|
23.2.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 46/8 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2010/107/PESK
tat-22 ta' Frar 2010
li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari, l-Artikoli 28, 31(2) u 33 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fil-21 ta' Lulju 2003, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2003/537/PESK (1) li ħatret lis-Sur Marc OTTE bħala Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani. |
|
(2) |
Fis-16 ta' Frar 2009, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2009/136/PESK (2) li temenda u testendi l-mandat tar-RSUE sat-28 ta' Frar 2010. |
|
(3) |
Il-mandat tar-RSUE għandu jiġi estiż sal-31 ta' Awwissu 2010. Madankollu, il-mandat tar-RSUE jista' jiġi tterminat qabel, jekk il-Kunsill jiddeċiedi hekk, fuq rakkomandazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ) wara d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni li tistabbilixxi s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna. |
|
(4) |
Ir-RSUE ser jimplimenta l-mandat tiegħu fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' tagħmel ħsara lill-objettivi tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea
Il-mandat tas-Sur Marc OTTE bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani huwa b'dan estiż sal-31 ta' Awwissu 2010. Il-mandat tar-RSUE jista' jiġi tterminat qabel, jekk il-Kunsill jiddeċiedi hekk, fuq rakkomandazzjoni tar-RGħ wara d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni li tistabbilixxi s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.
Artikolu 2
Objettivi ta' politika
1. Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq l-objettivi tal-politika tal-Unjoni Ewropea (UE) fir-rigward tal-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani.
2. Dawn l-objettivi jinkludu:
|
(a) |
soluzzjoni ta' żewġ Stati bl-Iżrael u bi Stat Palestinjan demokratiku, vijabbli, paċifiku u sovran jgħixu maġenb xulxin ġewwa fruntieri siguri u rikonoxxuti, li jgawdu relazzjonijiet normali mal-ġirien tagħhom skont ir-Riżoluzzjonijiet 242 (1967), 338 (1973), 1397 (2002) u 1402 (2002) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) u l-prinċipji tal-konferenza ta' Madrid; |
|
(b) |
soluzzjoni fil-linja Iżraeljana-Sirjana u f'dik Iżraeljana-Lebaniża; |
|
(c) |
soluzzjoni ġusta għall-kwistjoni kumplessa ta' Ġerusalemm u soluzzjoni ġusta, vijabbli u miftiehma għall-problema tar-refuġjati Palestinjani; |
|
(d) |
segwitu tal-proċess ta' Annapolis lejn ftehim finali dwar l-istatus u l-kreazzjoni ta' Stat Palestinjan inkluż it-tisħiħ tar-rwol tal-Kwartett bħala gwardjan tal-pjan direzzjonali, partikolarment fid-dawl tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-obbligi taż-żewġ partijiet taħt il-pjan direzzjonali u konformement mal-isforzi internazzjonali kollha sabiex isseħħ paċi komprensiva bejn l-Għarab u l-Iżraeljani; |
|
(e) |
l-istabbiliment ta' arranġamenti sostenibbli u effettivi tal-pulizija b'appartenenza Palestinjana skont l-aħjar standards internazzjonali, f'kooperazzjoni mal-programmi tal-Unjoni għall-bini tal-istituzzjonijiet kif ukoll ma' sforzi internazzjonali oħrajn fil-kuntest usa’ tas-Settur tas-Sigurtà, inkluż ir-Riforma tal-Ġustizzja Kriminali; |
|
(f) |
il-ftuħ mill-ġdid tal-punti ta' qsim ta' Gaza inkluzi l-punti ta' qsim ta' Rafah, mhux l-inqas sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet umanitarji serji tal-popolazzjoni, u tiġi pprovduta l-preżenza ta' parti terza jekk hekk jiġi miftiehem bejn iż-żewġ partijiet, f'kooperazzjoni mal-isforzi tal-Unjoni għall-bini tal-istituzzjonijiet. |
3. Dawn l-objettivi huma bbażati fuq l-impenn tal-Unjoni biex:
|
(a) |
taħdem mal-partijiet u ma' sħab fil-komunità internazzjonali, speċjalment fil-qafas tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani, sabiex tiġi segwita kull opportunità għall-paċi u għal futur deċenti għall-popli kollha tar-reġjun; |
|
(b) |
tkompli tassisti fir-riformi politiċi u amministrattivi Palestinjani, fil-proċess elettorali u fir-riformi dwar is-sigurtà; |
|
(c) |
tikkontribwixxi bis-sħiħ għall-konsolidazzjoni tal-paċi, kif ukoll għall-irkupru tal-ekonomija Palestinjana bħala parti integrali mill-iżvilupp reġjonali. |
4. Ir-RSUE għandu jappoġġa l-ħidma tar-RGħ fir-reġjun, inkluż fil-qafas tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani.
Artikolu 3
Mandat
Sabiex jinkisbu l-objettivi tal-politika, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:
|
(a) |
jipprovdi kontribut attiv u effiċjenti mill-Unjoni għall-azzjonijiet u l-inizjattivi li jwasslu għal riżoluzzjoni finali tal-konflitt Iżraeljan-Palestinjan u tal-konflitt Iżraeljan-Sirjan u dak Iżraeljan-Lebaniż; |
|
(b) |
jiffaċilita u jżomm kuntatt mill-qrib mal-partijiet kollha tal-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani, mal-pajjiżi l-oħra tar-reġjun, mal-membri tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani u ma' pajjiżi rilevanti oħra, kif ukoll man-NU u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti oħra, sabiex jaħdem magħhom fit-tisħiħ tal-proċess ta' paċi; |
|
(c) |
jiżgura l-kontinwazzjoni tal-preżenza tal-Unjoni fil-post u f'fora internazzjonali rilevanti oħra u jikkontribwixxi għall-maniġġar u l-prevenzjoni tal-kriżijiet; |
|
(d) |
josserva u jappoġġa n-negozjati għall-paċi bejn il-partijiet u joffri l-pariri u l-bon offiċji tal-Unjoni kif ikun meħtieġ; |
|
(e) |
jikkontribwixxi, meta jkun mitlub, għall-implimentazzjoni ta' ftehimiet internazzjonali milħuqa bejn il-partijiet u jinvolvi ruħu magħhom diplomatikament fil-każ ta' nuqqas ta' konformità mat-termini ta' dawn il-ftehimiet; |
|
(f) |
jagħti attenzjoni partikolari lill-fatturi li jkollhom implikazzjonijiet għad-dimensjoni reġjonali tal-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani; |
|
(g) |
jinvolvi ruħu b'mod kostruttiv mal-firmatarji tal-ftehimiet fil-qafas tal-proċess ta' paċi sabiex jippromwovi konformità mal-istandards bażiċi tad-demokrazija, inkluż ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt; |
|
(h) |
jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, b'mod partikolari fir-rigward tat-tfal u n-nisa f'żoni milquta minn konflitt, speċjalment bil-monitoraġġ u t-trattament tal-iżviluppi f'dan ir-rigward; |
|
(i) |
jirrapporta dwar il-possibbiltajiet ta' intervent tal-Unjoni fil-proċess ta' paċi u dwar l-aħjar mod kif jiġu segwiti l-inizjattivi tal-Unjoni u l-isforzi attwali tal-Unjoni relatati mal-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani, bħalma hu l-kontribut tal-Unjoni għar-riformi Palestinjani, u inkluż l-aspetti politiċi tal-proġetti rilevanti tal-Unjoni għall-iżvilupp; |
|
(j) |
jissorvelja l-azzjonijiet taż-żewġ naħat dwar l-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali u dwar kwistjonijiet li jistgħu jippreġudikaw ir-riżultat tan-negozjati dwar status permanenti biex jippermetti lill-Kwartett tal-Lvant Nofsani jivvaluta aħjar il-konformità tal-partijiet; |
|
(k) |
jinvolvi ruħu f'kollaborazzjoni usa’ fir-Riforma tas-Settur ta' Sigurtà b'kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea u mal-Koordinatur tal-Istati Uniti għas-Sigurtà u jiffaċilita l-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ta' sigurtà mal-atturi rilevanti l-oħra kollha; |
|
(l) |
jikkontribwixxi għal komprensjoni aħjar tar-rwol tal-Unjoni fost l-opinjonisti ewlenin fir-reġjun; |
Artikolu 4
Implimentazzjoni tal-mandat
1. Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat waqt li jaġixxi taħt l-awtorità tar-RGħ.
2. Il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) għandu jżomm kollegament privileġġat mar-RSUE u għandu jkun il-punt primarju ta' kuntatt tar-RSUE mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi gwida strateġika u direzzjoni politika lir-RSUE fil-qafas tal-mandat, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tar-RGħ.
Artikolu 5
Finanzjament
1. L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE fil-perijodu mill-1 ta' Marzu 2010 sal-31 ta' Awwissu 2010 għandu jkun ta' EUR 30 000.
2. In-nefqa ffinanzjata mill-ammont stipulat fil-paragrafu 1 għandha tkun eliġibbli mill-1 ta' Marzu 2010. In-nefqa għandha tkun amministrata skont il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.
3. L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUEE għandu jagħti rendikont ta' kull infiq lill-Kummissjoni.
Artikolu 6
Struttura u kompożizzjoni tat-tim
1. Fil-limiti tal-mandat tiegħu u l-mezzi finanzjarji korrispondenti disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli mill-istruttura tat-tim tiegħu. It-tim għandu jinkludi t-tagħrif espert dwar kwistjonijiet speċifiċi ta' politika kif meħtieġ mill-mandat. Ir-RSUE għandu jżomm lill-Kunsill u lill-Kummissjoni infurmati fil-pront dwar il-kompożizzjoni tat-tim tiegħu.
2. L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jipproponu l-issekondar ta' persunal biex jaħdem mar-RSUE. Is-salarju tal-persunal li jiġi ssekondat minn Stat Membru jew minn istituzzjoni tal-Unjoni mar-RSUE għandu jkun kopert mill-Istat Membru jew mill-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata rispettivament. L-esperti ssekondati mill-Istati Membri mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jistgħu wkoll jintbagħtu mar-RSUE. Il-persunal kuntrattat internazzjonali għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta' Stat Membru.
3. Il-persunal kollu ssekondat għandu jibqa’ taħt l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru jew l-istituzzjoni tal-Unjoni emittenti u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat tar-RSUE.
Artikolu 7
Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u l-persunal tiegħu
Il-privileġġi, l-immunitajiet u l-garanziji ulterjuri meħtieġa għat-tlestija u l-funzjonament bla xkiel tal-missjoni tar-RSUE u l-membri tal-persunal tiegħu għandhom jiġu maqbula mal-parti jew il-partijiet ospitanti kif adatt. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jagħtu l-appoġġ kollu meħtieġ għal dan l-għan.
Artikolu 8
Sigurtà ta' informazzjoni klassifikata tal-UE
Ir-RSUE u l-membri tat-tim tiegħu għandhom jirrispettaw il-prinċipji ta' sigurtà u l-istandards minimi stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta' Marzu 2001 li tadotta r-regolamenti tal-Kunsill rigward is-sigurtà (3), partikolarment fil-ġestjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE.
Artikolu 9
Aċċess għal informazzjoni u appoġġ loġistiku
1. L-Istati Membri, il-Kummissjoni u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li r-RSUE jingħata aċċess għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti.
2. Id-delegazzjoni tal-Unjoni u/jew l-Istati Membri, skont il-każ, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku fir-reġjun.
Artikolu 10
Sigurtà
Skont il-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà tal-persunal skjerat barra mill-Unjoni f'kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-Trattat, ir-RSUE għandu jieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, f'konformità mal-mandat tiegħu u mas-sitwazzjoni tas-sigurtà fiż-żona ġeografika taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għas-sigurtà tal-persunal kollu li jaqa’ taħt l-awtorità diretta tiegħu, speċjalment billi:
|
(a) |
jistabbilixxi pjan ta' sigurtà speċifiku għall-missjoni bbażat fuq il-gwida mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, li jinkludi miżuri ta' sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi għall-missjoni, li jirregolaw l-immaniġġar tal-moviment mingħajr periklu tal-persunal lejn, u ġewwa, iż-żona tal-missjoni, kif ukoll l-immaniġġar ta' inċidenti ta' sigurtà u li jinkludi pjan ta' kontinġenza u ta' evakwazzjoni tal-missjoni; |
|
(b) |
jiżgura li l-persunal kollu skjerat barra mill-Unjoni jkun kopert b'assigurazzjoni ta' riskju għoli kif meħtieġ mill-kundizzjonijiet fiż-żona tal-missjoni; |
|
(c) |
jiżgura li l-membri kollha tat-tim tiegħu li jkunu ser jiġu skjerati barra l-Unjoni, inkluż persunal kuntrattat lokalment, ikunu rċevew taħriġ adatt fir-rigward tas-sigurtà qabel jaslu fiż-żona tal-missjoni jew kif jaslu, abbażi tal-klassifikazzjonijiet tar-riskju assenjati liż-żona tal-missjoni mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill; |
|
(d) |
jiżgura li r-rakkomandazzjonijiet kollha maqbula li jsiru wara valutazzjonijiet regolari tas-sigurtà jiġu implimentati u jipprovdi lir-RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta' sigurtà fil-qafas tar-rapporti ta' nofs it-terminu u tal-implimentazzjoni tal-mandat. |
Artikolu 11
Rapportar
Ir-RSUE għandu jipprovdi regolarment rapporti bil-fomm u bil-miktub lir-RGħ u lill-KPS. Jekk ikun meħtieġ, ir-RSUE għandu jippreżenta rapport ukoll lill-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill. Rapporti regolari bil-miktub għandhom jiġu ċċirkolati permezz tan-netwerk COREU. Fuq ir-rakkomandazzjoni tar-RGħ jew tal-KPS, ir-RSUE jista’ jipprovdi rapporti lill-Kunsill Affarijiet Barranin.
Artikolu 12
Koordinazzjoni
1. Ir-RSUE għandu jippromwovi l-koordinazzjoni politika ġenerali tal-Unjoni. Huwa għandu jiżgura li l-istrumenti kollha tal-Unjoni fil-kamp jitħaddmu b'mod koerenti biex jinkisbu l-għanijiet tal-politika tal-Unjoni. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom jiġu kkoordinati ma' dawk tal-Kummissjoni, kif ukoll ma' dawk ta' RSUE oħrajn attivi fir-reġjun kif adatt. Ir-RSUE għandu jipprovdi informazzjoni regolari lill-missjonijiet tal-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni.
2. Fil-kamp, għandhom jinżammu kuntatti mill-qrib mal-Kap tad-delegazzjoni tal-Unjoni u mal-Kapijiet tal-Missjonijiet tal-Istati Membri. Huma għandhom jagħmlu mill-aħjar biex jgħinu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE għandu jipprovdi lill-Kapijiet tal-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea fit-Territorji Palestinjani (EUPOL COPPS) u tal-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ Assistenza fil-Fruntieri għall-Punt ta’ Qsim ta’ Rafah (EU BAN Rafah) bi gwida politika lokali. Ir-RSUE u l-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandhom jikkonsultaw lil xulxin kif ikun meħtieġ. Ir-RSUE għandu wkoll iżomm kuntatt ma' atturi internazzjonali u regjonali oħrajn fil-kamp.
Artikolu 13
Reviżjoni
L-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha ma' kontributi oħra mill-Unjoni lir-reġjun għandhom jiġu riveduti regolarment. Ir-RSUE għandu jippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni tal-mandat lir-RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni fi tmiem il-mandat.
Artikolu 14
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Hija għandha tapplika mill-1 ta' Marzu 2010.
Artikolu 15
Pubblikazzjoni
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Frar 2010.
Għall-Kunsill
Il-President
C. ASHTON
(1) ĠU L 184, 23.7.2003, p. 45.