|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/176 |
27.1.2026 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/176
tas-26 ta’ Jannar 2026
li jemenda r-Regolament (UE) Nru 142/2011 fir-rigward tal-miżuri tranżizzjonali għall-esportazzjoni ta’ taħlita ta’ laħam u għadam mitħuna bħala fjuwil għall-kombustjoni
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi r-regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (ir-Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 jistabbilixxi r-regoli għall-ġbir u għar-rimi tal-prodotti sekondarji tal-annimali u tal-prodotti derivati. L-Artikolu 12 flimkien mal-Artikolu 7(2) ta’ dak ir-Regolament jistipula li t-taħlita ta’ laħam u għadam mitħuna (MBM meat-and-bone meal) tal-Kategorija 1, jenħtieġ li tintrema permezz ta’ inċinerazzjoni, koinċinerazzjoni, kombustjoni jew tiġi mirduma f’radam jew tintuża bħala fjuwil għall-kombustjoni. L-Artikolu 43 ta’ dak ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli dwar l-esportazzjoni tal-prodotti sekondarji tal-annimali u tal-prodotti derivati. |
|
(2) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 (2) jistabbilixxi r-regoli tas-saħħa pubblika u tal-annimali għall-introduzzjoni fis-suq u l-esportazzjoni tal-prodotti sekondarji tal-annimali u tal-prodotti derivati minnhom. Il-Kapitolu V tal-Anness XIV ta’ dak ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għall-esportazzjoni ta’ ċerti prodotti derivati, inkluż l-MBM tal-materjali tal-Kategorija 1 maħsuba bħala fjuwil għall-kombustjoni. |
|
(3) |
Fl-2021, l-awtoritajiet kompetenti tal-Irlanda indikaw li kienu qed jibnu impjanti tal-kombustjoni tal-MBM. Huma talbu li, matul perjodu tranżitorju, jiġu awtorizzati l-flussi kummerċjali tradizzjonali tal-MBM tal-materjali tal-Kategorija 1 maħsuba għar-rimi fir-Renju Unit. Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2021/899 (3), il-Kummissjoni tat id-deroga mitluba sal-31 ta’ Diċembru 2023. |
|
(4) |
Fl-2023, l-awtoritajiet kompetenti tal-Irlanda infurmaw lill-Kummissjoni li diversi dewmien fl-ippjanar kien fixkel l-iskeda ta’ żmien prevista tal-kostruzzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni estendiet il-perjodu tranżitorju sat-30 ta’ Ġunju 2025 bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/2613 (4). |
|
(5) |
Fil-bidu ta’ Ġunju 2025, l-awtoritajiet kompetenti tal-Irlanda infurmaw lill-Kummissjoni li, minħabba dewmien kumulattiv fil-kostruzzjoni tal-impjanti, se jkunu meħtieġa sentejn oħra biex titlesta l-kapaċità ta’ kombustjoni tagħhom stess għar-rimi tal-MBM. Għalhekk huwa xieraq li l-estensjoni tal-perjodu tranżitorju tiġi estiża sat-30 ta’ Ġunju 2027. Il-Kummissjoni tqis li dan il-perjodu jenħtieġ li jkun xieraq biex tiġi ffinalizzata l-kostruzzjoni tal-impjanti. |
|
(6) |
Għalhekk, jenħtieġ li l-Kapitolu V tal-Anness XIV tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 jiġi emendat kif xieraq. |
|
(7) |
Jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mill-1 ta’ Lulju 2025 biex tiġi żgurata l-kontinwità bejn il-perjodu tranżitorju preċedenti u l-perjodu tranżitorju previst f’dan ir-Regolament, kif ukoll biex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali fir-rigward tal-esportazzjoni tal-MBM mill-Irlanda lejn ir-Renju Unit. |
|
(8) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness XIV tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2025.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Jannar 2026.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/1069/oj.
(2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 tal-25 ta’ Frar 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi skont dik id-Direttiva (ĠU L 54, 26.2.2011, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/142/oj).
(3) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2021/899 tat-3 ta’ Ġunju 2021 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 142/2011 fir-rigward tal-miżuri tranżizzjonali għall-esportazzjoni ta’ taħlita ta’ laħam u għadam mitħuna bħala karburant għall-kombustjoni (ĠU L 197, 4.6.2021, p. 68, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/899/oj).
(4) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/2613 tat-23 ta’ Novembru 2023 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 142/2011 fir-rigward ta’ miżuri tranżizzjonali għall-esportazzjoni tal-frakass tal-fdal tal-laħam u tal-għadam bħala fjuwil għall-kombustjoni (ĠU L, 2023/2613, 24.11.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2613/oj).
ANNESS
Fil-Kapitolu V, fit-tabella, fir-ringiela 3, fit-tielet kolonna tal-Anness XIV tar-Regolament (UE) Nru 142/2011, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:
|
“(a) |
l-awtorità kompetenti tal-Irlanda awtorizzat l-esportazzjoni lejn l-impjant tal-kombustjoni fir-Renju Unit sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2027, dment li tali movimenti tal-MBM tal-materjali tal-Kategorija 1 maħsuba għar-rimi jkunu saru minn dak l-Istat Membru qabel l-1 ta’ Jannar 2021 fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(6), (7) u (8);”. |
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2026/176/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)