|
27.4.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 146/4 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Politika dwar l-enerġija u s-suq tax-xogħol: konsegwenzi għall-impjieg f’reġjuni li għaddejjin minn tranżizzjonijiet tal-enerġija”
(opinjoni fuq inizjattiva proprja)
(2023/C 146/02)
|
Relatur: |
María del Carmen BARRERA CHAMORRO |
|
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja |
20.1.2022 |
|
Bażi legali |
Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura |
|
|
Opinjoni fuq inizjattiva proprja |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza |
|
Adozzjoni fis-sezzjoni |
30.1.2023 |
|
Adozzjoni fil-plenarja |
22.2.2023 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
576 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
123/43/20 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (il-KESE) jinnota li l-intensifikazzjoni tal-effetti negattivi tal-emerġenza klimatika, kif ukoll l-inċertezzi u l-kriżijiet li jirriżultaw mir-realtajiet ġeopolitiċi u tas-suq tal-enerġija l-ġodda, jirrikjedu li l-Unjoni Ewropea taċċellera b’mod drastiku t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u ssaħħaħ l-indipendenza enerġetika tal-Ewropa minn fornituri mhux affidabbli u fjuwils fossili volatili. Għalhekk jilqa’ l-pjani tal-Kummissjoni Ewropea għal tali finijiet (eż. REPowerEU u l-finanzjament addizzjonali tiegħu permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza). |
|
1.2. |
Il-KESE josserva wkoll li r-riskji ambjentali (emerġenza klimatika) u tal-enerġija (dipendenza mill-enerġija fossili) jaffettwaw b’modi differenti l-attivitajiet ekonomiċi u l-miżuri ta’ politika relatati kollha, b’impatt għoli fuq ir-reġjuni, is-setturi ekonomiċi, il-ħaddiema u l-iżjed gruppi vulnerabbli tal-popolazzjoni. Għalhekk, fil-fehma tal-KESE jeħtieġ li tingħata attenzjoni speċifika lir-reġjuni tat-tranżizzjoni ġusta fejn hemm rabta aktar intensiva bejn l-iżvilupp tas-settur tal-enerġija u r-rekwiżiti tas-suq tax-xogħol u fejn ser jenħtieġu azzjonijiet ta’ politika speċifiċi. |
|
1.3. |
F’dan ir-rigward, l-aktar studji affidabbli juru li s-suċċess ta’ tranżizzjoni ekoloġika b’mod ġenerali, u tal-enerġija b’mod partikolari, jista’ jżid il-PDG (xi studji jistmaw li din iż-żieda se tkun ta’ 5,6 % sal-2050), il-livelli ta’ impjieg (l-ILO u l-IRENA jistmaw li l-impjiegi maħluqa se jaqbżu b’erba’ darbiet l-impjiegi li se jintilfu) u l-kwalità tal-impjieg, minħabba l-kwalifiki ogħla meħtieġa. Il-fatt li l-enerġija ssir orħos billi jiżdiedu s-sorsi tal-enerġija disponibbli, speċjalment dawk rinnovabbli, identifikati u mħeġġa permezz ta’ tassonomija ekoloġika adegwata tal-UE, se jtejjeb l-aċċess għal dawn is-servizzi kif ukoll il-produzzjoni, u b’hekk jinħolqu aktar impjiegi. L-impjiegi maħluqa fis-settur tal-enerġiji rinnovabbli huma ġeneralment aktar diffiċli biex jiġu rilokati, u dan se jkun ta’ benefiċċju għal ħafna reġjuni, speċjalment dawk f’riskju akbar ta’ depopolazzjoni. Għandhom jitqiesu wkoll l-effetti pożittivi fuq is-saħħa tal-ambjenti tax-xogħol. |
|
1.4. |
Madankollu, il-KESE huwa mħasseb ħafna dwar l-effetti negattivi, ekonomiċi, okkupazzjonali u soċjali serji li t-tranżizzjoni tal-enerġija qed ikollha fuq terminu qasir u medju, aggravati mill-kriżi attwali tal-gwerra fl-Ukrajna u s-sitwazzjoni ekonomika (inflazzjoni għolja). Il-prezzijiet tal-enerġija li qed jogħlew affettwaw lill-iżjed unitajiet domestiċi vulnerabbli, kif ukoll lil ħafna kumpaniji madwar l-UE. Il-kontijiet għoljin tal-enerġija jżidu l-ispejjeż tal-kumpaniji u għandhom impatt fuq il-livelli tal-produzzjoni u tal-impjieg tagħhom, li qegħdin jisfaw imġiegħla jidħlu fi pjani ta’ ristrutturar. Dan juri li l-politika tal-enerġija u l-bidliet tagħha huma sostanzjali għall-aġġustament u l-bilanċ tal-atturi tas-suq tax-xogħol, l-impjegati kif ukoll min iħaddem. Għalhekk jenħtieġ li s-suq tal-enerġija jiġi stabbilizzat malajr ħafna u li l-futur tiegħu jiġi ġestit permezz tar-regoli l-ġodda li għandhom jintegraw it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, ir-reżiljenza u l-kompetittività. |
|
1.5. |
Bil-għan li dawn l-effetti negattivi tat-tranżizzjoni tal-enerġija fil-kuntest attwali ta’ emerġenzi ġodda jiġu kkoreġuti jew jittaffew, il-KESE jipproponi li l-Istati Membri jqisu modi adegwati biex ikollhom integrazzjoni akbar tal-politiki tas-suq tax-xogħol fl-oqfsa regolatorji u fil-politiki ambjentali u tal-enerġija (inċentivi għal impjiegi sostenibbli u ta’ kwalità tajba bħala valur miżjud tat-tranżizzjoni tal-enerġija; fondi biex jinqasmu l-ispejjeż marbutin mal-proċessi ta’ ristrutturar, temporanju jew definittiv; programmi ta’ taħriġ professjonali mill-ġdid biex tittejjeb l-impjegabbiltà f’ekonomija dekarbonizzata, eċċ.), kif ukoll tal-politiki ta’ benesseri soċjali (garanziji ta’ aċċess għal kulħadd għas-servizzi ta’ enerġija, jingħata aċċess għal dħul sostituttiv u introjtu minimu adegwat, eċċ.). Din l-integrazzjoni, bħala parti mill-miżuri nazzjonali biex jiġi implimentat il-pjan ta’ azzjoni għall-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, għandha dejjem tinkiseb permezz tad-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv, mingħajr preġudizzju għall-awtonomija u d-diversità tas-sistemi differenti tar-relazzjonijiet industrijali ta’ kull Stat. |
|
1.6. |
Minħabba l-kumplessità kbira ta’ dawn l-isfidi, il-KESE jipproponi li tingħata prijorità lill-interkonnessjonijiet bejn il-kwistjonijiet tat-tranżizzjoni tal-enerġija, is-swieq tax-xogħol u l-iżvilupp reġjonali, bħala parti minn politika ta’ koeżjoni mġedda (ekonomika, soċjali u territorjali). Filwaqt li r-relazzjoni bejn il-politika tal-enerġija tal-UE u s-suq tax-xogħol f’kuntest reġjonali hija rilevanti għar-reġjuni kollha tal-UE, jista’ jinstab każ speċifiku fir-Reġjuni ta’ Tranżizzjoni Ġusta, li għandhom sfond b’saħħtu ta’ enerġija konvenzjonali b’impatt fuq il-konnessjoni tal-industriji. Għal dan l-għan, għandhom jitqiesu indikaturi utli, bħal dak relatat mal-potenzjal ta’ impjieg tad-dekarbonizzazzjoni. Jekk nixtiequ li l-objettivi tal-politika dwar il-klima u tat-tranżizzjoni tal-enerġija jintlaħqu b’mod effettiv, il-KESE jafferma mill-ġdid il-konvinzjoni tiegħu li l-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta jeħtieġ li jintuża b’mod aktar effettiv, u jeħtieġ li jitqies ritmu kompatibbli mas-sitwazzjoni tal-intrapriżi żgħar u kbar. F’dawn il-kundizzjonijiet jeħtieġ li jitwettqu azzjonijiet komplementari ulterjuri fil-livell reġjonali, biex jiġu ppreservati kemm jista’ jkun l-impjiegi u biex jiġi żgurat li l-impjiegi l-ġodda jkunu ta’ kwalità tajba, dejjem bl-involviment reali u/jew effettiv tad-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv, kif ukoll tal-entitajiet tal-ekonomija soċjali. Il-Kummissjoni għandha tippromovi din id-dimensjoni soċjali akbar. Kwalunkwe miżura jew politika meqjusa trid dejjem tiġi fformulata b’mod li jirrispetta l-karatteristiċi tas-sistemi nazzjonali tar-relazzjonijiet industrijali kif ukoll ir-rwoli, il-kompetenzi u l-awtonomija tal-imsieħba soċjali. |
|
1.7. |
Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni u lill-Parlament, lill-Istati Membri u lir-reġjuni tal-UE biex jinvolvu lill-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili b’mod aktar innovattiv u effettiv fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ politiki ta’ tranżizzjoni tal-enerġija b’valur miżjud għoli f’termini ta’ impjieg u protezzjoni soċjali, kif ukoll fil-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tagħhom. L-iżbilanċi territorjali f’dan il-qasam ħarġu biċ-ċar fl-istudji tal-każijiet rilevanti, u għalhekk, il-Kummissjoni u l-Istati Membri, permezz tad-djalogu soċjali u l-involviment tal-ekonomija soċjali, huma mitluba jadottaw miżuri biex jiffaċilitaw żvilupp territorjali u soċjoekonomiku aktar ibbilanċjat. Pereżempju, jistgħu jiġu promossi proċessi ta’ konsultazzjoni u, fejn meħtieġ, ta’ patti soċjali biex tiġi żgurata tranżizzjoni ekonomika, tax-xogħol u tal-enerġija soċjalment ġusta. |
|
1.8. |
Il-KESE jaċċetta l-ħtieġa li jissaħħu l-politiki ta’ investiment, kemm pubbliċi kif ukoll privati, kif ukoll il-politiki ta’ kumpens soċjali, fil-kriżi ġeopolitika attwali, minħabba l-effetti negattivi fuq il-kompetittività tal-kumpaniji l-kbar tal-UE u l-SMEs, kif ukoll fuq l-iżjed unitajiet domestiċi vulnerabbli. Fost mekkaniżmi oħra, huwa mħeġġeġ l-użu tal-pjan REPowerEU, fil-qafas tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, bil-għan li jistabbilizza l-kundizzjonijiet tas-suq u jiżgura provvista universali għaċ-ċittadini Ewropej. Din il-ħtieġa u l-urġenza jeħtieġ li jiġu indirizzati b’aktar miżuri ta’ investiment ekonomiku u soċjali (pereżempju, għajnuna sabiex jiġu kkumpensati l-ispejjeż kbar tan-negozji, il-garanzija ta’ riżorsi sabiex jiġi evitat il-faqar enerġetiku, eċċ.), iżda mingħajr ma jitnaqqsu l-miri tad-dekarbonizzazzjoni meħuda, minħabba li aktar tnaqqis fir-ritmu jkollu aktar effetti negattivi mill-aċċellerazzjoni tagħhom fuq terminu medju u twil. |
|
1.9. |
Il-KESE jqis li kemm il-kumpaniji l-kbar kif ukoll l-SMEs għandhom rwol importanti x’jaqdu biex jintlaħaq l-objettiv tat-tranżizzjoni tal-enerġija, permezz ta’ kundizzjonijiet eżiġenti għall-promozzjoni ta’ impjiegi sostenibbli u ta’ kwalità tajba u ta’ protezzjoni soċjali, kif ukoll biex jiġi żgurat aċċess għal kulħadd għas-servizzi tal-enerġija (pereżempju, permezz tal-prevenzjoni tal-faqar enerġetiku). Madankollu, sabiex jiġu indirizzati l-akbar diffikultajiet li jiffaċċjaw l-SMEs, il-KESE jitlob li jittejbu l-programmi għall-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament, li jitħaffu u li jiġu ssemplifikati, b’servizzi ta’ appoġġ u akkumpanjament kontinwu. |
|
1.10. |
Il-KESE jirrakkomanda wkoll li tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tal-prosumaturi (konsumaturi passivi tal-enerġija li jsiru ċittadini attivi bħala produtturi tal-enerġija rinnovabbli) u taċ-ċittadini (komunitajiet tal-enerġija) biex jitħaffef il-pass tat-tranżizzjoni tal-enerġija fl-Ewropa. |
|
1.11. |
Il-KESE jqis li l-pjani territorjali ta’ tranżizzjoni tal-enerġija jenħtieġ li jkunu akkumpanjati minn konvenzjonijiet adegwati jew ftehimiet għal konsultazzjoni soċjali ġusta. Permezz tagħhom, il-ħolqien, iż-żamma tal-impjieg sostenibbli ta’ kwalità tajba u l-appoġġ tan-nies huma kundizzjonijiet meħtieġa fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-miżuri previsti, inklużi l-fondi riċevuti sabiex tiġi promossa t-tranżizzjoni tal-enerġija. |
|
1.12. |
Madankollu, l-esperjenza attwali dwar id-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv fil-kuntest tat-tranżizzjoni tal-enerġija fil-livell makro ta’ politika mhijiex pożittiva. Fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi, l-involviment tal-imsieħba soċjali fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-iżvilupp tal-politiki relatati mat-tranżizzjoni doppja (diġitali u ekoloġika) jitqies bħala insuffiċjenti. |
2. Sfond u elementi ewlenin
|
2.1. |
Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-UE hija emittent globali ewlieni li daħlet għal impenn vinkolanti li tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050, impenn li ġġedded fil-COP27 (7-8 ta’ Novembru 2022), minkejja d-dubji ta’ emittenti globali ewlenin oħra. Jenfasizza, madankollu, li l-effettività tal-miżuri meħuda għad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija Ewropea u s-sistema tal-enerġija tal-UE, fis-snin li ġejjin se tiddependi mhux biss mit-tilħiq ta’ dan l-objettiv ambjentali, iżda wkoll minn jekk it-trasformazzjoni hijiex ġusta għal kulħadd, li tgħin fil-promozzjoni ta’ soċjetà sostenibbli u prospera b’ekonomija moderna, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, kompetittiva u b’livell għoli ta’ impjieg ta’ kwalità tajba. |
|
2.2. |
Il-KESE, fl-Opinjoni tiegħu dwar Viżjoni strateġika dwar it-tranżizzjoni tal-enerġija li tippermetti l-awtonomija strateġika tal-UE (1), jirrikonoxxi l-opportunitajiet għall-prosperità tal-proċess tad-dekarbonizzazzjoni tal-enerġija. Iżda jwissi wkoll dwar ir-riskji soċjali u ekonomiċi li jirriżultaw mill-kriżi attwali tal-enerġija. Il-problemi attwali, li joħolqu pressjoni addizzjonali u jagħmluha diffiċli li jintlaħqu l-miri ta’ dekarbonizzazzjoni meħuda (il-gwerra fl-Ukrajna, il-kriżi tal-inflazzjoni, eċċ.), huma aggravati minn problemi strutturali, bħat-tibdil fil-klima, li l-effetti negattivi tagħhom fuq l-UE u r-reġjuni tagħha qed isiru dejjem aktar viżibbli. |
|
2.3. |
Il-KESE huwa konxju li l-prezzijiet għoljin tal-gass u tal-elettriku qed ikollhom impatti serji fuq in-negozji kollha kif ukoll fuq l-aktar unitajiet domestiċi vulnerabbli. L-ispirali ta’ inflazzjoni qed twassal għall-għeluq tal-impjanti industrijali (eż. Slovalco fis-Slovakkja), u qed tagħmel ukoll ħsara lill-kompetittività ta’ ħafna kumpaniji. |
|
2.4. |
Il-KESE jieħu nota wkoll tar-rapporti tal-Eurofound (2), li skonthom il-faqar enerġetiku żdied. Minkejja li l-Istati Membri żiedu b’mod sinifikanti l-isforzi biex jintroduċu miżuri soċjali biex itaffu l-effetti soċjoekonomiċi ta’ kriżijiet u emerġenzi ġodda, dawn mhumiex biżżejjed, u b’hekk qed jintwera kemm huwa importanti li jissaħħu l-objettivi soċjali, kif enfasizzat mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent. It-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ pakketti ta’ politiki u miżuri ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima jeħtieġ li jqisu d-distribuzzjoni tal-impatti soċjali u kif jistgħu jagħmluhom aktar ġusti fil-każijiet fejn ikunu inevitabbli (Exploring the social challenges of low carbon energy policies in Europe, Nesploraw l-isfidi soċjali tal-politiki tal-enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-Ewropa, Ottubru 2021 (3)). |
|
2.5. |
F’dan il-kuntest ta’ emerġenzi ġodda, il-KESE jitlob li jiġu estiżi u intensifikati — mingħajr ma jiġu ddubitati — il-miżuri mmirati tal-UE u fil-livell nazzjonali biex jikkumpensaw għall-iżjed impatti ekonomiċi u soċjali u fuq l-impjieg li huma dannużi fil-proċess biex jintlaħqu miri klimatiċi ambizzjużi. Jemmen ukoll li dawn għandhom jitfasslu fi ħdan il-politiki ta’ koeżjoni. Din l-enfasi fuq il-politika ta’ koeżjoni fil-qafas tal-politiki tal-UE dwar il-klima diġà ngħatat attenzjoni speċifika mill-KESE fl-Opinjoni tiegħu (ECO/579 (4)), sabiex jiġu enfasizzati miżuri li jiffaċilitaw il-kapaċità tal-kumpaniji li jadattaw għar-rekwiżiti tat-tranżizzjoni tal-enerġija, inkluż ir-ristrutturar konsegwenzjali, u biex jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ faqar enerġetiku. |
|
2.6. |
B’mod aktar strutturali, il-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %” għar-reviżjoni u l-aġġornament tal-leġiżlazzjoni tal-UE u t-tnedija ta’ inizjattivi ġodda biex jiġi żgurat li l-politiki tal-UE jkunu konformi mal-miri klimatiċi maqbula mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew, kif imwiegħed mill-Patt Ekoloġiku Ewropew u b’mod vinkolanti, ġie integratt fil-leġiżlazzjoni Ewropea dwar il-klima. Għalhekk, il-KESE jemmen li l-politiki għall-ġlieda kontra l-emerġenza klimatika jistgħu jwasslu għal bidliet kbar fl-ekonomija u jiġġeneraw, fuq perjodu ta’ żmien qasir, medju u fit-tul, disturbi soċjali, li jaffettwaw l-impjieg u l-benesseri, speċjalment f’ċerti reġjuni. Barra minn hekk, kif ma jista’ jkun hemm l-ebda progress soċjali mingħajr prestazzjoni ekonomika robusta, ma jista’ jkun hemm l-ebda tkabbir ekonomiku sostenibbli mingħajr ma tiġi żgurata tranżizzjoni ekoloġika u tal-enerġija, soċjali u industrijalment ġusta. |
|
2.7. |
L-impatti fuq is-swieq tax-xogħol se jkunu aktar drastiċi f’ċerti setturi u reġjuni u industriji intensivi fil-karbonju jistgħu jagħlqu. Il-ħtieġa li jitħaffef il-pass tat-tranżizzjoni tal-enerġija għandha tkun akkumpanjata minn “mekkaniżmu għal tranżizzjoni ġusta”. Peress li l-effetti pożittivi ta’ din it-tranżizzjoni mhux ser ikunu awtomatiċi, il-KESE huwa konvint li sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni tal-enerġija b’suċċess huwa essenzjali li jitfasslu u jiġu implimentati politiki ta’ investiment inklużivi (li jippromovu impjiegi deċenti sostenibbli) u li jinvolvu lis-soċjetà, billi jingħata leħen lill-persuni impjegati u r-rappreżentanzi tagħhom fil-livelli makro (UE u nazzjonali), meso (settorjali) u mikro (intrapriżi, unitajiet lokali). |
|
2.8. |
F’dawn ix-xenarji inċerti u li qed jinbidlu, il-KESE jqis li l-oqfsa tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Patt Ekoloġiku huma adatti, iżda mhumiex biżżejjed biex jimplimentaw politiki dwar il-klima u l-enerġija li jiżguraw il-koeżjoni soċjali u reġjonali permezz ta’ investimenti intensivi fl-innovazzjoni teknoloġika, il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità tajba u sostenibbli, it-tisħiħ tal-kapital uman u l-ħolqien ta’ kapital soċjali reġjonali. Il-KESE jħeġġeġ li jiġu segwiti prattiki tajba għal dan l-għan (5). Ifakkar li jeżistu strateġiji, bħal proġetti għall-bini ta’ parks solari f’żoni li qabel kienu jintużaw għall-estrazzjoni tal-linjite fil-Portugall u l-Greċja, jew l-appoġġ strateġiku ferm lill-prosumaturi fil-Litwanja. Il-KESE jinnota li dawn l-esperjenzi għadhom ma jikkostitwixxux prattika mifruxa jew dominanti. |
|
2.9. |
Skont rapport imħejji fuq talba tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija tal-Parlament Ewropew, l-ispiża ta’ nuqqas ta’ ambizzjoni f’dawn il-politiki ta’ trasformazzjoni tal-enerġija Ewropej ġusta hija stmata li se tilħaq 5,6 % tal-PDG tal-UE fl-2050. Il-KESE jaqbel mal-fehma li biex din l-ispiża tiġi evitata, se jkun hemm bżonn li jiġi żgurat l-eżitu ta’ tranżizzjoni ġusta, inkluż f’termini ta’ impjieg. Ir-rapport jirrakkomanda u jikkwantifika diversi azzjonijiet tal-UE għal dan l-għan (6):
|
|
2.10. |
Il-KESE jemmen li mhux biss il-kumpaniji l-kbar, iżda wkoll l-SMEs, huma parti essenzjali mis-soluzzjoni għal ekonomija kompetittiva, newtrali għall-klima, ċirkolari u inklużiva fl-UE. Għandhom jinħolqu u jinżammu l-kundizzjonijiet adatti ta’ finanzjament u appoġġ. Il-finanzjament għandu jsir aktar aċċessibbli għall-SMEs, permezz ta’ proċeduri amministrattivi semplifikati u adattati. Il-ħolqien ta’ servizzi ta’ appoġġ għall-SMEs se jiffaċilita l-aċċess effettiv għal dawn il-miżuri u se jippromovi l-ħolqien ta’ ekosistemi tan-negozju sostenibbli fir-reġjuni kollha tal-UE (NUTS I, II u III), u mhux biss f’dawk li bħalissa huma kkwalifikati bħala reġjuni ta’ tranżizzjoni ġusta (madwar mitt reġjun NUTS III u 31 reġjun NUTS II) (7). |
|
2.11. |
Il-KESE jilqa’ l-istabbiliment ta’ Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u Fond Soċjali għall-Klima (8). Madankollu, huwa konvint li dawn il-fondi mhux se jipprovdu l-appoġġ finanzjarju kollu meħtieġ biex jiġu indirizzati l-effetti soċjoekonomiċi u l-impatt fuq l-impjieg b’mod soċjalment responsabbli. Il-KESE jenfasizza li tranżizzjoni tal-enerġija ġusta ma tikkonċernax biss il-finanzjament, iżda tinkludi wkoll l-objettiv li jinħolqu impjiegi ta’ kwalità tajba, tissaħħaħ il-parteċipazzjoni demokratika (inkluż fil-livell tan-negozji), b’rispett lejn l-awtonomija u d-diversità tas-sistemi nazzjonali tar-relazzjonijiet industrijali, u tinżamm u tiżdied aktar il-kompetittività tan-negozji Ewropej. Il-KESE jappella għal miżuri speċifiċi fil-livelli kollha, inkluż fil-funzjonament tas-Semestru Ewropew, biex jiżdied l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali kif ukoll tal-imsieħba soċjali. Iqis ukoll li huwa meħtieġ li jiġu rikjesti mekkaniżmi għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-użu kif imiss tal-fondi għat-tranżizzjoni ġusta tal-enerġija, permezz ta’ verifika tal-konformità mal-objettivi soċjali u okkupazzjonali tal-kumpaniji li jibbenefikaw minn dan il-finanzjament pubbliku. |
|
2.12. |
Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex, fil-valutazzjoni tal-Pjani Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima, kif ukoll fil-pjani territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta tal-Istati Membri, issaħħaħ il-miri soċjali u tal-impjieg, pereżempju:
Il-KESE jqis li huwa essenzjali, sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet ambizzjużi, li jitħeġġeġ l-iżvilupp ta’ pjani territorjali għall-impjieg u l-ħiliet għall-futur, bl-involviment attiv tal-partijiet interessati kollha, b’mod partikolari l-imsieħba soċjali. |
3. Il-kuntest u l-kontribut ewlieni mill-evidenza xjentifika internazzjonali dwar l-effetti fuq l-impjieg ta’ tranżizzjoni tal-enerġija ġusta
|
3.1. |
Il-KESE jinnota li s-sostituzzjoni tal-impjanti tal-enerġija tal-fjuwils fossili konvenzjonali b’sorsi rinnovabbli tista’ taffettwa l-impjieg b’modi differenti. Tista’ toħloq impjiegi ekoloġiċi ġodda fis-settur tal-enerġija rinnovabbli kif ukoll tittrasferixxi l-impjiegi lejn setturi oħrajn. Jeħtieġ li titqies iż-żieda potenzjali fil-prezzijiet tal-enerġija, li tista’ toħnoq id-domanda għall-ħaddiema f’setturi intensivi fl-enerġija u tnaqqas il-kapaċità tal-akkwist tal-unitajiet domestiċi privati. L-evidenza tikkonferma li l-politika tal-enerġija lejn sorsi rinnovabbli toħloq, teqred jew tittrasforma l-impjiegi fil-pajjiżi industrijali. |
|
3.2. |
Il-KESE jinnota li ma hemm l-ebda kunsens xjentifiku sħiħ dwar is-sitwazzjoni finali tat-tranżizzjoni tal-enerġija f’termini ta’ impjieg. L-istudji jiżvelaw każijiet fejn ma kien hemm l-ebda tkabbir nett fl-impjieg (fil-Polonja) jew kien tkabbir limitat ħafna (fil-Ġermanja). Madankollu, l-ILO tistma li d-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija se twassal għal telf ta’ madwar 6 miljun impjieg, minkejja li l-impjiegi maħluqa se jiżdiedu b’erba’ darbiet, minn 11-il miljun għal 43 miljun fl-2030 għall-pajjiżi tal-IRENA (9). Fix-xenarji kollha tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija, l-użu ta’ enerġija nadifa se jikber, u jikkumpensa għat-telf ta’ impjiegi fis-setturi tal-fjuwils fossili. Fix-xenarju ta’ emissjonijiet netti żero sal-2050, 16-il miljun ħaddiem se jibdlu xogħolhom għal rwoli ġodda relatati mal-enerġija nadifa. Ir-rapport USEER (U.S. Energy and Employment Report) tal-2022 (10) għandu stimi simili: l-impjiegi fl-enerġija kibru b’4 % minħabba l-enerġija nadifa (meta mqabbla ma’ 2,8 % biss ta’ tkabbir fl-impjieg b’mod ġenerali). |
|
3.3. |
Il-KESE jinnota għadd ta’ żbilanċi. L-impjiegi ġodda fil-qasam tal-enerġija nadifa mhux dejjem ikunu fl-istess post tal-impjiegi li jissostitwixxu u jirrikjedu ħiliet ġodda. Għalhekk, il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u l-politiki tal-enerġija tagħhom għandhom jiffukaw biex jiżguraw il-bini tal-kapaċitajiet bil-għan li t-tranżizzjoni tirnexxi u tkun tal-akbar benefiċċju possibbli għall-maġġoranza. Barra minn hekk, fl-industrija tal-enerġija rinnovabbli, il-proporzjon tan-nisa fil-forza tax-xogħol (32 %) huwa ogħla minn dak f’partijiet oħra tas-settur tal-enerġija, għalkemm huwa biss 21 % fis-settur tar-riħ, li juri li dan il-qasam għadu qed jikkontribwixxi għall-istereotipi marbuta mal-ġeneru. Għalhekk, il-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-politiki ta’ implimentazzjoni tagħha għandhom jenfasizzaw l-objettivi tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri f’dawn l-impjiegi ġodda. |
|
3.4. |
Il-KESE jqis li huwa essenzjali li jiġi rikonoxxut li t-tranżizzjoni tal-enerġija mhijiex biss kwistjoni ta’ teknoloġija u investiment pubbliku u privat, iżda hija sfida soċjali globali profonda. Għalhekk, il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili tal-utenti u tas-soċjetà tax-xogħol tal-produtturi (in-negozji u l-ħaddiema, direttament u permezz tar-rappreżentazzjonijiet tagħhom) għandha tiġi garantita u promossa. Il-klima għanda titqies f’kull tip ta’ politika u deċiżjoni. Barra minn hekk, il-KESE jemmen li dawn għandhom jitfasslu permezz ta’ proċessi u, jekk meħtieġ, ftehimiet ta’ konsultazzjoni soċjali bejn l-awtoritajiet, fil-livelli kollha, l-imsieħba soċjali, li dejjem jirrispettaw l-awtonomija u d-diversità tas-sistemi tar-relazzjonijiet industrijali tal-istat, kif ukoll organizzazzjonijiet rappreżentattivi oħra tas-soċjetà ċivili, sabiex tinkiseb tranżizzjoni tal-enerġija inklużiva għall-ħaddiema, il-konsumaturi u l-pubbliku ġenerali. |
|
3.5. |
Il-KESE jinnota li, wara rieżami tal-letteratura xjentifika u l-esperjenza tal-każijiet, uħud minnhom ta’ suċċess u oħrajn li ma rnexxewx, ma hemm l-ebda perkors uniku ta’ trasformazzjoni predeterminat u li l-mod kif it-tranżizzjonijiet tal-enerġija jaffettwaw l-impjieg u l-postijiet tax-xogħol jiddependi mill-kundizzjonijiet soċjali li taħthom jiġu introdotti t-teknoloġiji u jseħħu bidliet fit-tranżizzjoni tal-enerġija. L-evidenza minn studji tal-każ fil-livell tal-kumpanija (eż. Renault, Siemens Energy (11)) turi li, fejn kienu involuti l-impjegati, l-adozzjoni tal-bidliet wasslet għal eżiti pożittivi (iżjed taħriġ vokazzjonali, aktar produttività u aktar kwalità tal-prodotti). |
|
3.6. |
Madankollu, il-konklużjonijiet dwar id-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv fil-kuntest tat-tranżizzjoni tal-enerġija fil-livell makro ta’ politika mhumiex pożittivi. Fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi, l-involviment tal-imsieħba soċjali fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-iżvilupp tal-politiki relatati mat-tranżizzjoni doppja (diġitali u ekoloġika) jitqies bħala insuffiċjenti. Abbażi tal-esperjenza ta’ ċerti pajjiżi, dan in-nuqqas jista’ jirriżulta minn żewġ sfidi bażiċi li jiffaċċjaw l-imsieħba soċjali:
|
4. Kummenti ġenerali
|
4.1. |
Il-KESE jieħu nota tal-analiżi li turi li kemm l-istrumenti ta’ politika kif ukoll dawk legali tal-UE jistgħu jkunu importanti biex jiġu indirizzati l-isfidi tat-tranżizzjoni tal-enerġija minn perspettiva ekonomika, soċjali u tax-xogħol ġusta. Madankollu, huwa jqis ukoll li l-istrumenti eżistenti (pereżempju, id-Direttiva dwar il-Kunsilli tax-Xogħlijiet Ewropej jew id-Direttiva dwar qafas ġenerali għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati) li huma implimentati fl-Istati Membri kollha għandhom jiġu applikati u infurzati b’mod effettiv. Il-KESE jappella li, fid-diversi livelli adatti, jiġu mħeġġa u adottati l-aktar riformi adegwati mmirati lejn it-tisħiħ tad-djalogu soċjali, kif ukoll li jkun hemm in-negozjar kollettiv f’dawn il-proċessi ta’ tranżizzjoni ġusta tal-enerġija, sabiex jiġu promossi bilanċi pożittivi f’termini ta’ ħolqien ta’ impjiegi sostenibbli u l-protezzjoni tal-ħaddiema, filwaqt li tinżamm nisġa ekonomika u kummerċjali adegwata fl-Istati Membri u r-reġjuni kollha, dejjem bir-rispett dovut għall-awtonomija tal-imsieħba soċjali. |
|
4.2. |
L-esperjenza turi wkoll li l-bidliet ekonomiċi u strutturali tal-impjieg li jirriżultaw mit-tranżizzjonijiet tal-enerġija kultant jirnexxu u kultant ifallu f’termini ta’ tranżizzjoni soċjali u okkupazzjonali ġusta, skont jekk jitqiesx li l-volum tal-impjieg jinżamm b’mod sostanzjali billi l-impjieg jiġi trasferit minn impjiegi li mhumiex wisq sostenibbli minħabba l-marka tal-karbonju tagħhom għal impjiegi sostenibbli oħra. L-interazzjoni bejn il-politiki tal-enerġija u tal-impjieg tħalli marka wkoll fuq l-ambjent jew il-kuntest reġjonali f’sens usa’, billi toħloq opportunitajiet u riskji (pereżempju, tariffi garantiti; żieda fil-prezzijiet tal-enerġija li tpoġġi f’riskju l-impjiegi industrijali, bħal fil-Ġermanja u Spanja). Il-KESE jinnota li, skont l-esperjenzi reġjonali, bħal fiż-żona tal-minjieri tat-Tramuntana ta’ Spanja, l-impjiegi ġodda maħluqa mit-tranżizzjoni tal-enerġija huma ferm inqas u għandhom pagi aktar baxxi minn dawk preċedenti. |
|
4.3. |
Minn valutazzjoni aktar globali, il-KESE jinnota li, skont l-aktar studji affidabbli, madwar 45 % tal-ħaddiema fis-settur tal-enerġija fid-dinja huma f’impjiegi b’ħiliet għolja, meta mqabbla ma’ kważi 25 % tal-ekonomija b’mod ġenerali. Madankollu, ma hemmx din l-għażla kullimkien, u l-iżgurar ta’ tranżizzjoni ġusta u ffukata fuq in-nies għall-ħaddiema kkonċernati jeħtieġ li tissaħħaħ biex jiġi evitat li d-dekarbonizzazzjoni twassal għal qgħad nett, bħal fil-każ tal-Polonja. |
|
4.4. |
Il-KESE huwa konvint li, f’konformità mar-rapporti tal-IRENA u tal-ILO (12), il-potenzjal tal-enerġiji rinnovabbli biex jiġġeneraw xogħol deċenti sostenibbli huwa indikazzjoni ċara li ma hemmx għaliex wieħed jagħżel bejn is-sostenibbiltà ambjentali u l-ħolqien tal-impjiegi. It-tnejn li huma jistgħu u għandhom jimxu id f’id, billi joħolqu l-kundizzjonijiet legali, politiċi u finanzjarji adatti, billi titpoġġa r-responsabbiltà dovuta fuq il-kumpaniji kollha li jirċievu fondi u jiġi żgurat l-involviment tal-partijiet interessati kollha (territorji, imsieħba soċjali u ċittadini) fil-governanza tagħhom. |
5. Kummenti speċifiċi
|
5.1. |
Il-KESE jinnota li l-industrija tal-enerġija se jkollha pożizzjoni dejjem aktar strateġika fl-ekonomija, peress li hija xprun ewlieni għas-setturi kollha. Madankollu, fix-xenarji attwali ta’ kriżi u tibdil, din tinvolvi żbilanċi u riskji differenti, li jeħtieġ li jiġu kkoreġuti permezz ta’ investimenti adatti, politiki koerenti u strutturi ta’ governanza ġodda, sabiex jiġi żgurat l-involviment tal-ekonomija territorjali, is-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali. Il-pjani territorjali ta’ tranżizzjoni tal-enerġija jenħtieġ li jkunu akkumpanjati minn arranġamenti jew ftehimiet għal konsultazzjoni soċjali ġusta li fihom il-ħolqien u ż-żamma ta’ impjieg sostenibbli u ta’ kwalità tajba u l-appoġġ tan-nies huma kundizzjonijiet meħtieġa fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-miżuri previsti. |
|
5.2. |
Il-KESE jfakkar li waħda mis-sistemi ewlenin ta’ governanza għall-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-progress ta’ tranżizzjonijiet soċjalment ġusti hija s-Semestru Ewropew. Il-KESE diġà ddikjara li l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fiċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew, flimkien mal-monitoraġġ tiegħu permezz tat-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali, hija pass fid-direzzjoni t-tajba (13). Iqis, madankollu, li għandha ssir enfasi akbar fuq l-interazzjoni bejn il-politiki ambjentali u tax-xogħol sabiex jiġi żgurat li, fl-aħħar mill-aħħar, jinħolqu impjiegi sostenibbli u ta’ kwalità tajba, kif ukoll li jsir minn kollox biex jiġi ggarantit introjtu suffiċjenti għal dawk li jitilfu l-impjieg tagħhom u li ma jistgħux isibu impjieg ieħor. Għandhom jissaħħu r-rwol tar-reġjuni u l-kapital soċjali tagħhom, l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti u l-aġenda tal-kapital uman. |
|
5.3. |
Il-KESE jtenni l-ħtieġa li jiġi implimentat l-acquis rilevanti tal-UE u tal-Istati Membri fil-qasam tal-liġi tax-xogħol u tas-sigurtà soċjali. B’mod simili għal dak li diġà ddikjara l-KESE, billi ddikjaraw il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (il-Pilastru Soċjali/EPSR), fis-Summit ta’ Gothenburg f’Novembru 2017, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni affermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom biex jaħdmu lejn Ewropa aktar ġusta u ugwali. Il-Pilastru għandu jservi bħala boxxla għal konverġenza ’l fuq imġedda lejn kundizzjonijiet tax-xogħol u ta’ għajxien imtejba u sabiex jiggwida riformi fi swieq tax-xogħol u politiki soċjali (14). |
|
5.4. |
Il-KESE jinnota li hemm differenzi sinifikanti fil-leġiżlazzjoni li timplimenta l-Liġi Ewropea dwar il-Klima. Fil-fatt, f’leġiżlazzjonijiet bħal dik Franċiża ġiet enfasizzata din id-dimensjoni ta’ impatt fuq l-intrapriżi u tar-rappreżentazzjoni tax-xogħol fl-interazzjoni bejn it-tranżizzjoni ekoloġika u l-kwistjonijiet soċjali u okkupazzjonali; min-naħa l-oħra, f’leġiżlazzjonijiet oħrajn, bħal dik Taljana jew Spanjola, jew dawk tar-reġjuni kollha tat-tranżizzjoni ġusta fil-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant, bilkemm issir referenza għal dawn l-obbligi u drittijiet. Pereżempju, il-KESE jieħu nota tal-esperjenza Franċiża ta’ suċċess (il-Liġi Nru 2021-1104), li bis-saħħa tagħha, il-kunċett ta’ “sfidi tat-tranżizzjoni ekoloġika” ġie inkluż fil-Kodiċi tax-Xogħol, billi ġew previsti kompetenzi għall-ftehimiet settorjali, sistemi għall-ġestjoni antiċipattiva tal-impjiegi u l-ħiliet biex jiġu indirizzati l-isfidi speċifiċi għat-tranżizzjoni ekoloġika u tal-enerġija (Artikolu L 2242-20), kif ukoll id-dritt tat-trade unions li joħorġu twissijiet ambjentali u tas-saħħa pubblika (L 4133-L 4133-4). Għalhekk, huwa u jirrispetta b’mod strett l-awtonomija u d-diversità tad-diversi sistemi Ewropej tar-relazzjonijiet industrijali, il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex tippromovi inizjattivi għall-iskambju ta’ prattiki tajba bejn il-pajjiżi u r-reġjuni differenti. |
|
5.5. |
Il-KESE jinsisti li l-prekundizzjoni ewlenija għal tranżizzjoni b’suċċess tinsab f’approċċ proattiv u inklużiv li jiżgura u jippromovi politiki tax-xogħol u tal-benesseri speċifiċi. Karatteristika importanti tal-politiki ta’ suċċess għandha tkun li dawn ikunu mmirati tajjeb lejn il-ħtiġijiet reali tas-suq tax-xogħol, speċjalment iżda mhux biss fir-reġjuni l-aktar milquta mit-tranżizzjoni lejn enerġiji rinnovabbli bbażati fuq il-fjuwils fossili jew billi jisfruttaw l-opportunitajiet offruti minn reġjuni rikki f’dawn ir-riżorsi. Il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, għalkemm utli, għandu l-limiti tiegħu, li għandhom jiġu korreġuti, u mhuwiex tweġiba komprensiva għall-isfidi ta’ tranżizzjoni ġusta, iżda jista’ jiġi appoġġjat minn miżuri ta’ politika addizzjonali fil-livell tal-Istati Membri. |
|
5.6. |
Bil-għan li tittejjeb ir-relazzjoni bejn il-politiki ambjentali u t-tranżizzjoni tal-enerġija u l-politiki tas-suq tax-xogħol u tal-protezzjoni soċjali, il-KESE jitlob li tingħata aktar attenzjoni lill-indikaturi tal-impjieg sostenibbli disponibbli għat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta previst. Għandu jitqies l-indikatur ta’ potenzjal ta’ impjieg tad-dekarbonizzazzjoni fir-reġjuni NUTS differenti. Bil-għan li tinkiseb data dwar l-impatt tal-kriżi tal-enerġija l-ġdida fuq l-impjieg, l-Osservatorju Ewropew tar-Ristrutturar fi ħdan il-Eurofound (15) huwa bażi tad-data li toffri għadd kbir ta’ esperjenzi rreġistrati. |
|
5.7. |
Il-KESE jappella wkoll biex tiġi aċċellerata u tittejjeb l-implimentazzjoni tal-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta (16). Il-KESE jqis b’mod pożittiv il-mobilizzazzjoni ta’ EUR 55 biljun minn issa sal-2027 fir-reġjuni l-aktar milquta mit-tranżizzjoni tal-enerġija, bil-għan li jintlaħaq l-objettiv li “ħadd ma jitħalla jibqa’ lura”, biex jiġu kkumpensati l-effetti soċjoekonomiċi tat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali fil-klima permezz ta’ tliet pilastri: Fond ta’ Tranżizzjoni Ġusta ġdid (aktar minn EUR 25 biljun f’investiment), is-sistema ta’ tranżizzjoni ġusta ta’ InvestEU (EUR 15-il biljun għas-settur privat) u l-istrument ta’ self ġdid għas-settur pubbliku (se jimmobbilizza EUR 18,5-il biljun f’investiment pubbliku). |
|
5.8. |
Il-KESE jqis ukoll li huwa tajjeb, meta jiġu fformalizzati l-pjani territorjali ta’ tranżizzjoni tal-enerġija, li jiġu promossi mhux biss ftehimiet ta’ tranżizzjoni (konsultazzjoni soċjali reġjonali), iżda wkoll prattiki tajbin fin-negozjar kollettiv u l-involviment tal-ħaddiema fit-tranżizzjoni tal-enerġija soċjalment ġusta. F’dan ir-rigward, wieħed għandu jżomm f’moħħu li bidla lejn sorsi ta’ enerġija iżjed rinnovabbli ttejjeb il-kwalità ambjentali billi tnaqqas l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja, li huwa ta’ benefiċċju għas-saħħa u l-produttività tax-xogħol. |
|
5.9. |
Il-KESE jqis li huwa essenzjali li jiġi żgurat li d-dimensjoni ekoloġika tal-Ewropa u t-tranżizzjoni tal-enerġija joħolqu sinerġiji pożittivi mat-tranżizzjoni inklużiva, sabiex jikkontribwixxu għas-suċċess tan-negozji, iżidu l-opportunitajiet ta’ impjieg sostenibbli u ta’ kwalità tajba għall-ħaddiema u l-benesseri taċ-ċittadini kollha f’ekosistema li tirrispetta s-saħħa tal-pjaneta. |
Brussell, it-22 ta’ Frar 2023.
Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) ĠU C 75, 28.2.2023, p. 102.
(2) https://www.eurofound.europa.eu/publications/customised-report/2022/the-cost-of-living-crisis-and-energy-poverty-in-the-eu-social-impact-and-policy-responses-background
(3) https://www.eea.europa.eu/publications/exploring-the-social-challenges-of
(4) ĠU C 323, 26.8.2022, p. 54.
(5) Ara ĠU C 47, 11.2.2020, p. 30 u ĠU C 62, 15.2.2019, p. 269.
(6) https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2021/694222/EPRS_STU(2021)694222_EN.pdf
(7) https://ec.europa.eu/eurostat/web/nuts/background
(8) ĠU C 152, 6.4.2022, p. 158.
(9) https://irena.org/-/media/Files/IRENA/Agency/Publication/2019/Jan/IRENA_Gender_perspective_2019.pdf
(10) https://www.energy.gov/policy/us-energy-employment-jobs-report-useer
(11) https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2022/733972/IPOL_STU(2022)733972_EN.pdf (mhux disponibbli bil-Malti).
(12) https://www.ilo.org/wcmsp5/groups/public/---dgreports/---dcomm/---publ/documents/publication/wcms_823807.pdf
(13) Opinjoni tal-KESE dwar L-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli 2020 (ĠU C 75, 28.2.2023, p. 35).
(14) Opinjoni tal-KESE dwar Pagi minimi deċenti fl-Ewropa kollha (ĠU C 429, 11.12.2020, p. 159).
(15) https://www.eurofound.europa.eu/observatories/emcc/european-restructuring-monitor
(16) https://ec.europa.eu/info/strategy/priorities-2019-2024/european-green-deal/finance-and-green-deal/just-transition-mechanism_mt
ANNESS
L-emendi li ġejjin inċaħdu waqt id-diskussjoni iżda rċevew tal-inqas kwart tal-voti mixħuta (Artikolu 74(3) tar-Regoli ta’ Proċedura):
EMENDA 1
SOC/718 — Politika dwar l-enerġija u s-suq tax-xogħol
Punt 2.12
Ibdel it-test kif ġej:
|
Opinjoni tas-Sezzjoni |
Emenda |
||||
|
Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex, fil-valutazzjoni tal-Pjani Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima, kif ukoll fil-pjani territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta tal-Istati Membri, issaħħaħ il-miri soċjali u tal-impjieg, bħal: |
Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex, fil-valutazzjoni tal-Pjani Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima, kif ukoll fil-pjani territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta tal-Istati Membri, tħeġġeġ it-tisħiħ tal-enfasi fuq il-miri u l-politiki soċjali u tal-impjieg, bħal: |
||||
|
|
||||
|
|
||||
|
|
||||
|
|
||||
|
Il-KESE jqis li huwa essenzjali, sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet ambizzjużi, li jitħeġġeġ l-iżvilupp ta’ pjani territorjali għall-impjieg u l-ħiliet għall-futur, bl-involviment attiv tal-partijiet interessati kollha, b’mod partikolari l-imsieħba soċjali. |
Il-KESE jqis li huwa essenzjali, sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet ambizzjużi, li jitħeġġeġ l-iżvilupp ta’ pjani territorjali għall-impjieg u l-ħiliet għall-futur, bl-involviment attiv tal-partijiet interessati kollha, b’mod partikolari l-imsieħba soċjali. Dawn il-pjani għandhom iqisu wkoll il-konsegwenzi ekonomiċi tal-pass tat-tranżizzjoni fuq il-kumpaniji, b’mod partikolari l-SMEs. |
Raġuni
L-emenda tipproponi li jiġi ċċarat il-kliem tat-test fir-rigward tat-tisħiħ tal-enfasi fuq l-għanijiet/il-miri soċjali u tal-impjieg u li jiġi ċċarat li l-pagamenti mill-fondi (fejn mitluba mir-regoli nazzjonali) waħedhom mhumiex biżżejjed biex tissolva l-kwistjoni tat-telf tal-impjiegi: hemm bżonn ħafna iktar minn hekk (politiki, miżuri amministrattivi, eċċ.) biex il-persuni qiegħda jiġu appoġġjati u integrati mill-ġdid fis-suq tax-xogħol.
Fl-aħħar, kif enfasizzat ukoll fil-punt 1.6 tal-abbozz ta' opinjoni, huwa importanti li jitqies pass kompatibbli mas-sitwazzjoni tal-kumpaniji, b'mod partikolari l-SMEs.
Riżultat tal-votazzjoni:
|
Favur: |
73 |
|
Kontra: |
78 |
|
Astensjonijiet: |
8 |
EMENDA 2
SOC/718 — Politika dwar l-enerġija u s-suq tax-xogħol
Punt 5.2
Ibdel it-test kif ġej:
|
Opinjoni tas-Sezzjoni |
Emenda |
|
Il-KESE jfakkar li waħda mis-sistemi ewlenin ta’ governanza għall-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-progress ta’ tranżizzjonijiet soċjalment ġusti hija s-Semestru Ewropew. Il-KESE diġà ddikjara li l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fiċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew, flimkien mal-monitoraġġ tiegħu permezz tat-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali, hija pass fid-direzzjoni t-tajba (1). Iqis, madankollu, li għandha ssir enfasi akbar fuq l-interazzjoni bejn il-politiki ambjentali u tax-xogħol sabiex jiġi żgurat li, fl-aħħar mill-aħħar, jinħolqu impjiegi sostenibbli u ta’ kwalità tajba, kif ukoll li jsir minn kollox biex jiġi ggarantit introjtu suffiċjenti għal dawk li jitilfu l-impjieg tagħhom u li ma jistgħux isibu impjieg ieħor. Għandhom jissaħħu r-rwol tar-reġjuni u l-kapital soċjali tagħhom, l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti u l-aġenda tal-kapital uman. |
Il-KESE jfakkar li waħda mis-sistemi ewlenin ta’ governanza għall-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-progress ta’ tranżizzjonijiet soċjalment ġusti hija s-Semestru Ewropew. Il-KESE diġà ddikjara li l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fiċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew, flimkien mal-monitoraġġ tiegħu permezz tat-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali, hija pass fid-direzzjoni t-tajba (1). Iqis, madankollu, li għandha ssir enfasi akbar fuq l-interazzjoni bejn il-politiki ambjentali u tax-xogħol sabiex jiġi żgurat li, fl-aħħar mill-aħħar, jinħolqu impjiegi sostenibbli u ta’ kwalità tajba . Jenħtieġ ukoll li l-Istati Membri, f’konformità mar-regoli nazzjonali tagħhom, jipprovdu aċċess sigur għall-benefiċċji tal-qgħad jew introjtu minimu adegwat għal dawk li jitilfu l-impjieg tagħhom u li ma jistgħux isibu impjieg ieħor. Għandhom jissaħħu r-rwol tar-reġjuni u l-kapital soċjali tagħhom, l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti u l-aġenda tal-kapital uman. |
Raġuni
Peress li t-test jirreferi għal “dawk li jitilfu l-impjieg tagħhom u li ma jistgħux isibu impjieg ieħor”, jidher loġiku li l-kelma “introjtu” tirreferi għal “introjtu minimu”. F’dan il-każ, it-terminoloġija użata għandha tirrifletti l-formulazzjoni użata fil-punt 1.5 tal-abbozz ta’ opinjoni, jiġifieri “jingħata aċċess għal (…) introjtu minimu adegwat”. Barra minn hekk, tista’ ssir referenza għas-sistemi tal-benefiċċji tal-qgħad tal-Istati Membri.
Riżultat tal-votazzjoni:
|
Favur: |
79 |
|
Kontra: |
98 |
|
Astensjonijiet: |
8 |
EMENDA 3
SOC/718 — Politika dwar l-enerġija u s-suq tax-xogħol
Punt 1.9
Ibdel it-test kif ġej:
|
Opinjoni tas-Sezzjoni |
Emenda |
|
Il-KESE jqis li kemm il-kumpaniji l-kbar kif ukoll l-SMEs għandhom rwol importanti x’jaqdu biex jintlaħaq l-objettiv tat-tranżizzjoni tal-enerġija, permezz ta’ kundizzjonijiet eżiġenti għall- promozzjoni ta’ impjiegi sostenibbli u ta’ kwalità tajba u ta’ protezzjoni soċjali, kif ukoll biex jiġi żgurat aċċess għal kulħadd għas-servizzi tal-enerġija (pereżempju, permezz ta l-prevenzjoni tal-faqar enerġetiku). Madankollu, sabiex jiġu indirizzati l-akbar diffikultajiet li jiffaċċjaw l-SMEs, il-KESE jitlob li jittejbu l-programmi għall-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament, li jitħaffu u li jiġu ssemplifikati, b’servizzi ta’ appoġġ u akkumpanjament kontinwu. |
Il-KESE jqis li kemm il-kumpaniji l-kbar kif ukoll l-SMEs għandhom rwol importanti x’jaqdu biex jintlaħaq l-objettiv tat-tranżizzjoni tal-enerġija, bil-promozzjoni u l-forniment ta’ impjiegi sostenibbli u ta’ kwalità tajba u b’hekk jikkontribwixxu għall-għoti ta’ protezzjoni soċjali, kif ukoll bir-rwol importanti x’jaqdu li jista’ jkollhom biex jiġi żgurat aċċess għal kulħadd għas-servizzi tal-enerġija (pereżempju, b’hekk jikkontribwixxu għall-prevenzjoni tal-faqar enerġetiku). Madankollu, sabiex jiġu indirizzati l-akbar diffikultajiet li jiffaċċjaw l-SMEs, il-KESE jitlob li jittejbu l-programmi għall-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament, li jitħaffu u li jiġu ssemplifikati, b’servizzi ta’ appoġġ u akkumpanjament kontinwu. |
Raġuni
L-emenda għandha l-għan li tiċċara t-test biex tispjega kif il-kumpaniji u l-SMEs jikkontribwixxu biex jipprovdu impjieg sostenibbli u b’dak il-mod jikkontribwixxu għall-għoti ta’ protezzjoni soċjali.
Riżultat tal-votazzjoni:
|
Favur: |
76 |
|
Kontra: |
99 |
|
Astensjonijiet: |
8 |
(1) Opinjoni tal-KESE dwar Kunsiderazzjonijiet addizzjonali dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2022 (għadha ma ġietx ippubblikata).
(1) Opinjoni tal-KESE dwar Kunsiderazzjonijiet addizzjonali dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2022 (għadha ma ġietx ippubblikata).