52012DC0316

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-Irlanda għall-2012 u li twassal l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' stabbiltà tal-Irlanda għall-perjodu 2012-2015 /* COM/2012/0316 final - 2011/ () */


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-Irlanda għall-2012 u li twassal l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' stabbiltà tal-Irlanda għall-perjodu 2012-2015

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika[1], u partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea[2],

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,[3]

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkonsulta mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Billi:

(1)       Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tiġi mnedija strateġija ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir, bl-isem ta' Ewropa 2020, li tkun imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi u li tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn tinħtieġ azzjoni biex tingħata spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir u l-kompetittività sostenibbli.

(2)       Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u fil-21 ta’ Ottubru 2010, huwa adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki tal-Istati Membri dwar l-impjiegi[4], li flimkien jagħmlu l-"linji gwida integrati". L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-politiki ekonomiċi u okkupazzjonali nazzjonali tagħhom.

(3)       Fit-12 ta' Lulju 2011, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-programm ta' riforma nazzjonali tal-Irlanda għall-2011 u ta opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' stabbiltà aġġornat tal-Irlanda għall-perjodu 2011-2014.

(4)       Fit-23 ta' Novembru 2011, il-Kummissjoni adottat it-tieni Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li kien il-bidu tat-tieni Semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni integrata u ex ante ta’ politika, imsejjes fuq l-istrateġija Ewropa 2020.

(5)       Fit-2 ta’ Marzu 2012, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet li jiggarantixxu l-istabbiltà finanzjarja, il-konsolidazzjoni fiskali u l-azzjoni li tħeġġeġ it-tkabbir. Huwa enfasizza l-ħtieġa li tinżamm konsolidazzjoni fiskali differenzjata u li tiffavorixxi t-tkabbir, biex l-ekonomija jerġa' jkollha kundizzjonijiet normali għas-self, biex jiġu promossi t-tkabbir u l-kompetittività, biex jiġu indirizzati l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u biex tiġi mmodernizzata l-amministrazzjoni pubblika.

(6)       Fit-2 ta’ Marzu 2012, il-Kunsill Ewropew stieden ukoll lill-Istati Membri parteċipi fil-Patt Euro Plus biex jippreżentaw l-impenji tagħhom fil-ħin għall-inklużjoni fil-programmi ta’ stabbiltà jew ta’ konverġenza tagħhom u fil-programmi ta’ riforma nazzjonali tagħhom.

(7)       Fis-27 ta' April 2012, l-Irlanda ressqet il-programm ta' stabbiltà tagħha, li jkopri l-perjodu 2012-2015 u l-programm ta' riforma nazzjonali tagħha għall-2012.

(8)       Fis-7 ta' Diċembru 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/77/UE li tagħti għajnuna finanzjarja lill-Irlanda sa tmiem l-2013 b'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta' Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta' stabbilizzazzjoni finanzjarja. Il-Memorandum ta' Qbil iffirmat fis-16 ta' Diċembru 2010 u s-supplimenti suċċessivi tiegħu jistabbilixxu l-kundizzjonijiet ta' politika ekonomika li fuq il-bażi tagħha titħallas l-għajnuna finanzjarja .

(9)       B'mod ġenerali, l-Irlanda implimentat il-kundizzjonijiet tal-programm ta' għajnuna finanzjarja speċifikat fil-Memorandum ta' Qbil. B'mod partikolari, il-mira tad-defiċit fiskali għall-2011 (10,6%) inkisbet b'marġni sinifikanti u l-baġit għall-2012 qiegħed jimmira lejn defiċit fiskali ta' 8,6% tal-PDG, b'konformità mal-limitu massimu tal-programm. Il-pjanijiet ta' konsolidazzjoni fiskali għat-terminu medju huma konsistenti mal-limiti massimi għad-defiċit fil-programm u defiċit iktar baxx minn 3% tal-PDG sal-2015. Ir-rikapitalizzazzjoni tal-banek domestiċi prevista mir-Reviżjoni tal-2011 tal-Valutazzjoni tal-Kapital Prudenzjali tal-Bank Ċentrali tal-Irlanda sostanzjalment tlestiet u d-deleveraging tal-banek domestiċi kumplessivament qabeż il-miri tal-programm għall-2011. Ir-riformi strutturali għat-tisħiħ tal-kompetittività u li għandhom joħolqu aktar opportunitajiet ta’ xogħol jinsabu fi stadju avvanzat sew.

(10)     L-ekonomija tal-irlanda reġa' qed ikollha tkabbir modest ta' 0,7% fl-2011, kif kien mistenni bejn wieħed ieħor fil-programm. It-tkabbir kien ġej l-iktar mill-esportazzjonijiet li bbenefikaw minn titjib fil-kompetittività u domanda esterna solida. L-esportazzjonijiet netti kkontribwew 4,7 pps għat-tkabbir tal-PDG, filwaqt li d-domanda domestika kompliet tonqos minħabba l-konsolidazzjoni fiskali, telf ta' impjiegi u tranġar tal-bilanċi tal-familji. Fl-2012, it-tkabbir huwa mistenni li jimmodera ruħu għal madwar 0,5%, minħabba l-ambjent estern avvers u l-aġġustament kontinwu għad-domanda domestika. L-itranġar tal-bilanċi korporattivi u tal-familji se jkompli jkun ta' piż fuq il-konsum u l-investiment fit-terminu medju. It-tkabbir li jiġi mill-esportazzjonijiet huwa mistenni li jiżdied għal 1,9% fl-2013 u għal 2,8% sal-2015 bis-saħħa tad-demografija tajba tal-Irlanda u suq tax-xogħol flessibbli kif ukoll kapaċità żejda konsiderevoli fl-ekonomija.

(11)     Abbażi tal-valutazzjoni tal-programm ta’ stabbilità skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li x-xenarju makroekonomiku li fuqu huwa bbażat it-tbassir baġitarju fil-programm huwa plawżibbli. It-tbassir tat-tkabbir ekonomiku fil-programm huwa simili għat-tbassir tal-Kummissjoni għar-rebbiegħa 2012. L-għan tal-istrateġija baġitarja tal-programm huwa li d-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika jonqos għat taħt il-limitu ta' 3% tal-PDG sa tmiem l-2015, li huwa konformi mal-iskadenza stabbilita mill-Kunsill għat-tiswija tad-defiċit eċċessiv. Il-programm għandu fil-mira d-defiċits ta' 8,3% tal-PDG fl-2012, 7,5% tal-PDG fl-2013, 4,8% tal-PDG fl-2014 u 2,8% tal-PDG sa tmiem il-perjodu tal-programm fl-2015. Din it-triq hija bbażata fuq miżuri ta' konsolidazzjoni ta' 2,7% tal-PDG implimentati fil-baġit għall-2012, u miżuri ta' konsolidazzjoni usa' ta' 3,9% tal-PDG fl-2013-2014 u sforz ta' konsolidazzjoni ulterjuri speċifikat parzjalment ta' 1,1% tal-PDG fl-2015. Il-programm itenni l-objettiv tat-terminu medju (OTM) ta’ defiċit strutturali tal-amministrazzjoni pubblika ta' 0,5% tal-PDG, li ma jintlaħaqx matul il-perjodu tal-programm. L-OTM jirrifletti adegwatament ir-rekwiżit tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Id-dejn tal-amministrazzjoni pubblika huwa iktar minn 60% tal-PDG u huwa mbassar li jiżdied minn 108% tal-PDG fl-2011 għal 120% fl-2013 qabel ma jibda jonqos. Għad-dewmien tal-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv sal-2015 u fit-tliet snin ta' wara, l-Irlanda se tkun f'perjodu ta' tranżizzjoni u l-pjanijiet baġitarji għandhom jiżguraw biżżejjed progress lejn il-konformità mal-punt ta' riferiment għat-tnaqqis tad-dejn tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Skont l-aħħar valutazzjoni tal-Kummissjoni, ir-riskji fir-rigward tas-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi jidhru li huma għoljin.

(12)     L-Irlanda ħadet għadd ta' impenji skont il-Patt Euro Plus. Dawn l-impenji jikkonċernaw it-trawwim tal-impjiegi, it-titjib tas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi u t-tisħiħ tal-istabbiltà finanzjarja.

B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Irlanda għandha tieħu azzjoni matul il-perjodu 2012-2013 biex:

Timplimenta l-miżuri stipulati fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/77/UE u speċifikati ulterjorment fil-Memorandum ta' Qbil tas-16 ta' Diċembru 2010 u s-supplimenti sussegwenti tiegħu.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 209, 02.08.1997, p. 1.

[2]               COM(2012) 316 finali.

[3]               P7_TA(2012)0048 u P7_TA(2012)0047

[4]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/238/UE tas-26 ta’ April 2012