|
5.10.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 258/474 |
RIŻOLUZZJONI (UE) 2022/1826 TAL-PARLAMENT EWROPEW
tal-4 ta’ Mejju 2022
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi 2 (issa l-Impriża Konġunta Inizjattiva għal Saħħa Innovattiva) għas-sena finanzjarja 2020
IL-PARLAMENT EWROPEW,
|
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi 2 għas-sena finanzjarja 2020, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0072/2022), |
|
A. |
billi l-Impriża Konġunta għall-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar il-Mediċini Innovattivi (“Impriża Konġunta IMI”) ġiet stabbilita f’Diċembru 2007 għal perjodu ta’ 10 snin bil-għan li ttejjeb b’mod sinifikanti l-effiċjenza u l-effikaċja tal-proċess ta’ żvilupp tal-mediċini, bil-mira fit-tul li s-settur farmaċewtiku jipproduċi mediċini innovattivi aktar effikaċi u aktar sikuri; |
|
B. |
billi, wara l-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 557/2014 (1) f’Mejju 2014, l-Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi 2 (“Impriża Konġunta IMI 2”) ġiet stabbilita għal perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2024; billi din issostitwiet l-Impriża Konġunta IMI u saret is-suċċessur tagħha f’Ġunju 2014 bil-għan li tiffinalizza l-attivitajiet ta’ riċerka fl-ambitu tas-Seba’ Programm Kwadru u tvara proġett ġdid fil-qafas ta’ Orizzont 2020; |
|
C. |
billi l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, u l-Federazzjoni Ewropea tal-Industriji u l-Assoċjazzjonijiet Farmaċewtiċi (l-“industrija”) huma l-membri fundaturi tal-Impriża Konġunta IMI u tal-Impriża Konġunta IMI 2; |
|
D. |
billi l-kontribuzzjoni massima mill-Unjoni għall-Impriża Konġunta IMI hija ta’ EUR 1 000 000 000 għall-perjodu ta’ 10 snin, li għandha titħallas mill-baġit tas-Seba’ Programm Kwadru u l-membri fundaturi għandhom jikkontribwixxu b’mod ugwali għall-ispejjeż operatorji tal-Impriża Konġunta IMI, kull wieħed minnhom b’ammont li ma jaqbiżx l-4 % tal-kontribuzzjoni totali tal-Unjoni; |
|
E. |
billi l-kontribuzzjoni massima għall-perjodu ta’ 10 snin mill-Unjoni, inklużi l-approprjazzjonijiet tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles, għall-Impriża Konġunta IMI 2 hija ta’ EUR 1 630 000 000, li għandha titħallas mill-baġit ta’ Orizzont 2020, u l-membri, għajr il-Kummissjoni, għandhom jikkontribwixxu 50 % tal-ispejjeż operatorji u jikkontribwixxu għall-ispejjeż operattivi permezz ta’ kontribuzzjonijiet fi flus jew in natura, jew it-tnejn li huma, ta’ ammont ugwali għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni; |
Ġestjoni baġitarja u finanzjarja
|
1. |
Jinnota li r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”) dwar il-kontijiet tal-Impriża Konġunta IMI 2 għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2020 (ir-rapport tal-Qorti) isib li l-kontijiet annwali huma ppreżentati b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, fir-rigward tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Impriża Konġunta IMI 2 fil-31 ta’ Diċembru 2020, ir-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha, il-flussi tal-flus tagħha, u l-bidliet fl-assi netti tagħha għas-sena li ntemmet dakinhar, f’konformità mar-regolament finanzjarju tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni; jinnota, barra minn hekk, li skont ir-rapport tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha; |
|
2. |
Jinnota li l-baġit finali disponibbli għall-Impriża Konġunta IMI 2 għall-2020, inklużi l-approprjazzjonijiet ta’ snin preċedenti li ma ntużawx u ddaħħlu mill-ġdid, id-dħul assenjat, u r-riallokazzjonijiet għas-sena ta’ wara kien ta’ EUR 276 538 561 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn (li minnhom, EUR 269 829 327 mill-baġit tal-Unjoni) u EUR 241 559 114 f’approprjazzjonijiet ta’ pagament (li minnhom, EUR 232 349 880 mill-baġit tal-Unjoni); jinnota li l-eżekuzzjoni tal-baġit tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn u l-approprjazzjonijiet ta’ pagament laħqet 98,66 % u 97,08 % rispettivament; |
|
3. |
Jinnota li mill-EUR 1 000 000 000 f’kontribuzzjonijiet li għandhom isiru minn membri privati għal attivitajiet operattivi tal-Impriża Konġunta IMI, sa tmiem l-2020 l-Impriża Konġunta IMI kienet irrappurtat u vvalidat kontribuzzjonijiet in natura u fi flus li jammontaw għal EUR 759 471 000 minn membri privati, li minnhom, EUR 737 573 000 kienu in natura u EUR 21 898 000 kienu kontribuzzjonijiet fi flus; jinnota li matul l-2020, 11-il proġett kienu qed joperaw fl-ambitu tal-Impriża Konġunta IMI, li tlieta minnhom kienu ntemmu sal-31 ta’ Diċembru 2020; |
|
4. |
Jinnota li r-rata ta’ użu tal-Impriża Konġunta IMI għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament tal-proġetti tas-Seba’ Programm Kwadru kienet ta’ 96 %; |
|
5. |
Jinnota li mill-EUR 1 425 000 000 ta’ kontribuzzjonijiet in natura u fi flus li għandhom isiru mill-membri tal-industrija għall-attivitajiet operattivi tal-Impriża Konġunta IMI 2, ġew irrappurtati u vvalidati kontribuzzjonijiet in natura ta’ EUR 317 206 000 u kontribuzzjonijiet fi flus ta’ EUR 20 717 000, u li barra minn hekk, ġew irrappurtati u vvalidati EUR 7 064 000 fi flus u EUR 34 972 000 f’kontribuzzjonijiet in natura minn membri assoċjati; jinnota li konsegwentement, fi tmiem l-2020, it-total tal-kontribuzzjonijiet mill-membri tal-industrija u s-sħab assoċjati għall-attivitajiet ta’ Orizzont 2020 tal-Impriża Konġunta IMI 2 ammontaw għal EUR 379 959 000, meta mqabbla mal-kontribuzzjoni fi flus totali tal-Unjoni ta’ EUR 643 180 000; jirrikonoxxi li r-regoli dwar il-prefinanzjament huma stabbiliti mir-Regolament Finanzjarju u l-mudell tal-ftehim ta’ għotja u jistenna li l-kontribuzzjonijiet tal-industrija jkunu jaqblu mal-kontribut tal-Unjoni fil-livell tal-programm sa tmiem l-Impriża Konġunta IMI 2; jinnota li, rigward il-baġit 2020 disponibbli għall-proġetti ta’ Orizzont 2020, ir-rati ta’ implimentazzjoni għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament kienu ta’ 100 % u ta’ 99,7 %, rispettivament; jinnota li matul l-2020, 92 proġett kienu qed joperaw fl-ambitu tal-Impriża Konġunta IMI 2, li sitta minnhom intemmu sal-31 ta’ Diċembru 2020; jinnota li ż-żieda fl-impenji fl-2020 ta’ EUR 200 400 000 (finanzjament tal-Unjoni) u ta’ EUR 182 300 000 (l-industrija u l-impenn tas-Sħab Assoċjati), tirriżulta mill-konklużjoni ta’ 19-il ftehim ta’ għotja ffirmati ġodda għall-Impriża Konġunta IMI 2, inklużi tmien proġetti għas-sejħa ta’ emerġenza għal proposti dwar it-trattamenti u d-dijanjostika tal-coronavirus; |
|
6. |
Jinnota li jeżistu proċeduri differenti fost l-Impriżi Konġunti rigward il-kalkolu għall-kontribuzzjonijiet in natura u jappella għall-armonizzazzjoni tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni in natura fl-Impriżi Konġunti; |
|
7. |
Jinnota mir-rapport tal-Qorti li l-Impriża Konġunta IMI 2 hija kkaratterizzata minn perjodi twal ta’ żmien tal-proġetti minħabba n-natura tar-riċerka tagħha, u li din is-sitwazzjoni hija eżempju ta’ gradi differenti ta’ kisba tal-miri ta’ kontribuzzjoni stabbiliti mir-regolamenti tal-Impriżi Konġunti fir-rigward tal-attivitajiet ta’ Orizzont 2020, u li dan jippreżenta r-riskju li l-livell ta’ riżorsi amministrattivi meħtieġa għall-ġestjoni tal-fondi tal-Impriża Konġunta fil-ħin jista’ ma jkunx biżżejjed, minħabba għadd dejjem akbar ta’ proġetti minn programmi multipli tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jkunu qed jiġu implimentati fl-istess ħin; jistieden lill-Impriża Konġunta IMI 2 tirrieżamina l-istruttura organizzattiva u l-ħtiġijiet tal-persunal tagħha sabiex tiżgura l-kontinwità tal-operat f’perjodi ta’ żieda sinifikanti fil-flussi tax-xogħol; jistieden lill-Impriża Konġunta IMI 2 tipprovdi aktar trasparenza fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet għall-prijoritajiet ta’ riċerka tagħha u tikkomunika l-metodu magħżul fir-rapport annwali tagħha li jmiss; |
|
8. |
Jinnota li, fl-2020, l-Impriża Konġunta IMI 2 xorta għamlet il-pagamenti finali tal-għotjiet tas-Seba’ Programm Kwadru; jinnota, barra minn hekk, li, skont il-Qorti, l-Impriża Konġunta IMI 2 irrappurtat rati ta’ żball residwu taħt il-limitu ta’ materjalità ta’ 2 %, abbażi tar-riżultati tal-awditu ex post fi tmiem l-2020; |
|
9. |
Jinnota, mir-rapport tal-Qorti, li l-prattika tal-Impriża Konġunta IMI 2 li tattiva mill-ġdid l-approprjazzjonijiet ta’ pagament mhux użati mis-snin preċedenti sal-punt ta’ impenji amministrattivi miftuħa, tirriżulta f’akkumulazzjoni ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament mhux użati u li, aggravata mill-impatt tal-pandemija tal-COVID-19, hija rriżultat f’rata baxxa ta’ implimentazzjoni tal-baġit għall-baġit amministrattiv tat-Titolu 2 tal-Impriża Konġunta IMI 2 ta’ 51 %; jirrikonoxxi li l-ammont li ma ntefaqx tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament tat-Titolu 2 kien ta’ EUR 3,2 miljun, meta mqabbel mal-ammont ta’ EUR 241 559 114 tat-total tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament ibbaġitjati; jinnota r-risposta tal-Impriża Konġunta IMI 2 li l-ippjanar riġidu tal-baġit u l-mekkaniżmu ta’ emenda ma ppermettewx li jsiru aġġustamenti xierqa għas-sitwazzjoni ta’ kriżi globali inċerta u li qed tinbidel b’rata mgħaġġla mmexxija mill-pandemija, u li għall-2021 qed tippjana li tittrasferixxi ammont aktar baxx ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament amministrattiv mill-ammont ta’ impenji riportati għall-2021 fl-ambitu tan-Nefqa infrastrutturali tat-Titolu 2, u li qed tippjana li tħallas id-differenza mill-baġit tas-sena kurrenti; jistieden lill-Impriża Konġunta IMI 2 tiżviluppa pjan biex tillimita r-riattivazzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament mhux użati bħala mod biex tiġi evitata rata baxxa ta’ implimentazzjoni tal-baġit; |
Prestazzjoni
|
10. |
Jinnota li l-Impriża Konġunta IMI 2 nediet sejħa rapida għal proposti dwar trattamenti u dijanjostika tal-coronavirus, li rriżultat fi tmien proġetti; jinnota, barra minn hekk, it-tnedija ta’ tliet sejħiet addizzjonali għal proposti relatati ma’ suġġetti dwar il-mard rari, il-mard infettiv, il-kanċer, il-mard newrodeġenerattiv u l-mard awtoimmuni; jinnota, barra minn hekk, l-iffirmar ta’ 19-il ftehim ta’ għotja ġodda għal proġetti b’baġit totali kkombinat ta’ aktar minn EUR 380 000 000, li jġibu l-portafoll totali tal-Impriża Konġunta IMI 2 għal 167 proġett; jinnota li l-proġetti l-ġodda jiffukaw fuq il-kanċer, id-dijabete, l-obeżità, is-saħħa diġitali, l-intelliġenza artifiċjali, it-terapiji avvanzati, l-iskoperta ta’ mediċini, u kwistjonijiet ambjentali; |
|
11. |
Jinnota li r-rapport annwali tal-attività 2020 enfasizza li għall-esperti tal-evalwazzjoni, l-Impriża Konġunta IMI 2 użat 235 espert minn 29 pajjiż. Mill-membri ta’ dak il-grupp ta’ esperti, 105 kienu nisa u 130 irġiel; jilqa’ l-fatt li l-Impriża Konġunta IMI 2 qed tkompli ttejjeb il-bilanċ bejn il-ġeneri f’dan ir-rigward; |
|
12. |
Jinnota li l-Impriża Konġunta IMI 2, minbarra li tiġbor data biex tirrapporta skont l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni standard rilevanti ta’ Orizzont 2020 għall-valutazzjoni tar-riżultati u l-impatti tal-objettivi speċifiċi tal-programm, tuża indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni biex issegwi l-attivitajiet f’10 oqsma strateġiċi; jinnota, barra minn hekk, li l-Impriża Konġunta IMI 2 tiġbor data dwar dawk il-punti permezz ta’ pjattaforma tal-web iddedikata li permezz tagħha l-koordinaturi tal-proġetti jistgħu jissottomettu r-riżultati tal-proġett tagħhom, li tippermetti wkoll lill-Impriża Konġunta IMI 2 tiġbor u tanalizza d-data, u tibni stampa tal-kisbiet tal-proġetti hekk kif dawn jevolvu; jinnota li, għalkemm dawk l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni huma mfassla għall-Impriża Konġunta IMI 2, fejn rilevanti l-Impriża Konġunta IMI 2 tiġbor ukoll id-data għall-proġetti tal-Impriża Konġunta IMI, li jippermetti li jiġu eżaminati l-impatti tal-Impriża Konġunta mill-bidu tagħha; jinnota, barra minn hekk, li l-analiżi tad-data miġbura sal-31 ta’ Diċembru 2020 turi li kważi l-oqsma prijoritarji rilevanti kollha fl-aġenda strateġika tar-riċerka tal-Impriża Konġunta IMI 2 huma indirizzati mill-proġetti tal-Impriża Konġunta IMI 2 (11 minn 12); |
|
13. |
Jinnota li bosta għodod u proċessi ġodda ġġenerati minn proġetti tal-Impriża Konġunta IMI 2 ġew implimentati mill-parteċipanti tal-industrija (eżempji ta’ tali implimentazzjoni huma mudelli tal-annimali, standards, bijomarkaturi, proċeduri operattivi standard, użu ta’ pjattaformi ta’ skrinjar, networks ta’ provi kliniċi, eċċ.). Id-data turi wkoll li kien hemm 176 riżultat ta’ implimentazzjoni fl-Impriża Konġunta IMI 2 (kontra mira ta’ 50) u 482 riżultat ta’ implimentazzjoni għall-Impriża Konġunta IMI u l-Impriża Konġunta IMI 2 ikkunsidrati flimkien; jinnota, barra minn hekk, li 60 % tal-proġetti jinvolvu lill-organizzazzjonijiet tal-pazjenti u lill-assoċjazzjonijiet tal-professjonisti tal-kura tas-saħħa bħala sħab tal-konsorzju, membri tal-bordijiet konsultattivi, membri tal-gruppi tal-partijiet ikkonċernati eċċ., u li din ix-xejra baqgħet stabbli matul l-Impriża Konġunta IMI 2: jinsab imħasseb, madankollu, li l-proġetti tal-Impriża Konġunta IMI 2 għadhom jonqsu milli jiggarantixxu l-affordabbiltà, l-aċċessibbiltà u d-disponibbiltà tar-riżultati tar-riċerka ffinanzjati pubblikament; jitlob, f’dan ir-rigward, li s-suċċessur tal-Impriża Konġunta IMI 2, l-Impriża Konġunta Inizjattiva għal Saħħa Innovattiva, jintroduċi rekwiżiti ġodda immedjatament, skont liema l-benefiċjarji kollha tal-finanzjament pubbliku tal-Unjoni għar-riċerka u l-innovazzjoni għat-trattament, il-prevenzjoni jew id-dijanjożi jkunu obbligati jimpenjaw ruħhom favur il-prinċipji tal-aċċess, l-effikaċja, l-affordabbiltà u d-disponibbiltà; |
|
14. |
Jinnota li dan jiżvela dinamika li fiha l-proġetti tal-Impriża Konġunta IMI 2 qed jimxu fit-triq it-tajba u f’xi każijiet jaqbżu l-miri stabbiliti issa li għadd ta’ proġetti tal-Impriża Konġunta IMI 2 lestew u qed jaslu fit-tmiem taċ-ċiklu tal-programm tal-Impriża Konġunta IMI 2; |
|
15. |
Jinnota mir-rapport tal-Qorti li l-Impriża Konġunta IMI 2 tat kontribut importanti għar-rispons Ewropew komuni għall-pandemija tal-COVID-19 u li l-Impriża Konġunta IMI 2 irriallokat EUR 45 000 000 mill-baġit tagħha tal-2020 għal sejħa rapida għal proposti mnedija f’Marzu 2020; jinnota li, barra minn hekk, il-fondi ta’ Orizzont 2020 mill-Kummissjoni żiedu l-ammont tas-sejħa għal EUR 72 000 000; |
|
16. |
Jinnota li l-kwistjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali jeħtieġ li tiġi indirizzata fil-kuntratti kollha li jistgħu jipproduċu eżitu intiż tal-prestazzjoni, jew riżultat, bħal studji, analiżi jew evalwazzjonijiet; jinnota li l-għan tagħha huwa li tissalvagwardja d-drittijiet tal-kreaturi individwali iżda wkoll li tipprovdi dettalji dwar kif id-drittijiet se jintużaw fil-futur; jinnota li peress li x-xiri jsir bi flus pubbliċi, ir-riżultati għandhom ikunu trasparenti u aċċessibbli għall-pubbliku; jistieden lill-Impriża Konġunta IMI 2 tipprovdi kjarifika tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u aktar trasparenza fir-rigward tar-riżultati tar-riċerka; |
|
17. |
Jinnota li fl-2020, l-effett ta’ lieva tal-Impriża Konġunta IMI 2 kien ta’ 1,01; |
Reklutaġġ u persunal li qed jindirizza l-COVID-19
|
18. |
Jinnota li fil-31 ta’ Diċembru 2020, 53 mis-56 pożizzjoni fit-tabella tal-persunal tal-Impriża Konġunta IMI 2 kienu okkupati, ħames pożizzjonijiet imtlew matul l-2020, tlieta għal aġenti temporanji u tnejn għal aġenti kuntrattwali; |
|
19. |
Jinnota li matul il-perjodu ta’ lockdown, il-persunal tal-Impriża Konġunta IMI 2 qaleb għal telexogħol full-time, u l-persunal seta’ jaċċessa l-fajls, l-għodod u r-riżorsi kollha li kien jeħtieġ mill-ewwel jum; jinnota li l-bidla għal xogħol mid-dar kienet iffaċilitata wkoll mill-fatt li l-Impriża Konġunta IMI 2 kienet adottat għadd ta’ għodod standard tal-Kummissjoni, bħal ARES, Sysper u s-sett sħiħ ta’ għodod tal-IT għall-ġestjoni tal-programm Orizzont 2020; jinnota, barra minn hekk, li l-Impriża Konġunta IMI 2 u l-impriżi konġunti l-oħra li jaħdmu fl-istess bini qablu dwar sett wieħed ta’ regoli għall-persunal li eċċezzjonalment irid jaħdem fl-uffiċċju, biex jiżguraw is-sikurezza u l-benessri tal-persunal, u ddeskrivew ukoll skema ta’ ritorn lura f’fażijiet fl-uffiċċju; jinnota bi tħassib l-isfidi assoċjati mal-pandemija tal-COVID-19 għall-impjegati, speċjalment meta jitqiesu s-sitwazzjonijiet ta’ għajxien differenti, in-nuqqas ta’ aċċess għall-ispazju għall-uffiċċji u l-effetti possibbli tal-iżolament; jitlob lill-Impriża Konġunta IMI 2 tikkonċentra fuq il-benesseri tal-persunal, il-ġestjoni tal-istress u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; jitlob lill-maniġment jiżgura li jkun hemm strutturi ta’ appoġġ xierqa fis-seħħ biex jiġi żgurat il-benesseri psikoloġiku tal-persunal; |
Awditu intern
|
20. |
Jinnota li fl-2020, is-servizz tal-awditjar intern (IAS) wettaq awditu dwar l-implimentazzjoni tal-għotjiet tal-Orizzont 2020 fl-Impriża Konġunta IMI 2 kif previst oriġinarjament fil-pjan strateġiku ta’ awditjar intern għall-2019-2021; jinnota, barra minn hekk, li l-objettiv ta’ dak l-awditu kien li tiġi vvalutata l-adegwatezza tad-disinn u l-effiċjenza u l-effettività tas-sistema ta’ kontroll intern stabbilita għall-implimentazzjoni ta’ ftehimiet ta’ għotja fl-ambitu ta’ Orizzont 2020; |
|
21. |
Jinnota li, f’Novembru 2020, id-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta IMI 2 informa lill-awdituri interni dwar l-aħħar żviluppi organizzattivi u operattivi tal-Impriża Konġunta IMI 2 u r-riżultati tal-aħħar valutazzjoni tar-riskju, u pprovda feedback dwar is-suġġetti potenzjali tal-awditjar bi tħejjija għall-pjan strateġiku tal-IAS; |
Sistemi ta’ kontroll intern
|
22. |
Jinnota li l-Qorti kkonkludiet li l-Impriża Konġunta IMI 2 stabbiliet proċeduri ta’ kontroll ex ante affidabbli għar-rieżamijiet dokumentarji finanzjarji u operattivi u li, fl-2018, l-Impriża Konġunta IMI 2 implimentat il-qafas ta’ kontroll intern tal-Kummissjoni, li huwa bbażat fuq 17-il prinċipju ta’ kontroll intern; |
|
23. |
Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, għall-pagamenti interim u finali fl-ambitu tas-Seba’ Programm Kwadru, l-Impriża Konġunta IMI 2 twettaq awditi ex post fil-bini tal-benefiċjarji, filwaqt li għad-dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż ta’ proġett ta’ Orizzont 2020, is-Servizz tal-Awditjar Komuni (CAS) tal-Kummissjoni huwa responsabbli għall-awditi ex post, u li, abbażi tar-riżultati tal-awditi ex post disponibbli fl-aħħar tal-2020, l-Impriża Konġunta IMI 2 irrappurtat rata ta’ żball rappreżentattiva ta’ 2,16 % u rata ta’ żball residwu ta’ 1,14 % għall-proġetti tagħha tas-Seba’ Programm Kwadru, u rata ta’ żball rappreżentattiva ta’ 1,13 % u żball residwu ta’ 0,74 % għall-proġetti tal-Orizzont 2020 (ikklirjar u pagamenti finali); jinnota, barra minn hekk, li skont il-proposta tal-Kummissjoni għar-regolament Orizzont 2020, l-għan aħħari għal-livell ta’ żball residwu fl-għeluq tal-programmi, wara li jkun tqies l-impatt finanzjarju tal-awditi u l-miżuri ta’ korrezzjoni u ta’ rkupru kollha, huwa li jinkiseb livell kemm jista’ jkun qrib it-2 %; |
|
24. |
Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, bħala parti mill-kontrolli operattivi, il-Qorti awditjat b’mod aleatorju l-pagamenti ta’ Orizzont 2020 li saru fl-2020 fil-livell tal-benefiċjarji finali, biex tikkorrobora r-rati ta’ żball tal-awditjar ex post, u li dawk l-awditi dettaljati żvelaw, f’każ wieħed, żball sistemiku ogħla minn 1 % tal-ispejjeż tal-awditjar relatati mal-ispejjeż diretti ddikjarati minħabba l-fatt li l-benefiċjarju kien iddikjara b’mod żbaljat bħala “spejjeż diretti oħra”, diversi entrati ta’ spejjeż indiretti mhux direttament attribwibbli għall-proġett; jinnota, madankollu, li dawn l-ispejjeż indiretti huma koperti minn rata fissa ta’ 25 % tal-ammont tal-ispiża diretta. |
|
25. |
Jenfasizza li r-rapport tal-Qorti sab żbalji sistemiċi persistenti fl-ispejjeż tal-persunal iddikjarati mill-benefiċjarji, b’mod partikolari min-naħa tal-SMEs u benefiċjarji ġodda; jinnota li żbalji bħal dawn ġew irrapportati regolarment ukoll fl-awditi ex post tas-Servizz tal-Awditjar Komuni (CAS) u tal-awdituri kkuntrattati tiegħu; jevidenzja l-fatt li, fil-paġna 39 tar-rapport tagħha, il-Qorti tiddikjara li s-semplifikazzjoni tar-regoli tal-programm Orizzont 2020 għad-dikjarazzjoni tal-ispejjeż tal-persunal u l-użu aktar mifrux ta’ għażliet ta’ spejjeż semplifikati hija prekundizzjoni għal programmi qafas ta’ riċerka futuri, sabiex jiġu stabbilizzati r-rati ta’ żball għal taħt il-livell ta’ materjalità; jinkoraġġixxi lill-Impriża Konġunta ssaħħaħ is-sistemi ta’ kontroll intern tagħha, peress li l-SMEs u l-benefiċjarji ġodda huma aktar suxxettibbli għall-iżbalji. |
(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 557/2014 tas-6 ta’ Mejju 2014 li jistabbilixxi Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi 2 (ĠU L 169, 7.6.2014, p. 54).