SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)
27 ta’ Novembru 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Artikoli 6(1) u 7(1) – Effetti tal-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola – Nullità tal-kuntratt – Azzjoni ta’ bejjiegħ jew fornitur għar-restituzzjoni tal-ammont tas-self imħallas skont kuntratt iddikjarat null – Sistema ta’ tqassim tal-ispejjeż – Metodi ta’ kalkolu differenzjati tal-ispejjeż ġudizzjarji skont il-kwalità tar-rikorrent – Prinċipju ta’ effettività – Obbligu ta’ interpretazzjoni konformi”
Fil-Kawża C‑746/24 [Gryczara] ( i ),
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Ottubru 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ Ottubru 2024, fil-proċedura
Bank Millennium SA
vs
PR,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),
komposta minn M. Condinanzi, President tal-Awla, N. Jääskinen u R. Frendo (Relatriċi), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: R. Norkus,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal Bank Millennium SA, minn M. Hudyma, adwokat, S. Dudzik u T. Spyra, radcowie prawni, |
|
– |
għal PR, minn W. Budzewski, adwokat, |
|
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
|
– |
għall-Gvern Taljan, minn S. Fiorentino, bħala aġent, assistit minn C. De Nicola, procuratore dello Stato, M. Cherunini u A. De Curtis, avvocati dello Stato, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Kienapfel u A. Stobiecka-Kuik, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288), kif ukoll tal-prinċipju ta’ effettività. |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Bank Millennium SA, istituzzjoni bankarja, u PR, konsumatur, dwar azzjoni għall-ħlas lura tal-ammont tas-self imħallas skont kuntratt annullat minħabba klawżoli inġusti li jinsabu fih. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
L-erbgħa u għoxrin premessa tad-Direttiva 93/13 tiddikjara li “l-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri għandu jkollhom għad-disposizzjoni tagħhom mezz adegwat u effettiv biex jipprevenu li jkomplu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti tal-konsumaturi”. |
|
4 |
L-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.” |
|
5 |
L-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.” |
Id‑dritt Pollakk
Il-Kodiċi Ċivili
|
6 |
Skont l-Artikolu 58(1) tal-ustawa – Kodeks cywilny (il-Liġi dwar il-Kodiċi Ċivili), tat‑23 ta’ April 1964 (Dz. U. Nru 16, intestatura 93), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”): “Att ġuridiku li jmur kontra l-liġi jew li huwa intiż sabiex tiġi evitata l-liġi huwa null u bla effett, sakemm dispożizzjoni rilevanti ma tipprovdix mod ieħor, b’mod partikolari jekk tipprovdi li d-dispożizzjonijiet invalidi tal-att ġuridiku jiġu ssostitwiti mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi.” |
|
7 |
Skont l-Artikolu 3851(1) u (2) tal-Kodiċi Ċivili: “1. Il-klawżoli ta’ kuntratt konkluż ma’ konsumatur li ma jkunux ġew innegozjati individwalment ma jorbtux lil dan il-konsumatur meta dawn ikunu jiddefinixxu d-drittijiet u l-obbligi ta’ dan tal-aħħar b’mod li jmur kontra l-għemil xieraq, billi jippreġudikaw b’mod manifest l-interessi tiegħu (klawżoli illegali). Din id-dispożizzjoni ma tapplikax għall-klawżoli li jiddefinixxu l-obbligi ewlenin tal-partijiet, fosthom il-prezz jew il-ħlas, kemm-il darba dawn ikunu ġew ifformulati b’mod li ma jkunx ekwivoku. 2. Jekk klawżola tal-kuntratt ma tkunx vinkolanti għall-konsumatur fis-sens tal-paragrafu 1, il-partijiet jibqgħu marbuta mill-klawżoli l-oħra tal-kuntratt.” |
|
8 |
L-Artikolu 405 ta’ dan il-kodiċi jipprevedi: “Kull persuna li, mingħajr bażi legali, tikseb vantaġġ finanzjarju bi spejjeż għal persuna oħra hija meħtieġa li tagħti lura dan il-vantaġġ in natura u, fejn dan ma jkunx possibbli, li tħallas lura l-valur tiegħu.” |
|
9 |
L-Artikolu 410 tal-imsemmi kodiċi jipprovdi: “1. Id-dispożizzjonijiet tal-artikoli preċedenti għandhom japplikaw, b’mod partikolari, fil-każ ta’ prestazzjoni indebita. 2. Prestazzjoni tkun indebita jekk il-persuna li pprovdietha ma kellha l-ebda obbligu li tipprovdiha jew ma kellha l-ebda obbligu li tipprovdiha lill-persuna pprovduta, jekk il-bażi għal din il-prestazzjoni tkun sparixxiet, jekk l-iskop previst mill-imsemmija prestazzjoni ma jkunx intlaħaq jew jekk l-att ġuridiku li din il-prestazzjoni tirrikjedi jkun null u ma jkunx sar validu wara li din tal-aħħar tkun ġiet ipprovduta.” |
|
10 |
Skont l-Artikolu 498 tal-istess kodiċi: “1. Meta żewġ persuni jkunu simultanjament u reċiprokament debituri u kredituri, kull waħda minnhom tista’ twettaq tpaċija bejn il-kreditu tagħha u dak tal-parti l-oħra jekk iż-żewġ krediti jkunu relatati ma’ flus jew oġġetti tal-istess natura indikati biss mill-ġeneru tagħhom, jekk iż-żewġ krediti jkunu dovuti u jistgħu jiġu invokati quddiem qorti jew awtorità oħra tal-Istat. 2. Bl-effett tat-tpaċija, iż-żewġ krediti jiġu paċuti sal-ammont tal-kreditu l-inqas għoli.” |
Il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili
|
11 |
L-Artikolu 98(1) u (3) tal-ustawa – Kodeks postępowania cywilnego (il-Liġi dwar il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili), tas‑17 ta’ Novembru 1964 (Dz. U. tal-1964, Nru 43, intestatura 296), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili”), jipprovdi: “(1) Il-parti telliefa għandha tirrimborsa lill-parti avversarja l-ispejjeż neċessarji sabiex tinvoka d-drittijiet tagħha jew sabiex tiddefendi ruħha b’mod utli (l-ispejjeż), jekk tkun saret talba f’dan is-sens. […] (3) L-ispejjeż indispensabbli ta’ parti rrappreżentata minn avukat jinkludu l-onorarji, mingħajr madankollu ma jaqbżu r-rati ta’ onorarji msemmija f’dispożizzjonijiet speċifiċi u l-ammonti minfuqa mill-avukat, l-ispejjeż ġudizzjarji u l-ispejjeż tal-preżenza personali tal-parti.” |
|
12 |
L-Artikolu 100 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jipprovdi: “Fil-każ li t-talbiet jintlaqgħu biss parzjalment, l-ispejjeż għandhom jiġu sostnuti reċiprokament jew imqassma proporzjonalment. Madankollu, il-qorti tista’ tikkundanna lil waħda mill-partijiet għall-ispejjeż kollha jekk il-parti avversarja tkun tilfet biss fuq parti minima tat-talbiet tagħha jew jekk l-iffissar tal-ammont dovut lilha jkun suġġett għad-determinazzjoni ta’ obbligi reċiproċi jew għall-evalwazzjoni tal-qorti.” |
|
13 |
Skont l-Artikolu 101 ta’ dan il-kodiċi: “L-ispejjeż għandhom jiġu rrimborsati lill-konvenut anki jekk l-azzjoni tkun intlaqgħet, meta din il-parti ma tkunx ikkawżat it-tressiq tal-azzjoni u tkun aċċettat it-talbiet tar-rikors mal-ewwel att proċedurali.” |
|
14 |
L-Artikolu 102 tal-imsemmi kodiċi huwa fformulat kif ġej: “F’każijiet partikolarment iġġustifikati, il-qorti tista’ tordna li l-parti li titlef il-kawża tħallas biss parti mill-ispejjeż jew li ma tħallas ebda spejjeż.” |
|
15 |
L-Artikolu 103(1) tal-istess kodiċi jipprovdi li: “Il-qorti tista’, irrispettivament mill-eżitu tal-proċess, timponi fuq parti jew intervenjent l-obbligu ta’ rimbors tal-ispejjeż ikkawżati mill-aġir negliġenti jew manifestament mhux xieraq tagħha jew tiegħu.” |
Il-Liġi dwar l-Ispejjeż Ġudizzjarji f’Materji Ċivili
|
16 |
L-Artikolu 13(2) tal-ustawa o kosztach sądowych w sprawach cywilnych (il-Liġi dwar l-Ispejjeż Ġudizzjarji f’Materji Ċivili), tat‑28 ta’ Lulju 2005 (Dz. U. Nru 167, intestatura 1398), fil-verżjoni kkonsolidata tagħha (Dz. U. tal-2022, intestatura 1125) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Ispejjeż Ġudizzjarji”), jipprevedi: “Fil-kawżi fil-qasam tad-drittijiet patrimonjali, meta l-valur tas-suġġett tat-tilwima jew il-valur tas-suġġett tal-azzjoni legali jaqbeż 20000 [zloty Pollakki (PLN) (madwar EUR 4713)], taxxa proporzjonali li tammonta għal 5 % ta’ dan il-valur, iżda li ma taqbiżx PLN 200000 [(madwar EUR 47136)], tinġabar fuq l-att proċedurali.” |
|
17 |
Skont l-Artikolu 13a tal-Liġi dwar l-Ispejjeż Ġudizzjarji: “Fil-kawżi li jirrigwardaw djun marbuta ma’ tranżazzjonijiet bankarji, spejjeż fissi ta’ PLN 1000 [(madwar EUR 236)] huma dovuti minn parti li hija konsumatur jew persuna fiżika li tiġġestixxi impriża tal-familja jekk il-valur tas-suġġett tat-tilwima jew il-valur tas-suġġett tal-azzjoni legali jaqbeż PLN 20000 [(madwar EUR 4713)].” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
|
18 |
Fis‑27 ta’ Ġunju 2008, PR u Bank Millennium ikkonkludew kuntratt ta’ kreditu għal ammont ta’ PLN 640000 (madwar EUR 150000), iddenominat fi franki Svizzeri (CHF). |
|
19 |
PR ħallas il-pagamenti mensili ta’ dan il-kreditu fl-ammonti ta’ PLN 126 421.23 (madwar EUR 29800) u ta’ CHF 66 600.96 (madwar EUR 71480). |
|
20 |
Fis‑26 ta’ Ġunju 2020, PR ippreżenta azzjoni legali kontra Bank Millennium maħsuba sabiex jikseb il-konstatazzjoni tan-nullità ta’ dan il-kuntratt u r-restituzzjoni tal-ħlasijiet magħmula indebitament fl-eżekuzzjoni tiegħu. |
|
21 |
Permezz ta’ sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2022, is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja), li hija l-qorti tar-rinviju, ikkonstatat in-nullità tal-kuntratt ta’ kreditu minħabba l-klawżoli inġusti li kien fih. Konsegwentement, din il-qorti kkundannat lil Bank Millennium tħallas lil PR l-ammonti ta’ PLN 65 907.32 (madwar EUR 15530) u ta’ CHF 66 600.96 (madwar EUR 71480), flimkien mal-interessi moratorji dekorribbli bir-rata legali mid‑19 ta’ Frar 2022 sad-data tal-ħlas, kif ukoll tirrimborsa l-ispejjeż sostnuti minn dan tal-aħħar. Din is-sentenza ġiet ikkonfermata fl-appell mis-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja, il-Polonja). |
|
22 |
Fit‑23 ta’ Novembru 2022, Bank Millennium ippreżentat, quddiem il-qorti tar-rinviju, azzjoni legali kontra PR maħsuba sabiex dan tal-aħħar jiġi kkundannat għar-rimbors tal-kapital tas-self, jiġifieri ammont ta’ PLN 640000 (madwar EUR 150000), flimkien mal-interessi moratorji dekorribbli bir-rata legali mid-data tal-preżentata tal-azzjoni legali sad-data tal-ħlas. Hija titlob ukoll li PR jiġi kkundannat iħallas l-ispejjeż, inklużi, minn naħa, l-ispejjeż ġudizzjarji li jirrappreżentaw 5 % tal-valur tas-suġġett tat-tilwima, jiġifieri PLN 32000 (madwar EUR 7544), u, min-naħa l-oħra, l-ispejjeż ta’ rappreżentanza minn avukat, stabbiliti b’rata fissa għal PLN 10800 (madwar EUR 2546). |
|
23 |
Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tas-sistema ta’ tqassim tal-ispejjeż prevista fid-dritt Pollakk mad-Direttiva 93/13. |
|
24 |
Hija tirrileva, qabelxejn, li, skont il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, il-prinċipju bażiku li jirregola t-tqassim tal-ispejjeż fil-proċeduri ċivili huwa dak tar-responsabbiltà għall-eżitu tal-kawża, li jipprovdi li, minn naħa, il-parti li titlef il-kawża għandha tirrimborsa l-ispejjeż lill-parti li tirbaħ il-kawża skont l-Artikolu 98(1) ta’ dan il-kodiċi u, min-naħa l-oħra, fil-każ li l-kapijiet tat-talbiet jintlaqgħu parzjalment, l-ispejjeż għandhom jiġu sostnuti reċiprokament jew imqassma proporzjonalment skont l-Artikolu 100 tal-imsemmi kodiċi. Dan il-prinċipju huwa mmitigat permezz ta’ diversi eċċezzjonijiet previsti fl-Artikoli 101, 102 u fl-Artikolu 103(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, jiġifieri, rispettivament, il-possibbiltà li l-ispejjeż jibqgħu r-responsabbiltà tar-rikorrent meta l-konvenut ikun aċċetta t-talbiet tar-rikors mal-ewwel att proċedurali, l-użu tal-prinċipju ta’ ekwità u l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ħtija. Madankollu, skont l-imsemmija qorti, ebda waħda minn dawn l-eċċezzjonijiet ma tapplika għal dan il-każ. |
|
25 |
Sussegwentement, filwaqt li tirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tat‑22 ta’ Settembru 2022, Servicios prescriptor y medios de pagos EFC, C‑215/21, EU:C:2022:723, punt 41, u tal‑21 ta’ Marzu 2024, Profi Credit Bulgaria (Servizzi anċillari għall-kuntratt ta’ kreditu), C‑714/22, EU:C:2024:263, punt 83), il-qorti tar-rinviju tenfasizza li s-sistema ta’ tqassim tal-ispejjeż applikabbli għal proċedura intiża sabiex tiġi kkonstatata n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali ma għandux ikollha l-effett li tiddisswadi lill-konsumatur milli jeżerċita d-drittijiet mogħtija lilu mid-Direttiva 93/13. |
|
26 |
F’dan ir-rigward, din il-qorti tosserva li, fil-kawża prinċipali, PR jista’ jiġi kkundannat iħallas lil Bank Millennium, minbarra l-kapital misluf fl-ammont ta’ PLN 640000 (madwar EUR 150000), flimkien mal-interessi moratorji bir-rata legali, ammont totali ta’ PLN 42800 (madwar EUR 10090) bħala spejjeż. Tali piż finanzjarju, ekwivalenti għal madwar sitt xhur ta’ salarju medju fil-Polonja, jista’ jippreġudika kemm l-għanijiet tad-Direttiva 93/13 kif ukoll il-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni. |
|
27 |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-istruttura tal-ispejjeż fiż-żewġ proċeduri ġudizzjarji kkonċernati, l-imsemmija qorti tippreċiża li għalkemm l-ammont tal-onorarji tal-avukat, jiġifieri PLN 10800 (madwar EUR 2546), huwa identiku, irrispettivament minn jekk il-proċedura tinbediex mill-fornitur jew mill-konsumatur, dan ma japplikax għall-ispejjeż ġudizzjarji. Fil-fatt, fil-kuntest tal-proċedura intiża li tikseb in-nullità tal-kuntratt ta’ kreditu, PR kellu jħallas ammont ta’ PLN 1000 (madwar EUR 236), skont l-Artikolu 13a tal-Liġi dwar l-Ispejjeż Ġudizzjarji, meta ppreżenta l-azzjoni legali tiegħu kontra l-bank, filwaqt li dan tal-aħħar jitlob PLN 32000 (madwar EUR 7544) għall-ispejjeż ġudizzjarji fil-kawża prinċipali li huwa għandu jbati skont l-Artikolu 13(2) ta’ din il-liġi. |
|
28 |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li, minn naħa, PR kien ġie debitament informat, kemm mill-konsulent legali tiegħu kif ukoll minnha stess fil-kuntest tal-proċedura inizjali li dan ressaq, bil-konsegwenzi tan-nullità tal-kuntratt ta’ kreditu, b’mod partikolari bl-obbligu li jirrimborsa l-kapital misluf, l-eventwali interessi moratorji bir-rata legali, kif ukoll l-ispejjeż. Għaldaqstant, ma jistax jiġi validament sostnut li l-kundanna għall-ispejjeż hija imprevedibbli għall-konsumatur. |
|
29 |
Min-naħa l-oħra, din il-qorti tirrileva li PR seta’ qabel mat-talbiet tal-azzjoni legali tal-bank malli rċieva r-rikors. Tali approċċ kien iwassal għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili u Bank Millennium kienet għalhekk tkun obbligata tbati l-ispejjeż kollha. Barra minn hekk, PR seta’ invoka t-tpaċija tal-krediti, skont l-Artikolu 498(1) tal-Kodiċi Ċivili. Li kieku għamel dikjarazzjoni ta’ tpaċija wara li rċieva r-rikors, il-krediti reċiproċi tal-partijiet kienu jintemmu sal-ammont tad-dejn l-inqas għoli, skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu tal-aħħar. B’hekk, il-kreditu tal-bank kien jitnaqqas b’mod kunsiderevoli. Issa, PR għażel strateġija proċedurali differenti li tikkonsisti fil-kontestazzjoni tal-kreditu tal-bank billi invoka l-preskrizzjoni, motiv li l-imsemmija qorti tqis infondat. |
|
30 |
Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 jeżiġix minnha li timputa lill-bejjiegħ jew fornitur il-konsegwenzi negattivi kollha tal-inklużjoni ta’ klawżoli kuntrattwali illegali fil-kuntratt. Fil-fatt, li kieku l-kuntratt ta’ kreditu ma kienx jinkludi klawżoli inġusti, il-proċedura fil-kawża prinċipali ma kinitx isseħħ. Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk, f’tali każ, il-bejjiegħ jew fornitur għandux ibati l-ispejjeż kollha fil-kuntest ta’ din il-proċedura, irrispettivament mill-eżitu tagħha, u anki fil-każ fejn huwa jirbaħ il-kawża fl-intier tagħha. |
|
31 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva [93/13] kif ukoll il-prinċipju ta’ effettività, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li l-konsumatur jiġi obbligat iħallas l-ispejjeż tal-proċedura li fiha qorti nazzjonali tkun laqgħet it-talba tal-bejjiegħ jew fornitur intiża sabiex il-konsumatur jiġi ordnat iħallas lura l-ammonti dovuti mħallsa fuq il-bażi ta’ kuntratt li jkun null minħabba li jkun jinkludi fih klawżoli kuntrattwali inġusti?” |
Fuq id-domanda preliminari
Fuq l-ammissibbiltà
|
32 |
Bank Millennium teċċepixxi l-inammissibbiltà tad-domanda preliminari minħabba li din ma tirrigwardax l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni peress li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 ma humiex applikabbli għall-effetti tat-tneħħija tal-klawżoli inġusti. Fil-fatt, din il-kwistjoni, dwar ir-rimbors tal-ispejjeż fil-kuntest ta’ azzjoni għal ħlas lura mressqa mill-bank, tikkonċerna l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali biss. |
|
33 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li s-sistema ta’ kooperazzjoni stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE hija bbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-kuntest ta’ proċedura mressqa bis-saħħa ta’ dan l-artikolu, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali għandha ssir mill-qrati tal-Istati Membri u mhux mill-Qorti tal-Ġustizzja, u ma huwiex kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ regoli ta’ dritt nazzjonali mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti lill-qorti nazzjonali l-gwidi kollha għall-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jippermettulha tevalwa l-kompatibbiltà tar-regoli tad-dritt nazzjonali mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni (ara s-sentenzi tas‑16 ta’ Marzu 1978, Oehlschläger, 104/77, EU:C:1978:69, punt 4, u tas‑17 ta’ Marzu 2021, Consulmarketing, C‑652/19, EU:C:2021:208, punt 32 u kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
34 |
Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li tkun adita bit-tilwima u li jkollha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (ara s-sentenzi tad‑29 ta’ Novembru 1978, Redmond, 83/78, EU:C:1978:214, punt 25, u tat‑2 ta’ Frar 2023, Towarzystwo Ubezpieczeń Ż (Kuntratti standard ta’ assigurazzjoni qarrieqa), C‑208/21, EU:C:2023:64, punt 42 u kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
35 |
Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut mill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun manifestament jidher li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma jkollha ebda konnessjoni mar-realtà jew mal-iskop tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex twieġeb b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara s-sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 1999, Beck u Bergdorf, C‑355/97, EU:C:1999:391, punt 22, u tat‑2 ta’ Frar 2023, Towarzystwo Ubezpieczeń Ż (Kuntratti standard ta’ assigurazzjoni qarrieqa), C‑208/21, EU:C:2023:64, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
36 |
Madankollu, dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża. |
|
37 |
Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kawża prinċipali tirrigwarda azzjoni għall-ħlas lura tal-kapital misluf, imressqa minn Bank Millennium kontra PR, wara l-ewwel proċedura li wasslet għall-annullament ta’ kuntratt ta’ kreditu minħabba li kien jinkludi klawżoli inġusti. Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi espressament lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, dwar dik li għandha tingħata lill-Artikolu 6(1) u lill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività. Din il-qorti tixtieq tkun taf jekk dawn id-dispożizzjonijiet għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li twassal sabiex, fil-kuntest ta’ tali azzjoni għal ħlas lura, konsumatur li jitlef il-kawża jkun jista’ jiġi kkundannat ibati spejjeż ġudizzjarji, inklużi fl-ispejjeż, li jaqbżu b’mod sinjifikattiv dawk li kien ikollu jbati dan il-konsumatur li kieku tilef il-kawża fil-kuntest ta’ azzjoni mressqa minnu sabiex tiġi kkonstatata n-natura inġusta ta’ dawn il-klawżoli u, jekk ikun il-każ, in-nullità tagħhom u tal-kuntratt ta’ kreditu. |
|
38 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-Direttiva 93/13 ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali jew li l-problema mqajma hija ta’ natura ipotetika. Għaldaqstant, f’dan il-każ, l-oġġezzjoni bbażata fuq l-inapplikabbiltà ta’ dan l-att għall-kawża prinċipali ma tirrigwardax l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, iżda taqa’ fil-mertu tad-domandi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, TGSS (Qgħad tal-impjegati domestiċi), C‑389/20, EU:C:2022:120, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
39 |
Għaldaqstant, id-domanda preliminari hija ammissibbli. |
Fuq il-mertu
|
40 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fl-ambitu tal-kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, din tal-aħħar għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli sabiex tkun tista’ tiddeċiedi t-tilwima li biha hija tkun adita. F’dan il-kuntest, jekk ikun il-każ, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu ġew sottomessi lilha. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (ara s-sentenzi tad‑29 ta’ Novembru 1978, Redmond, 83/78, EU:C:1978:214, punt 26; tat‑28 ta’ Novembru 2000, Roquette Frères, C‑88/99, EU:C:2000:652, punt 18, u tas‑16 ta’ Lulju 2020, Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria, C‑224/19 u C‑259/19, EU:C:2020:578, punt 47). |
|
41 |
F’dan il-każ, kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà mal-Artikolu 6(1) u mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-kundanna għall-ispejjeż tal-konsumatur li jkun tilef il-kawża fil-kuntest ta’ azzjoni għall-ħlas lura tal-kapital misluf mibdija minn bejjiegħ jew fornitur wara l-annullament ta’ kuntratt ta’ kreditu minħabba li kien jinkludi klawżoli inġusti. Din il-qorti tirrileva li l-ispejjeż ġudizzjarji, inklużi fl-ispejjeż, imposti fuq dan il-konsumatur jistgħu jeċċedu b’mod sinjifikattiv dawk li l-imsemmi konsumatur kien ikollu jbati li kieku tilef il-kawża fil-kuntest ta’ azzjoni mressqa minnu intiża sabiex tiġi kkonstatata n-natura inġusta ta’ dawn il-klawżoli u, jekk ikun il-każ, in-nullità tagħhom u tal-kuntratt ta’ kreditu. Din is-sitwazzjoni tirriżulta mid-distinzjoni stabbilita mil-leġiżlazzjoni Pollakka, fil-qasam tal-ispejjeż ġudizzjarji, fir-rigward tal-modalitajiet ta’ kalkolu ta’ dawn l-ispejjeż skont jekk ir-rikors ikunx ippreżentat minn bejjiegħ jew fornitur jew minn konsumatur. |
|
42 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jinftiehem li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li konsumatur, bħala konvenut li tilef il-kawża fil-kuntest ta’ azzjoni għall-ħlas lura tal-kapital misluf imressqa minn bejjiegħ jew fornitur wara l-annullament ta’ kuntratt ta’ kreditu minħabba n-natura inġusta ta’ klawżoli li jinsabu fih, jiġi kkundannat għall-ispejjeż li jinkludu l-ispejjeż ġudizzjarji li, minħabba d-differenzazzjoni magħmula minn din il-leġiżlazzjoni fil-kalkolu tal-ammont ta’ dawn l-ispejjeż skont il-kwalità ta’ konsumatur, jew le, tar-rikorrent, jeċċedu b’mod sinjifikattiv dawk li kien ikollu jbati dan il‑konsumatur li kieku tilef il-kawża fil-kuntest ta’ azzjoni mressqa minnu u intiża sabiex tiġi kkonstatata n-natura inġusta ta’ dawn il-klawżoli u, jekk ikun il-każ, in-nullità tagħhom u tal-kuntratt ta’ kreditu. |
|
43 |
Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, l-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-klawżoli inġusti li jinsabu f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur ma jkunux jorbtu lill-konsumaturi, u dan taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mid-drittijiet nazzjonali tagħhom. |
|
44 |
Fid-dawl tan-natura u tal-importanza tal-interess pubbliku kkostitwit mill-protezzjoni tal-konsumaturi, li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fil-konfront tal-bejjiegħa jew fornituri, id-Direttiva 93/13 timponi fuq l-Istati Membri, kif jirriżulta mill-Artikolu 7(1) tagħha moqri flimkien mal-erbgħa u għoxrin premessa tagħha, l-obbligu li jipprovdu mezzi adegwati u effettivi “biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri” (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 56 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
45 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola inkluża f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur għandhom jippermettu li jintlaħqu żewġ għanijiet. Minn naħa, il-qorti għandha tiżgura li tkun tista’ tiġi stabbilita mill-ġdid l-ugwaljanza bejn il-partijiet għall-kuntratt li l-applikazzjoni ta’ klawżola inġusta fil-konfront tal-konsumatur tkun ipperikolat. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi żgurat li l-fornitur jiġi skoraġġit milli jinkludi tali klawżoli fil-kuntratti li huwa joffri lill-konsumaturi (sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2020, Banca B., C‑269/19, EU:C:2020:954, punt 38). B’hekk, l-obbligu għall-qorti nazzjonali li ma tapplikax klawżola kuntrattwali inġusta li timponi l-ħlas ta’ somom li jirriżultaw li ma humiex dovuti għandu, bħala prinċipju, effett restitutorju korrispondenti fir-rigward ta’ dawn is-somom (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 62). |
|
46 |
Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li t-tqassim tal-ispejjeż ta’ proċedura ġudizzjarja quddiem il-qrati nazzjonali jaqa’ taħt l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Servicios prescriptor y medios de pagos EFC, C‑215/21, EU:C:2022:723, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
47 |
Għal dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ effettività, li huwa unikament is-suġġett li dwaru qiegħda tistaqsi l-qorti tar-rinviju, hemm lok li jiġi rrilevat li kull każ li fih tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-partikolaritajiet tagħha, quddiem il-varji istanzi nazzjonali. F’din il-perspettiva, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-prinċipji li fuqhom hija bbażata s-sistema ġudizzjarja nazzjonali, bħalma huma l-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Servicios prescriptor y medios de pagos EFC, C‑215/21, EU:C:2022:723, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
48 |
Għalkemm il-prinċipju ta’ effettività ma jipprekludix, b’mod ġenerali, li l-konsumatur ibati ċerti spejjeż ġudizzjarji meta jressaq azzjoni legali maħsuba sabiex tiġi kkonstatata n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali (sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Caixabank, C‑385/20, EU:C:2022:278, punt 51), għandu jiġi osservat ukoll li d-Direttiva 93/13 tagħti lill-konsumatur dritt li jadixxi qorti sabiex tiġi kkonstatata n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali u sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tagħha, dritt li n-natura effettiva tiegħu għandha tiġi ppreżervata. Għaldaqstant, is-sistema ta’ tqassim tal-ispejjeż ta’ tali proċedura ma għandhiex tiddisswadi lill-konsumatur milli jeżerċita dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Servicios prescriptor y medios de pagos EFC, C‑215/21, EU:C:2022:723, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
49 |
Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li jekk il-mod kif jitqassmu l-ispejjeż ta’ din il-proċedura jkun jiddependi biss mis-somom imħallsa indebitament u li tagħhom ikun ġie ordnat il-ħlas lura, dan ikun ta’ natura li jiddisswadi lill-konsumatur milli jeżerċita l-imsemmi dritt, fid-dawl tal-ispejjeż li azzjoni ġudizzjarja tinvolvi. Għaldaqstant, l‑Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 kif ukoll il-prinċipju ta’ effettività għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu sistema li tippermetti li parti mill-ispejjeż proċedurali jbatiha l-konsumatur skont il-livell tas-somom imħallsa indebitament li jitħallsu lura lilu wara l-konstatazzjoni tan-nullità ta’ klawżola kuntrattwali minħabba n-natura inġusta tagħha, peress li tali sistema toħloq ostakolu sostanzjali li jista’ jiskoraġġixxi lill-konsumaturi milli jeżerċitaw id-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv tan-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli kuntrattwali, kif dan id-dritt huwa mogħti minn din id-direttiva (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria, C‑224/19 u C‑259/19, EU:C:2020:578, punti 98 u 99). |
|
50 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-proċeduri skont l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 jinbdew, bħala prinċipju, minn konsumatur, li jaġixxi bħala rikorrent, kontra bejjiegħ jew fornitur, konvenut. Sabiex jiġi ppreżervat l-effett utli ta’ din id-direttiva u sabiex tiġi żgurata protezzjoni effettiva tal-konsumatur kontra l-konsegwenzi partikolarment dannużi li l-annullament tal-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni jista’ jikkawża, għandu jitqies li l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tat-tqassim tal-ispejjeż fil-kuntest ta’ proċedura intiża sabiex tiġi kkonstatata n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, imsemmija fil-punti 48 u 49 ta’ din is-sentenza, tapplika wkoll, u b’analoġija, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-konsumatur ikun konvenut f’azzjoni għall-ħlas lura tal-kapital misluf imressqa minn bejjiegħ jew fornitur wara l-annullament ta’ kuntratt ta’ kreditu minħabba li kien jinkludi klawżoli inġusti. |
|
51 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li modalitajiet proċedurali li jinvolvu spejjeż għoljin wisq għall-konsumatur jista’ jkollhom bħala konsegwenza li dan jiġi dissważ milli jintervjeni, b’mod utli, fid-difiża tad-drittijiet tiegħu quddiem il-qorti adita mill-bejjiegħ jew fornitur (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Caixabank, (C‑385/20, EU:C:2022:278, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
52 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fid-dritt Pollakk, il-konstatazzjoni ġudizzjarja tan-nullità ta’ kuntratt ta’ self minħabba klawżola inġusta li tinsab fih għandha l-konsegwenza li l-pagamenti li jkunu saru fl-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt, kemm jekk mill-mutwatarji kif ukoll mill-istituzzjoni finanzjarja, jikkostitwixxu pagamenti indebiti fis-sens tal-Artikolu 410(2) tal-Kodiċi Ċivili, li għandhom jitħallsu lura skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 410(1) u tal-Artikolu 405 ta’ dan il-kodiċi. |
|
53 |
Minn dan jirriżulta wkoll li, minn naħa, l-Artikolu 98(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jipprevedi li l-parti li titlef il-kawża għandha tirrimborsa l-ispejjeż lill-parti li tkun rebħet il-kawża. Min-naħa l-oħra, id-dritt Pollakk jagħmel distinzjoni, fil-qasam tal-ispejjeż ġudizzjarji, skont jekk l-azzjoni tkunx ippreżentata minn bejjiegħ jew fornitur jew minn konsumatur. Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 13(2) tal-Liġi dwar l-Ispejjeż Ġudizzjarji, l-azzjonijiet li jirrigwardaw drittijiet patrimonjali jagħtu lok għall-applikazzjoni ta’ dritt proporzjonali, ekwivalenti għal 5 % tal-valur tat-tilwima, fil-limitu ta’ livell massimu legali. Mill-banda l-oħra, fil-kawżi li jirrigwardaw krediti marbuta ma’ tranżazzjonijiet bankarji, l-Artikolu 13a ta’ din il-liġi jistabbilixxi, għall-azzjonijiet imressqa minn konsumatur, spejjeż fissi li jammontaw għal PLN 1000 (madwar EUR 236), meta l-valur tas-suġġett tat-tilwima jew tal-azzjoni ġudizzjarja jaqbeż l-ammont ta’ PLN 20000 (madwar EUR 4713). |
|
54 |
Skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, din id-differenza fil-modalitajiet ta’ kalkolu tal-ispejjeż ġudizzjarji tista’ twassal għal sitwazzjonijiet li fihom il-konsumatur, meta jkun konvenut f’azzjoni għall-ħlas lura tal-kapital misluf imressqa minn bejjiegħ jew fornitur wara l-annullament ta’ kuntratt ta’ kreditu li jinkludi klawżoli inġusti u jitlef il-kawża, jiġi kkundannat għall-ispejjeż li jinkludu spejjeż ġudizzjarji sinjifikattivament ogħla minn dawk li kien ikollu jbati dan il-konsumatur li kieku tilef il-kawża fil-kuntest ta’ azzjoni mressqa minnu maħsuba sabiex tiġi kkonstatata n-natura inġusta ta’ dawn il-klawżoli u, jekk ikun il-każ, in-nullità tagħhom u tal-kuntratt ta’ kreditu. |
|
55 |
Għandu jiġi rrilevat li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi spejjeż ġudizzjarji fissi mnaqqsa meta l-konsumatur jressaq azzjoni li tirrigwarda krediti marbuta ma’ tranżazzjonijiet bankarji, hija, bħala prinċipju, favorevoli għal dan tal-aħħar. |
|
56 |
Madankollu, fid-dawl tal-livell sinjifikattivament ogħla tal-ispejjeż ġudizzjarji applikabbli għall-azzjonijiet imressqa minn bejjiegħ jew fornitur fil-qasam tad-drittijiet patrimonjali u tal-fatt li l-ammont ta’ dawn l-ispejjeż li l-konsumatur jista’ jkun obbligat jirrimborsa jiddependi direttament minn dak tal-kreditu invokat mill-bejjiegħ jew fornitur, l-applikazzjoni awtomatika tal-prinċipju li l-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż kollha, inklużi l-imsemmija spejjeż, tista’ twassal lill-konsumatur, meta jitlef il-kawża fil-kuntest ta’ tali azzjoni, għal li jkollu jbati piż finanzjarju sproporzjonat. Fil-fatt, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, minn naħa, PR kellu jħallas ammont ta’ PLN 1000 (madwar EUR 236) bħala spejjeż ġudizzjarji fil-kuntest tal-azzjoni mressqa kontra Bank Millennium li wasslet għall-kundanna ta’ din tal-aħħar għall-ħlas lil PR ta’ somma ta’ madwar EUR 101280. Min-naħa l-oħra, PR huwa obbligat, bħala konvenut fil-kuntest tal-proċedura mibdija sussegwentement minn Bank Millennium dwar il-ħlas lura tal-kapital misluf, jiġifieri kreditu ta’ PLN 640000 (madwar EUR 150000), u li fi tmiemha huwa tilef il-kawża, jirrimborsaha l-ispejjeż ġudizzjarji li jammontaw għal 5 % tal-valur tal-kawża, f’dan il-każ, PLN 32000 (madwar EUR 7544). |
|
57 |
Tali spejjeż li jistgħu jiġu imposti fuq il-konsumatur, skont l-applikazzjoni kkombinata tar-regoli nazzjonali dwar il-kalkolu tal-ispejjeż ġudizzjarji u l-awtomatiċità tal-prinċipju li l-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż kollha, inklużi dawn l-ispejjeż, huma ta’ natura li jipprekludu jew jiddisswadu lill-konsumatur milli jeżerċita b’mod utli d-drittijiet mogħtija lilu mid-Direttiva 93/13 quddiem il-qorti adita mill-bejjiegħ jew fornitur, bi ksur tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 48 u 51 ta’ din is-sentenza. |
|
58 |
Fil-fatt, tali modalitajiet proċedurali jistgħu jiddisswadu lill-konsumatur, meta jkollu l-kwalità ta’ konvenut fil-kuntest ta’ azzjoni għall-ħlas lura tal-kapital misluf imressqa mill-bejjiegħ jew fornitur wara l-annullament tal-kuntratt ta’ kreditu li jinkludi klawżoli inġusti, milli jżomm it-talbiet tiegħu, indipendentement mill-fondatezza ta’ dawn tal-aħħar, sa fejn tali żamma tista’ twassal għal kundanna għall-ispejjeż, inklużi spejjeż ġudizzjarji sproporzjonalment għoljin, fil-każ ta’ eżitu sfavorevoli tal-proċedura. |
|
59 |
Dawn il-modalitajiet proċedurali jidhru wkoll li huma ta’ natura li jikkompromettu n-natura dissważiva li tirriżulta mill-annullament tal-kuntratt minħabba l-klawżoli inġusti li jinsabu fih, peress li, minkejja dan l-annullament, il-konsumatur ikun obbligat ibati spejjeż ġudizzjarji partikolarment għoljin fil-kuntest tal-azzjoni għal ħlas lura mressqa mill-bejjiegħ jew fornitur, ħlief, b’mod partikolari, jekk dan il-konsumatur jaċċetta t-talbiet tal-bejjiegħ jew fornitur. Għaldaqstant, l-imsemmija modalitajiet, fl-aħħar mill-aħħar, jiksru l-prinċipju ta’ effettività. |
|
60 |
B’dan premess, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li tkun konformi mad-dritt tal-Unjoni jeżiġi li l-qrati nazzjonali, fl-osservanza, b’mod partikolari, tal-projbizzjoni ta’ interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali, jagħmlu dak kollu li huwa fil-kompetenza tagħhom, filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni l-korp kollu tad-dritt nazzjonali u japplikaw metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti, sabiex jiżguraw li d-direttiva tkun effettiva b’mod sħiħ u sabiex jaslu għal soluzzjoni li tkun konsistenti mal-għan imfittex minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punti 118 u 119, kif ukoll tal‑15 ta’ Ottubru 2024, KUBERA, C‑144/23, EU:C:2024:881, punt 51u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
61 |
F’dan il-każ, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni Ewropea jsostnu li l-Artikolu 98(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jista’ jiġi interpretat b’mod konformi mal-Artikolu 6(1) u mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività. Fil-fatt, hija l-qorti nazzjonali li għandha tieħu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, l-eċċezzjonijiet previsti, b’mod partikolari, fl-Artikoli 102 u 103 ta’ dan il-kodiċi li jippermettu aġġustament tal-ispejjeż skont il-prinċipju ta’ ekwità jew inkella skont l-aġir illegali eventwalment imputabbli lil waħda mill-partijiet. |
|
62 |
Fl-aħħar mill-aħħar, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni konformi mad-Direttiva 93/13 u, fl-affermattiv, li tislet minnha l-konsegwenzi legali. |
|
63 |
Fid-dawl tar-raġunijiet premessi, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li konsumatur, bħala konvenut li tilef il-kawża fil-kuntest ta’ azzjoni għall-ħlas lura tal-kapital misluf imressqa minn bejjiegħ jew fornitur wara l-annullament ta’ kuntratt ta’ kreditu minħabba n-natura inġusta ta’ klawżoli li jinsabu fih, jiġi kkundannat għall-ispejjeż li jinkludu l-ispejjeż ġudizzjarji li, minħabba d-differenzazzjoni magħmula minn din il-leġiżlazzjoni fil-kalkolu tal-ammont ta’ dawn l-ispejjeż skont il-kwalità ta’ konsumatur, jew le, tar-rikorrent, jeċċedu b’mod sinjifikattiv dawk li kien ikollu jbati dan il-konsumatur li kieku tilef il-kawża fil-kuntest ta’ azzjoni mressqa minnu u intiża sabiex tiġi kkonstatata n-natura inġusta ta’ dawn il-klawżoli u, jekk ikun il-każ, in-nullità tagħhom u tal-kuntratt ta’ kreditu. |
Fuq l-ispejjeż
|
64 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, |
|
għandhom jiġu interpretati fis-sens li: |
|
jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li konsumatur, bħala konvenut li tilef il-kawża fil-kuntest ta’ azzjoni għall-ħlas lura tal-kapital misluf imressqa minn bejjiegħ jew fornitur wara l-annullament ta’ kuntratt ta’ kreditu minħabba n-natura inġusta ta’ klawżoli li jinsabu fih, jiġi kkundannat għall-ispejjeż li jinkludu l-ispejjeż ġudizzjarji li, minħabba d-differenzazzjoni magħmula minn din il-leġiżlazzjoni fil-kalkolu tal-ammont ta’ dawn l-ispejjeż skont il-kwalità ta’ konsumatur, jew le, tar-rikorrent, jeċċedu b’mod sinjifikattiv dawk li kien ikollu jbati dan il-konsumatur li kieku tilef il-kawża fil-kuntest ta’ azzjoni mressqa minnu u maħsuba sabiex tiġi kkonstatata n-natura inġusta ta’ dawn il-klawżoli u, jekk ikun il-każ, in-nullità tagħhom u tal-kuntratt ta’ kreditu. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.
( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.