|
22.9.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 385/179 |
P9_TA(2020)0216
Ebda oġġezzjoni għal att delegat: elementi minimi għall-valutazzjoni tal-konformità komparabbli u l-modalitajiet tas-CCP ta’ pajjiż terz
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ma ssir ebda oġġezzjoni għar-Regolament delegat tal-Kummissjoni tal-14 ta' Lulju 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-elementi minimi li għandhom jiġu vvalutati mill-ESMA meta tivvaluta t-talbiet ta' CCPs ta' pajjiżi terzi għal konformità komparabbli u l-modalitajiet u l-kundizzjonijiet ta' din il-valutazzjoni (C(2020)4895 – 2020/2729(DEA))
(2021/C 385/27)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament delegat tal-Kummissjoni (C(2020)4895), |
|
— |
wara li kkunsidra l-ittra tal-Kummissjoni tal-14 ta' Lulju 2020, li permezz tagħha hija talbet lill-Parlament jiddikjara li mhux se joġġezzjona għar-Regolament delegat, |
|
— |
wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji lill-President tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati, bid-data tat-2 ta' Settembru 2020, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar tranżazzjonijiet (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 25a(3) u 82(6) tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 111(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, |
|
— |
wara li kkunsidra li ma saret ebda oġġezzjoni fil-perjodu previst fit-tielet u r-raba' inċiżi tal-Artikolu 111(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li skada fil-15 ta' Settembru 2020, |
|
A. |
billi diversi atti delegati li għandhom jiġu adottati skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 (EMIR) li ġie emendat reċentement jispeċifikaw il-mod kif ir-regoli tal-EMIR se japplikaw għall-kontropartijiet ċentrali (CCPs) ta' pajjiżi terzi li jipprovdu servizzi lil ditti tal-Unjoni; billi dawk l-atti delegati se jagħtu effett lis-setgħat imsaħħa tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA); billi s-CCPs ta' pajjiżi terzi li jitqiesu bħala sistemikament importanti għall-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni jew ta' kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri tagħha għandhom ikunu soġġetti għal rekwiżiti speċifiċi u superviżjoni msaħħa mill-ESMA sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi mas-CCPs tal-Unjoni u tiġi salvagwardjata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni; |
|
B. |
billi l-Artikolu 25a jipprevedi li CCP ta' pajjiż terz li titqies sistemikament importanti jew li x'aktarx issir sistemikament importanti għall-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni jew ta' wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha (CCP tal-Grad 2) tista' titlob li l-ESMA tivvaluta l-konformità komparabbli tagħha, jiġifieri jekk il-konformità mal-qafas applikabbli tal-pajjiż terz tistax titqies li tissodisfa l-konformità mar-rekwiżiti rilevanti stabbiliti fl-EMIR; |
|
C. |
billi dan ir-regolament delegat għandu jidħol fis-seħħ b'urġenza biex tiġi żgurata t-tħejjija tal-Unjoni meta d-dritt tal-Unjoni ma jibqax japplika fir-Renju Unit wara l-iskadenza tal-perjodu ta' tranżizzjoni; |
|
1. |
Jiddikjara li ma joġġezzjonax għar-Regolament delegat; |
|
2. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. |