|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/805 |
24.4.2025 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/805
tat-22 ta’ April 2025
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-estensjoni tal-iskadenza tal-adeżjoni tat-Tuneżija mal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika, fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulement
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 78(2), l-Artikolu 82(2) u l-Artikolu 84, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (“il-Konvenzjoni”) ġiet konkluża mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1075 (1), fir-rigward tal-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni, u bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1076 (2), fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulement, u daħlet fis-seħħ għall-Unjoni fl-1 ta’ Ottubru 2023. Bħalissa hemm 39 parti għall-Konvenzjoni (il-“Partijiet”), inkluż l-Unjoni u 22 Stat Membru tal-Unjoni. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 14 tal-Istatut tal-Kunsill tal-Ewropa, kull membru tal-Kunsill tal-Ewropa għandu jkun intitolat għal rappreżentant wieħed fil-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa (il-“Kumitat tal-Ministri”), u kull rappreżentant għandu jkun intitolat għal vot wieħed. L-Istati Membri kollha tal-Unjoni huma membri tal-Kunsill tal-Ewropa u b’hekk irrappreżentati fil-Kumitat tal-Ministri. |
|
(3) |
Skont l-Artikolu 76(1) tal-Konvenzjoni, il-Kumitat tal-Ministri jista’, wara konsultazzjoni mal-Partijiet u wara li jikseb il-kunsens unanimu tagħhom, jistieden lil Stat Membru mhux tal-Kunsill tal-Ewropa biex jaderixxi mal-Konvenzjoni, b’deċiżjoni li tirrikjedi maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-Kumitat tal-Ministri, kif previst fl-Artikolu 20.d tal-Istatut tal-Kunsill tal-Ewropa, u bil-vot unanimu tar-rappreżentanti tal-Partijiet intitolati li jkunu fil-Kumitat tal-Ministri. |
|
(4) |
Fit-22 ta’ April 2020, il-Kumitat tal-Ministri ddeċieda li jistieden lit-Tuneżija taderixxi mal-Konvenzjoni. Skont dik id-deċiżjoni, dik l-istedina tibqa’ valida għal ħames snin mill-adozzjoni tagħha, jiġifieri, sat-23 ta’ April 2025 (l-“iskadenza”). |
|
(5) |
B’ittra datata l-20 ta’ Frar 2025, it-Tuneżija talbet estensjoni tal-iskadenza sat-23 ta’ April 2027, biex tkun tista’ tlesti l-proċeduri interni tagħha. |
|
(6) |
Il-Kumitat tal-Ministri, fil-laqgħa tiegħu tat-23 ta’ April 2025, huwa mistenni jadotta deċiżjoni dwar l-estensjoni tal-iskadenza sat-23 ta’ April 2027. |
|
(7) |
Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat tal-Ministri, peress li l-estensjoni tal-iskadenza jista’ jkollha effetti legali fuq l-Unjoni. L-effett ta’ dik l-estensjoni tkun li tiġġedded l-istedina lit-Tuneżija biex taderixxi għall-Konvenzjoni u għalhekk timplika l-istabbiliment ta’ relazzjonijiet konvenzjonali bejn l-Unjoni u t-Tuneżija fil-qafas tal-Konvenzjoni. Id-deċiżjoni dwar l-estenzjoni tal-iskadenza tista’ tinfluwenza wkoll il-mod li bih jittieħdu d-deċiżjonijiet fi ħdan il-Kumitat tal-Partijiet. |
|
(8) |
L-adeżjoni tat-Tuneżija għall-Konvenzjoni tkun ta’ benefiċċju għall-Unjoni peress li testendi l-istandards ambizzjużi tal-Konvenzjoni għal dak il-pajjiż. Għalhekk, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni tkun li t-Tuneżija tingħata sentejn oħra biex tlesti l-proċeduri interni tagħha. |
|
(9) |
Peress li l-Unjoni mhijiex membru tal-Kunsill tal-Ewropa iżda l-Istati Membri tagħha kollha huma membri, l-Istati Membri tagħha għandhom jesprimu l-pożizzjoni tal-Unjoni, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt. |
|
(10) |
F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni tal-Kunsill u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. |
|
(11) |
F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħa tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fit-23 ta’ April 2025 għandha tkun li tiġi appoġġata l-estensjoni tal-iskadenza għall-adeżjoni tat-Tuneżija mal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika sat-23 ta’ April 2027.
Artikolu 2
Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandhom jesprimuha l-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, li jaġixxu b’mod konġunt.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ April 2025.
Għall-Kunsill
Il-President
A. SZŁAPKA
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1075 tal-1 ta’ Ġunju 2023 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward tal-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni (ĠU L 143 I, 2.6.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/1075/oj).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1076 tal-1 ta’ Ġunju 2023 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward ta’ materji relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulement (ĠU L 143 I, 2.6.2023, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/1076/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/805/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)