8.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 145/4


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/960

tat-2 ta' Ġunju 2017

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata fuqha b'mod parzjali jew bis-sħiħ, jew li żżid kwalunkwe sottodiviżjoni magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jiġu applikati t-tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-oġġetti msemmija fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' dik it-tabella.

(4)

Huwa xieraq li jiġi stipulat li l-informazzjoni tariffarja vinkolanti maħruġa fir-rigward tal-oġġetti kkonċernati minn dan ir-Regolament u li mhijiex f'konformità ma' dan ir-Regolament, tkun tista' tibqa' tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu jenħtieġ li jiġi stabbilit għal tliet xhur.

(5)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni tariffarja vinkolanti li ma tkunx konformi ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta' tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Ġunju 2017.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Stephen QUEST

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)   ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-oġġetti

Klassifikazzjoni (Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Prodott f'forma ta' estratt tal-imżiewed tal-vanilja mdardar, li jagħti fil-kannella, (li fih ilma u 35 % vol. ta' alkoħol bħala solventi), li fih ġie miżjud 5 % ta' piż taz-zokkor.

Il-prodott għandu togħma intensa ta' vanilja u togħma distinta ta' alkoħol u zokkor. Huwa jitqiegħed għall-bejgħ bl-imnut fi fliexken ta' 100 ml u jintuża sabiex titjieb it-togħma tal-platti tal-ikel.

2103 90 90

Il-klassifikazzjoni hija stabbilita mir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u tal-kliem tal-kodiċi tan-NM 2103 , 2103 90 u 2103 90 90 .

Il-prodott ma jistax jitqies li huwa estratt veġetali tal-intestatura 1302 peress li minħabba ż-żieda taz-zokkor għandu l-karattru ta' preparazzjoni tal-ikel (ara wkoll in-Noti ta' Spjega tas-Sistema Armonizzata (HSEN) għall-intestatura 1302 , il-punt (A), is-sitt paragrafu).

Il-preparazzjonijiet li jintużaw biex jagħtu t-togħma lil ċerti platti tal-ikel u magħmulin minn ingredjenti varji għandhom jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 2103 (ara wkoll l-HSEN għall-intestatura 2103 , il-punt (A), l-ewwel paragrafu).

Għaldaqstant, il-prodott għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi tan-NM 2103 90 90 bħalakondimenti mħalltin jewħwawar imħalltin.