24.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 121/4


Talba għal Opinjoni Konsultattiva mill-Qorti tal-EFTA minn Héraðsdómur Reykjavíkur datata s-17 ta’ Diċembru 2013 fil-kawża Sævar Jón Gunnarsson v Landsbankinn hf.

(Kawża E-27/13)

(2014/C 121/04)

Héraðsdómur Reykjavíkur (il-Qorti Distrettwali ta’ Reykjavík) għamlet talba lill-Qorti tal-EFTA permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Diċembru 2013, li waslet fir-Reġistru tal-Qorti fis-17 ta’ Diċembru 2013, għal Opinjoni Konsultattiva fil-kawża Sævar Jón Gunnarsson v Landsbankinn hf., dwar il-mistoqsijiet li ġejjin:

1.

Huwa kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE dwar il-kreditu għall-konsumatur, kif emendata mid-Direttiva 90/88/KEE u d-Direttiva 98/7/KE, li meta jsir ftehim dwar kreditu, li huwa marbut mal-indiċi tal-prezz tal-konsumatur skont awtorizzazzjoni f’leġiżlazzjoni fis-seħħ, u s-somma mislufa għalhekk tinbidel skont l-inflazzjoni, il-kalkolu tal-kost totali tal-kreditu, u tar-rata perċentwali annwali ta’ imposta, li tintwera lill-konsumatur meta jsir il-ftehim, tkun ibbażata fuq inflazzjoni ta’ 0 %, u mhux fuq ir-rata tal-inflazzjoni magħrufa fid-data ta’ meta tittieħed is-selfa?

2.

Huwa kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti fil-kuntratti tal-konsumaturi jekk il-leġiżlazzjoni fi Stat taż-ŻEE tippermetti l-inklużjoni ta’ dispożizzjonijiet f’kuntratt tal-konsumatur, li jiddikjaraw li r-ripagamenti tas-selfa huma marbutin ma’ indiċi determinat minn qabel?

3.

Jekk it-tweġiba għat-tieni mistoqsija hija li r-rabta mal-indiċi tar-ripagamenti tas-self lill-konsumatur hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13/KEE, imbagħad it-tielet mistoqsija hija: Id-Direttiva tillimita l-libertà ta’ azzjoni tal-Istat taż-ŻEE inkwistjoni biex jiddetermina, permezz ta’ leġiżlazzjoni kif ukoll permezz ta’ regolamenti amministrattivi, il-fatturi li se jikkawżaw bidliet fl-indiċi predeterminat u l-metodi li permezz tagħhom dawn il-bidliet għandhom jitkejlu?

4.

Jekk it-tweġiba għat-tielet mistoqsija hija li d-Direttiva 93/13/KEE ma tirrestrinġix il-libertà ta’ azzjoni tal-Istat Membru imsemmija f’dik il-mistoqsija, imbagħad ir-raba’ mistoqsija hija: Terminu kuntrattwali huwa meqjus bħala li ġie negozjat individwalment skont it-tifsira tal-Artikolu 3 (1) tad-Direttiva meta a) huwa ddikjarat fil-bond li l-konsumatur jiffirma meta jieħu s-selfa li l-obbligu tiegħu huwa marbut mal-indiċi u l-indiċi ta’ bażi li għandu jintuża fil-kalkolu tal-bdil fil-prezz huwa speċifikat fil-bond, b) il-bond ikun akkumpanjat minn skeda ta’ ripagament li turi r-ripagamenti stmati u mqassma għalihom li għandhom isiru fid-dati dovuti tas-selfa, u huwa ddikjarat fl-iskeda li dawn l-estimi jistgħu jinbidlu skont id-dispożizzjoni tal-indiċjar tal-bond, u c) kemm il-konsumatur kif ukoll il-konċedent tal-kreditu jiffirmaw l-iskeda tar-ripagament fl-istess ħin u flimkien mal-firma tal-bond mill-konsumatur?

5.

Il-metodu tal-kalkolu ta’ bidliet fil-prezz li japplika f’kuntratt ta’ self meqjus li ġie espliċitament spjegat għall-konsumatur fit-tifsira tal-paragrafu 2(d) tal-Anness għad-Direttiva 93/13/KEE meta ċ-ċirkustanzi jkunu kif deskritti fir-raba’ mistoqsija?

6.

Stat li huwa parti għall-Ftehim ŻEE għandu l-għażla, meta jadotta l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13/KEE, li jew jippreskrivi fil-leġiżlazzjoni domestika li termini ta’ kuntratt inġusti fit-tifsira tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva jistgħu jiġu ddikjarati mhux vinkolanti fuq il-konsumatur jew jippreskrivi fil-leġiżlazzjoni domestika li tali termini jkunu dejjem mhux vinkolanti fuq il-konsumatur?