|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/2296 |
19.11.2025 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/2296
tal-4 ta’ Novembru 2025
li tistabbilixxi l-ilħuq sodisfaċenti tal-kundizzjonijiet għall-pagament tal-ħames pagament parzjali tal-appoġġ fil-forma ta’ self skont il-Pjan għall-Ukrajna tal-Faċilità għall-Ukrajna
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/792 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Frar 2024 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Ukrajna (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 26(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Pilastru I tal-Faċilità għall-Ukrajna (il-“Faċilità”) jagħmel appoġġ finanzjarju sa EUR 38 270 000 000 disponibbli għall-Ukrajna għall-perjodu 2024-2027 fil-forma ta’ appoġġ mhux ripagabbli u ta’ self. Il-finanzjament taħt il-Pilastru I huwa prinċipalment allokat fuq il-bażi tal-Pjan għall-Ukrajna tal-Faċilità għall-Ukrajna (il-“Pjan”). Il-Pjan jistabbilixxi l-aġenda ta’ riforma u investiment għall-Ukrajna, u l-passi kwalitattivi u kwantitattivi li huma marbutin mal-finanzjament taħt il-Pilastru I tal-Faċilità. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2024/792, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1447 (2) dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-Pjan. L-iskeda ta’ żmien għall-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-Pjan, u l-passi kwalitattivi u kwantitattivi li huma marbuta mal-finanzjament taħt il-Pilastru I tal-Faċilità, huma stabbiliti fl-Anness ta’ dik id-Deċiżjoni. Fis-7 ta’ Awwissu 2025, l-Ukrajna pproponiet emendi għall-Pjan għar-raġuni li l-Pjan parzjalment ma kienx għadu jista’ jinkiseb minħabba ċirkostanzi oġġettivi. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni ta’ dawk l-emendi ġiet approvata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2025/2157 (3), li emendat ukoll il-Pjan kif xieraq. |
|
(3) |
Is-somma totali tar-riżorsi finanzjarji disponibbli għall-Pjan skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1447 tammonta għal EUR 32 270 000 000, li minnhomEUR 5 270 000 000 huma fil-forma ta’ appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli u sa EUR 27 000 000 000 huma fil-forma ta’ self. |
|
(4) |
F’konformità mal-Artikoli 24 u 25 tar-Regolament (UE) 2024/792, ġew żborżati EUR 6 000 000 000 lill-Ukrajna bħala finanzjament tranżitorju eċċezzjonali u EUR 1 890 000 000 fil-forma ta’ prefinanzjament li jirrappreżenta pagament antiċipat ta’ 7 % tal-appoġġ fil-forma ta’ self li l-Ukrajna hija eliġibbli li tirċievi skont il-Pjan. |
|
(5) |
F’konformità mal-Artikolu 26(4) tar-Regolament (UE) 2024/792, ġew żborżati EUR 14 763 204 463 lill-Ukrajna fl-ewwel erba’ pagamenti parzjali skont il-Pjan, li minnhom EUR 3 400 000 000 ġew żborżati fil-forma ta’ appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli u EUR 11 363 204 463 fil-forma ta’ self. F’konformità mal-Ftehim ta’ Self konkluż bejn l-Unjoni u l-Ukrajna skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2024/792, l-ammont ta’ EUR 855 294 959 mill-ewwel erba’ pagamenti parzjali intuża biex jiġi kklerjat il-prefinanzjament tas-self. |
|
(6) |
F’konformità mal-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) 2024/792, fid-9 ta’ Settembru 2025, l-Ukrajna ressqet talba debitament ġustifikata għall-pagament parzjali tar-raba’ u l-ħames pagament parzjali tal-appoġġ fil-forma ta’ self li tammonta għal EUR 1 949 400 399. It-talba kienet akkumpanjata minn sensiela ta’ dokumenti li jixhdu l-ilħuq sodisfaċenti ta’ stadju wieħed fir-raba’ pagament parzjali u disa’ stadji fil-ħames pagament parzjali kif ukoll id-dokumenti l-oħra kollha meħtieġa skont l-Artikolu 12 tal-Ftehim Qafas, l-Artikolu 5 tal-Ftehim ta’ Finanzjament u l-Artikolu 6 tal-Ftehim ta’ Self konkluż bejn l-Unjoni u l-Ukrajna skont l-Artikoli 9, 10 u 22, rispettivament, tar-Regolament (UE) 2024/792. Kif stabbilit fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2025/1799 (4), il-Kummissjoni għamlet valutazzjoni pożittiva tal-ilħuq sodisfaċenti ta’ 13 mis-16-il stadju meħtieġa għar-raba’ pagament parzjali. Skont l-Artikolu 26(5) tar-Regolament (UE) 2024/792, inżamm il-pagament li jikkorrispondi għat-tliet stadji li kienu ġew ivvalutati b’mod negattiv ġie miżmum. Pagament miżmum jista’ jitħallas biss meta l-Ukrajna tiġġustifika debitament, bħala parti minn talba sussegwenti għal pagament, li hija ħadet il-miżuri meħtieġa biex tiżgura l-ilħuq sodisfaċenti tal-istadji kwalitattivi u kwantitattivi. |
|
(7) |
L-10 stadjii li jirfdu l-aħħar talba tal-Ukrajna huma relatati ma’ diversi riformi stabbiliti fil-Pjan taħt il-kapitoli dwar is-sistema ġudizzjarja, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus, is-swieq finanzjarji, il-kapital uman, l-ambjent ta’n-negozju,, nil-politika ta’ deċentralizzazzjoni u dik reġjonali, is-settur tal-enerġija, il-ġestjoni tal-materja prima kritika, it-tranżizzjoni ekoloġika u l-protezzjoni ambjentali. B’mod partikolari, daħlet fis-seħħ leġiżlazzjoni dwar l-Aġenzija għall-Irkupru u l-Ġestjoni tal-Assi u dwar l-edukazzjoni vokazzjonali. L-istrateġija għar-riżoluzzjoni ta’ self improduttiv, ir-riżoluzzjoni dwar ix-xiri ta’ servizzi soċjali għad-detriment tal-baġit tal-istat u r-riżoluzzjoni dwar l-approvazzjoni tal-Istrateġija għall-SMEs u l-Pjan ta’ Azzjoni għall-implimentazzjoni tagħha ġew adottati. L-istudju dwar il-miżuri meħtieġa għall-għoti ta’ personalità ġuridika lill-muniċipalitajiet ġie approvat u ppubblikat. L-Ukrajna adottat ukoll il-pjan direzzjonali għall-proċess tas-separazzjoni tal-ħlas addizzjonali għall-enerġija rinnovabbli mit-tariffa tat-trażmissjoni. Ġiet ippubblikata sensiela ta’ proġetti ta’ investiment għall-estrazzjoni ta’ materja prima kritika. L-Ukrajna nediet u ppubblikat ukoll offerta internazzjonali bbażata fuq il-mudell tal-Ftehim dwar il-Kondiviżjoni tal-Prodotti. Is-sistema obbligatorja ta’ monitoraġġ, rapportar u verifika (MRV, monitoring, reporting and verification) għall-faċilitajiet koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti reġgħet bdiet. |
|
(8) |
F’konformità mal-Artikolu 26(3) tar-Regolament (UE) 2024/792, il-Kummissjoni vvalutat it-talba tal-Ukrajna fid-dettall u għamlet valutazzjoni pożittiva tal-ilħuq sodisfaċenti ta’ wieħed miż-żewġ stadji pendenti meħtieġa għar-raba’ pagament parzjali u disgħa mill-11-il stadju meħtieġa għall-ħames pagament parzjali, kif speċifikat fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni. Dik il-valutazzjoni pożittiva saret fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Pjan. Aktar allinjament mal-acquis tal-Unjoni se jiġi ffaċilitat permezz tal-proċess ta’ adeżjoni mal-UE. |
|
(9) |
Il-Kummissjoni vvalutat ukoll li l-Ukrajna ma reġġgħet lura fuq l-ebda miżura relatata mal-istadji li l-Ukrajna kienet laħqet b’mod sodisfaċentipreċedentement. |
|
(10) |
Il-Kummissjoni qieset b’mod ulterjuri li l-Ukrajna għadha tissodisfa l-prekundizzjoni għall-appoġġ tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2024/792. B’mod partikolari, l-Ukrajna tkompli żżomm u tirrispetta l-mekkaniżmi demokratiċi effettivi, inkluża sistema parlamentari b’diversi partiti, u l-istat tad-dritt, u tiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. |
|
(11) |
Għalhekk, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tistabbilixxi li l-kundizzjonijiet rilevanti għall-pagament tar-raba’ pagament parzjali fir-rigward ta’ stadju wieħed miż-żewġ stadji pendenti u tal-ħames pagament parzjali fir-rigward ta’ disgħa stadji nmill-11-il stadju skont il-Pjan intlaħqu b’mod sodisfaċenti. |
|
(12) |
Meta titqies is-sitwazzjoni finanzjarja diffiċli li qed tiffaċċja l-Ukrajna, huwa ta’ importanza kbira li l-fondi jiġu żborżati kemm jista’ jkun malajr. Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni u bil-ħsieb li jitħaffef il-proċess, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jenħtieġ li tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-ilħuq sodisfaċenti tal-kundizzjonijiet rilevanti għall-pagament parzjali tar-raba’ u l-ħames pagament parzjali tal-appoġġ fil-forma ta’ self li jammontaw għal EUR 1 949 400 399, li minnhom EUR 597 494 240 jikkorrispondu għar-raba’ pagament parzjali u EUR 1 351 906 159 jikkorrispondu għall-ħames pagament parzjali, huwa b’dan stabbilit f’konformità mal-valutazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2024/792, annessa ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandha tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Novembru 2025.
Għall-Kunsill
Il-President
L. AAGAARD
(1) ĠU L, 2024/792, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/792/oj.
(2) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1447 tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna (ĠU L, 2024/1447, 24.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/1447/oj).
(3) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2025/2157 tas-17 ta’ Ottubru 2025 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1447 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna (ĠU L, 2025/2157, 27.10.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/2157/oj).
(4) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2025/1799 tat-8 ta’ Awwissu 2025 li tistabbilixxi l-ilħuq sodisfaċenti tal-kundizzjonijiet għall-pagament tar-raba’ pagament parzjali tal-appoġġ fil-forma ta’ self skont il-Pjan għall-Ukrajna tal-Faċilità għall-Ukrajna (ĠU L, 2025/1799, 9.9.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/1799/oj).
ANNESS
Valutazzjoni tal-ilħuq sodisfaċenti tal-passi marbuta mal-ħames pagament parzjali tal-appoġġ fil-forma ta’ self skont il-Pjan għall-Ukrajna tal-Faċilità għall-Ukrajna
SOMMARJU EŻEKUTTIV
Fid-9 ta’ Settembru 2025, l-Ukrajna ressqet talba għall-pagament ta’ parti mill-ħames pagament parzjali tal-Pjan għall-Ukrajna, f’konformità mal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2024/792 tad-29 ta’ Frar 2024 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Ukrajna. (1) Biex tappoġġa t-talba għall-pagament, l-Ukrajna pprovdiet ġustifikazzjoni tal-ilħuq sodisfaċenti ta’ 10 passi stabbiliti fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1447 tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna, kif emendat mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2025/2157 tas-17 ta’ Ottubru 2025 (“l-Anness tas-CID”). (2) Wieħed minn dawk l-10 passi huwa pass pendenti mir-raba’ pagament parzjali tal-Pjan.
Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Ukrajna, l-10 passi jitqiesu li ntlaħqu b’mod sodisfaċenti.
Bħala parti mill-Kapitolu 4, daħlet fis-seħħ il-leġiżlazzjoni li tirriforma l-Aġenzija għall-Irkupru u l-Ġestjoni tal-Assi.
Bħala parti mill-Kapitolu 5 dwar is-swieq finanzjarji, ġiet adottata l-istrateġija għar-riżoluzzjoni ta’ self li ma jrendix.
Bħala parti mill-Kapitolu 7 dwar il-kapital uman, daħlet fis-seħħ il-leġiżlazzjoni dwar l-edukazzjoni vokazzjonali u ġiet adottata r-riżoluzzjoni dwar l-akkwist tas-servizzi soċjali.
Bħala parti mill-Kapitolu 8 dwar l-ambjent tan-negozju, ġew adottati l-istrateġija tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs, small and medium enterprises) u l-pjan ta’ azzjoni għall-implimentazzjoni tagħha.
Bħala parti mill-Kapitolu 9 dwar id-deċentralizzazzjoni u l-politika reġjonali, l-istudju dwar il-miżuri meħtieġa biex tingħata personalità ġuridika lill-muniċipalitajiet ġie approvat u ppubblikat fuq is-sit web tal-Ministeru għall-Iżvilupp tal-Komunitajiet u t-Territorji tal-Ukrajna.
Bħala parti mill-Kapitolu 10 dwar is-settur tal-enerġija, ġie adottat il-pjan direzzjonali tal-proċess ta’ separazzjoni tal-Ħlas Addizzjonali għall-Enerġija Rinnovabbli mit-tariffa tat-trażmissjoni.
Bħala parti mill-Kapitolu 13 dwar il-ġestjoni tal-materja prima kritika, ġew ippubblikati sensiela ta’ proġetti ta’ investiment għall-estrazzjoni tal-materja prima kritika u tnediet u ġiet ippubblikata offerta internazzjonali għall-ftehim dwar il-kondiviżjoni tal-prodotti (PSA, product sharing agreement).
Bħala parti mill-Kapitolu 15 dwar it-tranżizzjoni ekoloġika u l-protezzjoni ambjentali, reġgħet tkompliet is-sistema obbligatorja ta’ monitoraġġ, rapportar u verifika (MRV, monitoring, reporting and verifying).
Pass 4.7
|
Isem il-pass: Dħul fis-seħħ tal-liġi li tirriforma l-Aġenzija għall-Irkupru u l-Ġestjoni tal-Assi |
||||||
|
Riforma/investiment relatat: Riforma 2. Titjib tal-qafas legali għal ġlieda aktar effettiva kontra l-korruzzjoni |
||||||
|
Iffinanzjat minn: self |
||||||
|
Kuntest Ir-rekwiżit għall-Pass 4.7 deskritt fl-Anness tas-CID huwa: “Dħul fis-seħħ tal-Liġi li tirriforma l-Aġenzija għall-Irkupru u l-Ġestjoni tal-Assi. Il-liġi tiffoka fuq dawn l-oqsma ewlenin:
Il-pass 4.7 huwa t-tielet minn erba’ passi fl-implimentazzjoni tar-Riforma 2 tal-Kapitolu 4 (il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus). Dan kien preċedut mill-Pass 4.4 (id-dħul fis-seħħ tal-Kodiċi Kriminali emendat u tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali) u l-Pass 4.6 (l-adozzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija għall-Irkupru tal-Assi għall-2023-2025), li ġew ivvalutati b’mod pożittiv fit-tielet trimestru tal-2024. Dan huwa segwit mill-Pass 4.5 (mistenni sat-tieni trimestru tal-2026) dwar l-adozzjoni ta’ strateġija ġdida kontra l-korruzzjoni u programm statali kontra l-korruzzjoni għall-perjodu wara l-2025. |
||||||
|
Evidenza pprovduta
|
||||||
|
Analiżi Il-ġustifikazzjoni u d-dokumentazzjoni sostantiva ta’ evidenza ppreżentati mill-awtoritajiet Ukreni jkopru l-elementi kostituttivi kollha tal-Pass 4.7. L-objettiv tar-Riforma 2 tal-Kapitolu 4 (il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus) huwa li jissaħħu l-istituzzjonijiet ewlenin kontra l-korruzzjoni u li tiġi ssimplifikata l-proċedura kriminali biex tiżdied l-effiċjenza tagħhom, inkluż f’każijiet ta’ korruzzjoni ta’ livell għoli. Ir-riforma tindirizza wkoll in-nuqqasijiet relatati mal-irkupru u l-ġestjoni tal-assi fil-livelli istituzzjonali u proċedurali. Għal dan l-għan, il-Parlament Ukren adotta l-Liġi Nru 4503-IX fit-18 ta’ Ġunju 2025. Il-liġi tintroduċi bosta titjib fil-ġestjoni u l-funzjonament tal-Aġenzija għall-Irkupru u l-Ġestjoni tal-Assi (ARMA, Asset Recovery and Management Agency). Il-liġi daħlet fis-seħħ fit-30 ta’ Lulju 2025. Il-liġi tipprovdi proċedura tal-għażla trasparenti u bbażata fuq il-mertu għall-kap tal-aġenzija, inkluż kontroll kredibbli tal-integrità u l-professjonaliżmu. Din tinkludi rekwiżiti ta’ kwalifika u integrità u kriterji għall-ineliġibbiltà għall-pożizzjoni. Ir-rekwiżiti tal-kwalifiki jinkludu edukazzjoni legali jew ekonomika għolja u mill-inqas ħames snin ta’ esperjenza professjonali rilevanti. Il-liġi tiddeskrivi l-kompożizzjoni tal-kummissjoni tal-kompetizzjoni għall-għażla tal-kap tal-ARMA. Tlieta mis-sitt membri tal-kummissjoni tal-kompetizzjoni jinħatru mill-Kabinett tal-Ministri tal-Ukrajna (CMU, Cabinet of Ministers of Ukraine) fid-diskrezzjoni tiegħu, filwaqt li t-tlieta l-oħra jinħatru mis-CMU abbażi tal-proposti ta’ donaturi internazzjonali minn lista konġunta ta’ kandidati. Il-kummissjoni tal-kompetizzjoni tapprova u tippubblika l-metodoloġija għall-valutazzjoni tal-kompetenza u l-integrità tal-kandidati. Il-kap tal-ARMA jinħatar għal perjodu ta’ ħames snin u jista’ jokkupa din il-kariga biss għal mandat konsekuttiv wieħed. Il-liġi tintroduċi sistema esterna indipendenti ta’ valutazzjoni tal-prestazzjoni. Il-liġi tipprevedi li l-valutazzjoni esterna indipendenti (rendikont) tal-effettività tal-ARMA titwettaq sena wara l-ħatra ta’ kap ġdid, imbagħad it-tieni darba tliet snin wara l-ħatra. Il-kummissjoni tal-evalwazzjoni esterna hija magħmula minn tliet membri maħtura mis-CMU abbażi tal-proposti ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali. Il-liġi tistabbilixxi l-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-membri tal-kummissjoni tal-evalwazzjoni u tistipula li l-membri jridu jaġixxu b’mod indipendenti. Il-kummissjoni tal-evalwazzjoni għandha aċċess għad-dokumenti fil-pussess tal-ARMA u tista’ titlob ukoll li awtoritajiet oħra jipprovdulhom l-informazzjoni meħtieġa għall-ħidma tagħhom. Il-kummissjoni tal-evalwazzjoni ser tipprovdi konklużjoni motivata rigward l-effettività tal-attivitajiet tal-ARMA, kif ukoll rakkomandazzjonijiet għall-eliminazzjoni tan-nuqqasijiet identifikati fil-ħidma tal-aġenzija u għat-tisħiħ tal-effettività tal-attivitajiet tagħha. Il-liġi tintroduċi bosta titjib fil-proċedura għall-ġestjoni u l-bejgħ ta’ assi maqbuda. Din tistabbilixxi l-prinċipji ġenerali dwar il-qbid u t-trasferiment tal-assi lill-ARMA, il-valutazzjoni tal-assi, u l-ħżin tagħhom. Il-liġi tagħti mandat lill-ARMA biex timmaniġġja l-assi bil-ħsieb li tippreserva l-valur ekonomiku tagħhom u tipprevjeni r-riskji ta’ dannu jew telf ta’ tali assi. Il-liġi tistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi tal-maniġers tal-assi u tipprevedi li ARMA trid tfassal pjan ta’ ġestjoni tal-assi għall-assi ttrasferiti lill-maniġment ta’ ARMA. Il-liġi fiha dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-ġestjoni ta’ ċerti kategoriji ta’ assi bħal flus kontanti, titoli, u proprjetà immobbli. Il-liġi tintroduċi wkoll dispożizzjonijiet dwar il-bejgħ ta’ assi maqbuda permezz ta’ rkantijiet fis-sistema tal-kummerċ diġitali. |
||||||
|
Valutazzjoni tal-Kummissjoni: ksib sodisfaċenti |
Pass 5.4
|
Isem il-pass: Adozzjoni tal-istrateġija għar-riżoluzzjoni ta’ self li ma jrendix |
||||||
|
Riforma/investiment relatat: Riforma 3. Riżoluzzjoni mtejba ta’ self li ma jrendix |
||||||
|
Iffinanzjat minn: self |
||||||
|
Kuntest Ir-rekwiżit għall-pass 5.4 deskritt fl-anness tas-CID huwa: “Adozzjoni tal-istrateġija għar-riżoluzzjoni tas-self li ma jrendix f’konformità mal-prattiki rilevanti tal-UE. L-istrateġija tiffoka fuq dawn l-oqsma ewlenin:
Il-Pass 5.4 huwa l-ewwel pass fl-implimentazzjoni tar-Riforma 3 tal-Kapitolu 5 (Swieq Finanzjarji). Dan huwa segwit mill-Pass 5.5 (dovut sal-ewwel trimestru tal-2026) mad-dħul fis-seħħ tal-atti legali biex tittejjeb ir-riżoluzzjoni ta’ self li ma jrendix. |
||||||
|
Evidenza pprovduta
|
||||||
|
Analiżi Il-ġustifikazzjoni u d-dokumentazzjoni sostantiva ta’ evidenza ppreżentati mill-awtoritajiet Ukreni jkopru l-elementi kostituttivi kollha tal-Pass 5.4. L-objettiv tar-Riforma 3 fil-Kapitolu 5 (swieq finanzjarji) huwa li ttejjeb ir-riżoluzzjoni ta’ self improduttiv (NPLs). Għal dan l-għan, il-Kunsill għall-Istabbiltà Finanzjarja tal-Ukrajna adotta l-“Istrateġija ta’ Self għall-Iżvilupp” fis-6 ta’ Ġunju 2024. L-istrateġija tfittex li tistabbilixxi qafas leġiżlattiv biex jiġi ffaċilitat is-self, li jinkorpora sett definit ta’ miżuri u skeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni bl-għan li tittejjeb ir-riżoluzzjoni tal-NPLs, f’konformità mal-prattiki rilevanti tal-UE, bħal dawk dwar l-insolvenza u l-irkupru tad-dejn. B’mod partikolari, l-istrateġija tiddeskrivi miżuri mmirati lejn it-tisħiħ tar-rekwiżiti prudenzjali għar-rikonoxximent u r-riżoluzzjoni tal-NPLs. Dan jinkludi l-irfinar tad-definizzjoni ta’ NPLs billi ssir distinzjoni bejn assi improduttivi u assi inadempjenti, u billi jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ “improduttivi” biex jinkludi assi indeboliti li mhumiex formalment inadempjenti. Miżuri addizzjonali jinkludu l-introduzzjoni mill-ġdid tal-obbligu għall-banek li jaġġornaw u jissottomettu strateġiji għall-ġestjoni u r-riżoluzzjoni tal-NPLs. L-istrateġija tinkludi wkoll miżuri biex jittejjeb l-iskambju ta’ data relatat ma’ self improduttiv u informazzjoni tas-suq rilevanti oħra bejn l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-aġenziji tal-istat, bl-objettiv li tittejjeb ir-riżoluzzjoni tal-NPL. Dawn jinkludu l-espansjoni tal-funzjonalità tar-Reġistru tal-Kreditu tal-Bank Nazzjonali tal-Ukrajna, it-twessigħ tal-aċċess għall-banek u parteċipanti oħra fis-swieq finanzjarji għar-riżorsi ta’ informazzjoni elettronika tal-Istat, l-iżvilupp ta’ proposti biex jittejjeb l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-bejgħ tal-NPL, u r-regoli ta’ aċċess assoċjati. Dawn il-miżuri kollha għandhom itejbu r-riżoluzzjoni tal-NPL. Fl-aħħar nett, l-istrateġija tipprevedi rieżami tal-ostakli legali u proċedurali u tistabbilixxi miżuri biex jittejjeb il-qafas tar-ristrutturar u tar-riżoluzzjoni tal-NPL. Dan jinkludi titjib tal-leġiżlazzjoni rilevanti għar-riżoluzzjoni tal-NPL, partikolarment permezz ta’ emendi tal-Kodiċi tal-Ukrajna dwar il-Proċedimenti ta’ Insolvenza biex jissaħħu l-għażla u s-sorveljanza tal-fiduċjarji tal-falliment, jittejbu l-proċeduri tal-irkant għall-bejgħ ta’ assi falluti, u l-allinjament mal-prinċipji tad-Direttiva (UE) 2019/1023 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) dwar ir-ristrutturar preventiv. Miżuri addizzjonali għandhom jintroduċu salvagwardji kontra prattiki frodulenti u influwenza indebita fi proċedimenti ta’ insolvenza, itejbu l-qafas legali għar-ristrutturar finanzjarju u t-tħassir tad-dejn u jtejbu r-regolamentazzjoni tal-ġbir tad-dejn u l-eżekuzzjoni tal-kollateral. |
||||||
|
Valutazzjoni tal-Kummissjoni: ksib sodisfaċenti |
Pass 7.1
|
Isem il-pass: Dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni dwar l-edukazzjoni vokazzjonali |
||||||
|
Riforma/investiment relatat: Riforma 1. Edukazzjoni vokazzjonali aħjar |
||||||
|
Iffinanzjat minn: self |
||||||
|
Kuntest Ir-rekwiżit għall-Pass 7.1 deskritt fl-Anness tas-CID huwa: “Id-dħul fis-seħħ tal-Liġi tal-Ukrajna ‘Dwar l-Edukazzjoni Vokazzjonali.’ Il-liġi tiffoka fuq dawn l-oqsma ewlenin:
Il-Pass 7.1 huwa l-ewwel pass fl-implimentazzjoni tar-Riforma 1 tal-Kapitolu 7 (kapital uman). |
||||||
|
Evidenza pprovduta
|
||||||
|
Analiżi Il-ġustifikazzjoni u d-dokumentazzjoni sostantiva ta’ evidenza ppreżentati mill-awtoritajiet Ukreni jkopru l-elementi kostituttivi kollha tal-Pass 7.1. L-objettiv tar-Riforma 1 fil-Kapitolu 7 (kapital uman) huwa li tittejjeb it-tranżizzjoni mill-edukazzjoni vokazzjonali għas-suq tax-xogħol, jiġi appoġġat l-irkupru tal-Ukrajna u tittejjeb il-kwalità tas-sistema tal-edukazzjoni vokazzjonali. Għal dan l-għan, il-Parlament Ukren adotta l-Liġi Nru 4575-IX dwar l-Edukazzjoni Vokazzjonali fil-21 ta’ Awwissu 2025, li daħlet fis-seħħ fit-12 ta’ Settembru 2025. Il-liġi tistabbilixxi regoli u kriterji ġusti dwar il-funzjonament tal-entitajiet ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (VET, vocational education and training), kif ukoll proċeduri ċari għall-għoti ta’ kwalifiki lill-istudenti. B’mod partikolari, tistabbilixxi sistema ta’ assigurazzjoni interna u esterna tal-kwalità għall-monitoraġġ tas-servizzi edukattivi. F’dan il-kuntest, l-entitajiet tal-VET huma meħtieġa jikkonformaw ma’: i) kriterji ta’ liċenzjar biex iwettqu l-attivitajiet edukattivi tagħhom, u ii) standards ġodda, inkluż dwar l-eżiti ewlenin tat-tagħlim u l-ammont ta’ ECTS (sistema Ewropea għall-akkumulazzjoni u t-trasferiment ta’ krediti) meħtieġa biex jinkisbu l-kwalifiki edukattivi. Bir-riforma tal-istatus organizzazzjonali u legali tas-sistema tal-VET, il-liġi ttejjeb il-qafas istituzzjonali ġenerali tas-sistema u l-kapaċità istituzzjonali tal-entitajiet tal-VET li joperaw kemm fl-edukazzjoni formali kif ukoll f’dik informali. Pereżempju, il-liġi ssaħħaħ l-awtonomija finanzjarja tal-entitajiet tal-VET, u tippermettilhom iżidu wkoll is-salarji għall-għalliema tagħhom bl-aħjar prestazzjoni. Barra minn hekk, il-liġi tistabbilixxi b’mod ċar il-korpi inkarigati mill-ġestjoni ta’ kull istituzzjoni u r-responsabbiltajiet tagħhom. Dan jinkludi, pereżempju, ir-rwol tal-bordijiet superviżorji u tal-kunsilli pedagoġiċi. Il-liġi tistabbilixxi relazzjonijiet aktar ċari fost il-partijiet ikkonċernati involuti fl-għoti ta’ edukazzjoni vokazzjonali fil-livell nazzjonali u dak lokali. Tistipula li l-Parlament Ukren huwa responsabbli għad-definizzjoni tal-politika tal-istat tal-VET, filwaqt li l-implimentazzjoni tagħha hija kondiviża bejn il-korpi eżekuttivi ċentrali u l-korpi ta’ awtogovernanza lokali. Il-liġi tistabbilixxi wkoll Kunsilli Reġjonali tal-Edukazzjoni Vokazzjonali bħala korpi konsultattivi inkarigati mill-promozzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki reġjonali tal-VET, li jlaqqgħu flimkien rappreżentanti tal-awtonomija reġjonali u lokali, impjegaturi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom, u rappreżentanti tal-entitajiet tal-VET. Fil-livell internazzjonali, il-liġi tistabbilixxi d-dritt tal-entitajiet tal-VET li jiffirmaw ftehimiet ta’ kooperazzjoni u jistabbilixxu rabtiet ma’ sħab internazzjonali biex jipprovdu edukazzjoni vokazzjonali. |
||||||
|
Valutazzjoni tal-Kummissjoni: ksib sodisfaċenti |
Pass 7.10
|
Isem il-pass: Adozzjoni tar-riżoluzzjoni dwar l-akkwiżizzjoni tas-servizzi soċjali |
||||
|
Riforma/investiment relatat: Riforma 8. Sigurtà soċjali aħjar |
||||
|
Iffinanzjat minn: self |
||||
|
Kuntest Ir-rekwiżit għall-pass 7.10 deskritt fl-anness tas-CID huwa: “Adozzjoni tar-Riżoluzzjoni tal-Kabinett tal-Ministri tal-Ukrajna dwar ix-xiri ta’ servizzi soċjali għad-detriment tal-baġit tal-istat. Ir-Riżoluzzjoni hija fiskalment newtrali u bl-ebda mod ma tħalli impatt fuq is-sostenibbiltà tad-dejn tal-Ukrajna u tiffoka fuq dawn l-oqsma ewlenin:
Il-pass 7.10 huwa l-uniku pass fl-implimentazzjoni tar-Riforma 8 tal-Kapitolu 7 (Kapital Uman). |
||||
|
Evidenza pprovduta
|
||||
|
Analiżi Il-ġustifikazzjoni u l-evidenza ppreżentati mill-awtoritajiet Ukreni jkopru l-elementi kostituttivi kollha tal-pass 7.10. L-objettiv tar-Riforma 8 tal-Kapitolu 7 (Kapital Uman) huwa li jittejjeb il-forniment ta’ servizzi soċjali pubbliċi, billi tintroduċi mekkaniżmi għall-akkwist ta’ ċerti servizzi minn fornituri rreġistrati. Għal dan l-għan, il-Kabinett tal-Ministri adotta r-Riżoluzzjoni Nru 764, tal-25 ta’ Ġunju 2025, li tirriforma s-sistema tal-akkwist għas-servizzi soċjali. Ir-riżoluzzjoni tikkostitwixxi bidla fil-mod kif jiġu ffinanzjati u pprovduti s-servizzi soċjali għat-tfal b’diżabilità, bi tranżizzjoni minn istituzzjonijiet ta’ finanzjament irrispettivament mis-servizzi mogħtija għal mudell ta’ xiri orjentat lejn ir-riżultati. Bil-mudell il-ġdid, il-fornituri ta’ servizzi huma meħtieġa jiksbu rata ta’ attendenza ta’ mill-inqas 85 % mir-riċevituri fuq tliet xhur, filwaqt li jiżguraw appoġġ konsistenti u effettiv għat-tfal fil-bżonn. Billi jimplimenta sistema li tippermetti biss lil fornituri pubbliċi u privati kwalifikati jipparteċipaw, abbażi ta’ standards u kriterji ċari, il-mudell għandu l-għan li jiżgura standards għoljin u obbligu ta’ rendikont. Dan mhux biss jgħolli l-kwalità ġenerali tas-servizzi li qed jingħataw iżda jistinka wkoll biex jissodisfa l-ħtiġijiet tal-komunità b’livell ivverifikat ta’ kompetenza. B’mod ġenerali, il-mudell huwa fiskalment newtrali u ma jaffettwax is-sostenibbiltà tad-dejn tal-Ukrajna. |
||||
|
Valutazzjoni tal-Kummissjoni: ksib sodisfaċenti |
Pass 8.4
|
Isem il-pass: Adozzjoni tal-Istrateġija għall-Intrapriżi Żgħar u Medji (SMEs) u Pjan ta’ Azzjoni għall-implimentazzjoni tagħha |
||||||||
|
Riforma/investiment relatat: Riforma 3. Aċċess għall-finanzi u s-swieq |
||||||||
|
Iffinanzjat minn: self |
||||||||
|
Kuntest Ir-rekwiżit għall-Pass 8.4 deskritt fl-Anness tas-CID huwa: “Adozzjoni tar-Riżoluzzjoni tal-Kabinett tal-Ministri tal-Ukrajna dwar l-approvazzjoni tal-Istrateġija għall-SMEs u l-Pjan ta’ Azzjoni għall-implimentazzjoni tagħha. L-istrateġija tiffoka fuq dawn l-oqsma ewlenin:
Il-Pass 8.4 huwa l-ewwel pass fl-implimentazzjoni tar-Riforma 3 tal-Kapitolu 8 (ambjent tan-negozju). Ir-riforma 3 għandha pass addizzjonali 8.5, mistenni fl-ewwel trimestru tal-2026, immirat lejn id-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni dwar is-simplifikazzjoni tal-aċċess għal networks esterni tal-inġinerija. |
||||||||
|
Evidenza pprovduta
|
||||||||
|
Analiżi Il-ġustifikazzjoni u d-dokumentazzjoni sostantiva ta’ evidenza ppreżentati mill-awtoritajiet Ukreni jkopru l-elementi kostituttivi kollha tal-pass 8.4. L-objettiv tar-Riforma 3 huwa li tissaħħaħ il-politika tal-gvern dwar l-iżvilupp u l-appoġġ tal-SMEs. Għal dan l-għan, il-Kabinett tal-Ministri approva din l-Istrateġija, flimkien mal-Pjan ta’ Azzjoni Operazzjonali tagħha, fit-30 ta’ Awwissu 2024 bir-Riżoluzzjoni Nru 821-r tal-Kabinett. L-Istrateġija tistabbilixxi għan ġenerali: il-bini mill-ġdid u t-tkabbir tas-settur tal-SMEs matul u wara l-gwerra billi jinħolqu kundizzjonijiet għall-iżvilupp sostenibbli, il-ħolqien tal-valur, l-adozzjoni diġitali u finanzjament aktar faċli, sabiex id-ditti Ukreni jkunu jistgħu jikkompetu f’pajjiżhom u fis-swieq internazzjonali. Biex jiġi vvalutat il-progress lejn dawn l-objettivi, id-dokument jelenka xi miri li għandhom jintlaħqu sal-2027 li jinkludu ż-żieda tas-sehem tal-SMEs tal-valur miżjud gross għal 74 % u ż-żieda tal-bejgħ tal-SMEs għal UAH 10,65 triljun. L-Istrateġija hija allinjata b’mod espliċitu mar-rekwiżiti tal-adeżjoni mal-UE u mar-rakkomandazzjonijiet tal-OECD għall-SMEs, u għandha tipprovdi aċċess aħjar għas-swieq, għall-finanzi u għall-għarfien. Il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ akkumpanjament isarraf l-Istrateġija f’86 miżura numerata eżegwiti minn 15-il-ministeru u 9 aġenziji speċjalizzata sa tmiem l-2027. Il-miżuri huma organizzati taħt erba’ pilastri:
|
||||||||
|
Valutazzjoni tal-Kummissjoni: ksib sodisfaċenti |
Pass 9.2
|
Isem il-pass: Approvazzjoni u pubblikazzjoni fuq is-sit web tal-Ministeru għall-Komunitajiet, it-Territorji u l-Iżvilupp tal-Infrastruttura tal-Ukrajna ta’ studju dwar il-miżuri meħtieġa biex tingħata personalità ġuridika lill-muniċipalitajiet |
||||
|
Riforma/investiment relatat: Riforma 1. Avvanz tad-deċentralizzazzjoni |
||||
|
Iffinanzjat minn: self |
||||
|
Kuntest Ir-rekwiżit għall-Pass 9.2 deskritt fl-Anness tas-CID huwa: “Pubblikazzjoni tar-riżultati tal-istudju dwar il-possibbiltà li l-komunitajiet territorjali jingħataw l-istatus ta’ entità legali fil-portal web uffiċjali tal-Ministeru għall-Komunitajiet, it-Territorji u l-Iżvilupp tal-Infrastruttura tal-Ukrajna.” Il-Pass 9.2 huwa t-tieni pass fl-implimentazzjoni tar-Riforma 1 “Avvanz tad-deċentralizzazzjoni” tal-Kapitolu 9 (deċentralizzazzjoni u l-politika reġjonali). Ir-riforma 1 għandha pass 9.3 addizzjonali, mistenni fl-ewwel trimestru tal-2026, immirat lejn id-dħul fis-seħħ tal-emendi tal-Liġi tal-Ukrajna “Dwar l-Awtonomija Lokali fl-Ukrajna”. |
||||
|
Evidenza pprovduta
|
||||
|
Analiżi Il-ġustifikazzjoni u d-dokumentazzjoni sostantiva ta’ evidenza ppreżentati mill-awtoritajiet Ukreni jkopru l-elementi kostituttivi kollha tal-pass 9.2. L-objettiv tar-Riforma 1 huwa li jiġi stabbilit qafas għat-trasformazzjoni tal-amministrazzjoni tal-istat lokali f’awtoritajiet tat-tip ta’ prefettura u li tiġi żgurata distribuzzjoni aħjar tas-setgħat bejn il-gvern lokali u l-awtoritajiet eżekuttivi. L-istudju “Community as a Legal Entity of Public Law: Ukraine in the Context of European and International Experience” (Komunità bħala Entità Legali tad-Dritt Pubbliku: l-Ukrajna fil-Kuntest tal-Esperjenza Ewropea u Internazzjonali) ġie ppubblikat fuq is-sit web uffiċjali tal-Ministeru għall-Iżvilupp tal-Komunitajiet u t-Territorji (peress li l-ministeru ngħata isem ġdid f’Settembru 2024) f’Ġunju 2025. L-istudju janalizza l-esperjenzi ta’ stati oħra fid-determinazzjoni tal-personalità ġuridika tal-komunitajiet, inklużi l-esperjenzi ta’ Stati Membri tal-UE, bħall-Ġermanja, il-Polonja u Franza. Huwa janalizza l-kunċett tal-komunità bħala entità legali pubblika fil-kuntest tal-liġi Ukrena u fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-awtonomija lokali stabbiliti fil-Karta Ewropea dwar l-Awtonomija Lokali. L-istudju jsib li r-rikonoxximent tal-komunitajiet bħala entitajiet legali tal-liġi pubblika huwa pass kritiku għall-Ukrajna biex tiffinalizza r-riforma tad-deċentralizzazzjoni tagħha. L-istudju jipprovdi direzzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ personalità ġuridika lill-komunitajiet u janalizza l-emendi meħtieġa tal-Kostituzzjoni tal-Ukrajna u l-leġiżlazzjoni attwali meħtieġa biex jintlaħaq dan. |
||||
|
Valutazzjoni tal-Kummissjoni: ksib sodisfaċenti |
Pass 10.4
|
Isem il-pass: L-adozzjoni tal-Pjan Direzzjonali tal-proċess ta’ separazzjoni tal-Ħlas Addizzjonali għall-Enerġija Rinnovabbli mit-tariffa tat-trażmissjoni |
||||
|
Riforma/investiment relatat: Riforma 2. Qafas regolatorju mtejjeb għaż-żieda tal-enerġija rinnovabbli u l-iżgurar ta’ operazzjoni stabbli tas-sistema tal-enerġija |
||||
|
Iffinanzjat minn: self |
||||
|
Kuntest Ir-rekwiżit għall-Pass 10.4 deskritt fl-Anness tas-CID huwa: “Adozzjoni tal-Pjan Direzzjonali tal-proċess ta’ separazzjoni tas-Soprataxxa fuq l-Enerġija Rinnovabbli mit-Tariffa tat-Trażmissjoni bl-identifikazzjoni tal-atti leġiżlattivi meħtieġa u t-termini ta’ implimentazzjoni.” Il-Pass 10.4 huwa t-tieni pass fl-implimentazzjoni tar-Riforma 2 “Qafas regolatorju mtejjeb għaż-żieda tal-enerġija rinnovabbli u l-iżgurar ta’ tħaddim stabbli tas-sistema tal-enerġija” tal-Kapitolu 10 (is-settur tal-enerġija). Ir-Riforma 2 għandha żewġ passi addizzjonali. Il-Pass 10.2 dwar l-introduzzjoni ta’ qafas ibbażat fuq is-suq għall-enerġija rinnovabbli, mistenni fir-raba’ trimestru tal-2024, intlaħaq. Il-Pass 10.3 dwar id-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni biex jittejbu l-proċeduri għall-għoti ta’ permessi għall-investimenti fl-enerġija rinnovabbli huwa mistenni fit-tielet trimestru tal-2026. |
||||
|
Evidenza pprovduta
|
||||
|
Analiżi Il-ġustifikazzjoni u d-dokumentazzjoni sostantiva ta’ evidenza ppreżentati mill-awtoritajiet Ukreni jkopru l-elementi kostituttivi kollha tal-pass 10.4. L-objettiv tar-Riforma 2 huwa li jiżdied is-sehem tal-enerġija rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija tal-Ukrajna. Għal dan l-għan, il-Kabinett tal-Ministri tal-Ukrajna approva pjan direzzjonali fil-25 ta’ Ġunju 2025, permezz tar-Riżoluzzjoni Nru 612-p, li jikkontribwixxi għat-titjib tal-governanza tal-użu tal-enerġija rinnovabbli billi jissepara l-ħlas addizzjonali fuq is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli mit-tariffa tat-trażmissjoni. Il-pjan direzzjonali huwa pass kritiku lejn il-ħolqien ta’ mudell aktar trasparenti u bbażat fuq is-suq għall-finanzjament tal-enerġija rinnovabbli fl-Ukrajna. Qabel, il-ħlas addizzjonali fuq is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli kienet komponent sinifikanti tat-tariffa tat-trażmissjoni, b’porzjon kbir tad-dħul mit-tariffa maħsub biex iħallas għall-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Il-pjan direzzjonali jiddeskrivi tranżizzjoni gradwali għal sistema ġdida. Il-pjan jistabbilixxi separazzjoni gradwali, b’regoli differenti għall-produtturi eżistenti u ġodda tal-enerġija rinnovabbli. Il-ħlasijiet lill-produtturi eżistenti tal-enerġija rinnovabbli ser jkomplu jiġu koperti mit-tariffa tat-trażmissjoni sal-1 ta’ Jannar 2030. Mill-1 ta’ Lulju 2026, il-produtturi l-ġodda tal-enerġija rinnovabbli, inklużi r-rebbieħa tal-irkanti “ekoloġiċi”, ser jitħallsu permezz ta’ ħlas addizzjonali separat u distint. Din hija bidla ewlenija mmirata biex tiżgura mekkaniżmu ta’ finanzjament aktar trasparenti u indipendenti għal proġetti ġodda. Il-pjan direzzjonali jelenka l-bidliet leġiżlattivi li huma meħtieġa. L-ewwel nett, il-Liġi dwar is-Suq tal-Elettriku, pass ewlieni fil-Pjan għall-Ukrajna, jeħtieġ li tiġi emendata biex tiġi sseparata bis-sħiħ il-ħlas addizzjonali. It-tieni, il-Kummissjoni Regolatorja Nazzjonali għall-Enerġija u l-Utilitajiet (NEURC, National Energy and Utilities Regulatory Commission) għandha l-mandat li tiżviluppa l-leġiżlazzjoni sekondarja meħtieġa, inkluż li tadotta l-Metodoloġija għall-kalkolu tal-ħlas addizzjonali għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, l-emendi tal-Metodoloġija għall-kalkolu tat-tariffa ta’ trażmissjoni, għall-Kodiċi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni (TSC, Transmission System Code) u r-Regoli tas-Suq tal-Bejgħ bl-Imnut, li huma kruċjali għall-implimentazzjoni prattika tar-regoli l-ġodda. |
||||
|
Valutazzjoni tal-Kummissjoni: ksib sodisfaċenti |
Pass 13.3
|
Isem il-pass: Il-pubblikazzjoni ta’ sensiela ta’ proġetti ta’ investiment għall-estrazzjoni ta’ materja prima kritika |
||||
|
Riforma/investiment relatat: Riforma 2. Proċeduri amministrattivi mtejba |
||||
|
Iffinanzjat minn: self |
||||
|
Kuntest Ir-rekwiżit għall-Pass 13.3 deskritt fl-Anness tas-CID huwa: “Pubblikazzjoni ta’sensiela ta’ proġetti ta’ investiment għall-estrazzjoni ta’ materja prima kritika.” Il-Pass 13.3 huwa wieħed minn żewġ passi fl-implimentazzjoni tar-Riforma 2 “Proċeduri amministrattivi mtejba” fil-Kapitolu 13 (ġestjoni tal-materja prima kritika), mistenni fit-tieni trimestru tal-2025. It-tieni pass huwa l-Pass 13.4, li huwa wkoll parti mill-pagament parzjali attwali. Ir-Riforma 2 għandha Pass 13.5 addizzjonali wieħed, mistenni fl-ewwel trimestru tal-2025, diġà vvalutat b’mod pożittiv taħt ir-raba’ pagament parzjali. |
||||
|
Evidenza pprovduta
|
||||
|
Analiżi Il-ġustifikazzjoni u d-dokumentazzjoni sostantiva ta’ evidenza ppreżentati mill-awtoritajiet Ukreni jkopru l-elementi kostituttivi kollha tal-pass 13.3. L-objettiv tar-Riforma 2 huwa li tiġi ottimizzata l-proċedura u jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-investituri potenzjali. L-għan ewlieni huwa li jittejbu t-trasparenza, il-ħeffa u l-kosteffiċjenza għal deċiżjonijiet ġodda ta’ investiment. Is-sensiela ta’ proġetti ta’ investiment għall-estrazzjoni ta’ materja prima kritika (l-“Atlas ta’ Investiment”) huwa ppubblikat fuq is-sit web uffiċjali tal-Istħarriġ Ġeoloġiku bl-iperlink: https://www.geo.gov.ua/en/critical-raw-materials Id-dokument jippreżenta sensiela ta’ opportunitajiet ta’ investiment relatati mal-estrazzjoni tal-minerali fl-Ukrajna, inklużi d-depożiti tal-materja prima kritika (CRM, critical raw material) disponibbli għal-liċenzjar permezz ta’ rkantijiet elettroniċi u offerti tal-PSA. Id-dokument jinkludi ħarsa ġenerali lejn id-depożiti identifikati u d-diversi ktajjen tal-provvista, u tal-istrateġiji tas-CRM fl-UE. Jipprovdi wkoll mappa tal-materja prima kritika fl-Ukrajna b’deskrizzjoni qasira tad-depożiti disponibbli, kodiċijiet QR li jwasslu għal informazzjoni aktar dettaljata, liċenzji, u lista ta’ investituri strateġiċi potenzjali għal tipi differenti ta’ proġetti ta’ investiment tas-CRM. B’mod ġenerali, dan id-dokument jenfasizza l-isforz tal-Ukrajna biex ittejjeb l-attraenza tal-pajjiż għall-investimenti fis-settur tas-CRM. |
||||
|
Valutazzjoni tal-Kummissjoni: ksib sodisfaċenti |
Pass 13.4
|
Isem il-pass: It-tnedija ta’ offerti internazzjonali konnessi mal-ftehim dwar il-kondiviżjoni tal-prodotti (PSA) b’garanzija għat-trasparenza tagħhom |
||||||||||||
|
Riforma/investiment relatat: Riforma 2. Proċeduri amministrattivi mtejba |
||||||||||||
|
Iffinanzjat minn: self |
||||||||||||
|
Kuntest Ir-rekwiżit għall-Pass 13.4 deskritt fl-Anness tas-CID huwa: “It-tnedija u l-pubblikazzjoni tal-offerti internazzjonali tal-ftehim dwar il-kondiviżjoni tal-prodotti (PSA), bl-użu tat-termini mudell tal-ftehim kif miftiehem mill-Gvern. It-trasparenza tal-offerti u tal-Ftehimiet tal-PSA żgurata permezz tal-aċċess miftuħ għat-termini tiegħu.” Il-Pass 13.4 huwa wieħed minn żewġ passi fl-implimentazzjoni tar-Riforma 2 “Proċeduri amministrattivi mtejba” fil-Kapitolu 13 (ġestjoni tal-materja prima kritika), mistenni fit-tieni trimestru tal-2025. It-tieni pass huwa l-Pass 13.3, li huwa wkoll parti mill-pagament parzjali attwali. Ir-Riforma 2 għandha Pass 13.5 addizzjonali wieħed, mistenni fl-ewwel trimestru tal-2025, diġà vvalutat b’mod pożittiv taħt ir-raba’ pagament parzjali. |
||||||||||||
|
Evidenza pprovduta
|
||||||||||||
|
Analiżi Il-ġustifikazzjoni u d-dokumentazzjoni sostantiva ta’ evidenza ppreżentati mill-awtoritajiet Ukreni jkopru l-elementi kostituttivi kollha tal-pass 13.4. L-objettiv tar-Riforma 2 huwa li tiġi ottimizzata l-proċedura u jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-investituri potenzjali. L-għan ewlieni huwa li jittejbu t-trasparenza, il-ħeffa u l-kosteffiċjenza għal deċiżjonijiet ġodda ta’ investiment. Il-Kummissjoni Intergovernattiva dwar il-ftehim dwar il-kondiviżjoni tal-prodotti (il-“Kummissjoni PSA”) approvat il-mudell PSA fit-30 ta’ Ġunju 2025. Il-mudell PSA għandu jservi bħala bażi għal ftehimiet bejn il-gvern tal-Ukrajna u l-investituri. Fl-14 ta’ Lulju 2025, il-Kunsill tal-Ministri adotta r-Riżoluzzjoni Nru 845, li tinkludi l-listi ta’ minerali ta’ importanza strateġika u kritika kif ukoll il-lista ta’ plottijiet tas-sottoswol (depożiti minerali) ta’ importanza strateġika u/jew kritika, li ser jingħataw għall-użu permezz ta’ proċess ta’ sejħa għall-offerti għall-konklużjoni ta’ PSA. Il-Kummissjoni PSA ddeċidiet li tniedi s-sejħa għall-offerti dwar il-konklużjoni ta’ ftehim dwar il-kondiviżjoni ta’ minerali metalliċi li għandhom jiġu estratti fid-depożitu ta’ Dobra. Dan ġie kkonfermat mir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Ministri Nru 1059. L-offerta ġiet ippubblikata fit-12 ta’ Settembru 2025. B’mod ġenerali, l-adozzjoni tal-mudell PSA u r-Riżoluzzjoni Nru 845 tenfasizza l-impenn tal-Ukrajna li toħloq qafas regolatorju ċar li għandu l-għan li jattira investiment barrani fis-settur tas-CRM. Bl-identifikazzjoni u s-sejħa għall-offerti ta’ plottijiet tas-sottoswol ta’ minerali kritiċi, l-Ukrajna tqiegħed lilha nnifisha bħala parteċipant proattiv fis-suq globali tas-CRM. Effettivament dan għandu l-għan li jsaħħaħ il-fiduċja tal-investituri, filwaqt li jallinja l-objettivi nazzjonali mal-istandards internazzjonali tal-investiment. |
||||||||||||
|
Valutazzjoni tal-Kummissjoni: ksib sodisfaċenti |
Pass 15.6
|
Isem il-pass: Tkomplija tas-sistema obbligatorja ta’ monitoraġġ, rapportar u verifika (MRV) |
||||
|
Riforma/investiment relatat: Riforma 3. Mekkaniżmi tas-suq tal-ipprezzar tal-karbonju |
||||
|
Iffinanzjat minn: self |
||||
|
Kuntest Ir-rekwiżit għall-Pass 15.6 deskritt fl-Anness tas-CID huwa: “It-tkomplija ta’ sistema obbligatorja ta’ monitoraġġ, rapportar u verifika (MRV) għall-faċilitajiet koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti, ħlief għal dawk li mhumiex ikkontrollati, meqruda jew li jinsabu fit-territorju okkupat temporanjament, jew li ħabbru uffiċjalment is-sospensjoni tal-operazzjonijiet f’termini ta’ produzzjoni.” Il-Pass 15.6 huwa t-tieni u l-aħħar pass fl-implimentazzjoni tar-Riforma 3 “Mekkaniżmi tas-suq tal-ipprezzar tal-karbonju” fil-Kapitolu 15 (it-tranżizzjoni ekoloġika u l-protezzjoni ambjentali), mistenni fit-tieni trimestru tal-2025. L-ewwel pass 15.5 dwar l-adozzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Istabbiliment ta’ Sistema Nazzjonali għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet ta’ Gassijiet Serra diġà ntlaħaq b’mod sodisfaċenti. |
||||
|
Evidenza pprovduta
|
||||
|
Analiżi Il-ġustifikazzjoni u d-dokumentazzjoni sostantiva ta’ evidenza ppreżentati mill-awtoritajiet Ukreni jkopru l-elementi kostituttivi kollha tal-pass 15.6. L-objettiv tar-Riforma 3 huwa li jitrawwem l-iżvilupp ta’ mekkaniżmi tas-suq għall-ipprezzar tal-karbonju u speċifikament li jiġi żgurat ġbir xieraq tad-data lejn l-introduzzjoni tal-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet fl-Ukrajna. Fit-8 ta’ Jannar 2025, il-Parlament Ukren adotta l-Liġi Nru 4187-IX “Dwar Emendi ta’ Ċerti Liġijiet tal-Ukrajna Rigward it-Tkomplija ta’ Monitoraġġ, Rapportar u Verifika tal-Emissjonijiet ta’ Gassijiet Serra”, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2025. Il-liġi iddaħħal mill-ġdid in-natura obbligatorja tas-sistema ta’ monitoraġġ, rapportar u verifika (MRV) għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra fil-livell tal-installazzjoni li bdiet topera fl-2021. Tali rekwiżiti obbligatorji ġew sospiżi minħabba l-impożizzjoni tal-liġi marzjali wara l-invażjoni fuq skala sħiħa tar-Russja fi Frar 2022. Din is-sistema MRV hija prerekwiżit għall-implimentazzjoni tas-Sistema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) u tirrikjedi li l-operaturi ta’ installazzjonijiet li jipproduċu jew li jistgħu jipproduċu emissjonijiet ta’ gassijiet serra (GHG, greenhouse gas) jikkonformaw ma’ sett ta’ obbligi. Is-sistema bħalissa tkopri 11-il tip ta’ attività tal-ETS. Ir-Reġistru Unifikat huwa s-sistema għall-implimentazzjoni tal-MRV li bħalissa qed tiġi diġitalizzata. L-entitajiet koperti jeħtieġ li jissottomettu rapport annwali vverifikat dwar l-emissjonijiet GHG sa Marzu tas-sena ta’ wara (rapportar). Ir-rapport dwar l-emissjonijiet GHG jeħtieġ li jiġi vverifikat minn awditur akkreditat ta’ parti terza, akkreditat mill-Aġenzija Nazzjonali għall-Akkreditazzjoni tal-Ukrajna (verifika). Skont il-liġi, it-territorji okkupati temporanjament, il-faċilitajiet mhux ikkontrollati u meqruda huma eżentati mill-obbligi. |
||||
|
Valutazzjoni tal-Kummissjoni: ksib sodisfaċenti |
(1) Ir-Regolament (UE) 2024/792 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Frar 2024 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Ukrajna (ĠU L, 2024/792, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/792/oj).
(2) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2025/2157 tas-17 ta’ Ottubru 2025 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1447 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna n (OJ L, 2025/2157, 27.10.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/2157/oj).
(1) Id-Direttiva (UE) 2019/1023 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar oqfsa ta’ ristrutturar preventiv, dwar il-ħelsien mid-dejn u l-iskwalifiki, u dwar miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn, u li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 (Direttiva dwar ir-ristrutturar l-insolvenza) (ĠU L 172, 26.6.2019, p. 18, http://data.europa.eu/eli/dir/2019/1023/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/2296/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)