2007D0641 — MT — 31.03.2011 — 003.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

ta’ l-1 ta’ Ottubru 2007

dwar il-konklużjoni ta’ konsultazzjonijiet mar-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Partenarjat AKP-KE u l-Artikolu 37 ta’ l-Istrument ta’ Kooperazzjoni fl-Iżvilupp

(2007/641/KE)

(ĠU L 260, 5.10.2007, p.15)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

 M1

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL tal-24 ta’ Settembru 2009

  L 262

43

6.10.2009

 M2

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL tad-29 ta’ Marzu 2010

  L 89

7

9.4.2010

 M3

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL tas-27 ta’ Settembru 2010

  L 260

10

2.10.2010

►M4

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL tal-31 ta’ Marzu 2011

  L 93

2

7.4.2011




▼B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

ta’ l-1 ta’ Ottubru 2007

dwar il-konklużjoni ta’ konsultazzjonijiet mar-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Partenarjat AKP-KE u l-Artikolu 37 ta’ l-Istrument ta’ Kooperazzjoni fl-Iżvilupp

(2007/641/KE)



IL-KUNSILL ta’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min naħa u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri min naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 ( 1 ) u kif rivedut fil-Lussemburgu fil-25 ta’ Ġunju 2005 ( 2 ) (“Ftehim ta’ Partenarjat AKP-KE”), u b’mod partikolari l-Artikolu 96 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Intern bejn ir-rappreżentanti tal-gvernijiet ta’ l-Istati Membri, li jiltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, dwar miżuri li għandhom jittieħdu u proċeduri li għandhom ikunu segwiti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Partenarjat AKP-KE ( 3 ), u b’mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta’ finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp ( 4 ) (“l-Istrument għall-Kooperazzjoni fl-Iżvilupp ”), u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

L-elementi essenzjali msemmija fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE ġew miksura.

(2)

Il-valuri msemmija fl-Artikolu 3 ta’ l-Istrument għall-Kooperazzjoni fl-Iżvilupp ġew miksura.

(3)

Fit-18 ta’ April 2007, skond l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE u l-Artikolu 37 ta’ l-Istrument għall-Kooperazzjoni fl-Iżvilupp, bdew konsultazzjonijiet formali mal-pajjiżi ta’ l-AKP u r-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi li fihom l-awtoritajiet tal-Fiġi għamlu impenji speċifiċi sabiex jirrimedjaw il-problemi identifikati mill-Unjoni Ewropea u jimplimentawhom.

(4)

Ittieħdu xi miżuri sostantivi fir-rigward ta’ wħud mill-impenji msemmija hawn fuq; madanakollu ħafna impenji importanti li jirrigwardaw l-elementi essenzjali tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE u l-Istrument għall-Kooperazzjoni fl-Iżvilupp għadhom iridu jkunu implimentati,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:



Artikolu 1

Il-Konsultazzjonijiet mar-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE u l-Artikolu 37 ta’ l-Istrument għall-Kooperazzjoni fl-Iżvilupp huma konklużi.

Artikolu 2

Il-miżuri xierqa stabbiliti fl-ittra annessa huma hawnhekk adottati bħala miżuri xierqa taħt l-Artikolu 96(2)(ċ) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE u l-Artikolu 37 ta’ l-Istrument għall-Kooperazzjoni fl-Iżvilupp.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ l-adozzjoni tagħha.

▼M4

Għandha tiskadi fit-30 ta’ Settembru 2011. Hija għandha tiġi riveduta regolarment tal-anqas darba kull sitt xhur.

▼B

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

▼M4




ANNESS

ITTRA ABBOZZ

L-Eċċellenza Tiegħu Ratu Epeli NAILATIKAU

President tar-Repubblika ta’ Fiġi

Suva

Ir-Repubblika ta’ Fiġi

Eċċellenza,

L-Unjoni Ewropea (UE) tagħti importanza kbira lid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE u l-Artikolu 3 tal-Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp. Is-sħubija AKP-UE hija bbażata fuq ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt, li jifformaw l-elementi essenzjali tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE, u lill-bażi tar-relazzjonijiet tagħna.

Fil-11 ta' Diċembru 2006 l-Kunsill tal-UE kkundannat il-kolp ta' stat militari li seħħ fir-Repubblika ta’ Fiġi (Fiġi).

Taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE, u b'kunsiderazzjoni għall-fatt li l-kolp ta' stat militari li seħħ fil-5 ta' Diċembru 2006 jikkostitwixxi ksur tal-elementi essenzjali elenkati fl-Artikolu 9 tiegħu, l-UE stiednet lil Fiġi għal konsultazzjonjiet, kif previst fil-Ftehim Sħubija AKP-UE, sabiex is-sitwazzjoni tiġi eżaminata bir-reqqa u, fejn neċessarju, jittieħdu passi biex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni tagħha.

Il-parti formali ta' dawk il-konsultazzjonijiet bdew fi Brussell fit-18 ta' April 2007. L-UE laqgħet b'sodisfazzjon il-fatt li f'dak iż-żmien il-Gvern Interim ikkonferma għadd ta' impenji ewlenin fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, rispett għal prinċipji demokratiċi u għall-istat tad-dritt, kif imsemmi hawn taħt, u pproponiet passi pożittivi fir-rigward tal-implimentazzjoni tagħhom.

Sfortunatament, minn dak iż-żmien 'il hawn kien hemm sensiela ta' żviluppi rigressivi, b'mod partikolari f'April 2009, u dan ifisser li issa Fiġi tinsab fi stat ta' ksur ta' diversi impenji li daħlet għalihom. Dan jirrigwarda partikolarment l-abrogazzjoni tal-Kostituzzjoni, id-dewmien sostanzjali ħafna fiż-żamma ta' elezzjonijiet parlamentari, u l-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem. Minkejja li l-implimentazzjoni tal-impenji ddewmet b'mod sostanzjali, il-maġġornanza ta' dawk l-impenji għadhom rilevanti ħafna għas-sitwazzjoni preżenti ta' Fiġi, u huma għalhekk mehmuża ma' din l-ittra. Peress li l-Fiġi ddeċidiet unilateralment li tikser numru ta' impenji ta' importanza ewlenija, dan wassal għal telf għall-Fiġi f'termini ta' fondi għall-iżvilupp.

Madanakollu, fl-ispirtu ta' sħubija li tifforma l-bażi tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE, l-UE tesprimi d-disponibbiltà tagħha li tieħu sehem f'konsultazzjonijiet formali ġodda malli jkun hemm prospetti raġjonevoli għal konklużjoni pożittiva għal tali konsultazzjonijiet. Fl-1 ta' Lulju 2009 il-Prim Ministru Interim ippreżenta pjan ta' direzzjoni biex issir riforma u biex terġa' tiġi stabbilita l-ordni demokratiku. L-UE hija lesta li tipparteċipa fi djalogu dwar dan il-pjan ta' direzzjoni, u li tikkunsidra jekk dan jistax iservi bħala bażi għal konsultazzjonijiet ġodda. Għaldaqstant, l-UE ddeċidiet li testendi l-miżuri xierqa eżistenti għall-Fiġi sabiex toħloq spazju ta' opportunità għal konsultazzjonijiet ġodda. Filwaqt li, illum il-ġurnata, xi wħud mill-miżuri xierqa skadew, ġie konkluż li minflok ma dawn għandhom jiġu aġġornati unilateralment, l-UE tippreferi li tesplora aktar il-possibilitajiet għal konsultazzjonijiet ġodda ma' Fiġi. Għaldaqstant, huwa ta' importanza partikolari li l-Gvern Interim jimpenja ruħu favur djalogu politiku domestiku inklussiv u favur flessibbiltà fir-rigward taż-żmien li fih jitwettaq il-pjan direzzjonali. Filwaqt li l-pożizzjoni tal-UE hija u se tibqa' dejjem iggwidata mill-elementi essenzjali tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE rrevedut kif ukoll mill-prinċipji fundamentali tiegħu, b'mod notevoli fir-rigward tar-rwol ċentrali ta' djalogu u t-twettiq ta' obbligi reċiproki, huwa enfasizzat li l-UE ma waslet għal ebda konklużjoni ppremeditata fir-rigward tar-riżultati ta' konsultazzjonijiet futuri.

Jekk konsultazzjonijiet ġodda jirriżultaw f'impenji sostanzjali mill-Fiġi, l-UE hija impenjata favur rivalutazzjoni bikrija u pożittiva ta' dawn il-miżuri xierqa. Għall-kuntrarju ta' dan, jekk is-sitwazzjoni fil-Fiġi ma titjiebx, il-Fiġi se tkompli tbati telf ulterjuri fir-rigward ta' fondi għall-iżvilupp. b'mod partikolari, il-valutazzjoni tal-progress li sar għar-ritorn għal tmexxija kostituzzjonali se tiggwida lill-UE fid-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu dwar miżuri akkompan fir-rigward tal-pajjiżi tal-Protokoll taz-Zokkor u l-Programm Indikattiv Nazzjonali taħt l-għaxar Fondi Ewropew għall-Iżvilupp (EDFs).

Sakemm ikunu saru konsultazzjonijiet ġodda, l-UE tistieden lill-Fiġi sabiex tkompli u tintensifika d-djalogu politiku msaħħaħ.

Il-miżuri xierqa huma dawn li ġejjin:

— tista' tkompli għaddejja għajnuna umanitarja u sostenn dirett għas-soċjetà ċivili,

— l-attivitajiet ta' kooperazzjoni li se jsiru b'mod partikolari taħt it-tmien u d-disa' EDFs, jistgħu jibqgħu għaddejjin;

— attivitajiet ta' kooperazzjoni li jistgħu jgħinu biex id-demokrazija tkun restawrata mill-ġdid u biex itejbu t-tmexxija, jistgħu jiġu segwiti, għajr taħt ċirkustastanzi verament eċċezzjonali;

— l-implimentazzjoni tal-miżuri akkompanjanti għall-2006, fir-rigward tar-riforma taz-zokkor, tista' tipproċedi. Il-ftehim ta' finanzjament ġie ffirmat fil-livell tekniku mill-Fiġi fid-19 ta' Ġunju 2007. Hu nnotat li l-ftehim ta' finanzjament jinkludi klawżola ta' sospensjoni;

— it-tħejjija u l-iffirmar potenzjali tal-programm indikattiv multiannwali għar-riforma taz-zokkor li jakkompanjaw il-miżuri għall-2011-2013 jistgħu jipproċedu;

— it-tlestija, l-iffirmar fl-livell tekniku u l-implimentazzjoni tad-Dokument dwar l-Istrateġija tal-Pajjiż u l-Programm Nazzjonali Indikattiv għall-għaxar FEŻ b'pakkett indikattiv finanzjarju, kif ukoll l-allokazzjoni possibbli ta' pakkett ta' inċentivi sa 25 % ta' din is-somma, se tkun soġġetta għar-rispett lejn l-impenji li saru fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, b'mod notevoli: li l-Gvern Interim josserva l-Kostituzzjoni, li l-indipendenza tal-ġudikatura tiġi rispettata bis-sħiħ, li r-Regolamenti ta' Emerġenza Pubblika, imdaħħla mill-ġdid fis-6 ta' Settembru 2007, jitneħħew mill-aktar fis, li l-allegazzjonijiet kollha ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem ikunu investigati jew indirizzati skont il-proċeduri u l-fora varji taħt il-liġijiet tal-Fiġi, u li l-Gvern Interim se jagħmel li jista' biex iwaqqaf milli jsiru dikjarazzjonijiet minn aġenziji tas-sigurtà maħsuba biex jintimidaw,

— l-allokazzjoni taz-zokkor għall-2007 hija żero;

— id-disponibbiltà tal-allokazzjoni taz-zokkor għall-2008 kienet soġġetta għal prova ta' tħejjija, kredibbli u f'waqtha, ta' elezzjonijiet skont l-impenji miftiehma, partikolarment dwar iċ-ċensiment, it-tfassil mill-ġdid tal-konfini elettorali u r-riforma elettorali skont il-Kostituzzjoni, u miżuri li ttieħdu biex jiżguraw il-funzjonament tal-Uffiċċju Elettorali, li jinkludi l-ħatra ta' Kontrollur tal-Elezzjonijiet sat-30 ta' Settembru 2007 skont il-Kostituzzjoni. Din l-allokazzjoni taz-zokkor għall-2008 ntilfet fil-31 ta' Diċembru 2009;

— l-allokazzjoni taz-zokkor għall-2009 ġiet ikkanċellata f'Mejju 2009 minħabba li l-Gvern Interim ddeċieda li jipposponi l-elezzjonijiet ġenerali sa Settembru 2014;

— l-allokazzjoni għall-2010 ġiet ikkanċellata qabel l-1 ta' Mejju 2010 peress li ma sar l-ebda progress fit-tkomplija tal-proċess demokratiku; madanakollu, minħabba s-sitwazzjoni kritika tas-settur taz-zokkor parti mill-allokazzjoni twarrbet għal għajnuna diretta lill-popolazzjoni dipendenti direttament fuq il-produzzjoni taz-zokkor sabiex tnaqqas il-konsegwenzi soċjali ħżiena. Dawn il-fondi huma ġestiti ċentralment mid-Delegazzjoni tal-UE f'Suva u ma jiġux mgħoddija lill-Gvern;

— id-disponibbiltà tal-allokazzjoni indikattiva taħt il-programm multi-annwali għall-miżuri akkompanjanti tar-riforma fiz-zokkor 2011-2013 tiddependi fuq ftehim fil-proċess ta' konsultazzjoni; fin-nuqqas ta' tali ftehim ikunu biss intervenzjonijiet ta' mitigazzjoni soċjali li jiġu meqjusa għall-iffinanzjar permezz ta' din l-allokazzjoni.

— appoġġ speċifiku għat-tħejjija u l-implimentazzjoni ta' impenji ewlenin, b'mod partikolari b'appoġġ għat-tħejjija u/jew it-twettiq ta' elezzjonijiet, jistgħu jiġu meqjusa;

— il-kooperazzjoni reġjonali, u l-parteċipazzjoni ta' Fiġi fiha, mhux se jiġu affettwati,

— il-kooperazzjoni mal-Bank Ewropew għall-Investiment u maċ-Ċentru għall-Izvilupp tal-Impriżi tista' tkompli għaddejja iżda din hija soġġetta għat-twettiq f'waqtu tal-impenji li saru.

L-impenji jiġu mmonitorjati b'konformità amt-termini fl-Anness għal din l-ittra li tikkonċerna d-djalogu regolari, u l-kooperazzoni effettiva ma' valutazzjonijiet u missjonijiet ta' monitoraġġ u rappurtaġġ.

Barra minn hekk, l-UE tistenna li l-Fiġi tikkoopera bis-sħiħ mal-Forum tal-Gżejjer tal-Paċifiku dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet mill-Grupp ta' Persuni Eminenti, kif approvat mill-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Forum fil-laqgħa tagħhom f'Vanuatu fis-16 ta' Marzu 2007.

L-UE se tkompli ssegwi s-sitwazzjoni fil-Fiġi mill-qrib. Skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Cotonou, djalogu politiku msaħħaħ se jitwettaq ma' Fiġi biex jiġi żgurat ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, ir-restawr mill-ġdid tad-demokrazija u r-rispett għall-istat tad-dritt sakemm iż-żewġ partijiet jikkonkludi li n-natura msaħħa tad-djalogu serviet l-għan taghħa.

Jekk ikun hemm tnaqqis tal-pass, falliment jew rigress fl-implimentazzjoni tal-impenji mittieħda mill-Gvern Interim, l-UE tirriżerva d-dritt li taġġusta l-miżuri xierqa.

L-UE tenfasizza li l-privileġġi li ngħataw lil Fiġi tul il-kooperazzjoni tagħha mal-UE jiddipendu fuq ir-rispett għall-elementi essenzjali tal-Ftehim ta' Cotonou u l-prinċipji stabbiliti fl-Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp. Sabiex l-UE ssir konvinta li l-Gvern Interim huwa lest b'mod sħiħ sabiex isegwi l-impenji meħuda, huwa essenzjali li jsir progress mill-ewwel u sostanzjali fit-twettiq tal-impenji miftiehma.

Dejjem tiegħek,

Magħmul fi Brussell,

Għall-UE




ANNESS GĦALL-ANNESS

IMPENJI MIFTIEHMA MAR-REPUBBLIKA TA' FIĠI

A.    Rispett għall-Prinċipji Demokratiċi

Impenn Nru 1

Li jseħħu elezzjonijiet parlamentari ħielsa u ġusti fi żmien 24 xahar mill-1 ta' Marzu 2007, soġġett għall-osservazzjonijiet tal-valutazzjoni li għandha ssir mill-awdituri indipendenti maħtura mis-Segretarjat tal-Forum tal-Gżejjer Paċifiċi. Il-proċessi li jwasslu għall-elezzjonijiet, u t-twettiq tal-istess elezzjonijiet, għandhom ikunu, b'mod konġunt, sorveljati, adattati u riveduti kif xieraq fuq il-bażi ta' parametri maqbula b'mod konġunt. Dan jimplika b'mod partikulari:

— sat-30 ta' Ġunju 2007 l-Gvern Interim se jadotta skeda li tistabbilixxi dati għat-tlestija ta' diversi passi li jridu jittieħdu fir-rigward tat-tħejjija tal-elezzjonijiet parlamentari l-ġodda,

— l-iskeda tispeċifika ż-żmien taċ-ċensiment, l-abbozz mill-ġdid tal-konfini u r-riforma elettorali,

— it-tfassil tal-konfini elettorali u r-riforma elettorali se jitwettaq b'konformità mal-Kostituzzjoni,

— se jittieħdu miżuri biex jiġi żgurat il-funzjonament tal-Uffiċċju Elettorali, li jinkludu l-ħatra ta' Superviżur tal-Elezzjonijiet sat-30 ta' Settembru 2007 b'konformità mal-Kostituzzjoni,

— il-ħatra tal-Viċi-President ser issir b'konformità mal-Kostituzzjoni.

Impenn Nru 2

Li l-Gvern Interim, meta jadotta inizjattivi u bidliet leġiżlattivi, fiskali u oħrajn ta' politika, li jkunu ta' natura importanti, għandu jagħti l-piż dovut lill-konsultazzjonijiet mas-soċjetà ċivili u l-partijiet interessati relevanti l-oħra.

B.    L-Istat tad-Dritt

Impenn Nru 1

Li l-Gvern Interim għandu jagħmel l-akbar sforzi sabiex ma jħallix li jsiru dikjarazzjonijiet minn aġenziji ta' sigurtà maħsuba biex jintimidaw.

Impenn Nru 2

Li l-Gvern Interim iħares il-Kostituzzjoni tal-1997, u jiggarantixxi l-ħidma normali u indipendenti tal-istituzzjonijiet kostituzzjonali bħall-Kummissjoni tal-Fiġi għad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku, u l-Kummissjoni tal-Uffiċċji Kostituzzjonali. L-indipendenza sostanzjali u l-ħidma tal-Kunsill il-Kbir tal-Kapijiet ikunu preżervati.

Impenn Nru 3

Li l-indipendenza tal-ġudikatura tkun rispettata bis-sħiħ, li titħalla taħdem liberament u li d-deċiżjonijiet tagħha jkunu rispettati mill-partijiet kollha inkwistjoni, partikolarment:

— li l-Gvern Interim jimpenja ruħu li jaħtar it-tribunal skont is-Sezzjoni 138(3) tal-Kostituzzjoni sal-15 ta' Lulju 2007,

— li kwalunkwe ħatra u/jew tneħħija ta' imħallef għandha għalhekk issir b'konformità stretta mad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali u r-regoli dwar proċedimenti,

— li ma jkun hemm l-ebda interferenza, fi kwalunkwe forma, mill-forzi miltari u l-pulizija jew mill-Gvern Proviżorju fil-proċess ġudizzjarju, li jinkludi rispett sħiħ għall-professjoni legali.

Impenn Nru 4

Li l-proċeduri kriminali kollha marbuta mal-korruzzjoni jkunu indirizzati permezz tal-mezzi ġudizzjarji xierqa u li kwalunkwe korpi oħrajn li jistgħu jitwaqqfu sabiex jinvestigaw każijiet allegati ta' korruzzjoni joperaw fil-limiti kostituzzjonali.

C.    Drittijiet tal-Bniedem u Libertajiet Fundamentali

Impenn Nru 1

Il-Gvern Interim jieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex jiffaċilita l-investigazzjoni jew l-indirizzar tal-allegazzjonijiet kollha ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem skont il-proċeduri u l-fora varji taħt il-liġijiet tal-Gżejjer Fiġi.

Impenn Nru 2

Il-Gvern Interim biħsiebu jneħħi r-Regolamenti ta' Emerġenza Pubblika f'Mejju 2007, soġġett għal kwalunkwe theddidiet għas-sigurtà nazzjonali, l-ordni pubbliku jew is-sikurezza.

Impenn Nru 3

Il-Gvern Interim hu impenjat li jiżgura li l-Kummissjoni ta' Drittijiet tal-Bniedem fil-Fiġi taħdem b'indipendenza sħiħa u skont il-Kostituzzjoni.

Impenn Nru 4

Li l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-midja, fil-forom kollha tagħha jkunu rispettati b'mod sħiħ kif previst fil-Kostituzzjoni.

D.    Is-segwitu tal-Impenji

Impenn Nru 1

Li l-Gvern Proviżorju jimpenja ruħhu li jżomm djalogu regolari biex tkun tista' ssir verifika tal-progress li sar u jagħti lill-awtoritajiet/rappreżentanti tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea aċċess sħiħ għall-informazzjoni dwar il-kwestjonijiet kollha relatati mad-drittijiet tal-bniedem, ir-restawr mill-ġdid paċifiku tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fil-Fiġi.

Impenn Nru 2

Li l-Gvern Interim jikkoopera bis-sħiħ ma’ kwalunkwe missjoni mill-UE biex jiġi evalwat il-progress.

Impenn Nru 3

Li mit-30 ta' Ġunju 2007, il-Gvern Interim jibda jibgħat kull tliet xhur rapporti dwar il-progress li sar fir-rigward tal-elementi essenzjali tal-Ftehim ta’ Cotonou u dwar l-impenji.

Hu nnutat li ċerti kwistjonijiet jistgħu jiġu indirizzati b’mod effettiv biss permezz ta’ approċċ pragmatiku li jagħraf ir-realtajiet preżenti u jiffoka fuq il-ġejjieni.



( 1 ) ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.

( 2 ) ĠU L 287, 28.10.2005, p. 4.

( 3 ) ĠU L 317, 15.12.2000, p. 376.

( 4 ) ĠU L 378, 27.12.2006, p. 41.