Brussell, 14.2.2020

COM(2020) 56 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 691/2011 dwar il-kontijiet ekonomiċi ambjentali Ewropej


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 691/2011 dwar il-kontijiet ekonomiċi ambjentali Ewropej

(1)Introduzzjoni

Ir-Regolament (UE) Nru 691/2011 dwar il-kontijiet ekonomiċi ambjentali Ewropej 1 (ir-Regolament) introduċa qafas komuni għall-ġbir, il-kompilazzjoni, it-trażmissjoni u l-evalwazzjoni tal-kontijiet ekonomiċi ambjentali Ewropej. L-Artikolu 10 tar-Regolament jistipula dan li ġej:

Sal-31 ta’ Diċembru 2013 u kull tliet snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dak ir-rapport għandu jevalwa b’mod partikolari l-kwalità tad-data trażmessa, il-metodi ta’ ġbir tad-data, il-piż amministrattiv fuq l-Istati Membri u fuq l-unitajiet rispondenti, kif ukoll il-fattibbiltà u l-effikaċja ta’ dik l-istatistika.

Dan huwa t-tielet rapport li jissodisfa dan l-obbligu. Ir-rapporti preċedenti ġew ippubblikati fl-2016 2 u fl-2013 3 . Dan ir-rapport ta’ implimentazzjoni jkopri s-snin mill-2016 sal-2018.

(2)Il-kontijiet ekonomiċi ambjentali

4 Il-Patt Ekoloġiku Ewropew jerġa’ jistabbilixxi l-impenn tal-Kummissjoni li tindirizza l-isfidi relatati mal-klima u l-ambjent. Il-Kummissjoni timpenja ruħha li tpoġġi lill-UE bis-sħiħ fuq triq ġdida ta’ tkabbir inklużiv u sostenibbli, filwaqt li tipproteġi u ssaħħaħ il-kapital naturali tal-UE. Skont il-Patt Ekoloġiku, l-UE għandha l-għan li:

·iżżid l-ambizzjoni tal-UE fir-rigward tal-klima biex tikseb newtralità klimatika sal-2050;

·tforni enerġija nadifa;

·toħloq ekonomija ċirkolari;

·tibni b’mod effiċjenti fl-użu tal-enerġija u tar-riżorsi;

·tikseb tniġġis żero u ambjent ħieles mit-tossiċi;

·tippreserva u tirrestawra l-ekosistemi u l-bijodiversità;

·tiżgura sistema ta’ ikel sostenibbli u tajjeb għas-saħħa;

·tippromwovi l-mobbiltà sostenibbli u intelliġenti.

L-iżgurar ta’ “tranżizzjoni ġusta” lejn in-newtralità tal-klima u l-finanzjament tat-tranżizzjoni huma elementi ewlenin li għandhom jiġu integrati fil-politiki kollha. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa parti integrali mill-istrateġija tal-Kummissjoni biex timplimenta l-Aġenda 2030 u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.

Il-kontijiet ekonomiċi ambjentali, jew il-kontijiet ambjentali fil-qosor, huma qafas ta’ informazzjoni b’saħħtu u b’diversi għanijiet li jindirizza l-aspetti tas-sostenibbiltà tal-imġiba ekonomika tagħna. L-istatistika ekonomika ġenerali, bħall-kontijiet nazzjonali, li huma l-bażi tal-PDG, ma tqisx l-aspetti ambjentali fil-produzzjoni, il-konsum, l-investiment jew il-finanzjament. Il-kontijiet ambjentali jippermettu l-integrazzjoni tal-aspetti ekonomiċi u ambjentali biex tiġi kkompletata din l-istampa.

Il-karatteristika ewlenija tal-kontijiet ambjentali hija l-integrazzjoni. Din tikkonċerna kemm l-integrazzjoni ta’ aspetti ambjentali u ekonomiċi, kif ukoll l-integrazzjoni f’sistema ta’ kontabbiltà ekonomika konsistenti ta’ firxa ta’ aspetti ambjentali tematiċi ewlenin bħal i) l-enerġija, it-tassazzjoni u l-emissjonijiet fl-arja; ii) l-estrazzjonijiet ta’ materjal u l-iskart; u iii) in-nefqa u l-investiment tal-gvern u tan-negozji. Din l-integrazzjoni tippermetti l-iżvilupp ta’ settijiet ta’ indikaturi koerenti u tgħin fl-identifikazzjoni ta’ sinerġiji u kompromessi possibbli bejn il-politiki settorjali. Il-kontijiet ambjentali jiffaċilitaw dan minħabba r-raġunijiet stabbiliti hawn taħt.

·Huma jiġġeneraw settijiet ta’ indikaturi koerenti li huma marbuta ma’ xulxin f’kuntest ekonomiku u ambjentali komprensiv u konsistenti. B’mod korrispondenti, il-kontijiet jinsabu f’pożizzjoni tajba għall-oqfsa ta’ valutazzjoni relatati mal-komponenti ewlenin tal-kapital naturali (l-arja, l-ilma, l-art u l-bijodiversità) u biex iservu suġġetti multidimensjonali u trasversali bħall-progress lejn il-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli jew l-ekonomija ċirkolari;

·Huma jipprovdu struttura u jsaħħu l-possibbiltajiet għall-analiżi. L-informazzjoni hija organizzata biex jiġu sfruttati s-sinerġiji f’oqsma tematiċi individwali. Dan jippermetti analiżi tal-kosteffettività, immudellar tax-xenarji u previżjonijiet. Il-kontijiet jippermettu l-allokazzjoni tal-emissjonijiet jew l-użu tar-riżorsi għall-importazzjonijiet, l-esportazzjonijiet, il-konsum u l-investiment u l-kalkolu tal-indikaturi tat-tip ta' impronta bl-użu ta’tekniki tal-input-output. Applikazzjonijiet oħrajn jinkludu l-kejl tal-kontribuzzjoni tar-riżorsi naturali u l-enerġija għat-tkabbir ekonomiku (kontabbiltà tat-tkabbir, analiżi tad-dekompożizzjoni).

L-approċċ tal-kontabbiltà huwa utli minħabba li jippermetti li tiġi prodotta informazzjoni ta’ kwalità għolja (jiġifieri permezz tal-integrazzjoni tad-data tas-sors u l-kombinazzjoni tagħha f’estimi robusti) u li d-data disponibbli terġa’ tintuża sabiex ikun limitat il-piż amministrattiv fuq in-negozji u ċ-ċittadini.

Fil-livell Ewropew, il-kontijiet ambjentali Ewropej huma l-bażi tad-dimensjoni supranazzjonali tal-kwistjonijiet ambjentali u jipprovdu approċċ sistematiku u kopertura madwar l-Istati Membri u suġġetti ambjentali, li jippermettu li jitwettqu valutazzjonijiet tal-politika u paraguni bejn l-Istati Membri.

Il-kontijiet ambjentali Ewropej huma bbażati fuq is-Sistema standard internazzjonali ta' Kontijiet Ekonomiċi Ambjentali 2012 – Qafas Ċentrali (SEEA CF) 5 . Dan l-istandard ġie prodott u maħruġ taħt l-awspiċji tan-Nazzjonijiet Uniti, tal-Kummissjoni Ewropea (il-Eurostat), tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-NU, tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), tal-Fond Monetarju Internazzjonali u tal-grupp tal-Bank Dinji.

Ir-Regolament jistabbilixxi l-kontijiet ekonomiċi ambjentali Ewropej. Ir-Regolament għandu rilevanza għaż-ŻEE 6 . Huwa jistruttura l-kontijiet f’moduli, fejn oriġinarjament ħoloq tliet moduli (l-Annessi I sa III tar-Regolament), kif ġej:

·Il-kontijiet tal-emissjonijiet fl-arja: l-emissjonijiet fl-atmosfera ta’ sitt gassijiet serra (inklużi CO2 u CO2 mill-bijomassa użata bħala karburant) u seba’ sustanzi li jniġġsu l-arja (inklużi l-ammonijaka u l-partikuli ta’ trab fin), bi tqassim li jkopri 64 industrija emittenti, flimkien ma’ unitajiet domestiċi.

·It-taxxi relatati mal-ambjent skont l-attività ekonomika: taxxi ambjentali għal erba’ gruppi ġenerali: l-enerġija, it-trasport, it-tniġġis u r-riżorsi, bi tqassim li jkopri 64 industrija kontribwenti flimkien ma’ unitajiet domestiċi u persuni mhux residenti.

·Il-kontijiet tal-fluss ta’ materjal mifrux mal-ekonomija kollha: l-ammonti ta’ inputs fiżiċi fl-ekonomija, l-akkumulazzjoni ta’ materjal fl-ekonomija u l-outputs għal ekonomiji oħrajn jew lura fl-ambjent.

Mill-2013, kien hemm obbligu li tiġi sottomessa data lill-Kummissjoni (il-Eurostat) skont l-Annessi I sa III.

Fl-2014 żdiedu tliet moduli addizzjonali (l-Annessi IV sa VI) 7 , kif ġej:

·Il-kontijiet tan-nefqa għall-ħarsien tal-ambjent: nefqa mwettqa minn unitajiet ekonomiċi għal skopijiet ta’ ħarsien tal-ambjent.

·Il-kontijiet tas-settur tal-prodotti u s-servizzi ambjentali: il-produzzjoni, il-valur miżjud u l-esportazzjonijiet ta’ prodotti u servizzi li jkunu ġew iddisinjati u manifatturati speċifikament biex iħarsu l-ambjent jew jimmaniġġjaw ir-riżorsi. L-impjiegi assoċjati ma’ dawn l-attivitajiet huma rrapportati wkoll.

·Il-kontijiet tal-flussi fiżiċi tal-enerġija: il-flussi tal-enerġija mill-ambjent fl-ekonomija (l-estrazzjoni ta’ inputs naturali), fi ħdan l-ekonomija (il-manifattura u l-użu ta’ prodotti tal-enerġija) u mill-ekonomija għall-ambjent (l-iskariku ta’ residwi tal-enerġija).

Mill-2017, kien hemm obbligu li tiġi sottomessa data lill-Kummissjoni (il-Eurostat) skont l-Annessi IV sa VI.

F’Ottubru 2019, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri ppubblikat ir-Rapport Speċjali Nru 16/2019 dwar il-Kontijiet Ekonomiċi Ambjentali Ewropej 8 . Il-Qorti vverifikat jekk il-Kummissjoni stabbilietx, immaniġġjatx u użatx il-kontijiet ambjentali sewwa. Il-Qorti kkonkludiet li l-kontijiet ambjentali huma sors importanti ta’ data għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-politiki ambjentali, bħas-seba’ programm ta’ azzjoni ambjentali u l-progress lejn il-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-Qorti għamlet tliet rakkomandazzjonijiet fir-rigward ta’ i) il-qafas strateġiku għall-kontijiet ambjentali, ii) ir-rilevanza għat-tfassil tal-politika u iii) il-puntwalità tad-data. Filwaqt li wħud mir-rakkomandazzjonijiet jaqblu mal-attivitajiet li għaddejjin mill-Kummissjoni (il-Eurostat) u mill-Istati Membri, ir-Rapport tal-Qorti ser ikun jeħtieġ xogħol addizzjonali.

(3)L-attivitajiet li saru mill-aħħar rapport ’l hawn

Qafas ġuridiku

Ma kien hemm l-ebda att ġuridiku ġdid relatat mar-Regolament mill-aħħar rapport ta’ implimentazzjoni fl-2016.

Il-metodi ta’ ġbir tad-data u l-piż amministrattiv

Il-kontijiet ekonomiċi ambjentali ġeneralment ma jitolbux li tinġabar data ġdida. Minflok, huma l-aktar li jużaw id-data eżistenti li diġà għandhom l-awtoritajiet nazzjonali, ikkomplementata b’estimi addizzjonali, fejn ikunu meħtieġa. Dan minħabba li huma jiġbru d-data minn firxa wiesgħa ta’ sorsi, eż. statistika sottostanti dwar l-enerġija, it-trasport, l-agrikoltura, in-nefqa tal-gvern u t-tassazzjoni, kif ukoll xi sorsi mhux statistiċi oħrajn, minbarra d-data tal-kontijiet nazzjonali.

Sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-data stabbiliti fir-Regolament, l-Istati Membri jistgħu jaġġustaw id-data eżistenti sabiex iġibuha konformi mal-kunċetti fis-SEEA CF. Dan jista’ jirrikjedi xogħol speċifiku mill-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika tal-Istati Membri. Il-fatt li l-kontijiet ekonomiċi ambjentali jerġgħu jużaw id-data eżistenti jfisser li l-piż tar-rispons addizzjonali li jitpoġġa fuq in-negozji u l-unitajiet domestiċi huwa żgħir ħafna, sakemm ikunu jeżistu u jinżammu s-sorsi tad-data. Il-pajjiżi jistgħu jagħżlu wkoll li jistabbilixxu proċessi speċifiċi ta’ ġbir tad-data għall-finijiet tal-kontijiet ekonomiċi ambjentali, li ser jgħinu biex tittejjeb il-kwalità tad-data. Eżempju wieħed ta’ fejn sar dan huwa dak tal-kontijiet tas-settur tal-prodotti u s-servizzi ambjentali (l-Anness V tar-Regolament), li kien jinvolvi xi pajjiżi li stabbilew stħarriġiet iddedikati biex jikkomplementaw is-sorsi ta’ data l-oħrajn tagħhom. Dawn l-istħarriġiet għandhom perjodiċità annwali jew pluriennali u l-piż impoġġi fuq in-negozji spiss ikun żgħir.

L-awtoritajiet nazzjonali (tipikament l-istituti nazzjonali tal-istatistika) iwettqu ħafna mix-xogħol meħtieġ biex jipproduċu l-kontijiet, li jinvolvi l-ipproċessar tad-data eżistenti u t-titjib tal-potenzjal analitiku tagħhom. L-għadd medju ta’ membri tal-persunal meħtieġa biex jikkompilaw il-kontijiet f’kull awtorità nazzjonali huwa stmat li huwa bejn erba’ u sitt ekwivalenti ta’ ingaġġ full-time għas-sitt Annessi tar-Regolament. Hemm differenzi bejn l-Istati Membri minħabba ċ-ċirkostanzi tagħhom, l-eżistenza jew il-firxa tas-sorsi tad-data, eċċ. Il-kontijiet iżidu valur konsiderevoli mad-data bażika u jżidu l-potenzjal li janalizzaw l-interazzjonijiet reċiproċi bejn is-suġġetti fl-Annessi, pereżempju, l-emissjonijiet fl-arja u l-użu tal-enerġija. Diversi awtoritajiet nazzjonali użaw studji pilota (kofinanzjati mill-Kummissjoni) biex jistabbilixxu l-metodi għall-ipproċessar u l-analiżi tad-data.

Il-fattibbiltà u l-effettività

Il-moduli stipulati fir-Regolament ġew ittestjati u mħaddma qabel ma l-Kummissjoni pproponiet qafas ġuridiku, sabiex b’hekk tiġi żgurata l-fattibbiltà tagħhom (ara hawn taħt). L-ittestjar jitwettaq f’kooperazzjoni mal-Istati Membri sabiex jittieħed benefiċċju mill-għarfien espert tagħhom u jiġi żgurat li jkun hemm fehim komuni dwar il-fattibbiltà tal-moduli. Bħalissa qegħdin isiru studji pilota ta’ moduli ġodda u potenzjali ulterjuri.

L-effettività tal-kontijiet ekonomiċi ambjentali tiddependi minn żewġ fatturi: l-ewwel nett, kif l-informazzjoni eżistenti tista’ tiġi organizzata mill-ġdid f’qafas komuni; u t-tieni, kif u kemm jintużaw il-kontijiet.

Fir-rigward tal-ewwel punt, il-kontijiet tal-emissjonijiet fl-arja (l-Anness I tar-Regolament) jipprovdu eżempju wieħed ta’ kif ġiet organizzata mill-ġdid l-informazzjoni eżistenti. Il-kontijiet tal-emissjonijiet fl-arja jużaw l-informazzjoni diġà miġbura għall-inventarji tal-emissjonijiet fl-arja li huma meħtieġa għar-rapportar skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u skont il-Konvenzjoni fuq it-Tniġġis tal-Arja Transkonfini fuq Distanza Kbira (CLRTAP) tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE). Imbagħad tiżdied aktar informazzjoni mad-data sabiex din tinġieb konformi mal-klassifikazzjonijiet u l-kunċetti użati fil-kontijiet nazzjonali. Imbagħad, il-kontijiet tal-emissjonijiet fl-arja jistgħu jiġu kkombinati mat-tabelli input-output sabiex jiġu prodotti impronti ambjentali; dawn jistgħu jintużaw mal-kontijiet nazzjonali biex jiġi kkalkolat kemm l-ambjent jikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku (analiżi tad-dekompożizzjoni).

Il-kontijiet tal-emissjonijiet fl-arja jistgħu jintużaw ukoll flimkien mal-kontijiet ambjentali għal oqsma oħrajn bħat-taxxi fuq l-enerġija jew fuq l-ambjent. Din l-informazzjoni tista’ tintuża f’oqfsa kawżali sabiex jiġu deskritti u analizzati l-interazzjonijiet bejn is-soċjetà u l-ambjent, bħall-qafas “Driving forces, Pressures, State, Impact and Responses (DPSIR)” adottat mill- Aġenzija Ewropea għall-Ambjent .

Fir-rigward tat-tieni punt, il-kontijiet ambjentali huma l-bażi tas-seba’ programm ta’ azzjoni ambjentali tal-UE sal-2020, “Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna” 9 . Il-kontijiet ekonomiċi ambjentali jintużaw biex jimmonitorjaw il-progress lejn il-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli f’kuntest tal-UE 10 . Il-kontijiet ambjentali jintużaw ukoll biex jitkejjel il-progress li sar fil-politiki tal-UE dwar l-ekonomija ċirkolari, billi l-indikaturi bbażati fuq il-kontijiet ambjentali huma parti mill-qafas ta’ monitoraġġ tal-UE għall-ekonomija ċirkolari 11 . It-taxxi ambjentali (l-Anness II tar-Regolament) jintużaw fl-istudji dwar ir-riforma fiskali ambjentali 12 .

Il-kwalità tad-data trażmessa mill-aħħar rapport ’l hawn

Ir-Regolament jesiġi li l-Istati Membri, kif ukoll il-pajjiżi taż-ŻEE, jirrapportaw id-data lill-Eurostat 13 . L-Iżvizzera, flimkien ma’ għadd ta’ pajjiżi kandidati u pajjiżi kandidati potenzjali għas-sħubija fl-UE, jirrapportaw ukoll xi data fuq bażi volontarja. Dan ir-rapport ta’ implimentazzjoni jiffoka fuq l-ewwel grupp ta’ pajjiżi (il-pajjiżi tal-UE/taż-ŻEE). Il-Eurostat jivvalida d-data li jirċievi u jagħmilha disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web tiegħu 14 , flimkien ma’ spjegazzjonijiet tekniċi (metadata) u taqsima ddedikata 15 b’informazzjoni ta’ sfond.

Il-maġġoranza kbira tal-Istati Membri jirrapportaw b’mod konsistenti settijiet sħaħ ta’ data skont l-iskadenzi stipulati fir-Regolament. Numru żgħir ta’ Stati Membri rrapportaw dewmien, ġeneralment ta’ ftit jiem; Stat Membru wieħed biss irrapporta dewmien itwal. Dak id-dewmien ma kellu l-ebda impatt prattiku fuq l-ipproċessar jew it-tixrid tad-data.

Ġew identifikati għadd ta’ oqsma u punti speċifiċi li għalihom il-pajjiżi jsibuha bi tqila biex jiżguraw li d-data tkun ta’ kwalità tajba. Il-Kummissjoni (il-Eurostat) tkompli taħdem mal-Istati Membri biex issolvi kwistjonijiet fuq livell tekniku. Sakemm dawn l-oqsma jiġu solvuti għalkollox, sabiex jitnaqqas it-telf ta’ informazzjoni għall-utenti minn tali rapportar inkomplet, il-Kummissjoni (il-Eurostat) imliet il-lakuni fid-data sottomessa mill-Istati Membri u kkalkolat l-aggregati tal-UE.

L-attivitajiet imwettqa bejn l-2016 u l-2018 sabiex tittejjeb il-kwalità tad-data jinkludu dawn li ġejjin.

Fir-rigward tal-kontijiet li ilhom jiġu rrapportati mill-2013 u li għalihom hemm aktar esperjenza, ir-rapport ta’ implimentazzjoni preċedenti diġà identifika oqsma u punti speċifiċi li għalihom il-pajjiżi qegħdin isibuha bi tqila biex jiżguraw li d-data tkun ta’ kwalità tajba. Il-kwistjonijiet iddikjarati fir-rapport ta’ implimentazzjoni preċedenti, li issa huma solvuti jew qegħdin jissolvew, huma deskritti hawn taħt.

·Il-kwistjonijiet solvuti huma, għall-Anness I (il-kontijiet tal-emissjonijiet fl-arja): il-kopertura tal-emissjonijiet ta’ gassijiet fluworurati. Għall-Anness III (il-kontijiet tal-fluss ta’ materjal mifrux mal-ekonomija kollha): i) l-estimi għar-residwi tal-għelejjel, għelejjel għall-għalf u bijomassa għall-mergħa, ramel u estrazzjoni taż-żrar (bi gwida u soluzzjonijiet proposti f’manwal ġdid tal-Eurostat 16 ippubblikat fl-2018 u statistika tal-Eurostat dwar il-produzzjoni tal-għelejjel, li ġiet magħmula disponibbli riċentament); ii) l-aġġustament għall-prinċipju ta’ residenza għall-UE kollha.

·Il-kwistjonijiet li qed jissolvew huma, għall-Anness I: ir-rikonċiljazzjoni mal-estimi għall-UNFCCC u l-obbligi ta’ rapportar tas-CLRTAP (soluzzjoni fit-tħejjija bl-użu ta’ bażijiet ta’ data internazzjonali tat-trasport tal-passiġġieri bl-ajru u t-trasport bit-triq permezz tat-trakkijiet). Għall-Anness II (it-taxxi relatati mal-ambjent skont l-attività ekonomika): i) l-allokazzjoni tad-dħul mit-taxxi għall-persuni mhux residenti tjiebet b’mod sinifikanti, billi kważi 70 % tal-pajjiżi issa qed jirrapportaw dwar dan l-aspett b’mod sħiħ; ii) il-każijiet ta’ data tas-sors amministrattiva mhux xierqa issa huma limitati wara r-reviżjonijiet tal-istatistika makroekonomika.

Minbarra l-indirizzar ta’ dawk il-kwistjonijiet, il-kwalità tad-data għall-Annessi I sa III ġiet ikkonsolidata sa mir-rapport ta’ implimentazzjoni tal-2016 permezz ta’ i) il-produzzjoni ta’ serje ta’ żmien itwal; ii) it-tnaqqis tal-lakuni fid-data; iii) it-titjib tal-konsistenza; iv) it-titjib tal-proċeduri ta’ validazzjoni u disseminazzjoni; u v) iż-żieda tar-rapportar volontarju ta’ fatturi varjabbli u tqassim supplimentari li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti tar-Regolament. Barra minn hekk, id-data tinxtered aktar malajr bis-saħħa ta’ estimi bikrija speċjali bbażati fuq il-mudell mill-Eurostat u kunsinna aktar mgħaġġla mill-Istati Membri.

Fir-rigward tal-Annessi IV sa VI (rispettivament: il-kontijiet tal-infiq għall-ħarsien tal-ambjent, il-kontijiet tas-settur tal-prodotti u s-servizzi ambjentali u l-kontijiet tal-fluss tal-enerġija fiżika), l-attivitajiet imwettqa matul il-perjodu 2016-2017 sal-ewwel skadenza għar-rapportar tard fl-2017 kienu jinkludu l-ħidma preparatorja għall-ewwel ġbir obbligatorju tad-data, inklużi i) il-ġbir volontarju annwali tad-data; ii) gwida tal-Kummissjoni (il-Eurostat); iii) il-produzzjoni ta’ manwali; u iv) il-forniment ta’ għodod ta’ kompilazzjoni u taħriġ. Sa mill-2018, it-taħriġ kompla u x-xogħol iffoka fuq il-forniment ta’ rispons lill-Istati Membri dwar il-kwalità tad-data sottomessa. Gruppi ta’ esperti (“task forces”) kienu qed jiżviluppaw soluzzjonijiet għal żewġ kwistjonijiet metodoloġiċi: i) l-allokazzjoni ta’ emissjonijiet tat-trasport bit-triq għall-klassifikazzjoni tan-NACE (li tikkonċerna prinċipalment l-Annessi I u VI) u ii) l-aġġornament tal-klassifikazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi ambjentali (li tikkonċerna l-Annessi IV u V).

B’mod ġenerali, għall-Annessi I sa VI kollha, il-kwalità tad-data tjiebet matul il-perjodu 2016-2018. Id-data statistika għall-Annessi I sa III sottomessa mill-Istati Membri skont ir-Regolament hija ta’ kwalità għolja. Id-data għall-Annessi IV sa VI turi livell aktar baxx ta’ maturità minħabba li r-rapportar obbligatorju beda biss fl-2017, jiġifieri sa dak iż-żmien kienu saru biss żewġ sessjonijiet ta’ ġbir. Barra minn hekk, l-Annessi IV u V huma aktar kumplessi mill-Annessi l-oħrajn u jeħtieġu kategoriji oħrajn ta’ data tas-sors. Il-Kummissjoni qed tistenna li l-kwalità tad-data għall-Annessi IV sa VI titjieb fil-ftit snin li ġejjin. Għad hemm oqsma fejn hemm bżonn ta’ titjib. Il-Kummissjoni (il-Eurostat) tkompli taħdem mal-Istati Membri biex issolvi kwistjonijiet fuq livell tekniku. Bħalissa qed jiġu implimentati jew inkella huma ppjanati għadd ta’ miżuri maħsuba sabiex itejbu l-kwalità, ara t-taqsima li jmiss.

(4)Miżuri ta’ titjib

Din it-taqsima tiddiskuti l-proposti għall-introduzzjoni ta’ moduli ġodda tal-kontijiet ekonomiċi ambjentali u l-miżuri li qegħdin jittieħdu sabiex jittejbu l-kwalità tad-data u l-metodi ta’ ġbir tad-data, kif meħtieġ skont l-Artikolu 10 tar-Regolament.

L-inizjattivi ppreżentati f’din it-taqsima huma r-riżultat ta’ żewġ strateġiji ewlenin. L-ewwel waħda hija l-istrateġija ta’ implimentazzjoni 17 għas-SEEA CF, li huwa l-istandard statistiku internazzjonali li miegħu jaderixxu l-kontijiet ekonomiċi ambjentali Ewropej. Din l-istrateġija ta’ implimentrazzjoni mifruxa madwar id-dinja tirrakkomanda approċċ flessibbli u modulari, sabiex jiġu akkomodati l-ħtiġijiet ta’ politika differenti u d-disponibbiltà tal-livelli ta’ data differenti.

It-tieni waħda hija l-istrateġija Ewropea għall-kontijiet ambjentali għall-perjodu ta' bejn l-2019 u l-2023 18 . Dan huwa programm ta’ ħidma ulterjuri miftiehem bejn il-Kummissjoni (il-Eurostat) u l-Istati Membri u adottat mill-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika. Din l-istrateġija tikkoordina l-isforzi Ewropej u twitti t-triq għal moduli ġodda possibbli. L-objettivi għall-perjodu ta' bejn l-2019 u l-2023 huma li:

·tkompli tittejjeb il-kwalità tal-kontijiet ambjentali Ewropej attwali, inklużi s-serje fuq żmien twil u l-puntwalità;

·jiġu kkomunikati aħjar ir-rilevanza u l-kontenut tal-kontijiet ambjentali Ewropej, inkluża l-komunikazzjoni tal-moduli ambjentali bħala sistema sħiħa;

·jiġu moqdija l-ħtiġijiet tal-utenti billi jiġu offruti estensjonijiet, applikazzjonijiet u indikaturi ulterjuri, inklużi impronti, ibbażati fuq il-kontijiet ambjentali Ewropej attwali;

·tiġi vvalutata l-ħtieġa li l-kontijiet ambjentali Ewropej jiġu aġġustati għal prijoritajiet u oqsma ġodda;

·jingħata appoġġ lil dawk li jipproduċu l-kontijiet fl-Istati Membri b’riżorsi finanzjarji, taħriġ, manwali u għodod għall-kompilazzjoni;

·jingħata kontribut għall-iżvilupp ulterjuri ta’ standards globali tas-SEEA tan-NU u inizjattivi globali, bħall-monitoraġġ tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli.

L-istrateġija Ewropea għall-kontijiet ambjentali ma tipprevenix lil Stati Membri individwali milli jiżviluppaw ukoll flussi tax-xogħol oħrajn, skont iċ-ċirkostanzi nazzjonali, il-ħtiġijiet ta’ politika u r-riżorsi disponibbli tagħhom.

Il-proposti għal moduli ġodda

L-Artikolu 10 tar-Regolament jiddikjara li dan ir-rapport ta’ implimentazzjoni, fejn xieraq u filwaqt li jitqiesu s-sejbiet tal-istudji pilota, irid ikun akkumpanjat minn proposti għal moduli ġodda f’għadd ta’ oqsma msemmija 19 .

Bħalissa qed ikomplu jiġu żviluppati diversi kontijiet ġodda, inklużi dawk elenkati fl-Artikolu 10 tar-Regolament, filwaqt li l-programm għall-istudji pilota, stabbilit skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament, qed ikompli jintuża. Matul il-perjodu 2016-2018, l-Istati Membri wettqu studji pilota dwar kontijiet tal-ekosistema, sussidji ambjentali u trasferimenti simili, kontijiet tal-ilma, kif ukoll kontijiet tan-nefqa fuq il-ġestjoni tar-riżorsi.

Minbarra dawk l-istudji pilota, kien hemm xogħol ieħor ta’ żvilupp, kif deskritt hawn taħt.

·Fir-rigward tas-sussidji ambjentali u trasferimenti simili, il-Eurostat ilu jiġbor id-data b’mod volontarju mill-2015. Sa issa pparteċipaw madwar 13-il Stat Membru, iżda għad trid tintlaħaq massa kritika tal-Istati Membri. Aktar riċenti, bdiet ħidma fuq is-sussidji tal-karburanti fossili fil-kuntest ta’ indikaturi tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli. Is-sussidji ambjentali huma qasam aktar impenjattiv mit-taxxi ambjentali, minħabba li r-reġistrazzjoni tagħhom fl-istatistika dwar il-finanzi pubbliċi hija aktar kumplessa.

·Fir-rigward tal-kontijiet tal-ekosistema, kien hemm żvilupp sostanzjali xprunat mill-proġett INCA tal-Kummissjoni 20 (l-ewwel fażi tlestiet u t-tieni fażi qed timxi ’l quddiem), li huwa skedat li jintemm fl-2020. L-Istati Membri mhumiex meħtieġa li jissieħbu f’dan l-istadju, iżda qed jinżammu infurmati u ser ikunu jistgħu jissieħbu jekk il-proġett jirnexxi. Minbarra l-INCA, il-Kummissjoni (il-Eurostat) ikkontribwiet għar-rilaxx tar-Rakkomandazzjonijiet Tekniċi b’appoġġ għall-Kontabbiltà tal-Ekosistema Sperimentali tas-SEEA 21 f’Diċembru 2017 u għar-reviżjoni tal-Kontabbiltà tal-Ekosistema Sperimentali tas-SEEA skedata li tintemm sal-2020 22 .

·Fir-rigward tal-kontijiet tal-ilma, il-Kummissjoni (il-Eurostat) għamlet xogħol kunċettwali fuq il-kontijiet tal-fluss tal-ilma fiżiku, li kien iddokumentat f’abbozz ta’ manwal. Ma tnieda l-ebda ġbir ta’ data. Il-Kummissjoni (il-Eurostat) issegwi l-attivitajiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent sabiex tipproduċi kontijiet tal-ilma.

·Fir-rigward tal-kontijiet tal-foresti, il-Kummissjoni (il-Eurostat) armonizzat u ssimplifikat proċess ta’ ġbir volontarju tad-data. L-esperjenza f’xi Stati Membri parteċipanti hija li l-istudji pilota preċedenti ma laħqux l-aspettattivi tal-utenti u l-ħidma ma tkomplietx fuq livell nazzjonali, iżda fi Stati Membri oħrajn id-domanda hija għolja.

L-Istati Membri jappoġġjaw l-iżvilupp ta’ moduli ġodda, iżda b’pass aktar bil-mod minħabba li għandhom tħassib rigward ir-riżorsi meħtieġa għall-produzzjoni regolari. Il-moduli li jidhru li qegħdin jipproduċu l-aktar benefiċċji bl-inqas kostijiet huma dawk diġà introdotti fir-Regolament. Il-moduli potenzjali ġodda li jifdal huma meqjusa li proporzjonalment għandhom inqas benefiċċji u li jiswew aktar flus.

Il-prijoritajiet dwar ir-rilevanza jistgħu jinbidlu fil-ġejjieni. Bħalissa hemm ħafna progress tekniku għaddej, eż. il-big data, l-immaġini bis-satellita (Copernicus), eċċ. Id-domanda għall-informazzjoni sabiex jinħolqu l-politiki qed tiżdied f’oqsma bħal dawk relatati mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, l-ekonomija ċirkolari, il-kapital naturali, eċċ. L-istrateġija annwali tat-tkabbir sostenibbli 23 tiffoka aktar fuq is-sostenibbiltà ambjentali, inkluż it-tibdil fil-klima, bħala wieħed mill-objettivi strateġiċi tagħha flimkien mal-produttività, il-ġustizzja u l-istabbiltà makroekonomika 24 . Il-Kummissjoni ser tkompli timmonitorja l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

It-titjib fil-kwalità: attivitajiet riċenti

It-titjib fil-kwalità tal-kontijiet ser ikompli jkun punt fokali għas-snin ta’ wara. It-titjib fil-kwalità kien punt fokali wkoll tal-istrateġija Ewropea għall-kontijiet ambjentali. It-titjib fil-kwalità jżid ukoll ir-rilevanza u jagħmilha possibbli li jinkiseb titjib fl-effiċjenza, li min-naħa tagħhom inaqqsu l-piż amministrattiv. Dawn li ġejjin huma l-attivitajiet attwali u li ġejjin.

(a)L-għoti ta’ għotjiet għal studji pilota u t-titjib fil-kwalità. L-Artikolu 4 tar-Regolament jistieden lill-Kummissjoni tfassal programm ta’ studji pilota li għandhom jitwettqu mill-Istati Membri fuq bażi volontarja. L-għan tal-istudji huwa li: i) jiżviluppaw metodi ta’ rapportar u jtejbu l-kwalità tad-data; ii) jistabbilixxu serje fuq tul ta’ żmien; iii) jiżviluppaw il-metodi użati għall-ipproċessar tad-data u iv) jittestjaw il-fattibbiltà tal-introduzzjoni ta’ moduli ġodda għall-kontijiet ekonomiċi ambjentali. Il-Kummissjoni (il-Eurostat) ikkofinanzjat studji pilota kull sena (issa sa 90 % tal-kostijiet) u ppubblikat ir-riżultati fuq is-sit pubbliku onlajn “Iċ-Ċentru ta’ Riżorsi ta’ Informazzjoni u Komunikazzjoni għall-Amministraturi, in-Negozji u ċ-Ċittadini (CIRCABC)” 25 . Dawn is-sejbiet jittieħdu f’kunsiderazzjoni meta jiġi ppjanat it-titjib fil-kwalità u jiġu introdotti moduli ġodda għall-kontijiet ekonomiċi ambjentali.

(b)Il-produzzjoni ta’ estimi bikrija biex jitnaqqas il-ħin tad-dewmien fid-disponibbiltà tad-data. Il-kontijiet ambjentali oriġinarjament tqiesu bħala data strutturali pjuttost dettaljata, li ssir disponibbli wara dewmien twil. Il-Kummissjoni (il-Eurostat) u l-Istati Membri qed jivvalutaw jekk il-kontijiet ambjentali jistgħux jiġu kkompilati u sottomessi aktar kmieni u qed jeżaminaw ukoll modi ta’ kif jiġu prodotti estimi bikrija għal uħud mill-indikaturi ewlenin. Dawn l-estimi bikrija jista’ jkollhom marġni ta’ żball ogħla u jistgħu jkunu inqas dettaljati mid-data meħtieġa skont ir-Regolament, iżda jidhru li joffru informazzjoni bikrija siewja lill-utenti. L-estimi bikrija jippermettu li l-istatistika tiġi prodotta diversi xhur qabel, mingħajr ma jiżdied il-piż fuq l-Istati Membri. Sar progress konsiderevoli biex ikun hemm aktar estimi bikrija u biex dawn ikunu aħjar. B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni (il-Eurostat) issa qed tipproduċi u tippubblika estimi bikrija tal-kontijiet tal-fluss ta’ materjal mifrux mal-ekonomija kollha (l-Anness III tar-Regolament) 6 xhur wara t-tmiem tas-sena ta’ referenza, li huwa 18-il xahar aktar kmieni mill-iskadenza speċifikata fir-Regolament. Bl-istess mod, il-Kummissjoni (il-Eurostat) tikkompila l-estimi għall-kontijiet tal-emissjonijiet fl-arja (l-Anness I) 12-il xahar wara t-tmiem tal-perjodu ta’ referenza, li huwa sena aktar kmieni minn dak meħtieġ fir-Regolament. Bħalissa għaddejja wkoll ħidma biex id-data miġbura fuq it-taxxi ambjentali (l-Anness II) tiġi armonizzata mad-data dwar il-listi ta’ taxxi nazzjonali kkompilata skont il-programm ta’ trażmissjoni ESA2010 tal-Kontijiet Nazzjonali 26 . Il-Kummissjoni (il-Eurostat) qed tesplora l-fattibbiltà u l-kwalità tal-estimi bikrija għall-moduli l-oħrajn.

(c)Il-pubblikazzjoni ta’ manwali u l-għoti ta’ gwida metodoloġika. Dan il-materjal ta’ referenza jiffaċilita l-produzzjoni ta’ statistika u jgħin lill-istatistiċi kemm fl-UE kif ukoll barra minnha. Sa mill-aħħar rapport ta’ implimentazzjoni fl-2016, il-Kummissjoni (il-Eurostat) ippubblikat il-manwali u l-linji gwida li ġejjin: i) il-Manwal dwar is-settur tal-prodotti u s-servizzi ambjentali (Handbook on environmental goods and services sector) 27 (2016); ii) il-Gwida Prattika dwar is-settur tal-prodotti u s-servizzi ambjentali (Practical guide on environmental goods and services sector) 28 (2016); iii) il-Manwal dwar il-kontijiet tan-nefqa fuq il-ħarsien tal-ambjent (Handbook on environmental protection expenditure accounts) 29 (2017); u iv) il-Manwal dwar il-kontijiet tal-fluss ta’ materjal mifrux mal-ekonomija kollha (Handbook on economy-wide material flow accounts) 30 (2018).

(d)L-iffissar ta’ standards għat-trażmissjonijiet ta’ data u rapporti ta’ kwalità. Sabiex ikun hemm effiċjenza u robustezza aħjar, intlaħaq qbil dwar l-istandards għat-trażmissjoni tad-data bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni (il-Eurostat). Min-naħa tagħhom, dawn huma allinjati ma’ standards globali min-NU, mill-OECD u mill-Kummissjoni (il-Eurostat), li jippermettu li jinħolqu bażijiet ta’ data globali ta’ informazzjoni ambjentali. Ir-rapporti ta’ kwalità bbażati fuq Microsoft Word u Excel qegħdin ukoll jitwaqqfu gradwalment favur rapporti indipendenti minn softwer proprjetarju.

(e)Iż-żamma tal-klassifikazzjonijiet. Il-Kummissjoni (il-Eurostat) u l-Istati Membri jżommu u jtejbu żewġ klassifikazzjonijiet użati għall-Annessi IV u V: il-Klassifikazzjoni tal-Attivitajiet tal-Ħarsien tal-Ambjent u l-Klassifikazzjoni tal-Atstivitajiet tal-Ġestjoni tar-Riżorsi. Dawn il-klassifikazzjonijiet jintużaw ukoll barra mill-Ewropa.

(f)Il-forniment ta’ għodod għall-kompilazzjoni. Il-Kummissjoni (il-Eurostat) toħloq għodod għall-kompilazzjoni tal-kontijiet disponibbli għall-Istati Membri u għal pajjiżi oħrajn. Pereżempju, hija tipprovdi għodda tal-IT, imsejħa PEFA-Builder, li tikkompila l-kontijiet tal-fluss tal-enerġija fiżika (l-Anness VI tar-Regolament) abbażi tal-istatistika dwar l-enerġija. Il-Kummissjoni (il-Eurostat) iżżomm ukoll listi (klassifikazzjonijiet) aġġornati tal-prodotti u l-attivitajiet meħtieġa għall-kompilazzjoni tal-kontijiet. Il-Kummissjoni (il-Eurostat) tipprovdi għodod għall-kalkolu tal-impronti, li jkejlu l-impatt globali tal-atturi ekonomiċi (negozji, familji, gvern) fl-ambjent meta jużaw riżorsi naturali. L-impronti jinkisbu mill-kombinazzjoni tal-kontijiet ekonomiċi ambjentali ma’ statistika oħra bħal tabelli input-output.

(g)L-iffaċilitar ta’ korsijiet ta’ taħriġ skont il-programm Ewropew ta’ taħriġ fl-istatistika. Il-Kummissjoni torganizza madwar ħames korsijiet fis-sena dwar il-kontijiet ekonomiċi ambjentali. Il-materjal użat fil-korsijiet preċedenti huwa ppubblikat fuq is-sit ta’ CIRCABC 31 .

(h)Il-promozzjoni tal-iskambju ta’ esperjenza bejn il-pajjiżi. Il-Kummissjoni (il-Eurostat) torganizza żewġ gruppi ta’ ħidma 32 li jiltaqgħu kull sena biex jaqsmu l-esperjenzi, jidentifikaw l-aqwa prassi u jikkoordinaw it-titjib. Jeżistu wkoll task forces li jistudjaw kwistjonijiet metodoloġiċi speċifiċi u jipproponu rakkomandazzjonijiet. Il-Kummissjoni (il-Eurostat) tipparteċipa fl-inizjattivi internazzjonali organizzati mill-OECD, mill-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti u min-NU.

(5)Konklużjonijiet

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jkomplu jtejbu l-kontijiet ambjentali Ewropej skont ir-Regolament (UE) Nru 691/2011, b’mod partikolari permezz ta’:

·it-tisħiħ tal-kwalità u l-effettività tad-data;

·komunikazzjoni aħjar;

·l-iżvilupp ta’ indikaturi ulterjuri biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-utenti; u

·il-valutazzjoni tal-ħtieġa li l-kontijiet ambjentali Ewropej jiġu aġġustati għal prijoritajiet u oqsma ġodda. 

(1)    http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:02011R0691-20140616
(2)    https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1478531808092&uri=CELEX:52016DC0663
(3)    http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/ALL/?uri=CELEX:52013DC0864
(4)      https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/european-green-deal-communication_en.pdf
(5)    http://unstats.un.org/unsd/envaccounting/seea.asp
(6)

   Huwa jkopri n-Norveġja u l-Iżlanda. Il-Liechtenstein għandu deroga sħiħa. Il-Ftehim Statistiku bilaterali tal-Iżvizzera mal-Unjoni Ewropea jinkludi r-Regolament minn Diċembru 2019

(7)

   Ir-Regolament (UE) Nru 538/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 691/2011 dwar il-kontijiet ambjentali Ewropej

(8)    https://www.eca.europa.eu/mt/Pages/DocItem.aspx?did=51214
(9)    http://ec.europa.eu/environment/action-programme/
(10)    https://ec.europa.eu/eurostat/web/products-statistical-books/-/KS-01-18-656. Eżempji ta’ indikaturi bbażati fuq il-kontijiet ambjentali huma: “produttività tar-riżorsi”, “rata tal-użu ta’ materjal ċirkolari” u “ishma ta’ taxxi ambjentali fid-dħul totali mit-taxxa”.
(11)     https://ec.europa.eu/eurostat/web/circular-economy/indicators/monitoring-framework . Eżempju wieħed ta’ indikatur ibbażat fuq il-kontijiet ambjentali huwa “rata tal-użu ta’ materjal ċirkolari”.
(12)    https://ec.europa.eu/environment/integration/green_semester/index_en.htm
(13)    Għat-tliet moduli l-ġodda, Spanja, Franza, l-Italja u Ċipru bbenifikaw minn derogi skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/335 tas-7 ta’ Marzu 2016 li tagħti derogi mir-Regolament (UE) Nru 691/2011 dwar il-kontijiet ekonomiċi ambjentali Ewropej fir-rigward ta’ Spanja, Franza, l-Italja u Ċipru (https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:32016D0335&from=MT). Barra minn hekk, it-taqsima 5.1 tal-Anness IV tar-Regolament (UE) 691/2011 tagħti deroga għal dawk il-kodiċijiet tan-NACE, li l-Istati Membri mhumiex obbligati li jiġbru skont ir-Regolament (KE) 295/2008 dwar statistika strutturali kummerċjali.L-Iżlanda għandha deroga temporanja biex tirrapporta d-data fl-Annessi IV sa VI sal-2019, kif speċifikat fid-Deċiżjoni tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA tal-20 ta’ Ottubru 2015. Il-Liechtenstein għandu deroga sħiħa minn 691/2011, kif speċifikat fid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 98/2012 tat-30 ta’ April 2012 li temenda l-Anness XXI (Statistika) għall-Ftehim taż-ŻEE (https://www.efta.int/sites/default/files/documents/legal-texts/eea/other-legal-documents/adopted-joint-committee-decisions/2012%20-%20English/098-2012.pdf)
(14)    https://ec.europa.eu/eurostat/web/environment/data/database
(15)    http://ec.europa.eu/eurostat/web/environment/overview
(16)      https://ec.europa.eu/eurostat/web/products-manuals-and-guidelines/-/KS-GQ-18-006
(17)    http://unstats.un.org/unsd/statcom/doc13/BG-SEEA-Implementation.pdf
(18)    https://ec.europa.eu/eurostat/documents/1798247/6191525/European+Strategy+for+Environmental+Accounts/
(19)    Tlieta mill-oqsma ġodda elenkati fl-Artikolu 10 eventwalment saru l-Annessi IV sa VI tar-Regolament u, għalhekk, mhumiex kandidati għal oqsma futuri.
(20)    Sistema integrata tal-Kapital Naturali u tal-Kontabbiltà tas-servizzi tal-ekosistema, ara d-deskrizzjoni tal-proġett (http://ec.europa.eu/environment/nature/capital_accounting/pdf/KIP-INCA-ScopingPaper.pdf ) u r-rapport finali għall-ewwel fażi (http://ec.europa.eu/environment/nature/capital_accounting/pdf/KIP_INCA_final_report_phase-1.pdf).
(21) https://seea.un.org/sites/seea.un.org/files/technical_recommendations_in_support_of_the_seea_eea_final_white_cover.pdf
(22)    https://seea.un.org/content/seea-experimental-ecosystem-accounting-revision
(23)       https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1578392227719&uri=CELEX%3A52019DC0650
(24)      https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/2020-european-semester-annual-sustainable-growth-strategy_en.pdf
(25)    https://circabc.europa.eu/ui/group/b01d2930-990e-44fb-9121-a9a6b00a1283/library/bfd9a826-38e7-4a02-b7d6-89064f903e51?p=1&n=10&sort=modified_DESC
(26)    http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/ALL/?uri=CELEX:32013R0549
(27)    https://ec.europa.eu/eurostat/web/products-manuals-and-guidelines/-/KS-GQ-16-008
(28)    https://ec.europa.eu/eurostat/web/products-manuals-and-guidelines/-/KS-GQ-16-011
(29)    https://ec.europa.eu/eurostat/web/products-manuals-and-guidelines/-/KS-GQ-17-004
(30)    https://ec.europa.eu/eurostat/web/products-manuals-and-guidelines/-/KS-GQ-18-006
(31)    https://circabc.europa.eu/w/browse/6ade1ca8-6a06-44bd-bff0-498217d0ec05
(32)      Il-kontijiet ambjentali tal-grupp ta’ ħidma u l-istatistika u l-kontijiet ambjentali monetarji tal-grupp ta’ ħidma