3.8.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 254/17


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2020/C 254/06)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien tliet xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

DOKUMENT UNIKU

“RUCOLA DELLA PIANA DEL SELE”

Nru tal-UE: PGI-IT-02436 – 20.9.2018

DOP ( ) IĠP (X)

1.   Isem/ismijiet

“Rucola della Piana del Sele”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

L-Italja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.6. Frott, ħxejjex u ċereali, friski jew ipproċessati

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

L-isem tal-IĠP “Rucola della Piana del Sele” jirreferi għall-weraq tar-rukola tal-ispeċi Diplotaxis tenuifolia (L.) DC (il-familja: Brassicaceae) – magħrufa bl-isem komuni “ġarġir isfar” – imkabbra fiż-żona definita fil-punt 4.

Il-prodott jitqiegħed fis-suq frisk jew lest biex jittiekel.

L-IĠP “Rucola della Piana del Sele” jrid ikollha l-karatteristiċi li ġejjin fiż-żmien tal-ħsad:

Weraq: wesgħin 2-5 cm u twal 8-25 cm u pinnatifidi, pinnatosetti u pinnatolobati, b’lubi dentikulati miġbura mill-qrib b’tul sa 4 cm (id-dentikulazzjoni tista’ xi drabi titnaqqas b’mod sinifikanti jew tkun assenti għalkollox). Il-weraq huma lixxi (kważi mingħajr pubexxenza), opaki u kemxejn glawċexxenti. Is-segment ta’ fuq nett ta’ kull werqa għandu forma tawwalija bi tliet lubi. Kwalunkwe werqa ta’ fuq tkun f’segmenti dojoq.

Il-weraq tar-rukola jrid ikun mingħajr ħsara u materja barranija viżibbli, u jkollu dehra friska u nadifa mingħajr ebda riħa jew togħma barranija. Il-weraq ma għandux isofri minn parassiti, u kwalunkwe ħsara kkawżata minn infestazzjonijiet ta’ parassiti preċedenti trid tkun limitata għal 10 % jew inqas.

Karatteristiċi essenzjali:

Aroma qawwija u pikkanti partikolarment intensa u penetranti;

Konsistenza tqarmeċ tal-weraq perċetibbli b’mod ċar;

Togħma qawwija distintiva li tfisser li tista’ tgawdiha mingħajr tmelliħ.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

—

3.4.   Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

L-istadji kollha tal-produzzjoni mill-kultivazzjoni sal-ħsad iridu jsiru fiż-żona deskritta fil-punt 4.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

L-IĠP “Rucola della Piana del Sele” trid tiġi ppakkjata f’boroż imtaqqbin jew f’kontenituri bħal trejs, pakketti, kontejners tal-plastik jew kaxex. L-atmosferi mmodifikati huma fakultattivi. L-ippakkjar jista’ jkun magħmul minn plastik, injam, kartun, jew kwalunkwe materjal ieħor li l-liġi tqis li huwa adattat għall-użu mal-oġġetti tal-ikel.

L-ippakkjar kollu jrid ikun issiġillat sabiex il-prodott ma jkunx jista’ jitneħħa mingħajr ma jitqaċċat u jinfetaħ. Il-prodott ma jistax jinbiegħ sfuż.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

Minbarra l-informazzjoni meħtieġa mil-liġi, it-tikketta fuq l-ippakkjar trid tinkludi wkoll:

—

il-logo Ewropew tal-IĠP;

—

il-logo tal-IĠP “Rucola della Piana del Sele”, li ma għandux ikun iżgħar minn kwalunkwe marka oħra użata fuq l-istess ippakkjar;

—

l-isem u l-indirizz, jew l-isem kummerċjali u l-uffiċċju rreġistrat, tal-produttur individwali u/jew l-assoċjazzjoni tal-produtturi u/jew l-impjant tal-ippakkjar; kif ukoll

—

il-piż nett fis-sors.

Huwa pprojbit li tiżdied kwalunkwe deskrizzjoni oħra li ma tkunx espressament prevista. Madankollu, jistgħu jintużaw referenzi għall-ismijiet, l-ismijiet kummerċjali jew il-marki privati, sakemm dawn ma jkollhomx skop ta’ tifħir u ma jkunux tali li jqarrqu bil-konsumatur. Jistgħu jintużaw ukoll referenzi veritieri u verifikabbli oħrajn li huma permessi skont il-leġiżlazzjoni reġjonali, nazzjonali jew tal-UE, sakemm ma jkunux f’kunflitt mal-iskop u mal-kontenut tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

Logo

Dan huwa l-logo tal-IĠP:

Image 1

Disinn ċirkulari li fih stampa ta’ werqa tar-rukola ħadra (Pantone 7730 C), parzjalment bi truf ta’ lewn blu ċar (Pantone 3005 C) biex tirrappreżenta x-Xmara Sele u l-Baħar Mediterran. Fil-qiegħ hemm ċirku blu (Pantone 3005 C) li fih l-ittri IGP [“IĠP”].

Il-kelmiet “RUCOLA della Piana del Sele” jidhru fiċ-ċentru tal-logo. Il-fonts użati huma Alice Regular, Info Text Book u Info Text Semibold Roman.

Il-logo jista’ jingħata daqs ġdid biex jadatta għal użi differenti, filwaqt li jirrispetta proporzjon ta’ 1:1 u jiżgura dimensjonijiet minimi ta’ 1 cm kull naħa.

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona tal-produzzjoni tal-IĠP “Rucola della Piana del Sele” tinkludi t-territorju amministrattiv tal-muniċipalitajiet li ġejjin fil-provinċja ta’ Salerno: Battipaglia, Bellizzi, Eboli, Pontecagnano Faiano, Giffoni Valle Piana, Montecorvino Pugliano, Montecorvino Rovella u Capaccio Paestum.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-IĠP “Rucola della Piana del Sele” hija bbażata fuq l-aroma intensa, pikkanti u qawwija tal-prodott, il-konsistenza tqarmeċ karatteristika tal-weraq u t-togħma qawwija distintiva tiegħu (li jfisser li dan jista’ jitgawda mingħajr tmelliħ), u fuq il-fatt li l-prodott sar magħruf fis-swieq.

Dawn il-karatteristiċi speċifiċi tal-IĠP “Rucola della Piana del Sele” huma r-riżultat dirett tal-ambjent li fih titkabbar, li huwa kompletament distintiv fir-rigward kemm tal-ħamrija kif ukoll tal-klima.

L-art agrikola li fuqha titkabbar l-IĠP “Rucola della Piana del Sele” tinkludi saff oħxon ta’ ħamrija tal-wiċċ vulkanika u alluvjali. L-element vulkaniku huwa dovut għal eruzzjonijiet fil-passat tal-Muntanja Vessuvju, filwaqt li x-Xmara Sele u passaġġi fuq l-ilma tal-wiċċ oħrajn jipprovdu l-komponent alluvjali.

Il-ħamrija li tirriżulta hija rikka ħafna f’makroelementi u mikroelementi, speċjalment il-potassju, il-kalċju u l-ħadid, li għandhom rwol fil-proċessi bijoloġiċi li jagħtu lill-prodott l-aroma, il-konsistenza u t-togħma karatteristiċi tiegħu.

Fir-rigward tal-klima, iż-żona li fiha titkabbar l-IĠP “Rucola della Piana del Sele” tikkontribwixxi sostanzjalment biex jiġu ddeterminati l-karatteristiċi speċifiċi tal-prodott, f’sinerġija mal-karatteristiċi tal-ħamrija msemmija hawn fuq. Dan jippermetti li l-għalla titkabbar fl-aħjar kundizzjonijiet għall-iżvilupp u t-tkabbir tiegħu u jimminimizza r-riskju ta’ ilma li jikkawża ħsara u stress termali.

Il-karattru distintiv tal-klima taż-żona huwa importanti u huwa influwenzat kemm mir-rwol tar-regolazzjoni tat-temperatura tal-Baħar Tirren fuq il-kosta tal-Punent tagħha, kif ukoll minn dak tal-medda tal-muntanji Alburni fil-Grigal, li mhux biss jipproteġiha mill-kesħa li tasal mill-Balkani, iżda wkoll jippermetti li x-xita li tkun ġejja mill-Punent tinġabar f’ġibjuni naturali taħt l-art, li minnhom jibbenefikaw l-uċuħ tar-raba’.

Fil-pjanura Piana del Sele, il-kultivazzjoni tar-rukola kienet diġà mifruxa fil-Medju Evu, kif muri mill-Opere mediche, attribwibbli għall-Iskola Medika ta’ Salerno (“Scuola medica salernitana”) u, b’mod partikolari, mix-xogħol ta’ Constantino Africano (1025-1087), tabib Kartaġiniż u l-awtur tax-xogħol Particulares Dietae, li wasal f’Salerno fl-1077. Iżda kien biss lejn l-aħħar tas-snin tmenin (1980s), fid-dawl tal-prospetti ekonomiċi kbar offruti mis-settur tal-prodotti agrikoli lesti biex jittieklu li beda fuq nota pożittiva fl-Italja, li l-bdiewa fiż-żona bdew bil-mod il-mod ikabbru l-ħxejjex tal-insalata, b’mod partikolari r-rukola, għas-swieq tal-prodotti friski u lesti biex jittieklu, b’interess, attenzjoni u ħiliet dejjem jiżdiedu.

Kif juru bosta testimonjanzi bil-fomm u bil-miktub mill-bdiewa u min-negozjanti lokali, ir-rukola ma damitx ma nfirxet ħafna u stabbiliet ruħha bħala għalla lokali, distintiva u ta’ kwalità għolja fiż-żona. Fl-istess ħin, l-isem “Rucola della Piana del Sele” daħal f’użu komuni biex jindika prodott b’aroma u togħma partikolari li, minħabba l-konsistenza karatteristika tiegħu, huwa l-aktar adattat għall-bejgħ f’forom lesti biex jittieklu.

Preċiżament minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tal-prodott, il-produtturi ewlenin fit-Tramuntana tal-Italja bdew jagħżlu li jirrilokaw sehem dejjem akbar taż-żona tal-provvista tagħhom stess għall-pjanura Piana di Sele, u l-bdiewa lokali żiedu l-impenji tagħhom fil-kultivazzjoni tar-rukola, għalla li fiha saru speċjalizzati ħafna.

Uħud mill-produtturi lokali antiki għad għandhom dokumenti ta’ kontijiet li jmorru lura għall-1993, li juru li l-isem “Rucola della Piana del Sele” kien diġà qed jintuża dak iż-żmien. Issa qed jintuża b’mod komuni fid-dokumentazzjoni kummerċjali ta’ ħafna bdiewa u negozjanti fir-reġjun.

Minn dak iż-żmien ’l hawn, l-isem “Rucola della Piana del Sele” beda jintuża ħafna. Dan huwa parzjalment dovut għall-bosta avvenimenti lokali (Sagra della pizza con la Rucola della Piana del Sele, li l-ewwel edizzjoni tiegħu saret bejn il-5 u l-14 ta’ Awwissu 1994 u t-13-il edizzjoni saret mit-2 sal-4 ta’ Awwissu 2007) u konferenzi (Presente e futuro nella coltivazione della Rucola nella Piana del Sele – fis-17 ta’ Settembru 2001; La Rucola della Piana del Sele verso l’IGP – fl-1 ta’ Marzu 2013) li saru f’din iż-żona biex jenfasizzaw iż-żieda fil-preżenza tal-għalla, jirfinaw it-tekniki tal-biedja u juru l-kwalità għolja ta’ prodott li qed isir dejjem aktar magħruf.

Barra minn hekk, il-pubblikazzjonijiet li ġejjin huma ddedikati għar-“Rucola della Piana del Sele”:

—

Eruca/Rucola nella piana del Sele (Belinda Villanova, ippubblikata mill-Consorzio di Bonifica in Destra del fiume Sele, 2018);

—

La Piana del Sele - La Terra e i Contadini fih kapitlu sħiħ bl-isem “Gli anni del boom economico e la riscoperta della rucola nella Piana del Sele”, li huwa ddedikat għall-kultivazzjoni tar-“Rucola della Piana del Sele” (Belinda Villanova, ippubblikat mill-Federazione Coltivatori Diretti di Salerno, 2003).

—

Ricette con la Rucola della Piana del Sele (Belinda Villanova, ippubblikata mill-Federazione Coltivatori Diretti di Salerno).

Ir-“Rucola della Piana del Sele” tissemma wkoll f’artikli xjentifiċi, jiġifieri:

—

L-artiklu “Nutrizione razionale, un ‘comandamento’ per la rucola”, ippubblikat fir-rivista Informatore Agrario Nru 24-25/2019, isemmi l-Piana del Sele bħala ż-żona ewlenija fejn titkabbar ir-rukola.

—

L-artiklu “Rucola per IV gamma: aspetti produttivi e nutrizionali”, ippubblikat fir-rivista Informatore Agrario Nru 37/2016, jipprovdi informazzjoni dwar studju li jqabbel ir-rukola selvaġġa ma’ dik ikkultivata. Ir-“Rucola della Piana del Sele” kienet fost il-kampjuni użati għall-istudju tar-rukola kkultivata.

—

L-artiklu “Quarta gamma e Baby leaf nella piana del Sele - Torzella, rucola e crescione sempre più richiesti in Europa”, ippubblikat fir-rivista ARPA Campania Ambiente Nru 54 tal-15 ta’ Ottubru 2012.

—

L-artiklu “Interventi di ricerca per l’innovazione della filiera della Rucola nella Piana del Sele”, ippubblikat fir-rivista Dal seme (CREA, il-volum IX - Ġunju 2016, Nru 2, p. 11), jiddikjara “l-kultivazzjoni tar-rukola perenni (Diplotaxis tenuifolia (L.) DC) fl-Italja hija settur li qed jikber malajr. Il-Piana del Sele (il-provinċja ta’ Salerno), b’mod partikolari, hija ż-żona tal-produzzjoni prinċipali fil-pajjiż u wieħed mill-punti ta’ referenza ewlenin fis-suq Ewropew”.

Il-programm televiżiv “La Linea Verde Orizzonti”, imxandar fuq l-istazzjon Rai Uno nhar is-Sibt, it-8 ta’ Frar 2014, irrefera għar-“Rucola della Piana del Sele” bħala “deheb aħdar mill-Piana del Sele”.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

It-test sħiħ tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott huwa disponibbli fuq is-sit web li ġej:

http://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/3335”

jew inkella:

billi żżur direttament il-paġna prinċipali tal-Ministeru tal-Politika dwar l-Agrikoltura, l-Ikel, il-Forestrija u t-Turiżmu (www.politicheagricole.it) u tikklikkja fuq “Qualità” (fin-naħa ta’ fuq fil-lemin tal-iskrin), imbagħad fuq “Prodotti DOP IGP STG” (fuq in-naħa tax-xellug tal-iskrin) u fl-aħħar nett fuq “Disciplinari di Produzione all’esame dell’UE”.


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.