2030.
(15)Il-modifika tal-pjan ma tnaqqasx b’mod sostanzjali l-ambizzjoni tiegħu lejn it-tranżizzjoni ekoloġika. Iż-żieda fl-ambizzjoni tal-investiment I-3.17 f’xarabanks elettriċi tikkontribwixxi aktar lejn l-objettivi klimatiċi, bħat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2.
Kontribuzzjoni għat-tranżizzjoni diġitali
(16)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (f), u mal-Anness V, il-kriterju 2.6, tar-Regolament (UE) 2021/241, l-RRP emendat fih miżuri li jikkontribwixxu fil-biċċa l-kbira (Klassifikazzjoni А) għat-tranżizzjoni diġitali jew għall-indirizzar tal-isfidi li jirriżultaw minnha. Il-miżuri li jappoġġaw l-objettivi diġitali jammontaw għal ammont li jirrappreżenta 26 % tal-allokazzjoni totali tal-RRP emendat ikkalkolat f’konformità mal-metodoloġija stabbilita fl-Anness VII ta’ dak ir-Regolament.
(17)Il-modifika tal-pjan ma tħallix impatt sostanzjali fuq l-ambizzjoni tiegħu lejn it-tranżizzjoni diġitali. Minkejja t-tnaqqis minħabba s-sostituzzjoni tal-investiment I-3.15 Smart Move, l-RRP modifikat ikompli jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għat-tranżizzjoni diġitali b’approċċ trażversali, billi jappoġġa ċ-ċibersigurtà, id-diġitalizzazzjoni tan-negozji u tal-amministrazzjoni pubblika, u l-konnettività, inkluża l-konnettività b’veloċità għolja. Huwa jikkontribwixxi wkoll għad-diġitalizzazzjoni tas-settur tat-trasport, speċjalment bl-investimenti ġodda I-3.15a - “L-App Floya” u I-3.15b: “Estensjoni tan-Network ta’ Kameras ANPR” tar-Reġjun ta’ Brussell Kapitali, u għaż-żieda fil-ħiliet diġitali tal-forza tax-xogħol, l-istudenti u l-popolazzjoni b’mod usa’, inklużi l-gruppi vulnerabbli.
Kwalunkwe kriterju ieħor ta’ valutazzjoni
(18)Il-Kummissjoni tqis li l-emendi mressqa mill-Belġju ma jaffettwawx il-valutazzjoni pożittiva tal-RRP stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (ST 10161/21 INIT; ST 10161/21 ADD 1) tat-13 ta’ Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-RRP għall-Belġju rigward ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-RRP mal-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 19(3), il-punti (a), (b), (c), (db), (g), (h), (i), (j) u (k). Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-istadji importanti 250 u 251 fi ħdan il-komponent tal-awditu u l-kontroll tal-Anness.
Valutazzjoni pożittiva
(19)Wara l-valutazzjoni pożittiva mill-Kummissjoni tal-RRP emendat bis-sejba li l-RRF jikkonforma b’mod sodisfaċenti mal-kriterji għall-valutazzjoni stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/241, f’konformità mal-Artikolu 20(2) u l-Anness V ta’ dak ir-Regolament, jenħtieġ li jiġu stabbiliti r-riformi u l-proġetti ta’ investiment meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-RRP emendat, l-istadji importanti, il-miri u l-indikaturi rilevanti, u l-ammont li għandu jsir disponibbli mill-Unjoni għall-implimentazzjoni tal-RRP emendat fil-forma ta’ appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli.
Kontribuzzjoni finanzjarja
(20)Il-kostijiet totali stmati tal-RRP emendat tal-Belġju huma ta’ EUR 5 279 439 854. Peress li l-ammont tal-kostijiet totali stmati tal-RRP emendat huwa ogħla mill-kontribuzzjoni finanzjarja massima aġġornata disponibbli għall-Belġju, il-kontribuzzjoni finanzjarja kkalkulata f’konformità mal-Artikolu 20(4) allokata għall-RRP emendat tal-Belġju jenħtieġ li tkun ugwali għall-ammont totali tal-kontribuzzjoni finanzjarja massima disponibbli għall-RRP emendat tal-Belġju. Dan l-ammont huwa ta’ EUR 4 523383 959.
Self
(21)Barra minn hekk, sabiex jappoġġa r-riformi u l-investimenti, il-Belġju talab appoġġ totali fil-forma ta’ self ta’ EUR 244 200 000, b’mod partikolari, EUR 195 000 000 biex jappoġġa r-riformi u l-investimenti fil-kapitolu REPowerEU u EUR 49 200 000 biex jappoġġa r-riformi u l-investimenti l-oħra fl-RRP. L-ammont tal-kostijiet totali stmati tal-RRP huwa ogħla mill-kontribuzzjoni finanzjarja kkombinata disponibbli għall-Belġju, inkluż il-kapitolu REPowerEU u l-kontribuzzjoni finanzjarja massima aġġornata għall-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, id-dħul mis-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-riżorsi mir-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit. Il-volum massimu tas-self mitlub mill-Belġju huwa inqas minn 6,8 % tal-introjtu nazzjonali gross tal-2019 tiegħu fi prezzijiet attwali.
(22)Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (ST 10161/21 INIT; ST 10161/21 ADD 1) tat-13 ta’ Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-RRP għall-Belġju tiġi emendata skont dan. Għal raġunijiet ta’ ċarezza, l-Anness ta’ dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill jenħtieġ li jiġi sostitwit kompletament,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Belġju hija emendata kif ġej:
(1) L-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 1
Approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-RRP
Il-valutazzjoni tal-RRP modifikat tal-Belġju abbażi tal-kriterji previsti fl-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) 2021/241 hija approvata. Ir-riformi u l-proġetti ta’ investiment skont l-RRP, l-arranġamenti u l-iskeda ta’ żmien għall-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-RRP, inkluż l-istadji importanti u l-miri rilevanti u l-istadji importanti u l-miri addizzjonali relatati mal-pagament tas-self, l-indikaturi rilevanti marbuta mal-issodisfar tal-istadji importanti u l-miri previsti, u l-arranġamenti biex il-Kummissjoni tagħti aċċess sħiħ għad-data rilevanti sottostanti huma stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.”;
(2) fl-Artikolu 2a, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“1. L-Unjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Belġju self li jammonta għal massimu ta’ EUR 244 200 000.”;
(3) l-Anness huwa sostitwit bit-test fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Destinatarju
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President