|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2024/6867 |
28.11.2024 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
L-impatt tad-demografija fuq l-Ewropa Soċjali
(opinjoni fuq inizjattiva proprja)
(C/2024/6867)
Relatur:
Christa SCHWENG|
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja |
18.1.2024 |
|
Bażi legali |
Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura |
|
|
|
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza |
|
Adozzjoni fis-sezzjoni |
4.9.2024 |
|
Adozzjoni fis-sessjoni plenarja |
18.9.2024 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
590 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
154/2/8 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Il-KESE jqis ix-xejriet demografiċi bħala sfida trasformattiva oħra għas-soċjetà Ewropea flimkien mat-trasformazzjonijiet diġitali u ekoloġiċi. |
|
1.2. |
Matul l-aħħar deċennji, l-Unjoni Ewropea kisbet lonġevità, livell għoli ta’ edukazzjoni u prosperità, u livell tajjeb ta’ saħħa fil-parti l-kbira tar-reġjuni, għalkemm mhux kollha. Madankollu, kull Stat Membru qed jiffaċċja sfidi demografiċi multipli, bħal popolazzjonijiet li qed jonqsu, rati baxxi ta’ twelid u żbilanċ dejjem jikber bejn il-gruppi ta’ età u r-reġjuni; dawn jeħtieġ li jiġu indirizzati. |
|
1.3. |
L-iżviluppi demografiċi jħallu impatt fuq is-swieq tax-xogħol, is-sistemi tal-pensjonijiet u tal-protezzjoni soċjali u l-pożizzjoni ġeopolitika tal-Ewropa fid-dinja. |
|
1.4. |
Soċjetà li qed tixjieħ tiffaċċja sfidi distinti meta mqabbla ma’ soċjetà bi struttura tal-età aktar ibbilanċjata. Ir-rispett tad-dritt għal tixjiħ b’dinjità, flimkien ma’ approċċ ibbażat fuq iċ-ċiklu tal-ħajja, huma essenzjali biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi. |
|
1.5. |
Il-proposti tal-KESE biex jinkiseb żvilupp soċjetali aktar sostenibbli jinkludu: li nistinkaw għal rati ogħla tat-twelid, li nisfruttaw il-potenzjal sħiħ tas-suq tax-xogħol, li nagħmlu x-xogħol irodd billi jkollna impjiegi ta’ kwalità għolja, imħallsa tajjeb u produttivi, li ntejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol, ir-riformi tas-sistemi tal-pensjonijiet u tal-kura biex tiġi żgurata aċċessibbiltà għal kulħadd, li ntejbu l-perkorsi ta’ migrazzjoni legali b’mod partikolari biex jiġi attirat it-talent barrani bl-appoġġ ta’ miżuri ta’ integrazzjoni kuraġġużi, li naħdmu lejn koeżjoni soċjali u reġjonali ’l fuq, u li nanalizzaw il-fatturi li qed iġiegħlu lin-nies jitilqu mill-UE. |
|
1.6. |
Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissarju Ewropew għad-Demografija jkun appoġġjat minn struttura adegwata fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea, u li tinħoloq aġenzija Ewropea għad-demografija biex jiġu żgurati r-riċerka u l-istatistika f’dan il-qasam, u fl-istess ħin tkun żgurata kollaborazzjoni u finanzjament suffiċjenti għall-aġenziji eżistenti bħas-Cedefop u l-Eurofound. Dan jiffaċilita l-integrazzjoni tal-kunsiderazzjoni demografika f’kull qasam ta’ politika u f’kull valutazzjoni tal-impatt rilevanti. |
2. Kummenti ġenerali
|
2.1. |
Matul dawn l-aħħar deċennji, l-UE kisbet lonġevità għolja, livell għoli ta’ edukazzjoni u prosperità, u livell tajjeb ta’ saħħa. Minkejja dan, l-Istati Membri tagħha qed jiffaċċjaw diversi sfidi demografiċi li jeħtieġ li jiġu indirizzati, bħall-istaġnar jew saħansitra t-tnaqqis tal-popolazzjoni, ir-rati baxxi tat-twelid u l-iżbilanċi dejjem jikbru bejn il-gruppi ta’ età u bejn ir-reġjuni, anke fir-rigward tal-istennija tal-għomor u t-tixjiħ f’saħħa tajba. |
|
2.2. |
L-iżviluppi demografiċi għandhom impatt konsiderevoli fuq is-suq tax-xogħol, is-sistemi tal-pensjonijiet u tal-protezzjoni soċjali, is-soċjetà, kif ukoll fuq l-importanza tal-Ewropa fid-dinja. Ix-xejra attwali toħloq sfidi severi għall-iżvilupp sostenibbli. L-għan għandu jkun żvilupp stabbli – u għalhekk sostenibbli – tal-popolazzjoni u tal-forza tax-xogħol. |
|
2.3. |
Il-popolazzjoni tal-UE27 żdiedet minn 355 miljun fl-1960 għal 447 miljun fl-2022. Mill-1960, il-popolazzjoni tad-dinja kważi ttriplikat; b’riżultat ta’ dan, is-sehem tal-popolazzjoni globali tal-UE27 niżel minn 11,7 % għal 5,6 %, u se jkompli jonqos – għal 4 % sal-2100 (1). F’termini assoluti, il-popolazzjoni tal-UE qajla kibret mill-2010 ’l hawn u se tistaġna mil-livell attwali tagħha sal-2050 u mbagħad tonqos għal 419,5 miljun abitant sal-2100 (2). F’disgħa mis-27 pajjiż, il-popolazzjoni diġà se tkun naqset sal-2030 (3). B’kuntrast ma’ dan, il-popolazzjoni tal-Afrika se tittriplika sal-2100. |
|
2.4. |
Il-fatturi demografiċi determinanti huma r-rati tat-twelid u tal-imwiet, l-immigrazzjoni u l-emigrazzjoni. Fattur stabbli li jiffavorixxi t-tkabbir huwa ż-żieda fl-istennija tal-għomor. Minbarra interruzzjonijiet qosra (bħal matul il-pandemija), l-istennija tal-għomor fl-Ewropa żdiedet b’mod kostanti minn 65 fl-1950 għal 79 fl-2023, u hija mistennija li tiżdied għal 89 sal-2100. |
|
2.5. |
Ir-rata baxxa ta’ fertilità, li kompliet tonqos f’dawn l-aħħar snin, għandha impatt negattiv fuq l-iżvilupp tal-popolazzjoni. Din ir-rata ilha taħt il-livell ta’ rimpjazzament ta’ 2,1 mill-1975 u kienet ta’ 1,46 wild għal kull mara fl-2022, b’paragun ma’ 1,57 fl-2016. Flimkien ma’ xi pajjiżi tal-Asja tal-Lvant, il-parti l-kbira tal-Istati Membri tal-UE huma fost dawk bl-aktar rati baxxi ta’ fertilità fid-dinja. |
|
2.6. |
L-istatistika dwar il-migrazzjoni turi effett pożittiv fuq l-iżvilupp tal-popolazzjoni. Skont in-NU, 2,3 miljun persuna emigraw lejn l-UE fl-2021, 1,1 miljun telqu mill-UE u 1,4 miljun emigraw fi ħdan l-UE (4) stess. |
|
2.7. |
Bidla fil-gruppi ta’ età: L-istruttura tal-età fi ħdan il-popolazzjoni tal-UE27 qed tinbidel ukoll. Mill-2002 sal-2022, il-proporzjon tal-grupp ta’ età ta’ 65+ żdied minn 16 % għal 21 %, u fil-Portugall u fl-Italja saħansitra żdied għal 24 % (5). Is-sehem ta’ persuni li għandhom inqas minn 20 sena naqas minn 23 % għal 20 %. Il-proporzjon ta’ persuni fl-età tax-xogħol (20-64) naqas bi ftit, minn 61 % għal 59 %. Il-proporzjon ta’ dipendenza tal-età avvanzata (l-għadd ta’ persuni li għandhom 65 sena jew aktar għal kull 100 persuna ta’ bejn il-15 u l-64 sena) qed jinbidel b’rata mgħaġġla: dan il-proporzjon huwa mbassar li jiżdied minn 33,3:100 fl-2023 għal 45,5:100 fl-2040, u għal 59,7:100 fl-2100 (6), li jfisser li 59,7 persuna akbar fl-età se jiddependu minn 100 persuna fl-età tax-xogħol. |
|
2.8. |
Differenzi nazzjonali u reġjonali: Sa issa, iż-żieda fil-grupp ta’ età ta’ 65+ kienet prinċipalment dovuta għaż-żieda fl-istennija tal-għomor, iżda t-tendenza issa qed taċċellera minħabba l-irtirar gradwali tal-koorti tal-baby boomers, u fl-istess ħin il-koorti li qed jidħlu fis-suq tax-xogħol jew qed jitwieldu huma ferm iżgħar. Il-pajjiżi tal-Ewropa tal-Punent, Ċentrali u tat-Tramuntana esperjenzaw il-baby boom sal-aħħar tas-snin sittin, tan-Nofsinhar tal-Ewropa sas-snin sebgħin u tal-Ewropa tal-Lvant ċentrali sal-bidu tas-snin disgħin. B’riżultat ta’ dan, il-baby boomers fl-Ewropa tal-Punent, Ċentrali u tat-Tramuntana diġà qed jaslu fl-età tal-irtirar. Dan l-iżvilupp għad irid iseħħ fin-Nofsinhar u fil-Lvant Ċentrali tal-Ewropa. |
|
2.9. |
Bidliet fiċ-ċifri tal-popolazzjoni għall-UE fl-intier tagħha jostru differenzi nazzjonali konsiderevoli: il-fertilità tvarja b’mod konsiderevoli bejn l-ogħla rata (Franza, 1,84) u r-rata l-aktar baxxa (Malta, 1,22). Barra minn hekk, il-pajjiżi fl-Ewropa tal-Lvant Ċentrali b’mod partikolari qed jesperjenzaw emigrazzjoni netta massiva, u l-pajjiżi fl-Ewropa tal-Punent, Ċentrali u tat-Tramuntana qed jesperjenzaw immigrazzjoni netta massiva kemm minn pajjiżi tal-UE kif ukoll minn pajjiżi mhux tal-UE. Hemm ukoll migrazzjoni konsiderevoli fi ħdan l-Istati Membri, speċjalment mir-reġjuni periferiċi lejn dawk ċentrali. |
3. L-effetti tat-tixjiħ demografiku
|
3.1. |
Ix-xejra demografika qed tirriżulta fi sfidi u kompiti sinifikanti. Dan għandu konsegwenzi serji għall-politika, l-ekonomija, is-soċjetà, kif ukoll għall-individwi. |
|
3.2. |
Biex nibdew bil-politika globali: is-sehem tal-UE tal-popolazzjoni dinjija huwa ta’ 5,6 % u qed jonqos, u l-istess jgħodd għall-importanza tal-UE bħala attur politiku u ekonomiku globali (7). |
|
3.3. |
Il-politika domestika hija affettwata mit-tixjiħ tal-popolazzjoni u l-elettorat. Madankollu, il-parti l-kbira tal-manifesti tal-partiti politiċi u l-politiki attwali jiffukaw fuq il-gruppi tal-etajiet kollha. Għad irridu naraw jekk din it-tendenza hijiex se tkompli jew jekk hux se jkun hemm bidla lejn politiki mmirati aktar lejn l-anzjani fil-futur. Il-KESE huwa konvint li huma biss il-programmi tal-partiti politiċi li jqisu s-solidarjetà interġenerazzjonali (8), u għalhekk is-sostenibbiltà tal-popolazzjoni, li se jkunu ta’ suċċess fit-tul. |
|
3.4. |
L-ekonomija u s-suq tax-xogħol: Il-potenzjal ta’ ekonomija u t-tkabbir tagħha jiddependu minn għadd ta’ fatturi ewlenin bħall-investiment, l-innovazzjoni, il-progress teknoloġiku, forza tax-xogħol b’ħiliet speċjalizzati, ekonomikament attiva u produttiva, u l-għadd ta’ sigħat ta’ xogħol. Il-forza tax-xogħol potenzjali fl-UE diġà qed tonqos. Anke issa, skont il-kumpaniji, wieħed mill-akbar ostakli għat-tkabbir huwa n-nuqqas ta’ ħaddiema (9). Id-diġitalizzazzjoni u l-użu tal-IA jista’ jkollhom il-potenzjal li jtejbu l-produttività, iżda, skont l-OECD, ir-rati tat-tkabbir tal-produttività bdew jonqsu matul l-aħħar żewġ deċennji (10). Għalhekk, il-ħin tax-xogħol huwa aspett li għandu jiġi kkunsidrat. Dan għandu impatt fuq il-PDG, li jista’ jikber aktar bil-mod milli fil-passat. It-tibdil demografiku għandu wkoll implikazzjonijiet għall-baġits nazzjonali, peress li d-dejn pubbliku se jkollu jiġġarrab (u jitħallas lura) minn inqas nies; minbarra miżuri oħra, se jkun meħtieġ li jinstab bilanċ bejn l-istabbiltà fiskali u spazju suffiċjenti għal investiment li jappoġġja t-tkabbir sostenibbli. |
|
3.5. |
Is-soċjetà u l-kultura: Sabiex intaffu n-nuqqas ta’ ħaddiema b’ħiliet speċjalizzati, neħtieġu azzjoni f’diversi livelli, inkluż li nattiraw ħaddiema minn barra l-UE. Għandhom jiġu stabbiliti servizzi tajbin, bħal dawk li jipprovdu appoġġ lingwistiku, kulturali u komunitarju adegwat, biex tiġi ffaċilitata l-koeżjoni soċjali, kif ukoll passi biex jiġi ggarantit trattament ugwali fuq il-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol sabiex jiġi żgurat li jkun hemm kundizzjonijiet ekwi. L-integrazzjoni hija triq bidirezzjonali u teħtieġ sforzi mis-soċjetà riċeventi u mill-migranti nfushom. Id-diversità hija opportunità għas-soċjetà, għalkemm l-eteroġeneità issa hija wkoll sfida għall-koeżjoni soċjali. Il-prinċipju tal-“unità fid-diversità” tal-UE qed jiġi ddubitat. |
|
3.6. |
Iċ-ċittadini: Soċjetà li qed tixjieħ għandha ħtiġijiet speċifiċi li huma differenti minn dawk ta’ soċjetà żagħżugħa jew ta’ età medja. Bħala konsegwenza tar-rata tat-twelid baxxa fit-tul, ħafna persuni – speċjalment dawk akbar fl-età – ma għandhomx network tal-familja, jew tal-anqas network ġeografikament qrib, u qed ifittxu modi ġodda biex jibnu komunitajiet biex iħossuhom appoġġjati u biex inaqqsu r-riskju tas-solitudni. Approċċ li jirrispetta u jippromovi d-dritt għal tixjiħ b’dinjità, flimkien ma’ approċċ ibbażat fuq iċ-ċiklu tal-ħajja huma kruċjali biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi. |
|
3.7. |
Is-sistemi ta’ appoġġ soċjali (li jinkludu pensjonijiet, kura u saħħa) huma prinċipalment iffinanzjati mill-ħaddiema (kontribuzzjonijiet) u – skont il-prattika nazzjonali – huma kofinanzjati mit-taxxi (fuq ix-xogħol u sa ċertu punt fatturi taxxabbli oħra, eż. il-ġid). Għalhekk jiddependu minn rati għoljin u stabbli ta’ impjieg (imsejsa minn servizz pubbliku tal-impjiegi li jiffunzjona tajjeb) u produttività għolja. Is-sistemi ta’ protezzjoni soċjali qed jiffaċċjaw sfida doppja: minn naħa, id-demografija ddgħajjef il-bażi; min-naħa l-oħra, il-piż fuq dik il-bażi – l-għadd ta’ pensjonijiet u persuni fil-bżonn ta’ kura – qed jiżdied. Barra minn hekk, kemm is-sistemi tas-saħħa kif ukoll tal-kura b’mod partikolari qed ibatu minn nuqqas ta’ ħaddiema. |
4. Miżuri proposti
|
4.1. |
Fis-“sett ta’ għodod għall-azzjoni” tagħha, il-Kummissjoni Ewropea diġà indikat għadd kbir ta’ miżuri Ewropej u nazzjonali mmirati lejn il-ġestjoni tat-tibdil demografiku. Il-KESE jilqa’ bi pjaċir l-għanijiet stabbiliti għas-sett ta’ għodod, l-istess bħall-Kumitat tar-Reġjuni fl-Opinjoni tiegħu “It-tibdil demografiku fl-Ewropa: sett ta’ għodod għall-azzjoni” (11). |
|
4.2. |
Aktar tfal billi nappoġġjaw il-ġenituri: Ir-rata tat-twelid baxxa u li għadha qed tonqos hija l-għerq tal-isfida demografika. Id-deċiżjonijiet dwar li wieħed jibda familja u l-għadd ta’ tfal li jirriżultaw huma individwali u personali, iżda għandhom implikazzjonijiet importanti għall-iżvilupp tas-suq tax-xogħol, l-ekonomija, is-soċjetà u s-sistemi soċjali. Il-politiki, u b’mod partikolari l-politika tal-familja, għandhom jappoġġjaw lin-nies biex jissodisfaw l-aspirazzjonijiet tal-familja tagħhom biex tinkiseb is-sostenibbiltà. Dan jinkludi suq tax-xogħol li jiffunzjona tajjeb, b’impjiegi stabbli u pagi deċenti, appoġġ finanzjarju, u fuq kollox faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal affordabbli u aċċessibbli. Il-paternità, u b’mod partikolari l-maternità, m’għandhiex tkun assoċjata ma’ żvantaġġi fil-ħajja tax-xogħol. Id-dritt għal post fil-kindergarten sa minn meta t-tfal jagħlqu sena fil-Ġermanja u l-politika tal-familja effettiva fi Franza huma eżempji tajbin ta’ kif għandna nindirizzaw din il-problema. |
|
4.3. |
Il-ħin tax-xogħol reali medju qed jonqos gradwalment fil-parti l-kbira tal-Istati Membri, għalkemm hemm differenzi konsiderevoli bejn il-pajjiżi (12). Ix-xogħol part-time volontarju qed jiżdied, u fl-istess ħin ix-xogħol part-time involontarju qed juri xejra ta’ tnaqqis minkejja li għadu għoli f’ċerti Stati Membri (13). Il-politika u n-negozji għandhom jinkoraġġixxu u jappoġġjaw lin-nisa b’mod partikolari biex iżidu s-sigħat tax-xogħol tagħhom. Madankollu, il-ħaddiema part-time ħafna drabi ma jkollhomx inċentivi biex jaħdmu aktar minħabba t-telf ta’ benefiċċji u taxxi ogħla. Waqt li ż-żieda fis-sigħat tax-xogħol tista’ tkun ta’ benefiċċju, din għandha tkun volontarja. |
|
4.4. |
L-isfruttament tal-potenzjal fis-suq tax-xogħol: Il-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni Ewropea jelenka miżuri li jridu jiġu implimentati kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak tal-Istati Membri mal-imsieħba soċjali. Suq tax-xogħol inklużiv jimmassimizza l-potenzjal tas-soċjetà, billi jinvolvi b’mod attiv lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u jipprovdi appoġġ immirat lil gruppi vulnerabbli, bħal indokraturi, persuni b’diżabilità, persuni qiegħda fit-tul, persuni qiegħda akbar fl-età, nisa li jirritornaw għax-xogħol, NEETs, eċċ. L-Awstrija, pereżempju, irnexxielha tintegra fis-suq tax-xogħol persuni qiegħda fit-tul u anzjani billi ħallset sussidji temporanji lin-negozji. F’pajjiżi oħra, madankollu, is-sussidji għan-negozji rriżultaw biss f’impjiegi temporanji għall-persuni qiegħda fit-tul, marbuta mad-durata tas-sussidji aktar milli l-ħolqien ta’ impjiegi stabbli. Is-sussidji għandhom għalhekk ikunu marbuta ma’ kundizzjonijiet speċifiċi. |
|
4.5. |
Nagħmlu x-xogħol irendi billi jkollna impjiegi ta’ kwalità għolja, imħallsa tajjeb u produttivi: Ix-xogħol għandu jkun aktar attraenti ekonomikament milli jekk wieħed jibqa’ barra mis-suq tax-xogħol. Dan ifisser pagi deċenti għal impjiegi ta’ kwalità b’kontribuzzjonijiet regolari tas-sigurtà soċjali, u diskrepanza sostanzjali bejn il-pagi netti (14) minn naħa u l-benefiċċji tal-qgħad u l-introjtu minimu min-naħa l-oħra. Il-porzjon ta’ taxxa fir-rigward tad-dħul mix-xogħol għandu jiġi analizzat skont is-sitwazzjoni nazzjonali, waqt li jiġu żgurati standards tal-għajxien deċenti għall-persuni kollha li jaħdmu. Sabiex jiġu evitati n-nases tal-faqar, it-tassazzjoni fir-rigward tax-xogħol jeħtieġ tkun ġusta u mnaqqsa, b’mod partikolari għas-sitwazzjoni ta’ ħaddiema b’introjtu aktar baxx – peress li l-pagi tagħhom ħafna drabi “jikkompetu” mal-benefiċċji soċjali. Il-miżuri tat-taxxa għandhom jiżguraw ukoll li x-xogħol part-time ikun għażla sabiex jiġi evitat li n-nies, b’mod predominanti n-nisa, jinqabdu fin-nassa tal-“part-time”. Sabiex jiġu ggarantiti sistemi ta’ appoġġ soċjali adegwati li jippermettu lin-nies jgħixu b’dinjità, kwalunkwe riforma trid tiżgura wkoll bażi ta’ finanzjament stabbli għas-sistemi tas-sigurtà soċjali. Il-ħaddiema li jkomplu jaħdmu wara l-irtirar, full-time jew part-time, għandhom jiġu mħeġġa finanzjarjament biex jagħmlu dan permezz tal-possibbiltà li jikkombinaw pagamenti parzjali tal-pensjoni mal-impjieg, jew permezz ta’ dovuti kontinwi tad-drittijiet ġodda tal-pensjoni. |
|
4.6. |
It-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol jgħin biex il-ħaddiema jinżammu f’settur partikolari jew jiġu attirati ħaddiema ġodda lejn dak is-settur. Madankollu, dan għandu biss effett limitat fuq il-provvista ġenerali tal-ħaddiema, peress li titjib bħal dan ifisser biss li n-nies ibiddlu s-setturi jew l-impjiegi, mhux neċessarjament li jiġu attirati ħaddiema ġodda. It-titjib tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u l-inkoraġġiment tat-tranżizzjonijiet tal-impjiegi biex tiġi ppreservata s-saħħa tal-ħaddiema jistgħu, madankollu, jagħmlu x-xogħol aktar sigur u sostenibbli matul il-ħajja tal-ħaddiema u jnaqqsu r-rati tat-tluq bikri mis-suq tax-xogħol u jżommu lill-ħaddiema fix-xogħol għal perjodi itwal. Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni u l-infurzar adatti tal-acquis soċjali Ewropew. L-imsieħba soċjali għandhom rwol ewlieni x’jaqdu u l-ftehim qafas Ewropew bejn l-imsieħba soċjali dwar it-tixjiħ attiv, kif ukoll approċċ interġenerazzjonali, jipprovdu qafas tajjeb għall-adattament tal-postijiet tax-xogħol biex tittejjeb b’mod sinifikanti l-kapaċità tal-ħaddiema ta’ kull età li jibqgħu fis-suq tax-xogħol. |
|
4.7. |
Pensjonijiet: Fl-isfond ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ u li qed tiċkien fid-daqs, hemm diversi għażliet għall-finanzjament tas-sistemi tal-pensjonijiet pubbliċi: pereżempju ż-żieda fil-kontribuzzjonijiet (15), it-tnaqqis tal-benefiċċji u l-estensjoni tal-ħajja tax-xogħol attiva. L-ewwel waħda mhijiex sostenibbli, it-tieni waħda mhijiex mixtieqa. Huwa fatt pożittiv li mhux biss l-istennija tal-għomor, iżda anke l-istennija ta’ għomor b’saħħtu qed tiżdied f’ħafna reġjuni, għalkemm mhux f’kollha. Sabiex ikun possibbli li l-ħaddiema jqattgħu aktar snin b’saħħithom fl-impjieg, l-ambjent tax-xogħol għandu jiġi adattat għall-ħtiġijiet tal-ħaddiema akbar fl-età, u għandu jiġi implimentat approċċ ibbażat fuq iċ-ċiklu tal-ħajja fir-rigward tas-saħħa u s-sigurtà. Peress li, skont it-Trattati tal-UE, l-Istati Membri għandhom il-kompetenza li jiddeterminaw u jfasslu s-sistemi tal-pensjonijiet, hemm perkorsi differenti fl-UE. Għadd ta’ Stati Membri qed jorbtu l-età legali tal-irtirar mal-bidliet fl-istennija tal-għomor. Stati Membri oħra qed jieħdu miżuri biex iqarrbu l-età medja attwali tal-irtirar lejn dik statutorja jew biex jimmassimizzaw il-potenzjal mhux użat tas-suq tax-xogħol (pereżempju NEETs, persuni qiegħda fit-tul) biex jippromovu s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-pensjonijiet. Madankollu, sa issa r-riformi tal-pensjonijiet ġew introdotti biss minn disa’ Stati Membri; sitta oħra se jagħmlu dan sal-2050. |
|
4.8. |
Fid-dawl tal-isfond nazzjonali speċifiku, ir-rabta tal-età tal-irtirar mal-bidliet fl-istennija tal-għomor tista’ tappoġġja impjiegi itwal u aktar produttivi, u fl-istess ħin tgħin biex jiġu stabbilizzati s-sistemi tal-pensjoni u b’hekk tikkontribwixxi għall-ġustizzja interġenerazzjonali. Madankollu, kwalunkwe żieda fl-età tal-irtirar jeħtieġ li tiġi introdotta f’perspettiva fit-tul, pass pass, mingħajr ma tiddgħajjef il-fiduċja fis-sistemi ta’ protezzjoni soċjali u ma tkunx fattibbli f’xogħol li jirrikjedi sforzi fiżiċi u psikoloġiċi konsiderevoli. Il-prekundizzjonijiet għal kwalunkwe strateġija intiża biex testendi l-ħajja tax-xogħol attiva jinkludu snin ta’ ħajja aktar b’saħħitha, li fiha nnifisha teħtieġ il-prevenzjoni, inkluża organizzazzjoni tax-xogħol adattata għall-ħtiġijiet ta’ forza tax-xogħol li qed tixjieħ, il-promozzjoni tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll stil ta’ ħajja individwali adegwat, bl-appoġġ ta’ sistema tal-kura tas-saħħa u soċjali li tiffunzjona tajjeb. Din għandha tkun akkumpanjata minn miżuri li jappoġġjaw lill-anzjani sabiex ikunu jistgħu jibqgħu impjegabbli: il-ħiliet tagħhom għandhom jinżammu aġġornati u l-post tax-xogħol għandu jkun ħieles minn diskriminazzjoni abbażi tal-età. |
|
4.9. |
L-estensjoni tal-ħajja tax-xogħol lil hinn mill-età statutorja tal-irtirar tista’ ġġib magħha dawn il-vantaġġi: in-nies ikollhom dħul u pensjonijiet ogħla, in-negozji jżommu ħaddiema b’esperjenza, u titneħħa l-pressjoni minn fuq is-sistemi tal-pensjonijiet. Il-politiki li jinċentivaw id-deċiżjoni li naħdmu aktar fit-tul, u li fl-istess ħin jiżguraw politika attiva tas-suq tax-xogħol effettiva biex jitħeġġeġ l-impjieg taż-żgħażagħ jistgħu jikkontribwixxu għas-solidarjetà interġenerazzjonali. |
|
4.10. |
Il-kura (16): Stennija tal-għomor itwal iżżid l-għadd ta’ persuni fil-bżonn ta’ kura. Għalhekk, il-kura trid tittejjeb billi jiġu żviluppati servizzi ta’ kura formali li jappoġġjaw l-awtonomija ta’ dawk li jeħtieġu l-kura. Il-persuni kollha li jeħtieġu l-kura jridu jiġu appoġġjati biex jibqgħu indipendenti u jiġu inklużi fil-komunità tal-għażla tagħhom. L-indokraturi tal-familja jridu jiġu appoġġjati, speċjalment jekk ikunu għadhom qed jaħdmu. Peress li l-parti l-kbira tad-dmirijiet ta’ kura għadhom jaqgħu fuq in-nisa, jeħtieġ li tiġi appoġġjata distribuzzjoni aktar ugwali tal-kompiti ta’ kura bejn l-irġiel u n-nisa u li jiġu pprovduti faċilitajiet suffiċjenti għall-indukrar tat-tfal. Il-miri riveduti ta’ Barċellona għandhom jiġu mmonitorjati regolarment fis-Semestru Ewropew. Il-faċilitajiet tal-kura għall-persuni dipendenti ġew indirizzati mill-Istrateġija Ewropea għall-Kura u r-rakkomandazzjoni dwar l-aċċess għal kura fit-tul ta’ kwalità għolja. Madankollu, investiment pubbliku adegwat fil-kura (infrastruttura, forza tax-xogħol eċċ.) huwa essenzjali biex jintlaħqu l-objettivi tagħhom. Il-KESE talab għal Garanzija Ewropea għall-Kura, sabiex jiġi żgurat aċċess tul il-ħajja għal servizzi tal-kura tas-saħħa u servizzi ta’ kura ta’ kwalità affordabbli għal kull min jgħix fl-UE. (SOC/741). |
|
4.11. |
Il-migrazzjoni u l-integrazzjoni: L-immigrazzjoni minn ċittadini kwalifikati ta’ pajjiżi terzi hija miżura waħda biex ittaffi n-nuqqas ta’ ħiliet u tista’ toħloq sitwazzjonijiet li minnhom jibbenefikaw kemm il-pajjiżi li jibagħtu kif ukoll dawk riċeventi, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet it-tajba. Id-Direttiva dwar il-Karta Blu tal-UE hija pass importanti biex jiġi attirat talent barrani. Madankollu, l-Ewropa trid tagħmel aktar fil-ġlieda globali attwali biex tiżgura t-talent. L-immigrazzjoni kwalifikata u t-tqabbil tal-offerti tal-impjieg mal-ħaddiema għandhom isiru aktar faċli. Ir-Riżerva ta’ Talent tal-UE (17) se jkollha rwol vitali x’taqdi hawnhekk. |
|
4.12. |
Il-miżuri ta’ integrazzjoni għandhom jagħmluha attraenti biex it-talent barrani jibqa’. Barra minn hekk, ir-raġunijiet għall-emigrazzjoni mill-UE, speċjalment lejn l-Istati Uniti, jeħtieġ li jiġu analizzati u indirizzati. |
|
4.13. |
Ir-refuġjati u persuni spostati oħrajn jiffaċċjaw ħafna ostakli fir-rigward tal-integrazzjoni u l-aċċess għas-suq tax-xogħol. Dan jista’ jkun minħabba: nuqqas ta’ kwalifiki bażiċi u ħiliet lingwistiċi; diffikultajiet fil-kisba tar-rikonoxximent tal-kwalifiki; status ta’ immigrazzjoni legali u/jew temporanju inċert; diskriminazzjoni fl-aċċess għas-suq tax-xogħol u s-servizzi – pereżempju l-akkomodazzjoni; u sforzi insuffiċjenti għall-integrazzjoni min-naħa ta’ ċerti migranti. Dawn il-fatturi kollha jistgħu jikkontribwixxu għal nuqqas ta’ integrazzjoni soċjali. |
|
4.14. |
Il-moviment liberu tal-ħaddiema jista’ jtejjeb it-tqabbil bejn id-domanda u l-provvista tax-xogħol fl-UE kollha, u b’hekk jgħin biex il-qgħad jonqos. Madankollu, l-effett ta’ dan jista’ jkun ta’ detriment fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, pereżempju billi jikkaġuna l-eżodu ta’ mħuħ, speċjalment mill-Ewropa tal-Lvant Ċentrali u minn reġjuni periferiċi, inklużi l-gżejjer. Dawn l-oqsma jeħtieġu attenzjoni speċjali u investiment mill-fondi strutturali u ta’ investiment sabiex jappoġġjaw intrapriżi eżistenti u jrawmu l-istabbiliment ta’ intrapriżi ġodda, joħolqu impjiegi ta’ kwalità u jipprovdu servizzi, sabiex il-ħaddiema jkunu jistgħu jibqgħu fir-reġjun. Il-possibbiltà li wieħed jaħdem mid-dar issaħħaħ ir-reġjuni periferiċi u strutturalment dgħajfa bħala postijiet fejn wieħed jgħix u jaħdem. Sabiex jiġi evitat l-eżodu ta’ mħuħ fl-UE, il-konverġenza ekonomika u soċjali ’l fuq hija importanti. |
|
4.15. |
F’dan l-isfond, id-demografija għandha tiġi integrata fil-proposti ta’ politika u l-valutazzjonijiet tal-impatt rilevanti kollha. Għal dan l-għan, neħtieġu aktar riċerka u statistika u għandu jixtered l-għarfien dwar id-demografija fil-livell tal-UE. Biex jinkiseb dan, il-KESE jipproponi li tinħoloq Aġenzija Ewropea għad-Demografija biex tiżgura r-riċerka u l-istatistika f’dan il-qasam, u fl-istess ħin tiżgura kollaborazzjoni ma’ aġenziji eżistenti bħas-Cedefop u l-Eurofound u finanzjament suffiċjenti għalihom. Bl-istess mod, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissarju Ewropew għad-Demografija jkun appoġġjat minn struttura adegwata fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea. |
Brussell, it-18 ta’ Settembru 2024.
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Oliver RÖPKE
(1) Is-sehem tal-Afrika mill-popolazzjoni dinjija żdied minn 9 % fl-1960 għal 17 % u se jiżdied għal 38 % fl-2100. UN World Population Prospects.
(3) Kummissjoni Ewropea, The Impact of Demographic Change in a changing environment (L-impatt tat-tibdil demografiku f’ambjent li qed jinbidel – mhux disponibbli bil-Malti), 2023.
(4) Migration and asylum in Europe – 2023 edition (Il-migrazzjoni u l-ażil fl-Ewropa, edizzjoni tal-2023 – mhux disponibbli bil-Malti).
(5) Demography of Europe 2023 edition (Id-demografija tal-Ewropa, edizzjoni tal-2023 – mhux disponibbli bil-Malti).
(6) Projected old-age dependency ratio (Proporzjon previst ta’ dipendenza tal-età avvanzata – mhux disponibbli bil-Malti).
(7) https://www.politico.eu/article/europe-on-the-wane-global-economics-demographics-gdp/
https://www.researchgate.net/figure/Share-of-European-Union-in-world-GDP-1980-2019-in_fig1_282001367.
(8) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Il-promozzjoni tas-solidarjetà interġenerazzjonali Ewropea – lejn approċċ orizzontali tal-UE (ĠU C, C/2024/6869, 28.11.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6869/oj).
(9) Studju dwar it-Tkabbir Ewropew 2023; Skill gap key investment bottleneck (L-ostaklu ewlieni għall-investiment għad-diskrepanza fil-ħiliet – mhux disponibbli bil-Malti)
(10) Kompendju tal-OECD dwar l-Indikaturi tal-Produttività 2019 u 2024.
(11) https://cor.europa.eu/en/our-work/opinions/cdr-1173-2024.
(12) Skont l-Eurostat, dan kien ta’ 36,2 siegħa fil-ġimgħa fl-2011 u 35,1 siegħa fl-2023. https://ec.europa.eu/eurostat/databrowser/view/lfsa_ewhan2/default/table?lang=mt .
(13) Eurostat Labour Force survey + Cedefop skills intelligence “involuntary part-time employment” based on Eurostat LFS (Eurostat, Stħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol + Analiżi tas-Cedefop dwar Informazzjoni dwar il-ħiliet – Xogħol part-time involontarju, abbażi tal-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol tal-Eurostat – mhux disponibbli bil-Malti).
(14) L-implimentazzjoni tad-Direttiva 2022/2041 dwar pagi minimi adegwati.
(15) Biex jinżamm il-livell għoli tas-sigurtà soċjali u – b’mod partikolari – tal-pensjonijiet, skont ir-Rapport dwar it-Tixjiħ, il-kontribuzzjonijiet individwali jkollhom jiżdiedu b’mod konsiderevoli: 2024 Ageing Report (Rapport dwar it-Tixjiħ tal-2024 – mhux disponibbli bil-Malti).
(16) Opinjonijiet tal-KESE dwar il-il-kura.
Opinjoni tal-KESE dwar Indokraturi (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
L-Istrateġija Ewropea għall-Kura (ĠU C 140, 21.4.2023, p. 39).
Ir-rwol tal-membri tal-familja li jipprovdu l-kura lill-persuni b’diżabilità u lill-anzjani (ĠU C 75, 28.2.2023, p. 75).
Strateġija dwar il-forza tax-xogħol u l-kura fil-qasam tas-saħħa għall-futur tal-Ewropa (ĠU C 486, 21.12.2022, p. 37).
(17) Opinjoni Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Mobilità tal-Ħiliet u t-Talenti (COM(2023) 715 final) — Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Riżerva ta’ Talent tal-UE (COM(2023) 716 final – 2023/0404 (COD)) — Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill Ewropa Attiva – opportunitajiet ta’ mobbiltà tal-apprendiment għal kulħadd (COM(2023) 719 final) — Commission recommendation on the recognition of qualifications of third-country nationals (mhux disponibbli bil-Malti) (C(2023) 7700 final) (ĠU C, C/2024/4067, 12.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4067/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6867/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)