European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1861

27.7.2026

LINJA GWIDA (UE) 2026/1861 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-15 ta’ Lulju 2026

dwar il-faċilità ta’ likwidità tal-Eurosistema għal banek ċentrali li mhumiex fiż-żona tal-euro (BĊE/2026/17)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 127(1), l-ewwel sentenza, u l-Artikolu 127(2), l-ewwel inċiż, tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikolu 2, l-ewwel sentenza, l-Artikolu 3.1, l-ewwel inċiż, l-Artikolu 12.1, l-Artikolu 14.3 u l-Artikolu 23 tiegħu,

Filwaqt li:

(1)

Skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (iktar’ il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”), il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (iktar’ il quddiem il- “BĊNi”) jistgħu, fost affarijiet oħra, jistabbilixxu relazzjonijiet ma’ banek ċentrali u istituzzjonijiet finanzjarji f’pajjiżi oħra u, fejn xieraq, ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali.

(2)

L-għoti ta’ linji ta’ likwidità tal-euro lil banek ċentrali li mhumiex fiż-żona tal-euro u awtoritajiet monetarji ekwivalenti (minn hawn’ il quddiem imsejħa flimkien bħala “banek ċentrali barranin” jew “FCBs”) jaqa’ fi ħdan il-kompitu bażiku tal-Eurosistema li tiddefinixxi u timplimenta l-politika monetarja tal-Unjoni stabbilita fl-Artikolu 127(2) tat-Trattat u l-Artikolu 3.1 tal-Istatut tas-SEBĊ u jservi l-għan primarju tal-Eurosistema li żżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet skont l-Artikolu 127(1) tat-Trattat u l-Artikolu 2 tal-Istatut tas-SEBĊ.

(3)

B’mod partikolari, li l-likwidità tal-euro ssir disponibbli għall-FCBs taħt il-faċilità ta’ likwidità tal-Eurosistema għal banek ċentrali li mhumiex fiż-żona tal-euro (magħrufa wkoll bħala EUREP) huwa strument tal-politika monetarja li jgħin ukoll biex jappoġġa t-trażmissjoni bla xkiel tal-politika monetarja billi jtaffi l-iżviluppi negattivi fis-swieq ta’ finanzjament iddenominati f’euro barra miż-żona tal-euro, jiġifieri billi jillimita l-effetti konsegwenzjali negattivi possibbli ta’ tali tensjonijiet fuq il-kundizzjonijiet tas-suq finanzjarju taż-żona tal-euro. L-ipprezzar tal-EUREP għandu jirrifletti r-rwol tagħha bħala faċilità ta’ garanzija ta’ kontinġenza u għandu jitfassal biex jinkoraġġixxi ritorn għal arranġamenti ta’ finanzjament ibbażati fuq is-suq ladarba l-kundizzjonijiet jiġu normalizzati.

(4)

Fl-14 ta’ Frar 2026 il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jsaħħaħ l-EUREP biex issir aktar effettiva fl-appoġġ tat-trażmissjoni bla xkiel tal-politika monetarja taż-żona tal-euro. Għal dan l-għan, il-qafas għandu jiġi aġġornat biex jintroduċi aċċess universali, fil-prinċipju, għall-FCBs kollha, soġġett għall-kontrolli tar-riskju u l-konformità legali xierqa.

(5)

Id-disponibbiltà tal-likwidità tal-euro taħt l-EUREP m’għandhiex tesponi lill-Eurosistema għal riskji sproporzjonati. Sabiex l-Eurosistema tiġi protetta minn riskji finanzjarji u mhux finanzjarji, il-likwidità għandha tkun disponibbli biss taħt l-EUREP kontra kollateral iddenominat f’euro ta’ kwalità għolja ħafna, u soġġett għal kontrolli u salvagwardji xierqa tar-riskju.

(6)

L-Eurosistema trid tikkonforma mal-miżuri restrittivi tal-Unjoni u mar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-sanzjonijiet. Barra minn hekk, l-Eurosistema tqis il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus (AML) u l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu (CFT). Il-BĊNi għandhom jikkonformaw ukoll mal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-AML u s-CFT, u dwar miżuri restrittivi, sa fejn applikabbli għalihom. L-aċċess għall-EUREP għandu għalhekk jiġi pprovdut biss sal-punt li (i) il-BĊNi u l-BĊE jistgħu jibqgħu konformi ma’ tali leġiżlazzjoni u miżuri, u (ii) il-FCB huwa soġġett għal valutazzjoni pożittiva skont l-istandards minimi armonizzati tal-AML u tas-CFT li l-Eurosistema tqis xierqa għall-EUREP.

(7)

Safejn jitqies li huwa possibbli u xieraq, u bil-għan li tiġi żgurata effiċjenza operazzjonali, il-BĊE jirrikorri għall-BĊNi għat-twettiq tal-operazzjonijiet li jifformaw parti mill-kompiti tal-Eurosistema skont il-prinċipju ta’ deċentralizzazzjoni stipulata fl-Artikolu 12.1 tal-Istatut tal- SEBĊ u soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 14.3 tal-Istatut tas- SEBĊ. L-aċċess mill-FCBs għall-provvista ta’ likwidità taħt l-EUREP għandu għalhekk ikun sostnut minn dokumentazzjoni kuntrattwali li tkun saret bejn l-FCB rilevanti u l-BĊN li jipprovdi din il-likwidità. Tali dokumentazzjoni għandha tirrifletti r-rekwiżiti operazzjonali tal-Eurosistema għall-EUREP u għandha tispeċifika ċ-ċirkostanzi li fihom l-aċċess mill-FCBs huwa eskluż, sospiż jew limitat, inkluż bħala riżultat ta’ kontrolli tar-riskju u biex tiġi żgurata l-konformità legali. Id-dokumentazzjoni kuntrattwali għandha teħtieġ ukoll li l-FCB rilevanti jipprovdi lill-Eurosistema fuq talba bl-informazzjoni rilevanti meħtieġa għall-Eurosistema biex twettaq il-kompiti tagħha u tilħaq l-għanijiet tagħha fir-rigward tal-EUREP.

(8)

Il-Kunsill Governattiv għandu jżomm id-diskrezzjoni li jibdel il-parametri tal-EUREP jekk iqis li dan ikun meħtieġ għat-twettiq tal-objettivi tal-politika monetarja tal-Eurosistema u biex jiżgura l-proporzjonalità fl-użu tal-EUREP,

ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Din il-Linja Gwida tistabbilixxi regoli u parametri għall-operat tal-faċilità ta’ likwidità tal-Eurosistema għal banek ċentrali li mhumiex fiż-żona tal-euro (magħrufa wkoll bħala EUREP) li taħtha l-Eurosistema tipprovdi likwidità f’euro lil banek ċentrali li mhumiex fiż-żona tal-euro u awtoritajiet monetarji ekwivalenti (minn hawn’ il quddiem flimkien imsejħa “banek ċentrali barranin” jew “FCBs”).

2.   Ir-relazzjoni legali bejn l-Eurosistema u l-FCBs individwali li għalihom hija pprovduta likwidità f’euro taħt l-EUREP għandha tiġi stabbilita f’arranġamenti kuntrattwali xierqa li jimplimentaw id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Linja Gwida u huma konklużi bejn l-FCBs individwali u l-banek ċentrali nazzjonali rilevanti tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (iktar’ il quddiem il- “BĊNi”) u applikati mill-BĊNi rilevanti.

Artikolu 2

L-għoti ta’ linji ta’ likwidità tal-euro lill-FCBs

1.   BĊN jista’ jagħti linja ta’ likwidità tal-euro taħt l-EUREP lil FCB fejn japplikaw dawn kollha li ġejjin:

(a)

il-BĊN u l-BĊE jistgħu jibqgħu konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar miżuri restrittivi u mar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-sanzjonijiet;

(b)

l-FCB huwa soġġett għal valutazzjoni pożittiva skont l-istandards minimi armonizzati tal-AML u tas-CFT stabbiliti mill-Eurosistema għall-EUREP u jikkonforma ma’ kwalunkwe rekwiżit relatat rifless fl-arranġamenti kuntrattwali li għandhom isiru bejn l-FCB u l-BĊN rilevanti;

(c)

l-FCB jikkonforma mar-rekwiżiti operazzjonali meqjusa xierqa mill-Eurosistema, inklużi dawk riflessi fl-arranġamenti kuntrattwali li għandhom jiġu konklużi bejn l-FCB u l-BĊN rilevanti;

(d)

l-FCB jikkonforma mal-arranġamenti kuntrattwali l-oħra kollha li jkun daħal għalihom mal-BĊN rilevanti skont din il-Linja Gwida.

2.   L-aċċess minn FCB għal linja ta’ likwidità tal-euro taħt l-EUREP jista’ jiġi eskluż, sospiż, limitat jew soġġett għal kundizzjonijiet addizzjonali fil-każ tan-nuqqas tal-FCB li jikkonforma ma’ kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet speċifikati fil-paragrafu 1 jew mod ieħor jekk jitqies meħtieġ mill-Eurosistema, inkluż għal finijiet ta’ ġestjoni tar-riskju.

3.   L-Eurosistema tista’ titlob kwalunkwe informazzjoni rilevanti mill-FCBs li tqis meħtieġa għall-funzjonament tajjeb tal-EUREP.

Artikolu 3

Eliġibbiltà tal-kollateral għall-EUREP

1.   Assi negozjabbli kif definiti fl-Artikolu 2(59) tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/60) (1) (esklużi bonds koperti, u biex jiġi evitat id-dubju, multi cédulas kif definiti fl-Artikolu 2(62) ta’ dik il-Linja Gwida) li huma eliġibbli bħala kollateral għal operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema taħt dik il-Linja Gwida għandhom ikunu eliġibbli bħala kollateral għall-EUREP sakemm jissodisfaw, barra minn hekk, il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

ikunu ddenominati f’euro;

(b)

huma allokati għall-kategoriji ta’ haircut I jew II skont il-Linja Gwida (UE) 2016/65 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2015/35) (2);

(c)

assi maħruġa minn xi waħda minn dawn li ġejjin: (i) il-gvernijiet ċentrali, lokali u reġjonali fiż-Żona Ekonomika Ewropea; (ii) aġenziji rikonoxxuti mill-Eurosistema li jissodisfaw il-kriterji kwantitattivi stabbiliti fl-Anness XIIa għal-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60); (iii) kwalunkwe bank ta’ żvilupp multilaterali u organizzazzjoni internazzjonali oħra rikonoxxuti mill-Eurosistema.

2.   Minkejja li assi jkun eliġibbli b’xi mod ieħor bħala kollateral għall-EUREP skont il-paragrafu 1, FCB ma għandux jimmobilizza dak l-assi bħala kollateral għall-EUREP jekk jinħareġ mill-gvern ċentrali jew minn gvern lokali jew reġjonali tal-ġurisdizzjoni li fiha jkun stabbilit dak l-FCB.

3.   Il-BĊN rilevanti għandu japplika dan li ġej għall-kollateral kollu eliġibbli għall-EUREP:

(a)

haircuts fil-valutazzjoni kif stabbilit fil-Linja Gwida (UE) 2016/65 (BĊE/2015/35), sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Kunsill Governattiv;

(b)

valutazzjoni ta’ kuljum u appelli għall-marġni skont ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 134 u l-Artikolu 136(2) tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60) u l-Artikolu 11 tal-Linja Gwida (UE) 2024/3129 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2024/22) (3), ħlief li minflok jiddebita kont ta’ flus kontanti ewlieni primarju, il-BĊN għandu jiddebita l-kont ta’ flus kontanti tal-FCB.

4.   Il-Kunsill Governattiv jista’ f’kull ħin jistabbilixxi rekwiżiti addizzjonali applikabbli għall-kollateral eliġibbli pprovdut għall-EUREP, jekk dan jitqies meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema jew għal skopijiet ta’ ġestjoni tar-riskju.

5.   Il-BĊNi għandhom jeħtieġu li l-FCBs jirrappreżentaw u jiggarantixxu li l-kollateral eliġibbli kollu pprovdut jew użat għall-EUREP għandu jkun trasferibbli bis-sħiħ u jkun jista’ jiġi mobilizzat mingħajr restrizzjoni, u għandu jkun jista’ jiġi realizzat mingħajr restrizzjoni għall-benefiċċju tal-Eurosistema. FCB għandu jkun meħtieġ jikkumpensa lill-BĊN rilevanti fil-każ li l-kollateral eliġibbli pprovdut jew użat jonqos milli jissodisfa dawn ir-rekwiżiti fir-rigward tal-mobilizzazzjoni u r-realizzazzjoni.

Artikolu 4

Parametri operazzjonali tal-EUREP

1.   Il-parametri operattivi li ġejjin għandhom japplikaw għall-EUREP:

(a)

l-ipprezzar għandu jiġi stabbilit bir-rata tal-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament, flimkien ma’ firxa kif deċiż minn żmien għal żmien mill-Kunsill Governattiv, abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet tal-politika monetarja;

(b)

il-maturità massima ta’ tranżazzjoni waħda ma għandhiex taqbeż ġimgħa u tista’ tiġġedded bi ftehim;

(c)

l-ammont massimu li jista’ jissellef tal-linja ta’ likwidità tal-euro ma għandux jaqbeż EUR 50 biljun għal FCB individwali;

(d)

id-daqs minimu tat-tranżazzjoni għandu jkun ta’ EUR 10 miljun.

2.   Il-Kunsill Governattiv jista’ jibdel il-parametri operazzjonali applikabbli għall-EUREP fi kwalunkwe ħin jekk jitqies meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema jew għal skopijiet ta’ ġestjoni tar-riskju.

Artikolu 5

Rwol tal-BĊE

Il-BĊE għandu jikkoordina l-implimentazzjoni tal-EUREP mill-Eurosistema u jista’, għal dan l-għan, jistabbilixxi speċifikazzjonijiet tekniċi interni.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ u implimentazzjoni

Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha lill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

Artikolu 7

Destinatarji

Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

Magħmul fi Frankfurt am Main, il-15 ta’ Lulju 2026.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta’ Diċembru 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (Linja Gwida dwar id-Dokumentazzjoni Ġenerali) (BĊE/2014/60) (ĠU L 91, 2.4.2015, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2015/510/oj).

(2)  Linja Gwida (UE) 2016/65 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-18 ta’ Novembru 2015 dwar il-haircuts fil-valutazzjoni applikati fl-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (BĊE/2015/35) (ĠU L 14, 21.1.2016, p. 30, ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2016/65/oj).

(3)  Linja Gwida (UE) 2024/3129 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-13 ta’ Awwissu 2024 dwar il-ġestjoni ta’ kollateral f’operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema (BĊE/2024/22) (ĠU L, 2024/3129, 20.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2024/3129/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2026/1861/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)