European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/4218

24.7.2024

Id-detenzjoni illegali tal-President Mohamed Bazoum fin-Niġer

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Novembru 2023 dwar id-detenzjoni illegali tal-President Mohamed Bazoum fin-Niġer (2023/2980(RSP))

(C/2024/4218)

Il-Parlament Ewropew,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 144(5) u l-Artikolu 132(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.

billi l-President tan-Niġer, Mohamed Bazoum, elett demokratikament, ġie arrestat illegalment, flimkien ma’ martu u ibnu, fis-26 ta’ Lulju 2023 wara kolp ta’ stat militari mmexxi mill-Ġeneral Abdourahamane Tchiani; billi l-ġunta militari xoljiet il-gvern elett;

B.

billi l-President Bazoum u l-familja tiegħu ilhom miżmuma priġunieri fir-residenza tiegħu f’kundizzjonijiet mhux favorevoli minn dak iż-żmien ’l hawn, mingħajr biżżejjed ikel jew elettriku u b’aċċess limitat għall-kura medika;

C.

billi l-priġunerija illegali tal-President Bazoum u l-familja tiegħu għandha l-għan li tqiegħdu taħt pressjoni biex jirriżenja; billi l-ġunta ħabbret li se tħarrek lill-President Bazoum minħabba “tradiment kontra l-pajjiż” u “dgħajfien tas-sigurtà tal-Istat”, reati li jistgħu jġorru l-piena tal-mewt;

D.

billi dan huwa s-sitt kolp ta’ stat fl-Afrika tal-Punent mill-2020; billi n-Niġer, il-Mali u l-Burkina Faso daħlu f’patt ta’ difiża reċiproka li jorbot lill-firmatarji biex jassistu lil xulxin f’każ ta’ attakk;

E.

billi l-ġunta arrestat arbitrarjament ministri, uffiċjali u persuni ċivili u attakkat il-midja kritika u d-dissens paċifiku;

F.

billi l-ġunta rrifjutat l-isforzi ta’ medjazzjoni tal-ECOWAS; billi ma jidher li hemm l-ebda proċess kredibbli ta’ tranżizzjoni politika;

G.

billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà marret għall-agħar u l-attakki ġiħadisti komplew jiżdiedu mill-kolp ta’ stat u d-deċiżjoni tal-ġunta li titlob it-tluq tat-truppi Franċiżi li jikkooperaw fil-ġlieda kontra l-gruppi armati; billi l-UE ssospendiet il-biċċa l-kbira tal-iżvilupp u l-kooperazzjoni militari tagħha man-Niġer;

H.

billi s-sitwazzjoni umanitarja hija mwiegħra, b’4,3 miljun ruħ fil-bżonn ta’ għajnuna umanitarja;

1.

Jikkundanna bil-qawwa l-kolp ta’ stat militari tas-26 ta’ Lulju 2023; jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-President Bazoum u l-familja tiegħu, u ta’ dawk kollha detenuti arbitrarjament, u li jitwaqqgħu l-akkużi kontrih;

2.

Jitlob l-istabbiliment mill-ġdid immedjat ta’ Mohamed Bazoum elett demokratikament bħala l-President tan-Niġer u r-restawr immedjat tal-ordni kostituzzjonali;

3.

Iħeġġeġ lill-ġunta tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u tiggarantixxi l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-media;

4.

Jistieden lill-Kunsill jimplimenta sanzjonijiet kontra l-mexxejja tal-ġunta Niġerina u jilqa’ s-sospensjoni tal-appoġġ baġitarju u l-kooperazzjoni tas-sigurtà, filwaqt li tkompli l-għajnuna umanitarja; jilqa’ d-deċiżjoni tal-ECOWAS li timponi sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji;

5.

Jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-isforzi tal-ECOWAS biex tinstab soluzzjoni politika permezz tal-medjazzjoni;

6.

Jinsab imħasseb ħafna dwar is-sigurtà, id-drittijiet tal-bniedem u s-sitwazzjoni umanitarja fin-Niġer u fir-reġjun; jiddeplora l-fatt li l-kolp ta’ stat ipperikola bil-kbir il-progress demokratiku, tas-sigurtà u ekonomiku fin-Niġer;

7.

Jinsab imħasseb dwar l-użu potenzjali tal-patt ta’ difiża reċiproka;

8.

Jenfasizza li t-terroriżmu fis-Saħel kollu jimmina l-konsolidazzjoni demokratika u l-istat tad-dritt; jinsab imħasseb dwar it-tentattivi tar-Russja li żżid il-preżenza tagħha fis-Saħel għad-detriment tal-istabbiltà reġjonali u d-demokrazija;

9.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli, lill-ECOWAS u lill-Unjoni Afrikana.

ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4218/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)