Brussell, 14.7.2021

SWD(2021) 610 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAR-RAPPORT TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

li jemenda r-Regolamenti (UE) 2018/841 fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni, is-simplifikazzjoni tar-regoli tal-konformità, l-istabbiliment tal-miri tal-Istati Membri għall-2030 u l-impenn għall-kisba kollettiva tan-newtralità klimatika sal-2035 fis-settur tal-użu tal-art, tal-forestrija u tal-agrikoltura, u (UE) 2018/1999 fir-rigward tat-titjib fil-monitoraġġ, fir-rapportar, fit-traċċar tal-progress u fir-rieżami

{COM(2021) 554 final} - {SEC(2021) 554 final} - {SWD(2021) 551 final} - {SWD(2021) 609 final}


Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv (Massimu ta’ żewġ paġni)

Valutazzjoni tal-impatt dwar ir-rieżami tar-Regolament dwar l-Użu tal-Art, it-Tibdil fl-Użu tal-Art u l-Forestrija (LULUCF)

A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni

X’inhi l-problema u għaliex hi problema fil-livell tal-UE?

Il-problema ewlenija hija li l-kapaċità tas-settur tal-LULUCF li jassorbi s-CO2 mill-atmosfera qed tonqos: bejn l-2013 u l-2018, intilef kwint tal-assorbimenti netti mis-settur. Il-fatturi ewlenin huma ż-żieda fil-ħsad tal-injam, l-emissjonijiet kontinwi mill-ħamrija organika, u n-nuqqas ta’ inċentivi. Skont il-projezzjonijiet tal-Kummissjoni, it-treġġigħ lura ta’ din ix-xejra fid-deċennju li ġej huwa fattibbli, iżda l-qafas regolatorju attwali ma jipprovdix biżżejjed inċentivi. Hemm problemi oħra bħan-nuqqas ta’ qafas ta’ politika integrat biex jissaħħu s-sinerġiji fis-settur tal-art (l-agrikoltura u l-LULUCF), il-kumplessità tar-regoli tal-kontabbiltà tal-LULUCF, u d-diskrepanzi fil-kwalità fis-sistemi ta’ monitoraġġ u ta’ rappurtar.

X’għandu jinkiseb?

L-objettiv ta’ politika ewlieni huwa li tinkiseb in-newtralità klimatika fis-settur tal-art sal-2035 (jiġifieri l-bilanċ tal-emissjonijiet u l-assorbimenti mil-LULUCF u l-agrikoltura); objettivi oħra huma li jitfassal qafas ta’ politika ġust, flessibbli u integrat, li tiġi ssimplifikata l-implimentazzjoni, u li jittejbu l-monitoraġġ u r-rappurtar.

X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE (sussidjarjetà)? 

It-tibdil fil-klima huwa problema transkonfinali fejn l-azzjoni koordinata tal-UE tissupplimenta u ssaħħaħ l-azzjoni nazzjonali u lokali b’mod effettiv. L-azzjoni koordinata tippermetti li jkollna ambizzjoni għolja fl-UE kollha filwaqt li nagħrfu l-kapaċitajiet ta’ azzjoni differenti fost l-Istati Membri u nippermettu kosteffiċjenza miżjuda permezz ta’ flessibbiltajiet xierqa bejn l-Istati Membri u fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni settorjali oħra (ESR).

B. Soluzzjonijiet

X’inhuma l-alternattivi differenti biex jinkisbu l-objettivi? Hemm alternattiva ppreferuta? Jekk le, għaliex?

L-għażla 1 tistabbilixxi mira ta’ assorbiment aktar ambizzjuża iżda simplifikata għas-settur tal-LULUCF f’kull Stat Membru. L-għażla 2 tgħaqqad il-miri simplifikati tal-LULUCF ma’ inċentivi aħjar biex jitkabbru l-assorbimenti tal-LULUCF permezz tal-flessibbiltà mar-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi. L-għażla 3 tipproponi proċess ta’ ppjanar u miri vinkolanti lejn settur tal-art newtrali għall-klima (LULUCF u agrikoltura) fl-2035.

L-għażla ppreferuta hija li l-miri nazzjonali simplifikati u dawk aktar ambizzjużi tal-LULUCF jingħaqdu fl-2030 (bħal fl-Għażla 1.2 jew 2, skont il-livell tal-miri tal-ESR) ma’ objettiv ta’ newtralità klimatika bbażata fuq l-art għall-UE kollha fl-2035. Din fiha wkoll proċess ta’ ppjanar għall-mitigazzjoni bbażata fuq l-art, miri nazzjonali għall-art għall-2035 (li se jiġu stabbiliti fi stadju aktar tard), u rekwiżiti ta’ monitoraġġ u ta’ rappurtar aġġornati.

X’inhi l-opinjoni tal-partijiet ikkonċernati differenti? Liema għażla u min jappoġġaha?

Dawk li wieġbu għall-Konsultazzjoni Pubblika Miftuħa kellhom preferenza għal miri aktar ambizzjużi tal-LULUCF, li ġiet magħżula minn 45 % minnhom (l-aktar: l-akkademiċi, iċ-ċittadini tal-UE u l-NGOs). Fit-tieni post, il-miri integrati għas-settur tal-art kienu ppreferuti minn 40 % tar-rispondenti, l-aktar mis-settur privat. L-aktar għażla ppreferuta fost l-awtoritajiet pubbliċi kienet it-tisħiħ tal-flessibbiltà mal-ESR.

C. Impatti tal-għażla ppreferuta

X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)? 

Miri aktar ambizzjużi għas-settur tal-LULUCF se jġibu benefiċċji ambjentali ċari minbarra n-newtralità klimatika fis-settur tal-art sal-2035, bħal kobenefiċċji għall-adattament għat-tibdil fil-klima, għall-bijodiversità u l-bijoekonomija, u inċentivi għal mudelli ġodda ta’ negozju (“sekwestru tal-karbonju f’art agrikola”) li jiġġeneraw dħul addizzjonali għall-maniġers tal-art. Il-proċess ta’ ppjanar integrat għas-settur tal-art u t-titjib tas-sistemi ta’ monitoraġġ u ta’ rappurtar se jiżguraw tfassil u implimentazzjoni tal-politika aktar effettivi.

X’inhuma l-kostijiet tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)? 

Skont il-mudellar tal-Kummissjoni (ix-xenarju tal-politika, imsejjaħ ukoll ix-xenarju MIX), l-aktar mira ambizzjuża tal-LULUCF prevista fil-Valutazzjoni tal-Impatt (‑310MtCO2eq fl-2030) tista’ tinkiseb bi prezz tal-karbonju modest ta’ mhux aktar minn EUR 10 għal kull tunnellata ta’ CO2.

X’inhuma l-impatti fuq l-SMEs u fuq il-kompetittività?

Din l-inizjattiva mhux se taffettwa lill-SMEs fis-settur tal-art b’mod dirett (jiġifieri mhu se jkun hemm l-ebda rekwiżiti ta’ rappurtar dirett fil-livell tal-maniġers tal-art individwali). Il-miri proposti se jixprunaw il-politiki nazzjonali ta’ mitigazzjoni fis-settur tal-art, li jista’ jtejjeb il-kompetittività fit-tul tas-setturi tal-bijoekonomija (eż. provvista aktar sostenibbli ta’ ikel, għalf u bijomassa, u ż-żieda fir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima).

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali? 

Is-simplifikazzjoni tar-regoli ta’ konformità se tnaqqas il-kostijiet regolatorji. It-titjib tas-sistemi ta’ monitoraġġ u ta’ rappurtar se jkun jinvolvi xi kostijiet, iżda se jirriżulta wkoll f’użu aktar effiċjenti tas-settijiet tad-data u t-teknoloġiji li diġà huma ffinanzjati u disponibbli (eż. it-telerilevament) u fi proċess aktar effiċjenti ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet. Ippjanar integrat għas-settur tal-art kollu jista’ jibni fuq il-Pjanijiet Nazzjonali eżistenti għall-Enerġija u l-Klima, u se jirriżulta f’sinerġiji ta’ politika, eż. mal-PAK, l-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt, l-Istrateġija għall-Foresti u l-Istrateġija għall-Bijodiversità. L-impatti fuq il-baġits nazzjonali jirriżultaw ukoll mill-kummerċ tal-krediti tal-LULUCF, li jista’ joħloq dħul għall-Istati Membri li jaqbżu l-miri tagħhom.

Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra? 

Il-miri proposti huma konformi mal-kapaċitajiet ta’ mitigazzjoni tal-klima u mal-kapaċitajiet ta’ assorbiment tal-karbonju tal-Istati Membri u għandhom jiżguraw li jkun hemm distribuzzjoni ġusta tal-benefiċċji u l-isforzi.

Proporzjonalità? 

L-għażla ppreferuta titqies proporzjonali mal-ambizzjoni klimatika ogħla tal-inizjattiva “Lesti għall-mira ta’ 55 %” u l-objettiv tan-newtralità klimatika fl-2050.

D. Segwitu

Meta se tiġi rieżaminata l-politika?

Se jiġi previst rieżami regolari fil-leġiżlazzjoni. Dan se jkun allinjat mar-rieżami ta’ leġiżlazzjoni oħra bħal pereżempju fil-proposta għar-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi.