02018R2034 — MT — 01.01.2019 — 001.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
|
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/2034 tat-18 ta' Ottubru 2018 (ĠU L 327 21.12.2018, p. 8) |
Emendat bi:
|
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
|
Nru |
Paġna |
Data |
||
|
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/905 tat-13 ta' Marzu 2019 |
L 145 |
2 |
4.6.2019 |
|
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/2034
tat-18 ta' Ottubru 2018
li jistabbilixxi pjan għall-iskartar għal ċertu sajd demersali fl-ilmijiet tal-Majjistral għall-perjodu 2019-2021
Artikolu 1
Implimentazzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art
Fis-subżoni tal-ICES 5 (eskluża 5a u inklużi l-ilmijiet tal-Unjoni biss ta' 5b), 6 u 7 l-obbligu ta' ħatt l-art previst fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandu japplika għaż-żoni tas-sajd demersali skont dan ir-Regolament għall-perjodu 2019-2021.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
1. Il-“Pannell Fjamming” tfisser l-aħħar parti li ġejja għad-djieq ta' xibka tat-tkarkir bi travu, li l-parti ta' wara tagħha hija direttament imwaħħla mal-manka. Il-partijiet ta' fuq u ta' taħt tax-xibka tal-pannell iridu jkunu magħmula minn malja ta' mill-inqas 120 mm imkejla bejn l-għoqiedi u l-pannell irid ikollu tul imġebbed ta' mill-inqas 3 m.
2. “Pannell Seltra” tfisser apparat ta' selettività li:
(a) huwa magħmul minn pannell ta' fuq b'daqs tal-malja ta' mill-inqas 270 mm (fil-każ ta' malja maqrut) jew minn pannell ta' fuq b'daqs tal-malja ta' mill-inqas 300 mm (fil-każ ta' malja kwadra), imqiegħed f'sezzjoni f'forma ta' kaxxa magħmula minn erba' pannelli, fil-parti d-dritta tal-manka;
(b) huwa twil mill-inqas tliet metri;
(c) jitqiegħed mhux aktar minn erba' metri 'l bogħod mis-siegla tal-għeluq; u
(d) huwa daqs il-wisa' kollu tas-saff ta' fuq tas-sezzjoni f'forma ta' kaxxa tax-xibka tat-tkarkir (jiġifieri minn ċmusa sa ċmusa).
3. “Apparat ta' selettività Netgrid” huwa apparat ta' selettività magħmul minn sezzjoni b'erba' pannelli imdaħħla f'xibka tat-tkarkir b'żewġ pannelli b'xibka inklinata ta' malja maqrut bid-daqs tal-malja ta' mill-inqas 200 mm, li twassal għal toqba minn fejn jaħarbu l-ħut fil-parti ta' fuq tax-xibka;
4. “CEFAS Netgrid” tfisser apparat ta' selettività Netgrid żviluppat minn The Centre for Environment, Fisheries and Aquaculture Science għall-qabdiet ta' awwisti fil-Baħar Irlandiż;
5. “Xibka tat-tkarkir flip-flap” tfisser irkaptu tat-tkarkir mgħammar bi xbieki tal-grilja żviluppati biex inaqqsu l-qabdiet ta' merluzz, merluzz tal-linja sewda u merlangu f'żoni tas-sajd għall-iskampu;
6. “Ħabel flipup” tfisser irkaptu tat-tkarkir bit-travu demersali modifikat biex jgħin jipprevjeni ġebel u blat kbir lixx li jidħlu fix-xbieki tat-tkarkir u jikkawżaw ħsara kemm lill-irkaptu u lill-qabdiet;
7. “Pannell tar-rilaxx bentiku” tfisser pannell ta' malji tax-xbieki ikbar jew xibka bit-toqob kwadri mwaħħla fil-pannell t'isfel tax-xbiek tat-tkarkir, normalment f'forma ta' xibka tat-tkarkir bit-travu, li tirrilaxxa kwalunkwe materjal u fdal ieħor ta' qiegħ il-baħar qabel ma dan jgħaddi ġol-manka;
8. “Iż-Żona għall-Protezzjoni tal-Baħar Ċeltiku” tfisser l-ilmijiet fid-diviżjonijiet tal-ICES 7f, 7 g u l-parti minn 7j li tinsab fit-Tramuntana tal-latitudni 50° N u fil-Lvant ta' 11° W.
Artikolu 3
Eżenzjoni għas-sopravivabbiltà għall-iskampu
1. L-eżenzjoni għas-sopravivabbiltà prevista fl-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandha tapplika għal:
(a) l-iskampu (Nephrops norvegicus) maqbud fin-nases, ix-xbieki jew in-nases tal-gambli (kodiċijiet tal-irkaptu ( 1 ): FPO u FIX) fis-subżoni tal-ICES 6 u 7;
(b) Skampu (Nephrops norvegicus) maqbud bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ b'daqs tal-malja ugwali jew akbar minn 100 mm fis-subżona 7 tal-ICES;
(c) Skampu (Nephrops norvegicus) maqbud bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ b'daqs tal-malja ta' 70-99 mm flimkien ma' għażliet ta' rkaptu selettiv ħafna, kif stipulat fl-Artikoli 9(2) u 10(2) ta' dan ir-Regolament, fis-subżona 7 tal-ICES;
(d) l-iskampu (Nephrops norvegicus) maqbud bi xbieki tat-tkarkir bid-diriġenti b'daqs tal-malja ta' bejn 80 u 110 mm fid-diviżjoni 6a tal-ICES sa tnax-il mil nawtiku mill-kosta.
2. Meta jiġi skartat l-iskampu li jinqabad fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 1, l-iskampu għandu jinħeles sħiħ, minnufih, u fiż-żona fejn ikun inqabad.
Artikolu 4
Eżenzjoni għas-sopravivabbiltà għal-lingwata komuni
1. Fid-diviżjoni 7d tal-ICES, sa sitt mili nawtiċi mill-kosta iżda barra ż-żoni tat-tkabbir identifikati, l-eżenzjoni għas-sopravivabbiltà prevista fl-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandha tapplika għall-qabdiet tal-lingwata komuni (Solea solea) taħt id-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni magħmula bl-użu ta' rkaptu tax-xbieki tat-tkarkir bid-diriġenti (kodiċijiet tal-irkaptu: OTT, OTB, TBS, TBN, TB, PTB, OT, PT, TX) b'manka li jkollha daqs tal-malja ta' 80-99 mm, minn bastimenti:
(a) li għandhom tul massimu ta' 10 metri u saħħa massima tal-magna ta' 221 kW; kif ukoll
(b) li jistadu f'ilmijiet b'fond ta' 30 metru jew inqas u b'ħinijiet ta' rmunkar ta' mhux aktar minn 1:30 siegħa.
2. Meta tiġi skartata l-lingwata komuni li tinqabad fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 1, il-lingwata komuni għandha tinħeles minnufih.
Artikolu 5
Eżenzjoni għas-sopravivabbiltà għar-rebekkini u r-raj
1. L-eżenzjoni għas-sopravivabbiltà prevista fl-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandha tapplika għall-qabdiet totali permissibbli ta' rebekkini u raj (Rajiformes) maqbuda bi kwalunkwe rkaptu tas-sajd fl-ilmijiet tal-Majjistral (is-subżoni 6 u 7 tal-ICES).
2. L-Istati Membri li jkollhom interess ta' ġestjoni diretta għandhom jissottomettu mill-aktar fis possibbli qabel il-31 ta' Mejju, informazzjoni xjentifika addizzjonali li ssostni l-eżenzjoni stipulata fil-paragrafu 1. Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (l-STECF) għandu jevalwa l-informazzjoni xjentifika mogħtija qabel l-1 ta' Awwissu ta' kull sena.
3. L-eżenzjoni stipulata fil-paragrafu 1 għandha tapplika għar-raj kukù sal-31 ta' Diċembru 2019. L-Istati Membri li jkollhom interess ta' ġestjoni diretta għandhom jissottomettu mill-aktar fis possibbli qabel il-31 ta' Mejju 2019, informazzjoni xjentifika addizzjonali li ssostni dik l-eżenzjoni. Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (l-STECF) għandu jevalwa l-informazzjoni xjentifika mogħtija qabel l-1 ta' Awwissu 2019.
4. Meta jiġu skartati ir-rebekkini u r-raj fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-rebekkini u r-raj għandhom jinħelsu minnufih u taħt wiċċ il-baħar.
Artikolu 6
Eżenzjoni għas-sopravivabbiltà tal-barbun tat-tbajja'
1. L-eżenzjoni għas-sopravivabbiltà prevista fl-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandha tapplika għal:
(a) barbun tat-tbajja' (Pleuronectes platessa) maqbud fid-diviżjonijiet tal-ICES 7d, 7e, 7f u 7 g b'pariti;
(b) barbun tat-tbajja' (Pleuronectes platessa) maqbud fid-diviżjonijiet tal-ICES 7d, 7e, 7f u 7 g b'xbieki tat-tkarkir bid-diriġenti;
(c) barbun tat-tbajja' (Pleuronectes platessa) maqbud fid-diviżjonijiet tal-ICES 7a-7k minn bastimenti li jkollhom piż massimu tal-magna akbar minn 221 kW, u li jużaw xbieki tat-tkarkir bit-travu (BT2) mgħammra b'ħabel jew ir-rilaxx bentiċi flipup tal-bord;
(d) barbun tat-tbajja' (Pleuronectes platessa) maqbud fid-diviżjonijiet tal-ICES 7a-7k minn bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir bi travu (BT2), b'saħħa massima tal-magna ta' 221 kW jew tul massimu ta' 24 metri, li huma mibnija biex jistadu sa 12il mili nawtiku mill-kosta u b'medja ta' rmunkar ta' mhux aktar minn 1:30 siegħa.
2. L-eżenzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1(c) u (d) għandhom ikunu applikabbli b'mod provviżorju sal-31 ta' Diċembru 2019. L-Istati Membri li jkollhom interess ta' ġestjoni diretta għandhom jissottomettu mill-aktar fis possibbli qabel il-31 ta' Mejju 2019, informazzjoni xjentifika addizzjonali li ssostni dawk l-eżenzjonijiet. Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd għandu jivvaluta dik l-informazzjoni qabel l-1 ta' Awwissu 2019.
3. Meta jiġi skartat il-barbun tat-tbajja' fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-barbun tat-tbajja' għandu jinħeles minnufih u taħt wiċċ il-baħar.
Artikolu 7
Eżenzjoni għas-sopravivibbiltà għal speċijiet maqbuda f'nases, xbieki jew nases tal-gambli
1. Fis-subżoni tal-ICES 5 (esklużi 5a u inklużi l-ilmijiet tal-Unjoni biss ta' 5b), 6 u 7 l-eżenzjoni għas-sopravivabbiltà prevista fl-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandha tapplika għal speċijiet li jinqabdu b'nases, xbieki u nases tal-gambli.
2. Meta jiġi skartat il-ħut li jinqabad fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 1, il-ħut għandu jinħeles minnufih.
Artikolu 8
Eżenzjonijiet de minimis
1. B'deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jistgħu jiġu skartati l-kwantitajiet li ġejjin skont l-Artikolu 15(5)(c) ta' dak ir-Regolament:
(a) għall-merlangu (Merlangius merlangus), sa massimu ta' 6 % fl-2019, u ta' 5 % fl-2020 u fl-2021, tat-total tal-qabdiet annwali ta' din l-ispeċi bil-bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ u tartaruni bid-daqs tal-malja ugwali għal jew akbar minn 80 mm (OTB, OTT, PTB, OT, PT, SSC, SDN, SPR, SX, SV, TBN, TBS, TB, TX) u xbieki tat-tkarkir pelaġiku (OTM, PTM) u xbieki tat-tkarkir bit-travu (BT2) b'daqs tal-malja ta' 80-119 mm fid-diviżjoni 7d tal-ICES;
(b) għall-merlangu (Merlangius merlangus), sa massimu ta' 6 % fl-2019, u ta' 5 % fl-2020 u fl-2021, tat-total tal-qabdiet annwali ta' din l-ispeċi bil-bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ u tartaruni bid-daqs tal-malja ugwali għal jew akbar minn 80 mm (OTB, OTT, PTB, OT, PT, SSC, SDN, SPR, SX, SV, TBN, TBS, TB, TX) u xbieki tat-tkarkir pelaġiku (OTM, PTM) u xbieki tat-tkarkir bit-travu (BT2) b'daqs tal-malja ta' 80-119 mm fid-diviżjonijiet 7b-c u 7e-k tal-ICES;
(c) għal-lingwata komuni (Solea solea), sa massimu ta' 3 % tat-total tal-qabdiet annwali ta' dik l-ispeċi bil-bastimenti li jużaw pariti u għeżula biex jaqbdu l-lingwata komuni fid-diviżjonijiet 7d, 7e, 7f u 7 g tal-ICES;
(d) għal-lingwata komuni (Solea solea), sa massimu ta' 3 % tat-total tal-qabdiet annwali ta' dik l-ispeċi bil-bastimenti li jużaw irkaptu TBB b'malja ta 80-119 mm mgħammra b'pannell Fjamming, biex jaqbdu l-lingwata komuni fid-diviżjonijiet 7d, 7e, 7f, 7 g u 7h tal-ICES;
(e) għall-merluzz tal-linja sewda (Melanogrammus aeglefinus), sa massimu ta' 7 % fl-2019 tat-total tal-qabdiet annwali ta' din l-ispeċi bil-bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ, tartaruni u xbieki tat-tkarkir bit-travu b'qies tal-malji daqs jew akbar minn 80 mm fid-diviżjonijiet 7b-7c u 7e-7k tal-ICES;
(f) għall-merluzz (Gadus morhua), 7 % fl-2019 tat-total tal-qabdiet annwali ta' din l-ispeċi bil-bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ, tartaruni u xbieki tat-tkarkir bit-travu b'qies tal-malji daqs jew akbar minn 80 mm fid-diviżjonijiet 7b-7c u 7e-7k tal-ICES;
(g) għas-sawrell (Trachurus spp.), sa massimu ta' 7 % fl-2019 tat-total tal-qabdiet annwali ta' din l-ispeċi bil-bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ, tartaruni u xbieki tat-tkarkir bit-travu fis-subżona 6 tal-ICES u d-diviżjonijiet 7b-7k tal-ICES;
(h) għall-kavall (Scomber scombrus), sa massimu ta' 7 % fl-2019 tat-total tal-qabdiet annwali ta' din l-ispeċi bil-bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ, tartaruni u xbieki tat-tkarkir bit-travu fis-subżona 6 tal-ICES u d-diviżjonijiet 7b-7k tal-ICES.
2. L-eżenzjonijiet de minimis stabbiliti fil-paragrafu 1 punti (e)-(h) għandhom ikunu applikabbli sal-31 ta' Diċembru 2019. L-Istati Membri li jkollhom interess ta' ġestjoni diretta għandhom jissottomettu mill-aktar fis qabel il-31 ta' Mejju 2019, informazzjoni xjentifika addizzjonali li ssostni l-eżenzjoni. Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd għandu jevalwa l-informazzjoni xjentifika mogħtija qabel l-1 ta' Awwissu 2019.
Artikolu 9
Miżuri tekniċi speċifiċi fiż-Żona ta' Protezzjoni tal-Baħar Ċeltiku
1. Mill-1 ta' Lulju 2019, il-bastimenti tas-sajd li joperaw bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew tartaruni fiż-Żona ta' Protezzjoni tal-Baħar Ċeltiku għandhom jużaw waħda mill għażliet ta' rkaptu li ġejjin:
(a) manka ta' 110 mm b'pannell ta' malja kwadra ta' 120 mm ( 2 );
(b) manka T90 ta' 100 mm;
(c) manka ta' 100 mm b'pannell ta' malja kwadra ta' 160 mm.
2. Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1, bastimenti li jaħdmu bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew tartaruni b'qabdiet li jkunu jinkludu aktar minn 5 % ta' skampu għandhom jużaw waħda mill-għażliet ta' rkaptu li ġejjin:
(a) pannell ta' malja kwadra ta' 300 mm; bastimenti ta' inqas minn 12-il metru tul b'kollox jistgħu jużaw pannell ta' malja kwadra ta' 200 mm;
(b) pannell Seltra;
(c) Gradilja tat-tgħarbil bi spazju ta' bejn il-vireg ta' 35 mm kif definit fl-Anness XIVa għar-Regolament (KE) Nru 850/98 ( 3 ) jew tagħmir tas-selettività Netgrid simili;
(d) manka ta' 100 mm b'pannell ta' malja kwadra ta' 100 mm.
3. Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1, bastimenti li jaħdmu bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew tartaruni b'qabdiet li jkunu jinkludu aktar minn 55 % ta' petriċa, merluzz jew megrim għandhom jużaw waħda mill-għażliet ta' rkaptu li ġejjin:
(a) manka ta' 100 mm b'pannell ta' malja kwadra ta' 100 mm.
(b) manka T90 ta' 90 mm u estensjoni;
(c) manka ta' 80 mm b'pannell ta' malja kwadra ta' 160 mm.
(d) manka ta' 80 mm b'2 m immultipikati b'ċilindru ta' malja kwadra ta' 100 mm.
4. Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1, bastimenti li jaħdmu bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew tartaruni b'qabdiet li jkollhom inqas minn 10 % ta' gadojdi (Gadidae) fid-diviżjoni ICES 7f fil-Lvant ta' 5° Punent, għandhom jużaw manka ta' 80 mm mgħammra b'pannell b'malja kwadra ta' 120 mm.
5. Irkaptu selettiv jew apparat ivvalutat mill-STECF bħala li għandu karatteristiċi ta' selettività tal-istess livell jew ogħla għall-merluzz, il-bakkaljaw u l-merlangu jista' jiżdied bħala alternattiva ta' rkaptu ma' ta' hawn fuq.
Artikolu 10
Miżuri tekniċi speċifiċi fil-Baħar Irlandiż
1. Mill-1 ta' Jannar 2019, il-bastimenti tas-sajd li joperaw bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew tartaruni fid-diviżjoni 7a tal-ICES (il-Baħar Irlandiż) għandhom josservaw il-miżuri tekniċi stipulati fil-paragrafi 2, 3 u 4.
2. Il-bastimenti li jaħdmu bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew tartaruni ma' manki b'malji daqs jew akbar minn 70 mm u iżgħar minn 100 mm u b'qabdiet li jkunu jinkludu aktar minn 5 % ta' skampu għandhom jużaw waħda mill-għażliet ta' rkaptu li ġejjin:
(a) pannell ta' malja kwadra ta' 300 mm; bastimenti ta' inqas minn 12-il metru tul b'kollox jistgħu jużaw pannell ta' malja kwadra ta' 200 mm;
(b) pannell Seltra;
(c) Gradilja tat-tgħarbil bi spazju ta' bejn il-vireg ta' 35 mm kif definit fl-Anness XIVa għar-Regolament (KE) Nru 850/98;
(d) CEFAS Netgrid;
(e) xibka flipflap tat-tkarkir.
3. Il-bastimenti li jaħdmu bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew tartaruni b'qabdiet li jkunu jinkludu aktar minn 10 % ta' bakkaljaw, merluzz u rebekkini u raj kkombinati, għandhom jużaw waħda mill-għażliet ta' rkaptu li ġejjin:
(a) manka ta' 120 mm;
(b) xibka tat-tkarkir eliminatriċi b'malji kbar 600 mm u 100 mm fil-manka.
4. Il-bastimenti li jaħdmu bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew tartaruni b'qabdiet li jkunu jinkludu anqas minn 10 % ta' bakkaljaw, merluzz u rebekkini u raj kkombinati, għandhom japplikaw manka b'malja ta' 100 mm b'pannell tal-malja kwadra ta' 100 mm. ►M1 Din id-dispożizzjoni ma għandhiex tapplika għall-bastimenti b'qabdiet li jkunu jinkludu aktar minn 30 % ta' skampu jew aktar minn 85 % ta' mriewaħ. ◄
5. Irkaptu selettiv jew apparat ivvalutat mill-STECF bħala li għandu karatteristiċi ta' selettività tal-istess livell jew ogħla għall-merluzz, il-bakkaljaw u l-merlangu jista' jinżied bħala alternattiva ta' rkaptu ma' ta' hawn fuq.
Artikolu 11
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2019 sal-31 ta' Diċembru 2021.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
( 1 ) Il-kodiċijiet tal-irkapti li ntużaw f'dan ir-Regolament jirreferu għal dawk il-kodiċijiet fl-Anness XI tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 tat-8 ta' April 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (ĠU L 112, 30.4.2011, p. 1). Għall-bastimenti li t-tul totali tagħhom huwa inqas minn 10 metri, il-kodiċijiet tal-irkaptu użati f'din it-tabella jirreferu għall-kodiċijiet mill-klassifikazzjoni tal-irkaptu tal-FAO.
( 2 ) Pannelli b'malja kwadra għandhom jintramaw skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 tat-30 ta' Marzu 1998 dwar il-konservazzjoni ta' riżorsi tas-sajd permezz ta' miżuri tekniċi għall-protezzjoni ta' żgħar ta' organiżmi tal-baħar (ĠU L 125, 27.4.1998, p. 1).
( 3 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 tat-30 ta' Marzu 1998 dwar il-konservazzjoni ta' riżorsi tas-sajd permezz ta' miżuri tekniċi għall-protezzjoni ta' żgħar ta' organiżmi tal-baħar, (ĠU L 125, 27.4.1998, p. 1)