Brussell, 20.5.2020

COM(2020) 505 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Ġermanja tal-2020 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Ġermanja tal-2020


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Ġermanja tal-2020 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Ġermanja tal-2020

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi 2 , u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)Fis-17 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli, li ta bidu għas-Semestru Ewropew tal-2020 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Hija ħadet kont debitu tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, iddikjarat mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017. Fis-17 ta’ Diċembru 2019, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih hija identifikat lill-Ġermanja bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro.

(2)Ir-rapport tal-pajjiż tal-2020 għall-Ġermanja 3 ġie ppubblikat fis-26 ta’ Frar 2020. Dan ivvaluta l-progress tal-Ġermanja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fid-9 ta’ Lulju 2019 4 , is-segwitu mogħti lir-rakkomandazzjonijiet adottati fis-snin preċedenti u l-progress tal-Ġermanja lejn il-miri nazzjonali tal-Ewropa tal-2020. Ir-rapport inkluda wkoll analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, li r-riżultati tagħha ġew ippubblikati wkoll fis-26 ta’ Frar 2020. L-analiżi tal-Kummissjoni wasslitha biex tikkonkludi li l-Ġermanja qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi. B’mod partikolari, is-surplus għoli fil-kont kurrenti jirrifletti livell baxx ta’ investiment fir-rigward tat-tfaddil u għandu rilevanza transfruntiera.

(3)Fil-11 ta’ Marzu 2020, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa uffiċjalment iddikjarat il-COVID-19 bħala pandemija dinjija. Hija emerġenza serja tas-saħħa pubblika għaċ-ċittadini, is-soċjetajiet u l-ekonomiji. Qiegħda tpoġġi s-sistemi tas-saħħa nazzjonali taħt pressjoni qawwija, tfixkel il-ktajjen ta’ provvista dinjija, tikkawża volatilità fis-swieq finanzjarji, tiskatta xokkijiet fid-domanda tal-konsumatur u jkollha effetti negattivi f’diversi setturi. Qiegħda thedded l-impjiegi tan-nies, l-introjti tagħhom u n-negozji tal-kumpaniji. Wasslet għal xokk ekonomiku mill-akbar li diġà qiegħed ikollu riperkussjonijiet serji fl-Unjoni Ewropea. Fit-13 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni 5 li tappella għal rispons ekonomiku kkoordinat għall-kriżi, li jinvolvi l-atturi kollha fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni.

(4)Diversi Stati Membri ddikjaraw stat ta’ emerġenza jew introduċew miżuri ta’ emerġenza. Jenħtieġ li kull miżura ta’ emerġenza tkun strettament proporzjonata, meħtieġa, limitata fiż-żmien u konformi mal-istandards Ewropej u internazzjonali. Jenħtieġ li dawn ikunu soġġetti għal sorveljanza demokratika u stħarriġ ġudizzjarju indipendenti.

(5)Fl-20 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir 6 . Il-klawżola, kif inhu stipulat fl-Artikoli 5(1), 6(3), 9(1) u 10(3) tar-Regolament (KE) 1466/97 u l-Artikoli 3(5) u 5(2) tar-Regolament (KE) 1467/97, tiffaċilita l-koordinazzjoni tal-politiki baġitarji fi żminijiet ta’ tnaqqis qawwi fir-ritmu ekonomiku. F’din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni qasmet il-ħsieb tagħha mal-Kunsill li, minħabba tnaqqis qawwi fir-ritmu ekonomiku b’riżultat tat-tifqigħa tal-COVID-19, il-kundizzjonijiet attwali jippermettu l-attivazzjoni tal-klawżola. Fit-23 ta’ Marzu 2020, il-Ministri għall-Finanzi tal-Istati Membri qablu mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni. L-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tippermetti devjazzjoni temporanja mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju ta’ żmien medju, sakemm dan ma jipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fiż-żmien medju. Għall-parti korrettiva, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi wkoll, b’rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, li jadotta trajettorja fiskali riveduta. Il-klawżola liberatorja ġenerali ma tissospendix il-proċeduri tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Tippermetti li l-Istati Membri jiddevjaw mir-rekwiżiti baġitarji li normalment japplikaw filwaqt li tippermetti li l-Kummissjoni u l-Kunsill jieħdu l-miżuri ta’ koordinazzjoni tal-politika meħtieġa fil-qafas tal-Patt.

(6)Tenħtieġ azzjoni kontinwa biex tiġi limitata u kkontrollata l-firxa tal-pandemija, tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistemi nazzjonali tas-saħħa, jittaffew il-konsegwenzi soċjoekonomiċi permezz ta’ miżuri ta’ appoġġ għan-negozji u għall-unitajiet domestiċi u biex jiġu żgurati kundizzjonijiet adegwati għas-saħħa u s-sigurtà fil-post tax-xogħol bil-ħsieb li terġa’ tibda l-attività ekonomika. Jenħtieġ li l-Unjoni tuża b’mod sħiħ id-diversi għodod li għandha għad-dispożizzjoni tagħha biex tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri f’dawk l-oqsma. B’mod parallel, jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Unjoni jaħdmu flimkien biex iħejju l-miżuri meħtieġa biex jerġgħu lura għal funzjonament normali tas-soċjetajiet u l-ekonomiji tagħna u għal tkabbir sostenibbli, li jintegraw fost l-oħrajn it-tranżizzjoni ekoloġika u t-trasformazzjoni diġitali, u li jieħdu t-tagħlimiet kollha mill-kriżi.

(7)Il-kriżi tal-COVID-19 enfasizzat il-flessibbiltà li joffri s-suq uniku li jadatta għal sitwazzjoniijiet differenti ħafna mis-soltu. Madankollu, sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni rapida u bla xkiel għall-fażi ta’ rkupru u l-moviment liberu ta’ oġġetti, servizzi u ħaddiema, iridu jitneħħew miżuri eċċezzjonali li jwaqqfu l-funzjonament normali tas-suq uniku hekk kif dawn ma jibqgħux indispensabbli. Il-kriżi attwali wriet il-ħtieġa għal pjanijiet ta’ tħejjija għall-kriżijiet fis-settur tas-saħħa, li jinkludu b’mod partikolari titjib fl-istrateġiji tax-xiri, diversifikazzjoni fil-ktajjen tal-provvista u riżervi strateġiċi ta’ provvisti essenzjali. Dawn huma elementi kruċjali għall-iżvilupp ta’ pjanijiet akbar ta’ tħejjija għall-kriżijiet.

(8)Il-leġiżlatur tal-Unjoni diġà emenda l-oqfsa leġiżlattivi rilevanti 7 li jippermettu lill-Istati Membri jimmobilizzaw ir-riżorsi kollha mhux użati mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej biex ikunu jistgħu jittrattaw l-effetti eċċezzjonali tal-pandemija tal-COVID-19. Dawn l-emendi se jipprovdu flessibbiltà addizzjonali, kif ukoll proċeduri simplifikati u razzjonalizzati. Biex jittaffew il-pressjonijiet ta’ flussi ta’ flus, l-Istati Membri jistgħu jibbenefikaw ukoll minn rata ta’ kofinanzjament ta’ 100 % mill-baġit tal-Unjoni fis-sena kontabilistika 2020-2021. Il-Ġermanja hija mħeġġa tuża bis-sħiħ dawn il-possibbiltajiet biex tgħin lill-individwi u s-setturi l-aktar affettwati mill-isfidi.

(9)Il-konsegwenzi soċjoekonomiċi tal-pandemija aktarx ma jitqassmux b’mod uniformi fis-setturi u fir-reġjuni kollha minħabba xejriet ta’ speċjalizzazzjoni differenti. Dan jinvolvi riskju ta’ żieda fl-inugwaljanzi fil-Ġermanja. Flimkien mar-riskju ta’ tnaqqis temporanju fil-proċess ta’ konverġenza bejn l-Istati Membri, is-sitwazzjoni attwali titlob rispons ta’ politika mfassal apposta.

(10)Fl-20 ta’ April 2020, il-Ġermanja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha tal-2020 u, fit-30 ta’ April 2020, il-Programm ta’ Stabbiltà tagħha tal-2020. Sabiex jitqiesu r-rabtiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess ħin.

(11)Bħalissa l-Ġermanja qiegħda fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u hija soġġetta għar-regola tad-dejn.

(12)Fil-Programm ta’ Stabbiltà tiegħu tal-2020, il-Gvern qed jippjana li l-bilanċ nominali jiddeterjora minn surplus ta’ 1,4 % tal-PDG fl-2019 għal defiċit ta’ 7¼ % tal-PDG fl-2020. Wara li fl-2019 il-PDG naqas għal 59,8 %, id-dejn tal-amministrazzjoni pubblika bħala proporzjon tal-PDG hu mistenni li jiżdied għal 75¼ % fl-2020 skont il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020. Il-perspettiva makroekonomika u fiskali hija affettwata minn ħafna inċertezza minħabba l-pandemija tal-COVID-19.

(13)B’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, u bħala parti minn approċċ koordinat tal-Unjoni, il-Ġermanja adottat miżuri baġitarji biex iżżid il-kapaċità tas-sistema tas-saħħa tagħha, trażżan il-pandemija, u tgħin lil dawk l-individwi u lis-setturi li ġew affettwati b’mod partikolari. Skont il-Programmi ta’ Stabbiltà tal-2020, fl-2020 dawn il-miżuri baġitarji jammontaw għal 7,2 % tal-PDG. Il-miżuri jinkludu appoġġ ta’ likwidità għall-kumpaniji, assistenza mmirata għall-kumpaniji ż-żgħar u l-ħaddiema għal rashom b’għotjiet u self kif ukoll b’aċċess eħfef għal skemi ta’ xogħol b’ħinijiet aqsar biex jiġu evitati s-sensji. Barra minn hekk, il-Ġermanja ħabbret miżuri li, filwaqt li ma għandhomx impatt baġitarju dirett, se jikkontribwixxu għall-appoġġ tal-likwidità għan-negozji, li l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020 jistma għal 24,9 % tal-PDG. Dawn il-miżuri jikkonsistu f’garanziji ta’ self li huma prinċipalment ipprovduti mill-bank tal-iżvilupp tal-Istat KfW kif ukoll mill-Fond il-ġdid għall-Istabbilizzazzjoni Ekonomika, maħluq b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19. Għall-kuntrarju tal-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020, l-istimi tal-Kummissjoni ma jqisux id-differimenti ta’ taxxa u l-kumpensi baġitarji għat-tnaqqis tad-dħul mit-taxxa minħabba t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku bħala miżuri diskrezzjonali b’impatt baġitarju. Kumplessivament, il-miżuri li ħadet il-Ġermanja huma konformi mal-linji gwida stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq rispons ekonomiku kkoordinat għat-tifqigħa tal-COVID-19. L-implimentazzjoni sħiħa ta’ dawn il-miżuri, segwiti minn iffukar mill-ġdid tal-politiki fiskali biex jintlaħqu pożizzjonijiet fiskali prudenti fi żmien medju meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, se jikkontribwixxu biex is-sostenibbiltà fiskali tiġi ppreservata fiż-żmien medju.

(14)Fuq il-bażi tat-tbassir tar-Rebbiegħa 2020 tal-Kummissjoni taħt politiki mhux mibdula, il-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika tal-Ġermanja huwa mbassar li jkun -7,0 % tal-PDG fl-2020 u -1,5 % fl-2021. Il-proporzjon tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika għandu jilħaq il-75,6 % tal-PDG fl-2020 u l-71,8 % fl-2021.

(15)Fl-20 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni ħarġet rapport imħejji f’konformità mal-Artikolu 126(3) tat-Trattat minħabba l-ksur ippjanat mill-Ġermanja tat-3 % tal-limitu tad-defiċit tal-PDG fl-2020. Kumplessivament, l-analiżi tissuġġerixxi li l-kriterju tad-defiċit kif definit fit-Trattat u fir-Regolament (KE) 1467/1997 ma ġiex issodisfat.

(16)L-ewwel infezzjoni fil-Ġermanja kienet irreġistrata fis-27 ta’ Jannar 2020 u l-għadd ta’ każijiet tal-COVID-19 beda jiżdied b’mod esponenzjali f’Marzu 2020. L-awtoritajiet Ġermaniżi mbagħad irrispondew b’miżuri ta’ konfinament biex irażżnu l-firxa tal-virus, pereżempju għalqu l-ħwienet kollha li jbigħu bl-imnut li mhumiex essenzjali, ir-ristoranti, l-istabbilimenti kulturali u tad-divertiment, il-faċilitajiet tal-isport, l-iskejjel u l-universitajiet. Il-ġemgħat pubbliċi ta’ aktar minn żewġ persuni ġew ipprojbiti u n-nies intalbu jimminimizzaw il-kuntatti soċjali. Il-manifattura minnha nfisha ma kinitx soġġetta għal miżuri ta’ konfinament. Madankollu, fuq għadd ta’ ġimgħat ngħalqu fabbriki ewlenin minħabba interruzzjonijiet fil-kummerċ barrani u tnaqqis fid-domanda. Il-perspettiva ekonomika ddeterjorat bil-qawwa, u t-tbassir tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni indika tnaqqis ta’ 6,5 % fil-PDG fl-2020. Anki jekk l-espansjoni tal-arranġamenti tax-xogħol b’ħinijiet aqsar (Kurzarbeit) tgħin lill-kumpaniji biex iżommu l-ħaddiema tagħhom, jidher li se jkun impossibbli li tiġi evitata żieda fil-qgħad. Skont it-tbassir, il-qgħad huwa mistenni li jogħla għal 4 % fl-2020 u jirkupra għal 3,5 % fl-2021.

(17)Biex jittaffew il-konsegwenzi ekonomiċi, il-Gvern Ġermaniż irreaġixxa malajr u adotta miżuri estensivi. Qed jiġu offruti sa massimu ta’ EUR 50 biljun f’assistenza immedjata (għotjiet diretti) lin-negozji ż-żgħar, lill-ħaddiema għal rashom u lill-ħaddiema freelance. Permezz tal-Fond għall-Istabbilizzazzjoni Ekonomika li għadu kif inħoloq u l-bank tal-iżvilupp pubbliku KfW, il-Gvern espanda l-volum tas-self u l-aċċess għalih għad-ditti ta’ daqsijiet differenti b’allokazzjoni ta’ garanziji pubbliċi ta’ mill-inqas EUR 822 biljun (24 % tal-PDG) li tkopri sa 80-90 % tar-riskju ta’ kreditu tal-bank sellief (f’xi każijiet speċjali, sa 100 %). Il-Fond għall-Istabbilizzazzjoni Ekonomika jista’ jappoġġa wkoll lill-kumpaniji l-kbar billi jipprovdi kapital ta’ ekwità addizzjonali fuq bażi temporanja. Biex tingħata spinta lil-likwidità tal-kumpaniji, ġew adottati aġġustamenti għad-differimenti ta’ taxxa, prepagamenti u penali. Ir-regoli dwar l-insolvenza ġew modifikati biex jiġu evitati proċeduri ta’ insolvenza teknika. L-Istati individwali (Länder) qed jikkomplementaw il-miżuri federali bil-programmi ta’ appoġġ proprji tagħhom. Fil-proċess tat-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri jenħtieġ li titqies ir-reżiljenza tas-settur bankarju. Il-kriżi tal-COVID-19 aktarx se tagħmel aktar pressjoni fuq il-profitabbiltà tas-settur bankarju Ġermaniż, li hija diġà baxxa. Għaldaqstant, jidher ġustifikat li jkomplu jitnaqqsu l-kostijiet għall-banek Ġermaniżi biex itejbu l-profitabbiltà u jilliberaw fondi għall-investiment fit-teknoloġija tal-informazzjoni u l-ħolqien organiku ta’ kapital. F’dan ir-rigward tkun ta’ għajnuna wkoll konsolidazzjoni ulterjuri.

(18)Wara li kellu bidu b’saħħtu fil-bidu tas-sena, is-suq tax-xogħol iddeterjora b’riżultat tal-pandemija tal-COVID-19 u l-miżuri ta’ lockdown relatati. Biex itaffi kemm l-impatt tal-kriżi fuq il-qgħad kif ukoll l-impatt soċjali, il-Gvern ipprovda appoġġ sostanzjali permezz tal-iskema ta’ arranġament ta’ xogħol b’ħinijiet aqsar “Kurzarbeit”. Taffa l-kundizzjonijiet għall-aċċess għaliha, estenda retroattivament l-iskema għall-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija u żied il-ġenerożità tagħha. Dan jgħin biex jiġu ppreservati l-impjiegi u jiġu protetti l-introjti tal-unitajiet domestiċi. L-impjegaturi qed jirċievu għajnuna finanzjarja billi ma jħallsux il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għall-ħin tax-xogħol mitluf. L-aċċess iffaċilitat għall-appoġġ għall-introjtu minimu (ibbażat fuq it-Tieni Ktieb tal-Kodiċi Soċjali Ġermaniż “Sozialgesetzbuch/SGB”) jgħin kontra t-telf tal-introjtu. Il-familji b’introjtu baxx qed jiġu megħjuna permezz ta’ aċċess aktar faċli għall-benefiċċji tat-tfal u għall-introjtu minimu. Barra minn hekk, il-kerrejja li qed iħabbtu wiċċhom ma’ telf fl-introjtu huma temporanjament protetti mill-evizzjoni. Filwaqt li l-Ġermanja kellha prestazzjoni tajba fit-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali li tappoġġa l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-lakuni fil-kopertura, jekk ma jingħalqux, jistgħu jwasslu għal tnaqqis fl-introjtu għall-gruppi vulnerabbli fil-kuntest tal-kriżi attwali.

(19)Fl-indirizzar tal-konsegwenzi tas-saħħa, il-Ġermanja bbenefikat mis-sistema tas-saħħa universali tagħha li tagħti aċċess għal kura ta’ kwalità għolja u rnexxielha żżid b’mod rapidu il-kapaċità ta’ ttestjar u ta’ kura intensiva. Madankollu, il-kriżi tal-COVID-19 li għaddejja tenfasizza l-ħtieġa kontinwa li tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistema tas-saħħa. Id-disponibbiltà tal-infermiera u l-attraenza tal-professjoni tal-infermiera għadhom joħolqu problema. Minkejja għadd komparattivament għoli ta’ infermiera prattikanti per capita, żdiedu r-rapporti tal-isptarijiet dwar pożizzjonijiet vakanti għall-infermiera. Il-koordinazzjoni bejn il-fornituri tal-kura tas-saħħa fil-kura primarja u tal-isptarijiet, u bejn il-kura soċjali u tas-saħħa wkoll jistgħu jittejbu u jiġu appoġġati minn għodod diġitali. L-infrastruttura tas-saħħa elettronika qed tiġi skjerata b’ritmu aċċellerat, iżda l-użu tas-servizzi online tas-saħħa u tal-kura, il-preskrizzjonijiet elettroniċi u l-iskambju tad-data għadhom ħafna aktar baxxi mill-medja tal-UE. F’Marzu 2020 għaddiet liġi ġdida li tgħin biex jittaffew il-konsegwenzi ekonomiċi mill-COVID-19 primarjament għall-isptarijiet u għat-tobba fi prattika privata. Madankollu, se jkollu jiġi żgurat il-finanzjament fit-tul tal-istituzzjonijiet tal-kura tas-saħħa sabiex tinżamm il-kura fl-oqsma kollha, billi l-posponiment tal-kirurġiji u t-trattamenti dispensabbli jagħmel ħsara lill-introjti finanzjarji tal-istituzzjonijiet fis-settur tas-saħħa, u r-riżorsi disponibbli qed jintużaw biex jinxtraw testijiet u tagħmir prijoritarji. B’bażi ta’ riċerka b’saħħitha, il-Ġermanja għandha l-kapaċità li tinvolvi ruħha f’miżuri ta’ riċerka u innovazzjoni speċifiċi biex tirrispondi għall-kriżi tal-COVID-19, inkluż l-iżvilupp ta’ vaċċini u terapiji u l-iżvilupp ta’ network ta’ riċerka biex l-attivitajiet ta’ riċerka fil-mediċina tal-universitajiet Ġermaniżi jiġu raggruppati u jissaħħew u jingħata appoġġ lill-Koalizzjoni għall-Innovazzjonijiet ta’ Tħejjija Epidemika.

(20)Biex jiġi mbuttat l-irkupru ekonomiku, se jkun importanti li l-proġetti maturi ta’ investiment pubbliku jiġu ffinanzjati fil-bidu tal-perjodu tagħhom u jiġi promoss l-investiment privat. L-investiment pubbliku u privat kompla jiżdied bil-qawwa fl-2019 iżda ma laħħaqx mal-ħtiġijiet tal-investiment. L-investiment pubbliku huwa aktar baxx mir-rata ta’ sostituzzjoni fil-livell muniċipali, fejn l-investimenti pendenti għadhom għoljin u jinsabu fil-livell ta’ 4 % tal-PDG u għadhom jinżammu lura mil-limiti tal-kapaċità u tal-ippjanar. L-investimenti fit-teknoloġiji ekoloġiċi u fl-enerġija li diġà kienu ppjanati jistgħu jiġu ffinanzjati fil-bidu tal-perjodu tagħhom, pereżempju l-proġetti għar-rinnovazzjonijiet tal-bini u għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Minkejja l-inizjattivi riċenti, l-isfida li jintlaħqu l-miri ta’ żmien qasir u ta’ żmien medju għad-dekarbonizzazzjoni u l-miri tal-2050 għan-newtralità klimatika għadha preżenti. Dan jgħodd ukoll għall-miri ambjentali u tal-effiċjenza enerġetika, billi l-inċentivi tal-prezzijiet, speċjalment bil-prezzijiet baxxi taż-żejt minħabba l-kriżi attwali tal-COVID-19, jiskoraġġixxu l-imġiba li tirrispetta l-klima u l-ambjent. It-trasformazzjoni tal-Ġermanja lejn ekonomija newtrali għall-klima tirrikjedi investiment privat u pubbliku mdaqqas tul perjodu sostnut fl-enerġija rinnovabbli, fl-infrastruttura tal-elettriku, fl-effiċjenza enerġetika, fl-ekonomija ċirkolari u fit-trasport sostenibbli, fost affarijiet oħra. Barra minn hekk, l-Uffiċċju Federali tal-Awditjar tal-Ġermanja kkritika l-kosteffettività tal-miżuri relatati mat-tranżizzjoni għall-enerġija ekoloġika. Jenħtieġ li jsiru aktar sforzi u investimenti sostnuti fin-networks tal-enerġija biex ikun hemm benefiċċji minn sistema kompletament integrata tal-enerġija sostenibbli, b’sinjali tal-prezzijiet konsistenti. Il-mobbiltà nadifa tista’ tiġi promossa permezz ta’ miżuri regolatorji xierqa u b’investiment aktar b’saħħtu u rapidu fl-infrastruttura tat-trasport sostenibbli u fis-soluzzjonijiet tal-mobbiltà nadifa. Huwa essenzjali li jkun hemm investiment addizzjonali fir-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) biex jitrawwem irkupru lejn ekonomija aktar sostenibbli u kompetittiva. Fl-2018 l-infiq fl-edukazzjoni u fir-riċerka kien għadu jilħaq id-9,1 % tal-PDG, u ma kienx jilħaq il-mira nazzjonali ta’ 10 %. L-investiment privat fir-R&Ż qed iżid fil-konċentrazzjoni tiegħu fuq id-ditti l-kbar. Il-provvista tal-abitazzjonijiet għadha ħafna iktar baxxa mill-mira annwali tal-abitazzjonijiet li jinbnew 375 000 appartment ġdid bejn l-2017 u l-2021, minkejja l-miżuri politiċi. Il-politiki li jħeġġu l-investiment fl-abitazzjonijiet ġodda jindirizzaw dan l-iżbilanċ u jtejbu l-affordabbiltà tal-abitazzjonijiet. L-ipprogrammar tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta għall-perjodu 2021-2027 jista’ jgħin lill-Ġermanja tindirizza xi wħud mill-isfidi li toffri t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, b’mod partikolari fit-territorji koperti mill-Anness D tar-rapport tal-pajjiż. Dan jippermetti li l-Ġermanja tagħmel l-aħjar użu minn dak il-fond.

(21)Infrastruttura diġitali moderna u servizzi diġitali huma kruċjali meta l-mobbiltà tkun ristretta. L-investimenti fl-infrastruttura diġitali u fis-servizzi pubbliċi jistgħu jappoġġaw l-irkupru ekonomiku u jgħinu biex jonqos id-distakk tal-Ġermanja mal-pajjiżi l-oħra fil-kopertura ta’ networks b’kapaċità għolja ħafna, li għadu sostanzjali. Fil-Ġermanja, din il-kopertura kienet ta’ 32,7 % fl-2019, meta mqabbla mal-medja tal-UE ta’ 44 %, filwaqt li l-fibra tal-kopertura tal-bini kienet ta’ 10,5 %, li hija ħafna aktar baxxa mill-medja tal-UE ta’ 33,5 %. Il-kriżi tal-COVID-19 enfasizzat l-importanza tas-servizzi diġitali konnessi. In-nuqqasijiet tal-konnettività jistgħu jkunu fattur ewlieni li jfixkel l-investiment fid-diġitalizzazzjoni, b’mod partikolari għall-impriżi żgħar u medji (SMEs), li għadhom idumu biex jadottaw it-teknoloġiji diġitali. Il-Ġermanja għad għandha prestazzjoni ħażina fis-servizzi pubbliċi diġitali fost l-Istati Membri, minkejja titijib f’dawn is-servizzi għan-negozji. Madankollu, il-livell ta’ interazzjoni online bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-pubbliku ġenerali huwa baxx ħafna. L-implimentazzjoni tal-Att dwar l-Aċċess Online qed tipproċedi bil-mod, u se jkun diffiċli li tintlaħaq il-mira tad-diġitalizzazzjoni tal-575 servizz kollha sa tmiem l-2022. Jenħtieġ li l-Att jiġi implimentat mill-korpi pubbliċi kollha involuti – l-awtoritajiet federali, Statali u lokali – sabiex jiġi ġġenerat titjib aktar sinikanti fl-amministrazzjoni pubblika.

(22)Huwa importanti li l-piżijiet regolatorji u amministrattivi jinżammu baxxi għall-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ appoġġ u lil hinn minnhom. Jenħtieġ li l-piż amministrattiv jinżamm għal minimu biex ikun hemm aċċess għall-miżuri ta’ appoġġ sabiex jiġi żgurat li n-negozji ż-żgħar jirċievu l-istess appoġġ mill-intermedjarji bħan-negozji l-kbar. It-tnaqqis aktar mifrux ta’ piżijiet amministrattivi oħra, jiġifieri lil hinn mill-miżuri ta’ appoġġ, pereżempju billi tiġi applikata flessibbiltà għall-proċeduri burokratiċi mhux essenzjali, jista’ jkompli jgħin lill-SMEs.

(23)Qabel ma faqqgħet il-kriżi tal-COVID-19, il-progress teknoloġiku kien diġà qiegħed jittrasforma s-suq tax-xogħol, u dan kien jirrikjedi żieda fil-finanzjament tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, inkluż it-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet diġitali. Il-kriżi tal-COVID-19 għamlet din il-ħtieġa saħansitra aktar urġenti, b’mod partikolari fil-każ tal-ħaddiema impjegati fis-setturi li jistgħu jintlaqtu għal żmien twil mit-tbegħid soċjali jew dawk li jinsabu f’riskju li jitilfu l-impjieg tagħhom. Il-bidla għal għarrieda għal soċjetà aktar diġitalizzata u edukazzjoni bbażata fid-dar tista’ tkun ta’ sfida b’mod partikolari għall-istudenti vulnerabbli u għall-istudenti li ma għandhomx aċċess għal soluzzjonijiet diġitali u appoġġ fid-dar. Dan jinkludi studenti b’diżabbiltà. Tenħtieġ kura speċjali biex jiġi żgurat li l-istudenti kollha jiksbu l-ħiliet ewlenin stabbiliti fil-kurrikulu u li x-xhur ta’ interruzzjoni minħabba l-COVID-19 ma jwasslux għal żvantaġġi tul ħajjithom kollha. Hemm riskju li l-inugwaljanzi li diġà jeżistu fil-ħiliet bażiċi, li huma marbuta mal-isfondi soċjoekonomiċi u ta’ migrazzjoni, jiggravaw. Il-kriżi enfasizzat l-importanza li tkompli tiġi żviluppata s-sistema edukattiva biex jiġi promoss irkupru intelliġenti u inklużiv u biex nibqgħu fit-triq it-tajba biex titwettaq it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali.

(24)Filwaqt li r-rakkomandazzjonijiet attwali jiffukaw fuq l-indirizzar tal-impatti soċjoekonomiċi tal-pandemija u fuq l-iffaċilitar tal-irkupru ekonomiku, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019 adottati mill-Kunsill fid-9 ta’ Lulju 2019 koprew ukoll riformi li huma essenzjali biex jiġu trattati l-isfidi strutturali tul żmien medju sa dak twil. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jibqgħu pertinenti u se jkomplu jiġu mmonitorjati matul iċ-ċiklu annwali tas-Semestru Ewropew tas-sena d-dieħla. Dan japplika wkoll għal rakkomandazzjonijiet rigward politiki ekonomiċi relatati mal-investiment. Jenħtieġ li dawn ir-rakkomandazzjonijiet tal-aħħar jitqiesu għall-ipprogrammar strateġiku tal-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni ta’ wara l-2020, inkluż għal miżuri ta’ mitigazzjoni u l-istrateġiji ta’ ħruġ fir-rigward tal-kriżi attwali.

(25)Is-Semestru Ewropew jipprovdi l-qafas għal koordinazzjoni kontinwa tal-politika ekonomika u tal-impjiegi fl-Unjoni, li jista’ jkun ta’ kontribut għal ekonomija sostenibbli. L-Istati Membri evalwaw il-progress fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (Sustainable Development Goals, SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 tagħhom. Bl-iżgurar tal-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet ta’ hawn taħt, il-Ġermanja se tikkontribwixxi għall-progress lejn l-SDGs u għall-isforz komuni li tiġi żgurata s-sostenibbiltà kompetittiva fl-Unjoni.

(26)Il-koordinazzjoni mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja hija essenzjali biex ikun hemm irkupru rapidu mill-impatt ekomoniku tal-COVID-19. Jenħtieġ li l-Ġermanja, bħala Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro – u meta titqies il-gwida politika mill-Grupp tal-Euro – tiżgura li l-politiki tagħha jibqgħu konsistenti mar-rakkomandazzjonijiet taż-Żona tal-Euro u kkoordinati ma’ dawk tal-Istati Membri l-oħra taż-Żona tal-Euro.

(27)Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2020, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Ġermanja u ppubblikatha fir-rapport tal-pajjiż tal-2020. Ivvalutat ukoll il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020 u l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 u s-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Ġermanja fis-snin preċedenti. Qieset mhux biss ir-rilevanza tagħhom għal politika fiskali u soċjoekonomika fil-Ġermanja, iżda anki l-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, minħabba l-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jiddaħħal il-kontribut fil-livell tal-Unjoni fid-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

(28)Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020 u l-opinjoni tiegħu 8 hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) ta’ hawn taħt.

(29)Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 u l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet iqisu l-ħtieġa li tiġi indirizzata l-pandemija u jiġi ffaċilitat l-irkupru ekonomiku bħala l-ewwel pass meħtieġ biex ikun jista’ jsir aġġustament tal-iżbilanċi. Ir-rakkomandazzjonijiet li jindirzzaw direttament l-iżbilanċi makroekonomiċi identifikati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjoni (2).

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Ġermanja tieħu azzjoni fl-2020 u fl-2021 biex:

1.F’konformità mal-klawżola liberatorja ġenerali, tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tindirizza b’mod effettiv il-pandemija, issostni l-ekonomija u tappoġġa l-irkupru sussegwenti. Meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, issegwi politiki fiskali li għandhom l-għan li jiksbu pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq perjodu medju u tiżgura s-sostenibbiltà fejn jidħol id-dejn, filwaqt li ttejjeb l-investiment. Timmobilizza riżorsi adegwati u ssaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistema tas-saħħa, inkluż billi tiskjera s-servizzi tas-saħħa elettronika.

2.Tiffinanzja fil-bidu tal-perjodu tagħhom proġetti maturi ta’ investiment pubbliku u tippromwovi l-investiment privat biex jiġu mbuttat ’il quddiem l-irkupru ekonomiku. Tiffoka l-investiment fuq it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, b’mod partikolari fuq it-trasport sostenibbli, is-sistemi tal-enerġija nodfa, effiċjenti u integrati, l-infrastruttura u l-ħiliet diġitali, l-abitazzjoni, l-edukazzjoni u r-riċerka u l-innovazzjoni. Ittejjeb is-servizzi pubbliċi diġitali fil-livelli kollha u timbotta d-diġitalizzazzjoni fl-impriżi żgħar u medji. Tnaqqas il-piż regolatorju u amministrattiv għan-negozji. 

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.
(2)    ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.
(3)    SWD(2020) 504 final.
(4)    ĠU C 301, 5.9.2019, p. 117.
(5)    COM(2020) 112 final.
(6)    COM(2020) 123 final.
(7)    Ir-Regolament (UE) 2020/460 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Marzu 2020 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 508/2014 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi biex jiġu mmobilizzati investimenti fis-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-Istati Membri u f’setturi oħra tal-ekonomiji tagħhom b’reazzjoni għat-tifqigħa COVID‐19 (Inizjattiva ta’ Investiment b’Reazzjoni għall-Coronavirus) (ĠU L 99, 31.3.2020, p. 5) u r-Regolament (UE) 2020/558 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2020 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1301/2013 u (UE) Nru 1303/2013 rigward miżuri speċifiċi biex tingħata flessibbiltà eċċezzjonali għall-użu tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej b’reazzjoni għat-tifqigħa ta’ COVID-19 (ĠU L 130, 24.4.2020, p. 1).
(8)    Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.