|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/1442 |
3.7.2026 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/1442
tal-25 ta’ Ġunju 2026
li tapprova t-talba tal-Kanada għal aċċess reċiproku fl-ambitu tal-Faċilità għall-Ukrajna stabbilita bir-Regolament (UE) 2024/792 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2024/792 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Frar 2024 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Ukrajna (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Il-Faċilità għall-Ukrajna tagħmel appoġġ finanzjarju sa EUR 50 biljun disponibbli għall-Ukrajna għall-perjodu mill-2024 sal-2027 fil-forma ta’ appoġġ mhux ripagabbli u self għall-irkupru, ir-rikostruzzjoni u l-modernizzazzjoni tal-Ukrajna. |
|
(2) |
Il-kooperazzjoni mas-sħab internazzjonali tal-Unjoni hija essenzjali għall-irkupru, ir-rikostruzzjoni u l-modernizzazzjoni tal-Ukrajna. Il-Kanada hija sieħeb ewlieni tal-Unjoni fl-appoġġ għall-irkupru, ir-rikostruzzjoni u l-modernizzazzjoni tal-Ukrajna. Hija membru fundatur tal-Pjattaforma tad-Donaturi għall-Ukrajna stabbilita f’Diċembru 2022 mill-mexxejja tal-G7 u hija membru tal-Kumitat ta’ Tmexxija tagħha. |
|
(3) |
Fid-19 ta’ Jannar 2026, il-Kanada ssottomettiet talba lill-Kummissjoni għal aċċess reċiproku għan-negozji u l-entitajiet għall-proċeduri ta’ akkwist u ta’ għoti ta’ għotjiet u l-kompetizzjonijiet tal-premjijiet tal-programmi rispettivi ta’ appoġġ għall-Ukrajna. |
|
(4) |
Il-Kummissjoni eżaminat l-informazzjoni pprovduta mill-Kanada u analizzat l-informazzjoni disponibbli dwar l-appoġġ internazzjonali pprovdut lill-Ukrajna, bil-ħsieb li tiddetermina jekk l-appoġġ tal-Kanada huwiex effettivament ristrett u tqabbel il-livell ta’ appoġġ ipprovdut mill-Unjoni u mill-Kanada, filwaqt li tqis l-aspetti kwalitattivi u kwantitattivi. |
|
(5) |
Il-Kanada ma tirrestrinġix il-parteċipazzjoni għal proġetti ffinanzjati fl-Ukrajna, u tagħti aċċess ugwali għall-proċeduri ta’ akkwist u ta’ għoti ta’ għotjiet u premjijiet tal-appoġġ tagħha lill-Ukrajna lill-pajjiżi eliġibbli kollha taħt il-Faċilità għall-Ukrajna. |
|
(6) |
Minn Frar 2022 sa Marzu 2026, il-Kanada impenjat aktar minn CAD 23,5 biljun għall-Ukrajna, b’CAD 13,99 biljun f’appoġġ dirett għall-baġit tal-istat Ukren jew appoġġ finanzjarju ieħor, CAD 6,5 biljun f’assistenza militari u appoġġ operazzjonali militari, CAD 1,36 biljun f’miżuri ta’ immigrazzjoni, CAD 702,1 miljun f’assistenza għall-irkupru u r-rikostruzzjoni (inkluża assistenza għall-iżvilupp), CAD 395,7 miljun f’assistenza umanitarja, CAD 229,8 miljun f’appoġġ għas-sigurtà u l-istabbilizzazzjoni, u CAD 19,8 miljun f’appoġġ għall-protezzjoni kulturali. Il-Kanada impenjat CAD 5 biljun bħala parti mill-inizjattiva “Self għall-Aċċellerazzjoni ta’ Dħul Straordinarju favur l-Ukrajna”. L-appoġġ totali lill-Ukrajna b’hekk huwa ekwivalenti għal medja ta’ 0,76 % tal-PDG tal-Kanada. Dan huwa komparabbli mal-appoġġ tal-Unjoni lill-Ukrajna (mill-baġit tal-Unjoni u l-baġits tal-Istati Membri flimkien) li jammonta għal 1,11 % tal-PDG tal-UE. |
|
(7) |
Il-Kanada hija wkoll azzjonista fil-Bank Dinji u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ), u ssottoskriviet bis-sħiħ għall-ishma allokati tagħha taż-żieda fil-kapital imħallas tal-2024 biex tippermetti l-appoġġ kontinwu tal-BERŻ fl-Ukrajna (EUR 137,2 miljun). Dak l-appoġġ jiġi kkalkolat bis-sħiħ u huwa l-ekwivalenti ta’ appoġġ ta’ għotja għall-Kanada minħabba l-istandards Kanadiżi tal-kontabbiltà pubblika. |
|
(8) |
L-appoġġ kontinwu tal-Kanada lill-Ukrajna jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-Ewropa, u għall-kondiviżjoni internazzjonali tal-piżijiet bejn l-UE u s-sħab tagħha fir-rigward tal-appoġġ lill-Ukrajna. |
|
(9) |
Fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Kanada, l-għoti ta’ aċċess reċiproku lill-Kanada għall-proċeduri ta’ akkwist u ta’ għoti ta’ għotjiet u premjijiet għal attivitajiet iffinanzjati taħt il-Faċilità għall-Ukrajna jsaħħaħ l-objettivi politiċi u ekonomiċi kondiviżi taż-żewġ partijiet, partikolarment b’appoġġ għall-irkupru, ir-rikostruzzjoni u l-modernizzazzjoni tal-Ukrajna, f’konformità mal-objettivi tal-Faċilità għall-Ukrajna. |
|
(10) |
Sabiex tiġi massimizzata l-effettività tal-għajnuna pprovduta lill-Ukrajna, huwa xieraq li l-Kanada tingħata aċċess reċiproku għal perjodu ta’ sena. |
|
(11) |
L-Ukrajna ġiet ikkonsultata fil-21 ta’ April 2026 rigward it-talba tal-Kanada għal aċċess reċiproku għall-Faċilità għall-Ukrajna, u kkonfermat il-qbil tagħha. |
|
(12) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Faċilità għall-Ukrajna, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Kanada tingħata aċċess reċiproku għall-proċeduri ta’ akkwist u ta’ għoti ta’ għotjiet u premjijiet għal attivitajiet iffinanzjati taħt il-Faċilità għall-Ukrajna, għal perjodu ta’ sena mit-23 ta’ Lulju 2026.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Ġunju 2026.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L, 2024/792, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/792/oj.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/1442/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)